Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0215/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0215/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu

11.3.2015 - (2015/2573(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ALDE (B8‑0215/2015)
Verts/ALE (B8‑0216/2015)
ECR (B8‑0221/2015)
S&D (B8‑0222/2015)
EFDD (B8‑0223/2015)
PPE (B8‑0225/2015)

Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Elmar Brok, Andrej Plenković, Tunne Kelam, Michèle Alliot-Marie, Mariya Gabriel, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Dubravka Šuica, Fernando Ruas, Davor Ivo Stier, József Nagy, Andrey Kovatchev, Claude Rolin, Emil Radev, Ivana Maletić f'isem il-Grupp PPE
Arne Lietz, Afzal Khan, Victor Boștinaru, Elena Valenciano, Nikos Androulakis, Neena Gill, Pier Antonio Panzeri, Richard Howitt, Vincent Peillon, Tonino Picula, Javi López, Marlene Mizzi, Zigmantas Balčytis, Tanja Fajon, Juan Fernando López Aguilar, Nicola Caputo, Knut Fleckenstein, Brando Benifei, Andi Cristea, Miroslav Poche, David Martin, Miriam Dalli, Doru-Claudian Frunzulică, Goffredo Maria Bettini, Demetris Papadakis, Liisa Jaakonsaari, Soraya Post, Birgit Sippel f'isem il-Grupp S&D
Branislav Škripek, Charles Tannock, Beatrix von Storch, Geoffrey Van Orden, Marcus Pretzell, Hans-Olaf Henkel, David Campbell Bannerman f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Jozo Radoš, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Antanas Guoga, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Fernando Maura Barandiarán, Louis Michel, Urmas Paet, Pavel Telička, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE
Alyn Smith f'isem il-Grupp Verts/ALE
Valentinas Mazuronis, Rolandas Paksas, Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Laura Ferrara f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2015/2573(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0215/2015
Testi mressqa :
RC-B8-0215/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab u l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu

(2015/2573(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fl-24 ta' Settembru 2014 dwar theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkaważat minn atti terroristiċi (Riżoluzzjoni 2178 (2014)),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Riga li segwiet il-laqgħa informali tal-Ministri għall-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni f'Riga tad-29 u t-30 ta' Jannar 2015,

–   wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-uffiċċju ta' kollegament bejn l-UE u l-Lega tal-Istati Għarab f'Malta, immirati lejn il-faċilitazzjoni tad-djalogu bejn il-Kummissjoni u l-Lega Għarbija,

–   wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni adotatta fit-Tielet Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea u tal-Lega tal-Istati Għarab tal-10 u l-11 ta' Ġunju 2014,

–   wara li kkunsidra l-iffirmar ta' memorandum ta' qbil, fid-19 ta' Jannar 2015, bejn Federica Mogherini, il-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), u Nabil El Araby, is-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, li jirrappreżentaw l-Unjoni Ewropea u l-Lega tal-Istati Għarab rispettivament,

–   wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Sigurtà Interna għall-UE, kif adottata mill-Kunsill fil-25 ta' Frar 2010,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Frar 2015,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-11 ta' Frar 2015 dwar miżuri kontra t-terroriżmu[1],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2015 dwar is-sitwazzjoni fl-Eġittu[2],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li jikkonċernaw pajjiżi tal-Lega tal-Istati Għarab (LAS),

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ Federica Mogherini tad-19 ta' Jannar 2015,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti jikkostitwixxu theddidiet serji għas-sigurtà u l-libertajiet fil-livell globali, u billi r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali tal-politiki kontra t-terroriżmu li jirnexxu;

B.  billi t-terroriżmu jikkostitwixxi theddida globali li jeħtieġ li tiġi indirizzata bi sforz koordinat mill-gvernijiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali; jenfasizza li alleanza globali biss tista' tindirizza din it-theddida b'mod effikaċi, f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali, il-valuri fundamentali u l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

C. billi fid-19 ta' Jannar 2015 il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u s-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab (LAS), Nabil El Araby, iffirmaw Memorandum ta' Qbil (MtQ) bejn is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-LAS;

D. billi l-kontenut tal-Memorandum ta' Qbil tal-2015 bejn is-Servizz Ewropew għall-azzjoni esterna u s-Segretarjat Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab mhuwiex disponibbli għall-pubbliku;

E.  billi l-UE u l-LAS għandhom interess komuni f'soluzzjonijiet fit-tul bil-għan li jiżguraw il-paċi u l-istabbiltà reġjonali; billi l-memorandum ta' qbil huwa maħsub biex jappoġġa u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Membri tal-LAS sabiex isaħħu l-istrutturi ta' ħidma, jikkondividu l-esperjenzi u jtejbu d-djalogu tagħhom b'tali mod li jirnexxielhom jiksbu miri u objettivi komuni f'oqsma fejn għandhom interessi reċiproċi;

F.  billi l-fenomenu tal-ġellieda mill-Ewropa li jivvjaġġaw lejn postijiet differenti biex jiġġieldu l-ġiħad, u t-theddida għas-sigurtà li dawn jistgħu joħolqu fl-UE meta jerġgħu lura, x'aktarx li jkompli fis-snin li ġejjin; billi eluf ta' ċittadini tal-UE ġew irrapportati li ħallew darhom biex isiru ġellieda barranin malli faqqgħu l-gwerra u l-vjolenza fis-Sirja, l-Iraq u l-Libja, u qed joħolqu sfida addizzjonali għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE; billi l-atti terroristiċi reċenti f'Pariġi u Kopenħagen twettqu minn ċittadini tal-Istati Membri tal-UE;

G. billi t-tixrid tal-propaganda terrorista qed tkun iffaċilitata mill-użu tal-internet u tal-midja soċjali; billi t-terroriżmu ċibernetiku jippermetti li gruppi terroristiċi jistabbilixxu u jżommu rabtiet mingħajr l-ostaklu fiżiku tal-fruntieri, u b'hekk inaqqas il-ħtieġa għal bażijiet jew santwarji fil-pajjiżi;

H. billi jseħħu vjolazzjonijiet serji u sistematiċi tad-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi membri tal-Lega tal-Istati Għarab;

I.   billi organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li l-UE tqis li qed jeżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali universali tagħhom jingħataw it-tikketta ta' organizzazzjonijiet terroristiċi minn gvernijiet ta' membri tal-LAS; billi l-ġlieda kontra t-terroriżmu u s-sigurtà nazzjonali qed jiġu invokati dejjem aktar sabiex jiġu leġittimizzati ripressjonijiet fuq figuri tal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u l-ġurnalisti;

J.   billi l-politiki esterni tal-UE għandhom jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-theddida terroristika, li qed tikber f'ċerti partijiet tal-viċinat tagħha; billi l-istrateġiji ta' prevenzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom ikunu bbażati fuq approċċ plurali li jimmira direttament li jiġġieled it-tħejjija ta' attakki fuq it-territorju tal-Unjoni, iżda wkoll jintegra l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tat-terroriżmu;

K. billi l-UE tikkundanna l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt u l-applikazzjoni ta' kastigi krudili u inumani fid-dinja kollha, anki għal min jinsab ħati li wettaq atti terroristiċi;

1.  Jesprimi d-dispjaċir profond tiegħu fir-rigward tal-livell ta' tbatija umana u telf tal-ħajja minħabba attakki terroristiċi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi innoċenti kollha;

2.  Jissottolinja l-fatt li t-terroriżmu joħloq theddida diretta għall-pajjiżi kollha u għall-persuni kollha irrispettivament mill-ambjent etniku, ir-reliġjon jew it-twemmin tagħhom;

3.  Jitlob li l-MtQ jiġi ppubblikat sabiex il-kontenut tiegħu jkun jista' jiġi soġġett għal sorveljanza demokratika u ġudizzjarja;

4.  Jistieden lill-Kunsill jaħdem fuq definizzjoni armonizzata u mhux ambigwa tat-terroriżmu mal-istati membri kollha tal-LAS;

5.  Jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni fi kwistjonijiet ta' għajnuna umanitarja permezz tal-iskambju ta' informazzjoni dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi; jissottolinja l-importanza li jiġu kondiviżi, kif xieraq, il-valutazzjonijiet u l-prattiki tajbin, kif ukoll li ssir kooperazzjoni fl-identifikazzjoni ta' passi prattiċi li jgħinu biex jiġu indirizzati t-theddidiet, fosthom permezz ta' ġlieda aktar effikaċi kontra r-radikalizzazzjoni, ir-reklutaġġ u l-ivvjaġġar tat-terroristi u l-ġellieda barranin, kif ukoll il-ġestjoni tal-kwistjoni tal-ġellieda li qed jirritornaw fil-post ta' tluq tagħhom;

6.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, huwa kruċjali li ma jiġux indirizzati biss il-konsegwenzi iżda wkoll il-fatturi sottostanti tar-radikalizzazzjoni, u jissottolinja l-ħtieġa ta' approċċ transsettorjali komprensiv li jiggarantixxi l-involviment tal-politiki kollha kkonċernati, inkluża l-importanza tal-promozzjoni ta' kultura ta' inklużjoni u tolleranza, pereżempju permezz ta' politiki edukattivi, soċjali u reġjonali;

7.  Jinnota li l-estremiżmu ġiħadist huwa wieħed mill-kawżi prinċipali tat-theddida terroristika attwali fl-UE u fl-Istati Għarab; jappoġġa l-fehma li politika maħsuba għad-deradikalizzazzjoni u għal-ġlieda kontra t-terroriżmu ma tistax tkun effikaċi sakemm ma tiġix żviluppata b'kooperazzjoni mill-qrib mal-pajjiżi ta' oriġini;

8.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn il-libertà u s-sigurtà bħala risposta għat-theddidiet terroristiċi u li jiġu kkunsidrati l-miżuri kollha li għandhom jittieħdu mill-perspettiva tal-kompatibbiltà ta' dawn il-miżuri mal-istat tad-dritt u r-rekwiżiti tad-drittijiet fundamentali;

9.  Jilqa', b'mod ġenerali, il-kooperazzjoni u s-sħubija bejn l-UE u l-pajjiżi terzi biex jiġġieldu t-terroriżmu; jilqa' l-istabbiliment ta' Djaloġu Strateġiku bejn l-UE u l-LAS, inklużi skambji dwar kwistjonijiet politiċi u ta' sigurtà, l-iskambju ta' laqgħat regolari tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà tal-UE u r-Rappreżentanti Permanenti Għarab, u jfaħħar il-progress li sar fil-qasam tat-twissija bikrija u r-reazzjoni għall-kriżijiet, b'mod partikolari l-implimentazzjoni sħiħa tal-Proġett ta' Twissija Bikrija u Reazzjoni għall-Kriżijiet;

10. Ifakkar, madankollu, li qatt ma jista' jsir abbuż mill-miżuri għall-ġlieda kontra t-terroriżmu bil-għan li jiġi ripress id-dissens leġittimu, jew biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem universali tal-popli; jistieden lill-UE tinkorpora salvagwardji ċari fil-kooperazzjoni tagħha ma' pajjiżi terzi, bil-għan li tiżgura li ma tappoġġax jew ma tilleġittimax direttament jew indirettament ir-repressjoni ta' individwi u organizzazzjonijiet leġittimi f'isem il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

11. Jenfasizza li l-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-UE u l-LAS qablu wkoll li jkomplu jaħdmu fuq l-implimentazzjoni komprensiva tal-Istrateġija Globali tan-NU Kontra t-Terroriżmu; jappoġġa l-fatt li huma laqgħu l-istabbiliment taċ-Ċentru Kontra t-Terroriżmu tan-NU bl-inizjattiva tal-Kustodju taż-żewġ Moskej Imqaddsa u talbu li jingħata appoġġ lil dan iċ-ċentru, u li laqgħu ż-żamma tal-ewwel Konferenza internazzjonali dwar il-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, f'Bagdad f'Marzu 2014, bħala opportunità biex jiġu diskussi u mfittxija mezzi u modi xierqa għall-promozzjoni tal-kooperazzjoni internazzjonali u l-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell reġjonali;

12. Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-LAS fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jenfasizza s-sinifikat tat-tkomplija tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u taż-żamma tad-drittijiet tal-bniedem kollha għal kulħadd, inklużi d-dritt għal żvilupp ekonomiku u soċjali, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon jew it-twemmin, mentri jiġu promossi wkoll il-valuri tat-tolleranza u l-koeżistenza bejn reliġjonijiet differenti u jiġu rifjutati l-esklużjoni, l-estremiżmu, l-inċitament u d-disseminazzjoni tal-mibegħda u l-vjolenza;

13. Jistieden lill-UE biex, flimkien mal-Lega tal-Istati Għarab, tiżviluppa mekkaniżmu ddedikat bil-għan li jitrażżan il-fenomenu tat-traffikar tal-armi, b'mod partikolari billi jinżammu fil-mira l-pajjiżi fejn joriġina t-terroriżmu jew fejn jingħata t-taħriġ lit-terroristi; jistieden lill-UE tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-esportazzjonijiet tal-armi, b'mod partikolari tat-teknoloġija b'użu doppju li taf tiġi strumentalizzata mit-terroristi; jemmen li huwa essenzjali li l-finanzjament tat-terroriżmu jiġi miġġieled b'koordinazzjoni mal-atturi rilevanti, inkluża l-LAS u l-membri tagħha;

14. Jemmen li l-UE jeħtiġilha tikkunsidra mill-ġdid id-dgħufija prevalenti li kkaratterizzat il-kooperazzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni li minnhom għaddew il-ġellieda barranin u r-riżorsi għas-sostenn tagħhom, fosthom stati membri tal-LAS;

15. Jisħaq fuq il-fatt li strateġija komprensiva tal-UE dwar miżuri kontra t-terroriżmu, ibbażata fuq approċċ li jiġbor flimkien għodod diplomatiċi u soċjoekonomiċi, għodod għall-iżvilupp, il-prevenzjoni tal-kunflitt u l-bini tal-paċi u għodod għall-ġestjoni tal-kriżijiet, trid tagħmel użu sħiħ mill-politiki barranin u ta' żvilupp tagħha, sabiex tiġġieled il-faqar, id-diskriminazzjoni u l-marġinalizzazzjoni, tiġġieled il-korruzzjoni u tippromwovi l-governanza t-tajba u tipprevjeni u ssolvi l-kunflitti, fatturi li kollha jikkontribwixxu għall-marġinalizzazzjoni ta' ċerti gruppi u setturi tas-soċjetà u b'hekk jagħmluhom aktar vulnerabbli għall-propaganda ta' gruppi estremisti;

16. Ifakkar li l-komunità internazzjonali impenjat ruħha fir-rigward tal-adozzjoni ta' miżuri li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd u l-istat tad-dritt bħala l-bażi fundamentali tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, permezz tal-adozzjoni, min-naħa tal-Assemblea Ġenerali, tal-Istrateġija Globali tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra t-Terroriżmu fir-Riżoluzzjoni tagħha 60/288;

17. Ifakkar lill-Istati Membri u lill-aġenziji tal-UE, inklużi l-Europol u l-Eurojust, fl-obbligi tagħhom skont il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll fl-objettivi tal-politika esterna tal-UE;

18. Itenni l-pożizzjoni tiegħu li d-drittijiet tal-minoranzi reliġjużi huma marbuta b'mod indissolubbli mar-rispett għal libertajiet u drittijiet tal-bniedem fundamentali oħrajn, bħad-dritt għal-libertà, is-sigurtà, l-opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa u l-libertà tal-espressjoni, u jistieden lil-LAS, lis-SEAE u lill-istati membri taż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex jipproteġu l-minoranzi reliġjużi fid-dinja Għarbija u jimplimentaw b'mod sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab.