Proċedura : 2015/2599(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0240/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0240/2015

Dibattiti :

PV 12/03/2015 - 6.1
CRE 12/03/2015 - 6.1

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2015 - 8.1

Testi adottati :

P8_TA(2015)0071

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 416kWORD 100k
11.3.2015
PE552.219v01-00}
PE552.232v01-00}
PE552.233v01-00}
PE552.235v01-00}
PE552.238v01-00}
PE552.243v01-00} RC1
 
B8-0240/2015}
B8-0253/2015}
B8-0254/2015}
B8-0256/2015}
B8-0259/2015}
B8-0264/2015} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8‑0240/2015)

ALDE (B8‑0253/2015)

ECR (B8‑0254/2015)

EFDD (B8‑0256/2015)

PPE (B8‑0259/2015)

S&D (B8‑0264/2015)


dwar l-attakki u ħtif reċenti mid-Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani (2015/2599(RSP))


Cristian Dan Preda, Lars Adaktusson, György Hölvényi, Elmar Brok, Ramona Nicole Mănescu, Jiří Pospíšil, Giovanni La Via, Eduard Kukan, Bogdan Brunon Wenta, Csaba Sógor, Esther de Lange, Tomáš Zdechovský, Lara Comi, Jaromír Štětina, Pavel Svoboda, József Nagy, Tunne Kelam, Joachim Zeller, Andrey Kovatchev, David McAllister, Andrej Plenković, Ivana Maletić, Therese Comodini Cachia, Francesc Gambús, Pascal Arimont, Claude Rolin, Davor Ivo Stier, Jeroen Lenaers, Kinga Gál, Monica Macovei, Marijana Petir f'isem il-Grupp PPE
Victor Boștinaru, Richard Howitt, Josef Weidenholzer, Ana Gomes, Nicola Caputo, Demetris Papadakis, Nikos Androulakis, Alessia Maria Mosca, Liisa Jaakonsaari, Tonino Picula, Neena Gill, David Martin, Kashetu Kyenge, Elena Valenciano, Michela Giuffrida, Viorica Dăncilă, Victor Negrescu, Andi Cristea, Vilija Blinkevičiūtė, Luigi Morgano, Miroslav Poche, Enrico Gasbarra, Marlene Mizzi, Claudia Tapardel, Zigmantas Balčytis, Momchil Nekov, Hugues Bayet, Linda McAvan, Eider Gardiazabal Rubial, Afzal Khan, Jude Kirton-Darling, Juan Fernando López Aguilar, Soraya Post, Pier Antonio Panzeri, Brando Benifei, Javi López, Laurențiu Rebega, Eric Andrieu f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Valdemar Tomaševski, Zdzisław Krasnodębski, Arne Gericke, Peter van Dalen, Beatrix von Storch, Branislav Škripek, Jana Žitňanská, Bas Belder, Angel Dzhambazki, Anna Elżbieta Fotyga, Marek Jurek, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, David Campbell Bannerman f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Ivo Vajgl, Ramon Tremosa i Balcells, Ilhan Kyuchyuk, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Urmas Paet, Juan Carlos Girauta Vidal, Hilde Vautmans, Dita Charanzová, Beatriz Becerra Basterrechea, Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Ivan Jakovčić, Louis Michel, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Pavel Telička, Antanas Guoga, Fredrick Federley, Fernando Maura Barandiarán, José Inácio Faria, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE
Bodil Ceballos, Alyn Smith, Ernest Urtasun, Michèle Rivasi, Michel Reimon, Barbara Lochbihler, Davor Škrlec, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-attakki u ħtif reċenti mid-Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani (2015/2599(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (ECHR) tal-1950,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni li jappartjenu għal minoranzi nazzjonali, etniċi, reliġjużi jew lingwistiċi tal-1992,

–   wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali tan-NU għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha kontra l-Għejbien Furzat tal-2006,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Iraq, is-Sirja, il-Libja u l-Eġittu, b'mod partikolari dik tal-10 ta' Ottubru 2013 dwar każijiet reċenti ta' vjolenza u persekuzzjoni kontra l-Insara, partikolarment f'Maaloula (Sirja) u Peshawar (Pakistan) u l-każ tal-Pastor Saeed Abedini (Iran)(1), dik tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja u l-offensiva IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(2), u dik tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS(3),

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar vjolenza u persekuzzjoni kontra l-Insara u komunitajiet oħra fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dik tas-16 ta' Frar 2015 dwar id-dekapitazzjoni ta' 21 Nisrani Kopt Eġizzjan fil-Libja,

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tal-VP/RGħ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar elementi ta' strateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll it-theddida minn Da'esh,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Frar 2015 li tikkundanna l-ħtif ta' aktar minn 100 Assirjan mill-ISIL,

–   wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti tan-NU dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, intitolat 'Rule of Terror: Living under ISIS in Syria' (Ħakma tat-Terrur: il-ħajja taħt l-ISIS fis-Sirja), tal-14 ta' Novembru 2014,

–   wara li kkunsidra r-rapporti annwali u rapporti interim tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-promozzjoni tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet ċivili huma prinċipji u għanijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea u jikkostitwixxu bażi komuni għar-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi;

B.  billi, skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, b'mod partikolari, l-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, kulħadd għandu d-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon; billi dan id-dritt jinkludi l-libertà li wieħed jidbel ir-reliġjon jew it-twemmin, individwalmet jew f'komunità ma' oħrajn u li, fil-pubbliku jew fil-privat, jimmanifesta r-reliġjon jew it-twemmin tiegħu bil-kult, l-osservanza, il-prattika u t-tagħlim; billi, skont il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin tkopri kull twemmin, inkluż it-twemmin teistiku, nonteistiku u ateistiku;

C. billi l-Unjoni Ewropea ripetutement esprimiet l-impenn tagħha favur il-libertà tal-ħsieb, il-libertà tal-kuxjenza u l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, u enfasizzat li l-gvernijiet għandhom dmir jiggarantixxu dawn il-libertajiet madwar id-dinja kollha;

D. billi n-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra rrapurtaw vjolazzjonijiet serji u mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali mwettqa mill-ISIS/Da'esh u minn gruppi assoċjati fis-Sirja u fl-Iraq, b'mod partikolari kontra gruppi etniċi u reliġjużi minoritarji, inkluż permezz ta' qtil immirat, konverżjonijiet furzati, ħtif, bejgħ tan-nisa, tjassir tan-nisa u t-tfal, reklutaġġ tat-tfal għal attakki suwiċida bil-bombi, abbuż sesswali u fiżiku u tortura; billi hemm preokkupazzjonijiet serji dwar il-benessri ta dawk li għadhom maqbuda f'żoni kkontrollati mill-forzi tal-ISIS/Da'esh, minħabba li dawn iż-żoni ma jintlaħqu minn kważi l-ebda assistenza umanitarja internazzjonali;

E.  billi l-grupp ISIS/Da'esh beda kampanja biex jeqred kull traċċa ta' komunitajiet reliġjużi u ta' twemmin għajr dawk li jirrappreżentaw l-interpretazzjoni tagħha stess tal-Iżlam, permezz tal-qtil jew it-tkeċċija ta' dawk li jappartjenu għal dawk il-komunitajiet u l-qerda tal-postijiet sagri, siti storiċi u artefatti tagħhom, inkluż wirt uniku u insostitwibbli rikonoxxut mill-UNESCO bħala Wirt Dinji u deskritt bħala 'tindif' minn din l-organizzazzjoni;

F.  billi fiż-żoni taħt il-kontroll tiegħu, l-ISIS/Da'esh qed jagħmel ħsara inaċċettabbli u irreparabbli lil ċiviltajiet millenari; billi, notevolment fl-Iraq u fis-Sirja, iżda wkoll f'partijiet oħra tal-Lvant Nofsani usa', is-sitwazzjoni li qed iħabbtu wiċċhom magħha l-komunitajiet Insara hija tali li tipperikola l-istess eżistenza tagħhom, u billi l-għejbien tagħhom, jekk iseħħ, ikun ifisser li l-pajjiżi kkonċernati jitilfu parti sinifikanti mill-wirt reliġjuż tagħhom;

G. billi l-grupp ISIS/Da' esh għandu fil-mira tiegħu l-Insara, il-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Xi'iti, ix-Shabak, il-Kaka'e, is-Sabej s-Sunniti li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tiegħu tal-Iżlam, kif ukoll minoranzi etniċi u reliġjużi oħrajn, iżda billi wħud minn dawn il-komunitajiet kienu diġà sfaw fil-mira ta' estremisti ferm qabel l-avvanz tal-ISIS/Da'esh; billi l-Insara b'mod partikolari nżammu deliberatament fil-mira, għal ħafna snin, minn diversi gruppi estremisti jew ġiħadisti, b'tali mod li aktar minn 70 % tal-Insara mill-Iraq u aktar minn 700 000 Nisrani Sirjan kellhom jaħarbu minn pajjiżhom;

H. billi fl-Iraq il-250 000 Kaldew/Assirjan/Sirjak jikkostitwixxu grupp etnoreliġjuż distint, u billi huwa stamat li sa 40 000 Assirjan kienu jgħixu fis-Sirja qabel ma fl-2011 faqqgħet il-gwerra ċivili fil-pajjiż;

I.   billi fil-15 ta' Frar 2015 l-ISIS/Da'esh ħareġ vidjo li juri d-dekapitazzjoni ta' 21 Nisrani Kopt Eġizzjan fil-Libja; billi l-Kopti, li kienu ħaddiema migranti minn parti fqira tal-Eġittu, kienu nħatfu f'Sirte, il-Libja;

J.   billi fit-23 ta' Frar 2015 madwar 220 Assirjan inħatfu mill-ISIS/Da'esh ħdejn Tell Tamer fuq ix-xatt tan-Nofsinhar tax-xmara Khabur fil-Grigal tas-Sirja; billi matul l-istess kampanja l-estremisti qerdu wkoll proprjetajiet u postijiet sagri tal-Insara; billi għexieren ta' Assirjani nqatlu matul l-attakk tal-IS; billi huwa rrapurtat li l-IS ħareġ dikjarazzjoni fi Frar 2015, li fiha talab lill-villaġġi Assirjani fil-provinċja Sirjana ta' Hasaka biex iħallsu l-ġiżja – taxxa fuq dawk li mhumiex Musulmani li tmur lura għall-ħakma Iżlamika bikrija u li ġiet abolita fl-1856 fl-Imperu Ottoman kollu kemm hu – jikkonvertu għall-Iżlam jew inkella jinqatlu; billi attakki maġġuri mill-ISIS/Da'esh fuq bliet tal-Insara Assirjani fl-inħawi tax-xmara Khabur ilhom jiġu rappurtati mid-9 ta' Marzu 2015;

K. billi mill-1 ta' Marzu 2015 l-ISIS/Da'esh ħeles bosta tużżani ta' Assirjani, l-aktar tfal żgħar u xjuħ, wara negozjati ma' mexxejja tribali, iżda billi l-biċċa l-kbira tal-Assirjani għadhom miżmuma priġunieri u t-terroristi heddew li joqtluhom jekk il-bumbardament mill-ajru mill-forzi tal-koalizzjoni ma jiqafx;

L.  billi, bħala parti minn politika deliberata ta' tindif kulturali u reliġjuż, l-IS, skont rapporti, qered aktar minn 100 knisja fl-Iraq, u tal-anqas 6 knejjes fis-Sirja, kif ukoll għadd ta' moskej Xi'iti fl-Iraq; billi fi Frar 2015, ġellieda tal-IS deliberatament ippubbliċizzaw il-qerda li wettqu ta' statwi u artefatti oħra fil-Mużew ta' Mosul, wirt minn żmien l-imperi antiki tal-Assirja u ta' Akkad; billi l-IS wara deliberatament ħarbat bil-bulldozers il-belt antika Assirjana ta' Nimrud u, fl-aktar att reċenti, allegatament qered Hatra, Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO; billi saru rapporti li r-reġim Sirjan ibbumbardja bl-artillerija knejjes fi nħawi kkontrollati mill-oppożizzjoni, pereżempju f'Homs fl-2012 u f'Idlib fl-2013;

M. billi l-grupp ISIS/Da'esh għadu jippersegwita, jimmanka u joqtol, kultant b'modi krudili u inimmaġinabbli, membri ta' minoranzi etniċi u reliġjużi, ġurnalisti, priġunieri tal-gwerra, attivisti u oħrajn; billi reati tal-gwerra u vjolazzjonijiet oħra tal-liġi internazzjonali umanitarja u tad-drittijiet tal-bniedem għadhom jitwettqu wkoll, ta' kuljum u fuq skala massiva, minn partijiet oħra fil-kunflitt, inkluż b'mod partikolari mir-reġim ta' Assad;

N. billi wieħed mill-għeruq tal-vjolenza tal-ISIS/Da'esh huwa s-Salafiżmu, b'mod partikolari l-interpretazzjoni Wahhabija tal-Iżlam;

1.  Huwa xxukkjat u mnikket bl-azzjonijiet brutali mill-estremisti tal-ISIS/Da'esh kontra l-Assirjani fis-Sirja u l-Kopti fil-Libja, u jikkundannahom bl-akbar qawwa; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-familji tal-vittmi u mal-komunità Nisranija Assirjana fis-Sirja u dik tal-Insara Kopti fl-Eġittu, kif ukoll ma' kull grupp u individwu ieħor affettwat mill-vjolenza tal-ISIS/Da'esh;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-ISIS/Da'esh u l-abbużi gravissmi tad-drittijiet tal-bniedem li jwettaq u li jammontaw għal delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI), u li jistgħu jissejħu ġenoċidju; huwa mħasseb għall-aħħar dwar il-fatt li l-ISIS/Da'esh għandu fil-mira tiegħu, deliberatament, l-Insara, il-Yazidi, it-Turkmeni, ix-Xi'iti, ix-Shabak, il-Kaka'e, is-Sabej s-Sunniti li ma jaqblux mal-interpretazzjoni tiegħu tal-Iżlam, bħala parti mill-attentati tiegħu biex jeqred kull minoranza reliġjuża miż-żoni li jaħkem; jissottolinja li jeħtieġ li ma jkun hemm l-ebda impunità għal min iwettaq dawn l-atti u li dawk responsabbli għandhom jiġu riferiti lill-QKI; ifakkar, f'dan il-kuntest, il-ħtif mhux solvut tal-Isqfijiet Yohanna Ibrahim u Paul Yazigi minn ribelli armati fil-Provinċja ta' Aleppo, is-Sirja, fit-22 ta' April 2013;

3.  Jikkundanna, barra minn hekk, l-attentati biex l-ISIS/Da'esh jesporta l-ideoloġija u l-vjolenza estremista u totalitarja tiegħu lejn pajjiżi oħra fir-reġjun u lil hinn minnu;

4.  Jappoġġja l-isforzi internazzjonali kontra l-ISIS/Da'esh, inklużi l-azzjonijiet militari tal-koalizzjoni internazzjonali, ikkoordinata mill-Istati Uniti, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE li għadhom ma għamlux dan sabiex iqisu modi kif jistgħu jikkontribwixxu għal dawn l-isforzi, inkluż l-intraċċar u l-interdizzjoni ta' fondi sigrieti tal-ISIS f'pajjiżi oħra;

5.  Jitlob li l-koalizzjoni internazzjonali taħdem aktar biex tipprevjeni l-ħtif ta' minorani, bħall-ħtif ta' mijiet ta' Nsara Assirjani fit-Tramuntana tas-Sirja; jissottolinja li huwa importanti li żona ta' kenn tiġi żgurat għall-Kaldej/Assirjani/Sirjaki u oħrajn f'riskju fil-Pjanuri ta' Nineveh, l-Iraq, żona fejn ħafna minoranzi etniċi u reliġjużi storikament kellhom preżenza qawwija u għexu fil-paċi maġenb xulxin;

6.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu approċċ proattiv u preventiv lejn it-theddida li l-ISIS/Da'esh jespandi f'pajjiżi u reġjuni lil hinn mill-Iraq u s-Sirja; f'dan id-dawl, huwa mħasseb għall-aħħar dwar is-sitwazzjoni fil-Libja, mhux l-anqas minħabba l-qrubija ġeografika tagħha lejn l-UE kif ukoll lejn żoni ta' kunflitt fl-Afrika;

7.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, kif ukoll lis-sħab tan-NATO, biex jindirizzaw il-kwistjoni tar-rwoli ambivalenti ta' ċerti pajjiżi fil-kunflitt, b'mod partikolari fejn dawn ikkontribwew, jew għadhom jikkontribwixxu, b'mod attiv jew passiv, għat-tkabbir tal-ISIS/Da'esh u ta' gruppi estremisti oħra; huwa mħasseb ħafna, f'dan il-kuntest, dwar il-finanzjament tat-tixrid tal-interpretazzjoni Wahhabija tal-Iżlam minn entitajiet pubbliċi u privati ta' pajjiżi mir-reġjun tal-Golf, u jistieden lil dawn il-pajjiżi biex itemmu dan il-finanzjament; barra minn hekk, iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi biex itemmu l-finanzjament ta' organizzazzjonijiet terroristiċi minn ġewwa t-territorji tagħhom; jistieden lit-Turkija biex ikollha rwol pożittiv fil-ġlieda kontra l-ISIS/Da'esh u tippermetti bla dewmien li l-minoranzi Nsara u persuni oħra persegwitati li qed jaħarbu mis-Sirja jaqsmu l-fruntiera għal ġot-Turkija u jfittxu s-sikurezza;

8.  Jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni ma' forzi lokali u reġjonali emerġenti ġodda, bħalma huma l-Gvern Reġjonali Kurd tal-Iraq, il-gruppi Kurdi fi nħawi oħra, bħar-rwol ta' YPG fil-liberazzjoni ta' Kobane, u l-Kunsill Militari Sirjan, kif ukoll entitajiet awtonomi lokali fir-reġjun li wrew aktar impenn favur id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija milli wrew il-mexxejja tal-pajjiżi tagħhom; ifaħħar, b'mod partikolari, il-kuraġġ u d-determinazzjoni tal-forzi Kurdi tal-Peshmerga li għamlu tant biex jipproteġu l-minoranzi fil-periklu;

9.  Huwa imħasseb dwar rapporti li l-minoranzi Nsara m'għandhomx aċċess għall-kampijiet tar-refuġjati fir-reġjun, billi dawn huma perikolużi wisq għalihom; jitlob li l-UE tiżgura li l-assistenza għall-iżvilupp li toffri tkun immirata lejn il-gruppi minoritarji kollha li sfaw spustati minħabba l-kunflitt; iħeġġeġ lill-UE tuża l-esperjenza u n-netwerks stabbiliti tal-knejjes lokali u reġjonali, kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali ta' sokkors għall-knejjes, biex tipprovdi għajnuna finanzjarja u assistenza oħra, bil-għan li tiżgura li l-gruppi minoritarji kollha jkunu jistgħu jgawdu l-protezzjoni u l-appoġġ tal-għajnuna Ewropea;

10. Iqis li huwa imperattiv li l-Kunsill u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jibdew jaħdmu ma' sħab internazzjonali u reġjonali dwar xenarju post-ISIS/Da'esh, fil-qies tal-ħtieġa urġenti għal rikonċiljazzjoni u djalogu kulturali u reliġjuż;

11. Jiddendunzja l-qerda ta' siti u artefatti kulturali mill-ISIS/Da'esh fis-Sirja u fl-Iraq, qerda li tikkostitwixxi attakk kontra l-wirt kulturali tal-abitanti kollha ta' dawn il-pajjiżi u tal-umanità kollha kemm hi;

12. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex jikkooperaw ma' sħab internazzjonali u lokali ħalli jissalvagwardjaw kemm jistgħu mill-wirt Assirjan, u mill-wirt kulturali u reliġjuż ieħor, mit-territorji okkupati mill-ISIS/Da'esh; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Kunsill jieħu azzjoni kontra l-kummerċ illegali f'artefatti tal-qedem li joriġinaw minn dawn it-territorji;

13. Jikkonferma u jappoġja d-dritt inaljenabbli tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha li jgħixu fl-Iraq u fis-Sirja li jibqgħu jgħixu fl-artijiet storiċi u tradizzjonali tagħhom fid-dinjità, l-ugwaljanza u s-sikurezza, u li jipprattikaw fil-libertà r-reliġjon tagħhom; f'dan id-dawl, iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha tan-NU biex jieħdu pożizzjoni pubblika u ċara kontra l-vjolenza, u b'mod partikolari favur id-drittijiet tal-minoranzi; jemmen li, sabiex ikun hemm tmiem għat-tbatija u għall-eżodu tal-massa tal-Insara u ta' popolazzjonijiet indiġeni oħra tar-reġjun, jeħtieġ li l-mexxejja politiċi u reliġjużi fir-reġjun jagħmlu dikjarazzjoni ċara u inekwivoka ta' appoġġ għall-issuktar tal-preżenza tagħhom u għal drittijiethom sħaħ u ugwali bħala ċittadini tal-pajjiżi tagħhom;

14. Jirrifjuta mingħajr riżervi, u jqis bħala illeġitima, id-dikjarazzjoni mit-tmexxija tal-ISIS/Da'esh li waqqfet kalifat fiż-żoni li issa tikkontrolla; jenfasizza li l-ħolqien u l-espansjoni tal-"kalifat Iżlamiku", kif ukoll l-attivitajiet ta' gruppi estremisti oħra fil-Lvant Nofsani, huma theddida diretta għas-sigurtà tar-reġjun, kif ukoll għal dik tal-pajjiżi Ewropej;

15. Jikkonferma l-impenn tiegħu favur il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon jew tat-twemmin bħala dritt fundamentali tal-bniedem garantit minn strumenti legali internazzjonali li l-parti l-kbira tal-pajjiżi fid-dinja impenjaw ruħhom dwarhom, u li huma rikonoxxuti li għandhom valur universali;

16. Jappoġġja l-inizjattivi kollha, inkluż fl-UE, li għandhom l-għan li jippromwovu d-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet; jappella biex l-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda u r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista;

17. Iħeġġeġ lill-UE biex tesplora aktar politiki kontra t-terroriżmu, fi ħdan il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem, għajr dawk diġà fis-seħħ, u biex tkompli taħdem mal-Istati Membri għat-tisħiħ ta' politiki li jiġġieldu r-radikalizzazzjoni fit-territorju tal-UE, it-tixrid ta' diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-vjolenza online; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE, barra minn hekk, biex jaħdmu flimkien mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u mal-Assemblea Ġenerali tan-NU bil-għan li jwaqqfu t-tixrid tal-ideoloġija estremista u ġiħadista madwar id-dinja;

18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Koalizzjoni Nazzjonali Sirjana, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan fl-Iraq, lill-President tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu, lill-Kunsill tad-Deputati f'Tobruk, il-Libja, u lill-Gvern Libjan, lil-Lega tal-Istati Għarab, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

 

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0422.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0027.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0040.

Avviż legali