Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0363/2015Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0363/2015

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx

28.4.2015 - (2015/2589(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8‑0363/2015)
GUE/NGL (B8‑0364/2015)
Verts/ALE (B8‑0365/2015)
EFDD (B8‑0366)
S&D (B8‑0368/2015)
PPE (B8‑0372/2015)
ALDE (B8‑0376/2015)

Fernando Ruas, Tokia Saïfi, Daniel Caspary, Franck Proust, Davor Ivo Stier, Milan Zver, Ivo Belet, Lara Comi, Thomas Mann, Dubravka Šuica, József Nagy, Claude Rolin, Alessandra Mussolini, Barbara Matera, Raffaele Fitto, Giovanni Toti, Elisabetta Gardini, Ivana Maletić, Jiří Pospíšil, Tomáš Zdechovský f'isem il-Grupp PPE
Victor Boștinaru, Jörg Leichtfried, David Martin, Bernd Lange, Linda McAvan, Richard Howitt, Viorica Dăncilă, Agnes Jongerius, Jude Kirton-Darling, Emmanuel Maurel, Marlene Mizzi, Victor Negrescu, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Martina Werner, Elena Valenciano, Afzal Khan, Alessia Maria Mosca, Maria Arena, Eric Andrieu, Pedro Silva Pereira, Norbert Neuser, Josef Weidenholzer, Liisa Jaakonsaari, Arne Lietz, Zigmantas Balčytis, Neena Gill, Momchil Nekov, Michela Giuffrida, Nicola Danti, Sorin Moisă, Enrique Guerrero Salom, Enrico Gasbarra, Tonino Picula, Nicola Caputo f'isem il-Grupp S&D
Sajjad Karim, Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Catherine Bearder, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Marielle de Sarnez, Beatriz Becerra Basterrechea, Frédérique Ries, Louis Michel, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Ivo Vajgl, Gérard Deprez, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Petras Auštrevičius, Robert Rochefort, Hilde Vautmans, José Inácio Faria f'isem il-Grupp ALDE
Anne-Marie Mineur, Helmut Scholz, Stefan Eck, Patrick Le Hyaric, Rina Ronja Kari, Marie-Christine Vergiat, Malin Björk, Paloma López Bermejo, Kostas Chrysogonos, Eleonora Forenza, Sofia Sakorafa, Luke Ming Flanagan f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jean Lambert, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Tiziana Beghin, David Borrelli, Marco Valli f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2015/2589(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0363/2015
Testi mressqa :
RC-B8-0363/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-tieni anniversarju tat-tiġrif tal-bini Rana Plaza u l-progress tal-Patt dwar is-Sostenibbiltà tal-Bangladexx

(2015/2589(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladexx, b'mod partikolari dawk tat-18 ta' Settembru 2014[1], is-16 ta' Jannar 2014[2], il-21 ta' Novembru 2013[3] u l-14 ta' Marzu 2013[4],

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali[5] u dwar ir-responsabilità soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[6],

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Popolari tal-Bangladexx dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp[7],

–   wara li kkunsidra l-Patt dwar is-Sostenibbiltà għal Titjib Kontinwu fid-Drittijiet tax-Xogħol u fis-Sikurezza tal-Fabbriki fl-Industrija tal-Ilbies u tax-Xogħol tal-Malja Lesti fil-Bangladexx,

–   wara d-Dikjarazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Federica Mogherini, il-Kummissarju għall-Kummerċ Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema Marianne Thyssen, u l-Kummissarju għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp Neven Mimica fl-okkażjoni tat-tieni anniversarju tat-traġedja ta' Rana Plaza,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta’ Johannesburg tan-NU dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għall-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku,

–   wara li kkunsidra l-Qafas Promozzjonali tal-ILO għas-Sikurezza u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (2006, C-187) u l-Konvenzjoni dwar is-Sikurezza u s-Saħħa fuq il-post tax-Xogħol (1981, C-155) li għadhom ma ġewx ratifikati mill-Bangladexx, kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet rispettivi tagħhom (R-197),

–   wara li kkunsidra wkoll il-Konvenzjoni dwar l-Ispezzjoni tax-Xogħol (1947, C-081), li l-Bangladexx huwa firmatarju tagħha, u r-rakkomandazzjonijiet tagħha (R-164),

–   wara li kkunsidra l-Programm għal Xogħol Aħjar tal-ILO fil-Bangladexx, imniedi f’Ottubru 2013,

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva” (COM(2011)0681) u r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-ħidma tal-Kummissjoni fir-rigward tad-direzzjoni tal-politika dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) tagħha wara l-2014,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tiegħu dwar “ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: imġiba kummerċjali responsabbli u trasparenti u tkabbir sostenibbli”, u “Ir-Responsabilità Soċjali Korporattiva: promozzjoni tal-interessi tas-soċjetà u rotta lejn l-irkupru sostenibbli u inklużiv’,

–   wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-Kummerċ u d-Drittijiet tal-Bniedem, li jistabbilixxu qafas kemm għall-gvernijiet kif ukoll għall-kumpaniji biex jipproteġu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, kif approvati mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ġunju 2011,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, adottata fis-26 ta' Ġunju 2014, li tistabbilixxi grupp ta’ ħidma intergovernattiv bil-mandat li jiżviluppa strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-ILO dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol,

–   wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol, l-ambjent u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni,

–   wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għal diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista bl-għan li l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta’ Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta’ Riskju Għoli jiġi traspost f'leġiżlazzjoni,

–   wara li kkunsidra l-abbozz ta’ liġi dwar id-diliġenza dovuta ta’ kumpaniji prinċipali u kumpaniji prinċipali ta’ kuntratturi (Nru 2578) adottat fl-ewwel qari mill-Assemblea Nazzjonali Franċiża fit-30 ta’ Marzu 2015,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fl-24 ta' April 2013, Rana Plaza, bini ta' tmien sulari f'Savar, 'il barra minn Daka, fejn kien hemm diversi fabbriki tal-ilbies, iġġarraf u kkawża l-mewt ta' aktar minn 1100 persuna u ħalla madwar 2500 persuna midruba; billi t-tiġrif tal-bini Rana Plaza kienet l-agħar diżastru industrijali li qatt seħħ fil-Bangladexx u l-aktar kollass strutturali aċċidentali li kkawża mwiet fl-istorja moderna;

B.  billi mill-inqas 112-il persuna mietu fin-nirien li ħakmu l-fabbrika ta' Tazreen, fid-distrett ta' Ashulia f'Daka, fil-Bangladexx, nhar l-24 ta' Novembru 2012; billi n-nirien fil-fabbriki, it-tiġrif tal-bini u inċidenti oħra relatati ma' kwistjonijiet ta' saħħa u sikurezza fuq il-post tax-xogħol mhumiex limitati għas-settur tal-ilbies lest fil-Bangladexx biss, iżda huma kwistjonijiet li jqajmu tħassib serju f'pajjiżi li qed jiżviluppaw u f'pajjiżi l-anqas żviluppati oħra b'settur qawwi tal-ilbies lest orjentat lejn l-esportazzjoni, bħall-Pakistan jew il-Kambodja;

C. billi wara li skada l-Arranġament dwar il-Kummerċ Internazzjonali tat-Tessuti (MFA), u minħabba l-livell għoli ta' intensità tax-xogħol fis-settur tal-ilbies lest, pajjiżi li qed jiżviluppaw bħaċ-Ċina, il-Bangladexx, l-Indja u l-Vjetnam saru produtturi globali; billi l-Bangladexx kien sar it-tieni l-akbar esportatur tal-ilbies fid-dinja wara ċ-Ċina, u b'wieħed mill-iktar salarji baxxi tas-settur tal-ilbies, waqt li s-settur tat-tessuti jammonta għal kważi 85 % tal-esportazzjonijiet tal-pajjiż; billi 60 % tal-produzzjoni tal-ħwejjeġ tiegħu tmur lejn l-UE, li huwa s-suq ewlieni għall-esportazzjoni tal-Bangladexx;

D. billi l-industrija tal-ilbies lest fil-Bangladexx timpjega madwar 4 miljun ruħ u b'mod indirett issostni l-għajxien ta' 40 miljun ruħ ­– madwar kwart tal-popolazzjoni tal-Bangladexx; billi l-industrija tal-ilbies lest għenet ħafna biex naqas il-faqar; billi l-Bangladexx għamel progress sinifikanti fit-tnaqqis tad-disparità bejn is-sessi fis-soċjetà, billi laħaq b'suċċess l-Għan ta' Żvilupp tal-Millenju tan-NU fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u billi s-settur tal-ilbies lest għen ħafna, peress li 3.2 miljun persuna mill-4 miljun ħaddiem impjegati fis-settur huma nisa; billi l-impjieg tan-nisa, f'ħafna każijiet, ikkontribwixxa għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tagħhom;

E.  billi r-riorganizzazzjoni tas-settur tal-ilbies lest fuq mudell integrat tal-katina tal-valur fissret li l-ordnijiet jistgħu jkunu żgurati biss permezz ta’ titjib fil-produttività u b'aktar tnaqqis fl-ispejjeż tal-produzzjoni, u dan jagħmel il-forzi tax-xogħol tal-Bangladexx u ta' pajjiżi oħra li qed jiżviluppaw partikolarment vulnerabbli; billi l-Bangladexx u s-Sri Lanka, fejn l-ekonomija hi ferm dipendenti fuq fis-settur tal-ilbies lest, esperjenzaw tnaqqis fil-pagi minkejja żieda qawwija fil-faċilitajiet tal-produzzjoni u fl-impjiegi; billi fil-Bangladexx il-paga minima żdiedet b'mod sostanzjali wara d-diżastru ta' Rana Plaza, iżda xorta waħda ma tistax titqies li hi ta' livell adegwat biex tkopri l-ħtiġijiet bażiċi tal-ħaddiema;

F.  billi, skont diversi rapporti, aktar minn 600 ħaddiem tas-settur tal-ilbies mietu minħabba n-nirien li ħakmu fabbriki fil-Bangladexx bejn l-2006 u l-bidu tal-2013, waqt li, skont rapporti minn organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem, ħadd mis-sidien jew maniġers tal-fabbriki ma tressaq quddiem il-qrati;

G. billi l-bini mġarraf tal-kumpless ta' Rana Plaza kien mibni illegalment, u ma kienx jirrispetta l-istandards tas-sikurezza; billi wara d-diżastru 32 fabbrika ngħalqu b’mod permanenti fil-Bangladexx bħala riżultat ta’ tħassib sinifikanti dwar is-sikurezza, waqt li 26 fabbrika ngħalqu parzjalment; billi għad hemm numru sinifikanti ta’ fabbriki li għad iridu jgħollu l-istandards tagħhom għal livell legali; billi l-ILO qed tappoġġa l-inizjattiva tal-Gvern tal-Bangladexx biex isiru spezzjonijiet tas-sikurezza strutturali, elettrika u ta' kontra n-nirien ta' madwar 1 800 fabbrika tal-ilbies lest, li ħafna minnhom oriġinarjament kienu binjiet kummerċjali jew residenzjali;

H. billi fl-24 ta’ April 2013, il-"Ftehim għal Arranġament Prattiku dwar il-Pagamenti lill-Vittmi tal-Aċċidenti ta' Rana Plaza u l-Familji tagħhom" (il-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi) biex jiġu kkumpensati l-vittmi tad-diżastru u l-familji tagħhom ġie ffirmat mir-rappreżentanti tal-Gvern tal-Bangladexx, manifatturi tal-ilbies lokali u ditti tal-ilbies internazzjonali, trade unions lokali u internazzjonali u NGOs internazzjonali; billi l-ammont stabbilit biex ikopri l-ispejjeż tat-talbiet kollha huwa ta’ USD 30 miljun; billi sat-tieni anniversarju tad-diżastru, l-ammont totali miġbur minn kontribuzzjonijiet korporattivi volontarji kien ta’ madwar USD 27 miljun, li jfisser li 3 miljuni għadhom pendenti;

I.   billi l-kumpens finanzjarju hu appoġġ ekonomiku fundamentali u li mhux se jkun possibbli li jitħallsu l-ispejjeż mediċi ta’ dawk il-vittmi li jeħtieġu kura medika fit-tul jekk il-fond jibqa’ sottofinanzjat; billi l-Parlament Ewropew iddispjaċih li l-arranġament ta’ kumpens volontarju permezz tal-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi ma kienx laħaq il-mira tiegħu, u nnota li mekkaniżmu mandatorju jkunu aktar ta’ benefiċċju għas-superstiti u l-qraba tal-vittmi;

J.   billi b'riżultat tal-avvenimenti traġiċi ta' Rana Plaza, u wara l-protesti pubbliċi u t-talbiet għal azzjoni min-naħa tal-Parlament Ewropew, l-UE b'kollaborazzjoni mal-Gvern tal-Bangladexx u l-ILO, nediet, fit-8 ta' Lulju 2013, il-‘Patt għal Titjib Kontinwu fid-Drittijiet tax-Xogħol u s-Sikurezza fil-Fabbriki tal-Industrija tal-Ilbies u x-Xogħol tal-Malja lesti fil-Bangladexx”, li fih il-Bangladexx impenja ruħu li jieħu azzjoni biex ittejjeb l-istandards tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-ilbies lest tal-pajjiż;

K. billi qabel l-aċċident, il-Bangladexx kellu biss 92 spettur biex jikkontrollaw madwar 5 000 fabbrika tal-ilbies lest u industriji oħra fil-pajjiż; billi l-Gvern tal-Bangladexx kien impenja ruħu li jirrekluta 200 spettur addizzjonali sa tmiem l-2013;

L.  billi l-ewwel rieżami tal-Patt sar f'Ottubru 2014, u ġie konkluż li waqt li sar progress tajjeb, il-Gvern tal-Bangladexx kien għad jonqsu jieħu passi importanti ulterjuri, notevolment rigward it-titjib u l-implimentazzjoni tal-Liġi tax-Xogħol, it-titjib tad-drittijiet tax-xogħol f'Żoni tal-Ipproċessar għall-Esportazzjoni u r-reklutaġġ ta' aktar spetturi tax-xogħol; billi t-tieni rieżami tal-Qbil se jsir fil-ħarifa tal-2015;

M. billi l-Att dwar ix-Xogħol tal-Bangladexx (il-Liġi tax-Xogħol) kienet emendata f'Lulju 2013; billi l-liġi, filwaqt li tinkludi xi riformi pożittivi f'oqsma bħas-saħħa u s-sikurezza fil-post tax-xogħol, xorta għadu 'l bogħod milli jilħaq l-istandards internazzjonali dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv, kif enfasizzat mill-kummenti tal-Kumitat ta’ Esperti tal-ILO dwar il-Konvenzjonijiet 87 u 98, inklużi limitazzjonijiet fuq id-dritt li jeleġġu rappreżentanti f'libertà sħiħa, limitazzjonijiet numerużi fuq id-dritt tal-istrajk u setgħat amministrattivi wiesgħa għall-kanċellazzjoni tar-reġistrazzjoni ta' trade union, u billi l-gvern iddikjara ripetutament li m'għandu l-ebda intenzjoni li jikkunsidra emendi addizzjonali;

N. billi l-Qbil dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini (il-Qbil), ftehim legalment vinkolanti, ġie ffirmat minn 187 impriża tal-ilbies, trade unions globali u lokali, NGOs u gruppi tad-drittijiet tal-ħaddiema fit-13 ta’ Mejju 2013, waqt li l-Alleanza għas-Sikurezza tal-Ħaddiema tal-Bangladexx ġiet stabbilita fid-9 ta’ Lulju 2013 u laqqgħet flimkien 26 impriża li l-parti l-kbira tagħhom huma mill-Amerika ta’ Fuq, iżda mingħajr involviment tat-trade unions; billi fil-preżent 175 impriża tal-moda u tal-bejgħ bl-imnut iffirmaw il-Qbil; billi l-Qbil u l-Alleanza wettqu spezzjonijiet f'1 904 fabbriki orjentati fuq l-esportazzjoni;

O.  billi l-Gvern tal-Bangladexx għadu ma addottax ir-regoli u r-regolamenti ta' implimentazzjoni tal-Liġi tax-Xogħol, minkejja wegħdiet ripetuti li se jagħmel dan, sa mhux aktar tard mis-sajd 2015; billi l-implimentazzjoni tal-Liġi hija kundizzjoni neċessarja għall-eliġibbiltà fil-Programm għal Xogħol Aħjar tal-ILO u għall-funzjonament tal-programm ta' taħriġ fl-ambitu tal-Qbil;

P.  billi fil-Bangladexx 10 % tal-forza tax-xogħol fis-settur tal-ilbies lest huma impjegata f'żoni tal-ipproċessar għall-esportazzjoni; billi Att dwar ix-Xogħol f'żoni tal-ipproċessar għall-esportazzjoni ġdid ġie adottat mill-kabinett f'Lulju 2014, iżda xorta waħda ma jagħtix lill-ħaddiema drittijiet li jikkorrispondu għad-drittijiet li għandhom ħaddiema oħra fil-Bangladexx; billi, filwaqt li l-projbizzjoni fuq l-istrajks skadiet fl-1 ta' Jannar 2014, l-Assoċjazzjonijiet tal-Benesseri tal-Ħaddiema m’għandhomx l-istess drittijiet u privileġġi bħat-trade unions;

Q. billi madwar 300 trade union ġdida tas-settur tal-ilbies ġew reġistrati sa mill-bidu tal-2013; billi fl-2014, 66 applikazzjoni – 26 % tal-applikazzjonijiet kollha magħmula – ġew rifjutati; billi d-diskriminazzjoni kontra t-trade unions għadha problema serja ħafna u li qed tkompli tikber b'rata mgħaġġla; billi t-trade unions qed jirrapportaw li l-Gvern tal-Bangladexx qiegħed b’mod proattiv jostakola t-tentattivi tal-ħaddiema u ta' dawk li jħaddmu li jixtiequ jistabbilixxu kumitati tas-sikurezza tagħhom stess, skont ir-rekwiżiti tal-Qbil tal-Bangladexx;

R.  billi minn 177 pajjiż, il-Bangladexx jinsab fil-pożizzjoni 136 fl-Indiċi tat-Trasparenza u billi l-korruzzjoni hija endemika fil-katina tal-provvista globali tal-ilbies u tinvolvi kemm il-forzi politiċi kif ukoll il-korporazzjonijiet lokali u multinazzjonali;

S.  billi skont il-Konsorzju tad-Drittijiet tal-Ħaddiema, il-prezz tal-fabbrika ta’ kull waħda mis-7 biljun unità tal-ilbies mibjugħ kull sena mill-Bangladexx lil ditti tal-Punent jiżdied b'inqas minn 10 ċenteżmi kieku l-5 000 fabbrika tal-ilbies tal-pajjiż kellhom jgħollu l-istandards ta’ sikurezza tagħhom għal livell ekwivalenti għal dawk tal-Punent fi żmien 5 snin; billi ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-prezzijiet tal-artikli tal-ilbies u tat-tessuti żdiedu matul l-aħħar sentejn;

T.  billi s-settur tal-ilbies lest hu dominat sew minn bejjiegħa bl-imnut, produtturi u kummerċjanti tad-ditta kbar li jikkontrollaw il-produzzjoni globali tan-netwerks u jistipulaw direttament l-ispeċifikazzjonijiet tal-provvista; billi dawk li jimmanifatturaw l-ilbies u t-tessuti, fil-kuntest ta’ industrija globalizzata, spiss ma jkollhom l-ebda għażla ħlief li jaċċettaw prezzijiet aktar baxxi, iżidu l-istandards tal-kwalità, iqassru l-ħinijiet tal-konsenji, inaqqsu l-kwantitajiet minimi u jieħdu l-akbar riskju possibbli; billi hemm nuqqasijiet gravi fit-trasparenza u t-traċċabilità tal-katina tal-provvista globali; billi x-xogħol deċenti fil-katina tal-provvista globali se jkun punt ewlieni fuq l-aġenda tal-Konferenza tal-ILO tal-2016;

U. billi wara d-diżastru kien hemm domanda bla preċedent min-naħa tal-konsumaturi Ewropew għal aktar informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti u l-kundizzjoni tal-manifattura tagħhom; billi ċ-ċittadini Ewropej ressqu għadd kbir ta’ petizzjonijiet u kampanji organizzati li jesiġu responsabbiltà akbar minn ditti tal-ilbies biex jiżguraw li l-prodotti tagħhom ikunu manifatturati b’mod etiku;

V. billi bħala wieħed mill-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati, il-Bangladexx jibbenefika minn aċċess bla dazju u bla kwoti għas-suq tal-UE għall-prodotti kollha tiegħu skont l-inizjattiva ‘Kollox Ħlief Armi’ (‘Everything but Arms’ (EBA)), li tkopri 55 % tal-esportazzjoni mill-Bangladexx, li ħafna minnha tikkonsisti fi lbies jew tessuti, u għaldaqstant huwa marbut li jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ għadd ta’ konvenzjonijiet ewlenin tan-NU/ILO dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tal-ħaddiema;

1.  Ifakkar il-vittmi fl-okkażjoni tat-tieni anniversarju tat-traġedja ta' Rana Plaza, wieħed mill-aktar diżastri industrijali qerrieda li qatt ġraw; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu għal darb' oħra lill-familji ta' dawk li mietu u lil dawk li sfaw korruti jew diżabbli; jenfasizza li dawn l-imwiet u korrimenti setgħu ġew evitati b'sistemi aqwa ta' sikurezza fuq il-post tax-xogħol;

2.  Ifakkar li l-Kumitat ta' Koordinament ta' Rana Plaza stabbilixxa l-Fond Fiduċjarju tad-Donaturi għal Rana Plaza bil-għan li volontarjament jiġbor donazzjonijiet minn kumpaniji biex il-vittmi u l-familji jingħataw kumpens; jiddeplora l-fatt li, mill-USD 30 miljun kumpens totali, USD 3 miljun kienu għadhom pendenti f'April 2015, u jħeġġeġ lid-ditti internazzjonali li kienu jieħdu l-prodotti minn Rana Plaza, jew li għandhom rabtiet sinifikanti mal-Bangladexx, mal-Gvern tal-Bangladexx u mal-Assoċjazzjonijiet tal-Manufatturi u Esportaturi tal-Ilbies tal-Bangladexx (BGMEA), biex jiżguraw li kull kumpens dovut jitqassam bla dewmien;

3.  Jiddenunzja l-fatt li madwar terz tal-kumpaniji li jitqiesu li għandhom rabtiet mal-kumpless ta' fabbriki, bħal Adler Modemarkte, Ascena Retail, Carrefour, Grabalok, J.C. Penney, Manifattura Corona, NKD, PWT jew YesZee, għadhom ma għamlu l-ebda ħlas fil-Fond Fiduċjarju; jiddispjaċih profondament li bosta kumpaniji għamlu donazzjonijiet insuffiċjenti abbażi tal-kapaċità li għandhom li jħallsu u l-involviment tagħhom f'Rana Plaza, u li bosta kumpaniji rrifjutaw li jiżvelaw l-ammont li kkontribwew lill-Fond;

4.  Jirrimarka li l-kumpens għan-nirien f'Tazreen issa qed jiġi nnegozjat fuq l-istess bażi bħall-arranġament ta' Rana Plaza, jiddispjaċih bil-qawwa dwar id-dewmien persistenti, u jitlob li l-kumpens jasal f'waqtu;

5.  Jilqa' l-passi li qed jittieħdu lejn l-istabbiliment ta' skema nazzjonali permanenti ta' assigurazzjoni kontra aċċidenti fuq il-post tax-xogħol, u jinkoraġġixxi lill-Gvern tal-Bangladexx jonora l-impenn tiegħu fil-qafas tal-Pjan Tripartitiku ta' Azzjoni Nazzjonali f'dak ir-rigward; jitlob li l-Kummissjoni tappoġġja dan l-isforz fejn dan ikun f'loku, iżda jinnota li, dment li sforzi ta' kumpens jibqgħu pendenti, dan se jibqa' ostakolu għall-progress f'dan il-qasam;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-UE u lil oħrajn biex jikkunsidraw proposti għal oqfsa mandatorji li se jiżguraw li l-aċċess għal rimedju u kumpens ikun ibbażat fuq il-bżonn u r-responsabbiltà, u mhux biss fuq il-kapaċità ta’ gruppi li jagħmlu kampanji biex “isemmu u jiddenunzjaw” (“name and shame”), jew inkella fuq l-isforzi volontarji tal-kumpaniji;

7.  Jilqa' l-inizjattiva mmexxija mill-UE li nediet il-Patt, bil-għan li jkun hemm bidu ġdid fis-saħħa u s-sikurezza okkupazzonali, fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, fir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u fil-promozzjoni ta' mġiba responsabbli tan-negozji fl-industrija tal-ilbies lest fil-Bangladexx;

8.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-ewwel rieżami tal-Patt f'Ottubru 2014, li rrappurtaw li l-awtoritajiet tal-Bangladexx kienu għamlu progress tajjeb, u jirrikonoxxi l-kontribut tal-Patt fit-titjib tas-saħħa u s-sikurezza fil-fabbriki u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-ilbies lest; iħeġġeġ. madankollu, lill-Gvern tal-Bangladexx itejjeb il-livell ta' ħidma tiegħu biex jimplimenta b'mod attiv kull impenn fil-Patt, bħala kwistjoni tal-ogħla prijorità; huwa fiduċjuż li, fit-tieni rieżami tal-Patt li għandu jsir fil-Ħarifa tal-2015, ikun jista' jsir progress sostanzjali fuq il-kwistjonijiet kollha tax-xogħol u s-sikurezza, b'mod partikolari rigward id-drittijiet tal-ħaddiema, l-ispezzjonijiet tax-xogħol, pagi deċenti, l-integrità strutturali tal-binjiet, is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali u l-imġiba responsabbli tan-negozji;

9.  Jieħu nota tal-passi li ħa l-Bangladexx biex jemenda l-Liġi tax-Xogħol tiegħu wara l-ġrajja ta' Rana Plaza, billi saħħaħ id-drittijiet fundamentali fl-oqsma tas-saħħa u sikurezza okkupazzjonali u d-drittijiet tal-ħaddiema; jiddispjaċih li għadd ta' restrizzjonijiet għal-liberta ta' assoċjazzjoni tal-ħaddiema ma ġewx indirizzati, u li l-Liġi għad mhijiex konformi mal-qofol tal-konvenzjonijiet tal-ILO;

10. Bi qbil mal-impenji fil-Patt, iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx jadottaw, bħala ħaġa ta' prijorita assoluta, ir-regoli u r-regolamenti meħtieġa biex jiżguraw l-implimentazzjoni effikaċi tal-Liġi, b'konsultazzjoni sħiħa mal-Kunsill Konsultattiv Tripartitiku u b'attenzjoni partikolari għall-implimentazzjoni sħiħa tal-konvenzjonijiet 87 u 88 tal-ILO dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni u n-negozjar kollettiv;

11. Huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni fiż-Żoni ta' Produzzjoni għall-Esportazzjoni (EPZs), fejn it-trade unions għadhom projbiti u fejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards tas-saħħa u s-sikurezza għadhom lura, u jenfasizza li l-ħaddiema hemmhekk għandhom igawdu libertajiet legali fundamentali u standards ta' sikurezza li jħabbtuha ma' dawk ta' ħaddiema fi nħawi oħra tal-pajjiż jiddispjaċih bil-qawwa li l-Att propost dwar ix-Xogħol fl-EPZ għadu jipprojbixxi lill-ħaddiema milli jiffurmaw unions fl-EPZs u jirrimarka li Assoċjazzjonijiet għall-Benessri tal-Ħaddiema bl-ebda mod m'għandhom drittijijet u privileġġi komparabbli ma' dawk ta' trade unions; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx biex jestendi l-Liġi tax-Xogħol għall-EPZs, minnufih u bis-sħiħ;

12. Jilqa' ż-żieda b'77 % fil-paga minima fis-settur tal-ilbies lest, minn EUR 35 għal EUR 62 fix-xahar, u jħeġġeġ implimentazzjoni aktar universali; jinnota, madankollu, li fil-prattika l-paga minima fl-industrija tal-ilbies għadha ma tkoprix il-ħtiġijiet bażiċi tal-ħaddiema, u li għandha tammonta tal-anqas għal EUR 104 biex tkopri dawn il-ħtiġijiet, u lill-Gvern tal-Bangladexx jistiednu jistabbilixxi paga minima tal-għajxien b'konsultazzjoni sħiħa mat-trade unions u mal-impjegati; barra minn hekk, iħeġġeġ lill-Gvern jiżgura li l-fabbriki tal-ilbies tabilħaqq iħallsu l-pagi li jkunu dovuti;

13. Jilqa' b'sodisfazzjon ir-reġistrazzjoni ta' madwar 300 trade union ġdida tas-settur tal-ilbies mill-bidu tal-2013 'il hawn, biex b'hekk l-għadd tagħhom fis-settur tal-ilbies irdoppja, imma huwa mħasseb li fl-2014 u fl-2015 il-proċess ta' reġistrazzjoni naqqas il-pass; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-Bangladexx jibqgħu mexjin fix-xejra pożittiva inizjali biex jilħqu l-mira ta' rappreżentanza adegwata ta' 4 miljun ħaddiem fis-settur tal-ilbies lest;

14. Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li trade unions li għadhom kif ġew iffurmati sofrew diskriminazzjoni, tkeċċijiet u rappreżalji; iqsiha ħaġa terribbli li d-diskriminazzjoni komuni kontra l-unions, issottolinjata minn atti dokumentati sewwa ta' theddid, fastidju u vjolenza fiżika kontra r-rappreżentanti tal-ħaddiema, inkluż il-qtil ta' Aminul Islam, mexxej ta' trade union; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx jindirizza b'mod effikaċi prattiki tax-xogħol inġusti, billi jimplimenta l-miżuri meħtieġa biex jipprevjeni, jinvestiga u jipprosegwixxi aġir ħażin bla dewmien u b'mod trasparenti, bil-għan li jtemm l-impunità u wkoll iressaq il-qattiela ta' Aminul Islam quddiem il-ġustizzja; huwa konvint li taħriġ u tkattir tal-għarfien adegwati dwar id-drittijiet tal-ħaddiema huma mod effikaċi kif titnaqqas id-diskriminazzjoni kontra t-trade unions;

15. Iqis li l-eżistenza ta' strutturi demokratiċi tattrade unions għandhom rwol importanti fl-ilħiq ta' standards aħjar tas-saħħa u s-sikurezza, pereżempju l-issuktar tal-iżvilupp ta' kumitati tas-sikurezza mmexxija mill-ħaddiema f'kull fabbrika; jisħaq ukoll fuq l-importanza li l-unions ikollhom aċċess għall-fabbriki biex jedukaw il-ħaddiema dwar kif jistgħu jipproteġu drittijiethom u s-sikurezza tagħhom, inkluż id-dritt tagħhom li jirrifjutaw xogħol li ma jkunx sikur;

16. Jilqa' l-impenn tal-Gvern li jerġa' jibni d-Dipartiment tal-Ispezzjonijiet tal-Fabbriki u l-Istabbilimenti (DIFE), li mistenni li fl-aħħar mill-aħħar ikollu persunal ta' 993 ruħ u 23 uffiċċju distrettwali, it-tisħiħ tal-istatus tas-servizzi ta' spezzjoni tiegħu f'Jannar 2014 u l-adozzjoni ta' Politika Nazzjonali dwar is-Saħħa u s-Sikurezza, kif ukoll standards unifikati għall-ispezzjonijiet tas-saħħa u s-sikurezza; jistieden lill-Kummissjoni u lis-sħab internazzjonali biex jipprovdu assistenza teknika u kondiviżjoni tal-aħjar prattika biex jassistu t-tisħiħ tal-istatus tad-DIFE; jistieden lill-Gvern tal-Bangladexx jonora l-impenji tiegħu dwar l-ispezzjonijiet tax-xogħol u jirrispetta l-konvenzjoni 81 tal-ILO; jilqa' b'sodisfazzjon l-għeluq ta’ fabbriki li naqsu milli jissodisfaw l-istandards ta’ sikurezza;

17. Għadu preokkupat dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni endemika fil-Bangladexx bejn spetturi tas-saħħa u s-sikerezza u sidien tal-fabbriki tal-ilbies, u jitlob li jsir aktar biex tali prattiki jiġu miġġielda;

18. Jifhem li huwa diffiċli li jsir progress fir-reklutaġġ ta' spetturi, minħabba l-ħtieġa li l-persuni jiġu mħarrġa sewwa b'referenza għal standard wieħed u għal proċeduri operattivi armonizzati qabel ma jintbagħtu jaqdu dmirijiethom fil-prattika; jiddispjaċih, madankollu, li anke l-mira li jiġu reklutati 200 spettur addizzjonali sa tmiem l-2013 għadha ma twettqitx, ladarba r-rekluti li hemm bħalissa jgħoddu 173, u jissottolinja li 200 spettur huma ferm anqas mill-għadd meħtieġ għas-superviżjoni ta' industrija ta’ 4 miljun ħaddiem;

19. Jilqa' l-fatt li l-Qbil u l-Alleanza kkompletaw l-ispezzjonijiet tal-fabbriki kollha li kienu responsabbli għalihom, u ffinalizzaw aktar min 400 Pjan ta' Azzjoni Korrettiva (CAPs); iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bangladexx biex jikkomplementa din l-azzjoni billi jwettaq bil-ħeffa l-ispezzjoni tal-fabbriki taħt ir-responsabbiltà tiegħu u jadotta azzjonijiet ta' rimedju adegwati; jappoġġja l-ħidma importanti tal-ILO sabiex dan jiġi żgurat; jilqa' l-impenn ta' dawk il-manufatturi li jixtiequ jtejbu l-istandards u jistieden lill-persuni interessati kollha involuti jiżguraw l-implimentazzjoni korretta tal-CAPs;

20. Jilqa' l-fatt li, fil-preżent, aktar minn 250 ditta maġġuri tal-moda u tal-bejgħ lill-konsumaturi li jieħdu lbies lest mill-Bangladexx iffirmaw il-Qbil jew l-Alleanza biex jikkoordinaw l-isforzi tagħhom ħalli jkomplu jgħinu jtejbu s-sikurezza fil-fabbriki tal-Bangladexx li jfornuhom; f’dan il-kuntest, jinkoraġġixxi lil kumpaniji oħrajn, inklużi SMEs, biex jingħaqdu fil-Qbil; jissottolinja l-ħtieġa għal involviment xieraq tal-partijiet ikkonċernati kollha għal implimentazzjoni effikaċi tal-Qbil u jħeġġeġ ir-replikazzzjoni tiegħu f'pajjiżi oħra ta' riskju għoli;

21. Jinkoraġġixxi lill-Qbil u lill-Alleanza biex itejbu l-kooperazzjoni bejniethom u jiskambjaw b'mod sistematiku rapporti ta' spezzjonijiet fil-fabbriki bil-għan li jevitaw xogħol doppju u standards diverġenti; jistieden lill-Allenza tippubblika wkoll ir-rapporti tagħha bil-Bengali, inkluż online, u żżewwaqhom bl-istampi b'tali mod li jkunu aċċessibbli għal kulħadd fil-pajjiż;

22. Jemmen li bejjiegħa lill-konsumaturi u l-manufatturi ta' prodotti bil-marka madwar id-dinja għandhom responsabbiltà kbira, fix-xejriet ta' produzzjoni tal-lum, għall-fatt li taqqlu l-proċess tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-pagi fil-pajjiżi tal-produzzjoni; huwa konvint li struttura tas-suq u kundizzjonijiet soċjali aktar ġusti jistgħu jinħolqu jekk dawk il-kumpaniji jimplimentaw, tul il-katini tal-provvista tagħhom, rispett sħiħ tal-istandards tax-xogħol ċentrali tal-ILO, l-istandards tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) rikonoxxuti internazzjonalment, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali li ġew aġġornati reċentement, l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istandard ta' Gwida ISO 26000 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, u l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' l-inizjattiva ewlenija tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni responsabbli tal-katina tal-provvista fis-settur tal-ilbies, fil-qies tal-inizjattivi nazzjonali li diġà hemm fil-Ġermanja, fil-Pajjiżi l-Baxxi, fi Franza u fid-Danimarka, u jemmen li l-UE għandha l-kapaċità u d-dmir li tkun protagonista dinjija tar-responsabbiltà fil-katina tal-provvista;

23. Jemmen li l-aċċess għall-informazzjoni fis-settur tal-ilbies ħafna drabi huwa l-akbar ostaklu għat-trattament ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-katina tal-provvista dinjija u li jeħtieġ li jkun hemm sistema ta' informazzjoni mandatorja li tipprovdi informazzjoni li tgħaqqad lill-atturi kollha fil-katina tal-valur ta' prodott wieħed, mis-sit tal-produzzjoni sal-bejjiegħa lill-konsmaturi; iqis li jeħtieġ leġiżlazzjoni ġdida tal-UE biex toħloq obbligu legali ta' diliġenza debita għal kumpaniji tal-UE li jikkonkludu kuntratti għall-produzzjoni f'pajjiżi terzi, inklużi miżuri għall-iżgurar tat-traċċabbiltà u t-trasparenza, bi qbil mal-Prinċipji Gwida dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-OECD għal Intrapriżi Multinazzjonali;

24. Jirrikonoxxi li l-impieg fis-settur tal-ilbies għen miljuni ta’ nisa fqar rurali fil-Bangladexx u bnadi oħra biex jaħarbu mid-deprivazzjoni u d-dipendenza fuq is-sostenn mill-irġiel; jinnota li l-ħaddiema li mhumiex membri ta' unions essenzjalment huma ħaddiema bla kwalifiki u ħiliet u nisa fis-settur tal-ilbies lest f'pajjiżi li qed jiżviluppaw; jirrikonoxxi li l-progress fid-drittijiet tal-ħaddiema u l-protezzjoni huwa essenzjali għall-abilitazzjoni tan-nisa u jissottolinja l-ħtieġa li r-rappreżentanza tan-nisa fit-trade unions tikber, inklużi fit-trade unions li għadhom kemm ġew iffurmati fil-Bangladexx, u jilqa’ b’sodisfazzjon il-Patt li rrikonoxxa l-importanza ta’ aktar abilitazzjoni lin-nisa biex jittejbu l-istandards tax-xogħol;

25. Jinnota li l-inizjattiva 'Kollox Barra l-Armi' (EBA) kellha rwol importanti għall-iżvilupp ekonomiku tal-Bangladexx u kkontribwiet għat-titjib tal-kundizzjonijiet materjali għal miljuni ta' nies, b'mod partikolari tan-nisa; huwa konvint, madankollu, li mingħajr kundizzjonalità soda fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, hemm is-sogru li l-EBA u l-SĠP jkomplu jgħarrqu l-istandards baxxi ta' protezzjoni tal-ħaddiema u jimminaw ix-xogħol deċenti; jitlob li l-Kummissjoni tiddetermina jekk il-Bangladexx huwiex qed jirrispetta d-drittijijet tal-bniedem, il-konvenzjonijiet tax-xogħol u ambjentali taħt l-SĠP, u tirrapporta lill-Parlament dwar dan; jenfasizza li pajjiżi li jagħmlu progress tajjeb fl-istandards soċjali u tax-xogħol għandhom jiġu ppremjati billi l-prodotti tagħhom ikomplu jgawdu aċċess sħiħ għas-suq;

26. Iħeġġeġ lill-VP/RGħ Mogherini u lill-Kummissarju Malmström biex ikomplu jinkludu r-ratifika ta' standards ċentrali tal-ILO, l-ispezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza u l-libertà ta' assoċjazzjoni f'diskussjonijiet mal-Bangladexx dwar il-kontinwazzjoni ta' kummerċ preferenzjali;

27. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladexx, u lid-Direttur Ġenerali tal-ILO.