Proċedura : 2015/2662(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0392/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0392/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 30/04/2015 - 10.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0180

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 143kWORD 78k
29.4.2015
PE555.166v01-00}
PE555.169v01-00}
PE555.171v01-00}
PE555.173v01-00}
PE555.175v01-00}
PE555.176v01-00}
PE555.178v01-00} RC1
 
B8-0392/2015}
B8-0395/2015}
B8-0397/2015}
B8-0399/2015}
B8-0401/2015}
B8-0402/2015}
B8-0404/2015} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B8‑0392/2015)

S&D (B8‑0385/2015)

ECR (B8‑0397/2015)

GUE/NGL (B8‑0399/2015)

EFDD (B8‑0401/2015)

ALDE (B8‑0402/2015)

Verts/ALE (B8‑0404/2015)


dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive (2015/2662(RSP))


Cristian Dan Preda, Davor Ivo Stier, Andrej Plenković, Eduard Kukan, Lara Comi, Traian Ungureanu, Dubravka Šuica, Barbara Matera, Claude Rolin, Raffaele Fitto f'isem il-Grupp PPE
Victor Boștinaru, Richard Howitt, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Caputo, Andi Cristea, Viorica Dăncilă, Doru-Claudian Frunzulică, Neena Gill, Alessia Maria Mosca, Claudia Tapardel, Afzal Khan f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Marielle de Sarnez, Beatriz Becerra Basterrechea, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Juan Carlos Girauta Vidal, Louis Michel, Urmas Paet, Jozo Radoš, Gérard Deprez, Ivan Jakovčić, Robert Rochefort, Javier Nart, José Inácio Faria, Frédérique Ries f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos f'isem il-Grupp GUE/NGL
Klaus Buchner f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Maldive (2015/2662(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Maldive,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tal-Unjoni Ewropea dwar l-iżviluppi reċenti fil-Maldive, inkluż l-arrest ta' mħallef tal-qorti kriminali, tal-20 ta' Jannar 2012,

 

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tal-Unjoni Ewropea rigward Theddid għas-Soċjetà Ċivili u d-Drittijiet tal-Bniedem fil-Maldive tat-30 ta' Settembru 2014,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Lokali Konġunta tal-Unjoni Ewropea dwar l-istat tad-dritt fil-Maldive tal-24 ta' Frar 2015,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-attivazzjoni tal-piena tal-mewt fil-Maldive, tat-30 ta' April 2014,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-kundanna tal-eks President tal-Maldive Mohamed Nasheed, tal-14 ta' Marzu 2015,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra’ ad Al Hussein dwar il-proċess tal-eks President Mohamed Nasheed, tat-18 ta’ Marzu 2015,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Indipendenza tal-Imħallfin u l-Avukati Gabriela Knaul, li l-ebda demokrazija mhi possibbli mingħajr ġustizzja ġusta u indipendenti fil-Maldive, tad-19 ta' Marzu 2015,

–   wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE għall-Elezzjonijiet Parlamentari fir-Repubblika tal-Maldive, tat-22 ta' Marzu 2014,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li l-Maldive hija stat parti tiegħu,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi fit-13 ta' Marzu 2015, l-eks President tal-Maldive Mohamed Nasheed ingħata sentenza ta' 13-il sena ħabs fuq akkużi ta' terroriżmu minħabba l-arrest f'Jannar 2012 tal-Prim Imħallef tal-qorti kriminali ta' dak iż-żmien, arrest li l-UE kienet esprimiet tħassib dwaru;

B.  billi l-proċess kontroversjali naqas milli jissodisfa l-istandards nazzjonali u internazzjonali tal-ġustizzja, minkejja l-appell tan-Nazzjonijiet Uniti u l-UE għal ġustizzja u trasparenza fil-proċedimenti ġuridiċi kontra l-eks President Nasheed;

C. billi Mohamed Nasheed, li għandu rekord twil personali ta' azzjoni mhux vjolenti għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija pluralistika, intefa' l-ħabs bosta drabi matul it-30 sena dittatorjat tal-President Maumoon Abdul Gayoon u ħalla l-poter f'ċirkostanzi kontroversjali erba' snin wara li sar l-ewwel president demokratikament elett tal-Maldive;

D. billi n-nuqqas ta' indipendenza politika u taħriġ tal-ġudikatura tal-Maldive jimmina l-kredibilità domestika u internazzjonali tas-sistema tal-ġudikatura tal-pajjiż;

E.  billi l-eks Ministri tad-Difiża Tholhath Ibrahim u Mohamed Nazim reċentement weħlu sentenza ta' 10 snin u 11-il sena ħabs rispettivament, u l-eks Deputat Speaker tal-Majlis Ahmed Nazim ġie kkundannat 25 sena ħabs fil-Maldive; billi dawn il-proċessi wkoll kienu vizzjati bl-irregolaritajiet;

F.  billi l-politiċi fl-oppożizzjoni qed ikomplu jiġu intimidati fuq bażi regolari, u billi rapport reċenti tal-Kumitat tal-Unjoni Interparlamentari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Membri Parlamentari jidentifika lill-Maldive bħala wieħed mill-agħar pajjiżi fid-dinja għal attakki, tortura u intimidazzjoni kontra membri parlamentari tal-oppożizzjoni;

G. billi fit-30 ta' Marzu 2015 il-Parlament tal-Maldive adotta emenda għall-Att tal-Maldive dwar il-Ħabs u l-Libertà Kondizzjonata, li jiskwalifika lil dawk li qed jiskontaw sentenza ta' ħabs milli jkunu membri f'partit politiku, u billi dan de facto se jneħħi lil Mohamed Nasheed mill-politika attiva u jżommu milli jikkontesta l-elezzjonijiet presidenzjali fl-2018;

H. billi minn Frar 'l hawn ġew arrestati mill-inqas 140 dimostrant paċifiku, u dawn ġew meħlusa biss fuq kundizzjonijiet li jillimitaw bil-kbir id-dritt li jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet oħra;

I.   billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed iħabbtu wiċċhom dejjem aktar ma' fastidji, theddid u attakki, inkluża l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Maldive (HRCM), li tressqet quddiem il-Qorti Suprema fuq akkużi ta' tradiment tal-pajjiż u li mminat il-kostituzzjoni talli ressqet rapport dwar l-istat tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldive lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għar-Rieżami Perjodiku Universali; billi l-NGOs ġew mhedda li jitneħħew mir-reġistru;

J.   billi l-libertà tal-istampa trażżnet bil-kbir f'dawn l-aħħar snin, ġew arrestati tliet ġurnalisti waqt li kienu qed jirrapurtaw dwar dimostrazzjonijiet politiċi għall-ħelsien ta' Mohamed Nasheed u Ahmed Rilwan, ġurnalist kritiku tal-gvern li għeb f'Awwissu 2014 u għadu ma nstabx u maħsub li mejjet;

 

K. billi t-taqlib politiku qed ifeġġ fi żmien ta' tħassib dwar spirtu militanti Iżlamiku li qed jiżdied fil-Maldive u dwar l-għadd ta' żgħażagħ irġiel radikalizzati li allegatament issieħbu mal-ISIS;

L.  billi fis-27 ta' April 2014, il-Parlament tal-Maldive vvota sabiex itemm moratorju dwar il-piena kapitali stabbilita mill-1954, u b'hekk tippermetti s-sentenza ta' minuri fl-età żgħira ta' seba' snin, li jistgħu jinżammu responsabbli u jirċievu l-piena tal-mewt hekk kif jagħlqu t-18 u jinżammu mifnija fil-ħabs sa dak iż-żmien; billi dan imur kontra l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Maldive bħala stat parti tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

M. billi l-ħaddiema immigranti jbatu minħabba xogħol furzat, il-konfiska tad-dokumenti tal-identità u tal-ivvjaġġar, iż-żamma tas-salarji jew in-nuqqas ta' ħlas tagħhom u rbit ta' dejn, u ġew mhedda mill-awtoritajiet tal-Maldive li jitkeċċew minħabba li pprotestaw kontra d-diskriminazzjoni u l-vjolenza wara sensiela ta' attakki fuq ħaddiema immigranti;

N. billi għadd żgħir ta' nisa mis-Sri Lanka, it-Tajlandja, l-Indja, iċ-Ċina, il-Filippini, l-Ewropa tal-Lvant, il-pajjiżi tal-eks Unjoni Sovjetika, il-Bangladexx u l-Maldive huma soġġetti għal traffikar għal raġunijiet ta' sess fil-Maldive u xi tfal Maldivjani qed jiġu allegatament soġġetti għal abbuż sesswali u jistgħu jkunu vittmi ta' xogħol furzat;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar iż-żieda fit-tendenza lejn tmexxija awtoritarja fil-Maldive, il-persekuzzjoni ta' opponenti politiċi u l-intimidazzjoni tal-midja u s-soċjetà ċivili, li jistgħu jipperikolaw il-kisbiet li saru f'dawn l-aħħar snin biex jiġu stabbiliti d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-pajjiż; jistieden lill-partijiet kollha biex iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista’ taggrava aktar il-kriżi, u biex jirrispettaw id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

2.  Jiddeplora l-irregolaritajiet serji fil-proċess tal-eks President Mohamed Nasheed; jinsisti li dan għandu jinħeles minnufih u li f'każ li s-sentenza tiegħu tiġi appellata, id-drittijietu għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ skont l-obbligi internazzjonali tal-Maldive, il-kostituzzjoni tagħha stess u l-garanziji kollha rikonoxxuti internazzjonalment għal proċess ġust; iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE għas-Sri Lanka u l-Maldive tinsisti li tingħata permess issegwi mill-qrib il-proċess ta' appell;

3.  Jenfasizza l-fatt li r-rispett tal-istat tad-dritt, id-dritt ta' proċess ġust, proċess ġuridiku adegwat u l-indipendenza tal-ġudikatura, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ICCPR, huma elementi ċentrali tal-proċess demokratiku; jenfasizza li kull ċittadin tal-Maldive, inkluż l-eks President Nasheed, għandu jiġi ttrattat skont dawn il-prinċipji, li minnhom infushom huma importanti għal soċjetà pluralistika;

4.  Jitlob li jkun hemm proċess politiku kredibbli u inklużiv, bil-parteċipazzjoni tal-forzi demokratiċi kollha, bil-għan li tinġieb lura u tinżamm l-istabbiltà fil-Maldive u biex il-pajjiż jitpoġġa lura fit-triq tat-tranżizzjoni lejn id-demokrazija; jitlob li tintemm immedjatament l-intimidazzjoni ta’ avversarji politiċi; jistieden lill-Gvern tal-Maldive jieħu l-passi neċessarji kollha sabiex terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja fl-impenn tiegħu lejn id-demokrazija, l-indipendenza ġudizzjarja u l-istat tad-dritt, inkluż ir-rispett tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda, u r-rispett ta' proċess adegwat;

5.  Jitlob li jintemm immedjatament l-indħil politiku fis-sistema ġudizzjarja tal-Maldive, u jitlob li ma tibqax politiċizzata; jitlob li jsiru riformi urġenti biex tiġi żgurata l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura tal-Maldive bil-għan li terġa’ tiġi stabbilita l-fiduċja domestika u internazzjonali fil-funzjonament tagħha; jenfasizza li dawn ir-riformi għandhom jiġu approvati u implimentati mingħajr aktar dewmien;

6.  Ifakkar lill-Gvern tal-Maldive li l-kostituzzjoni tal-pajjiż tiggarantixxi d-dritt għal dimostrazzjoni, u li l-kundizzjonijiet ta' ħelsien li jżommu lill-persuni milli jieħdu sehem f'dimostrazzjonijiet paċifiċi huma illegali;

7.  Jitlob li jintemmu immedjatament il-forom kollha ta' vjolenza, inkluża l-vjolenza kontra d-dimostranti paċifiċi, u jfakkar lill-forzi tas-sigurtà fid-dmir li għandhom li jipproteġu lid-dimostranti paċifiċi kontra gruppi vjolenti; jistieden lill-Gvern tal-Maldive jtemm l-impunità għall-vigilantes li użaw il-vjolenza kontra persuni li jippromwovu t-tolleranza reliġjuża, id-dimostranti paċifiċi, il-midja kritika u s-soċjetà ċivili; jitlob li min iwettaq dan it-tip ta' attakki vjolenti jitressaq quddiem il-ġustizzja;

8.  Jistieden lill-Gvern tal-Maldive jippermetti li ssir investigazzjoni adegwata dwar l-għajbien ta' Ahmed Rilwan;

9.  Jikkundanna l-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena kapitali fil-Maldive, u jħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tal-Maldive jerġgħu jistabbilixxu moratorju għall-piena kapitali;

10. Iħeġġeġ lill-atturi kollha fil-Maldive jaħdmu flimkien b'mod kostruttiv fl-oqsma kollha, speċjalment dwar is-suġġett tat-tibdil fil-klima li għandu l-potenzjal li jiddestabbilizza l-pajjiż;

11. Jitlob lill-awtoritajiet lokali jikkonformaw kompletament mal-istandards minimi għall-eliminazzjoni tat-traffikar; ifaħħar l-isforzi li għaddejjin biex tiġi indirizzata l-problema u l-progress li sar, iżda jinsisti li d-dispożizzjonijiet tal-liġi kontra t-traffikar tal-bnedmin għandhom jiġu implimentati malajr peress li għad fadal problemi serji fl-infurzar ta' din il-liġi u l-protezzjoni tal-vittmi;

12. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Istati Membri joħorġu twissijiet dwar ir-rekords tad-drittijiet tal-bniedem tal-Maldive fil-websajts tagħhom dwar il-pariri tal-ivvjaġġar;

13. Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u s-SEAE jkomplu jimmonitorjaw mill-qrib is-sitwazzjoni politika fil-Maldive u jwettqu rwol proattiv fir-relazzjonijiet bilaterali tal-UE mal-pajjiż u fil-fora multilaterali internazzjonali sabiex tinkiseb l-istabbiltà, jissaħħu d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u jkun żgurat rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-pajjiż;

 

 

14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-parlament u l-gvern tar-Repubblika tal-Maldive.

Avviż legali