Proċedura : 2015/2712(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0473/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0473/2015

Dibattiti :

PV 21/05/2015 - 5.3
CRE 21/05/2015 - 5.3

Votazzjonijiet :

PV 21/05/2015 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2015)0212

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 154kWORD 84k
20.5.2015
PE555.254v01-00}
PE555.256v01-00}
PE555.257v01-00}
PE555.260v01-00}
PE555.262v01-00}
PE555.264v01-00}
PE558.855v01-00} RC1
 
B8-0473/2015}
B8-0475/2015}
B8-0476/2015}
B8-0479/2015}
B8-0481/2015}
B8-0483/2015}
B8-0485/2015} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8‑0473/2015)

EFDD (B8‑0475/2015)

Verts/ALE (B8‑0476/2015)

ALDE (B8‑0479/2015)

GUE/NGL (B8‑0481/2015)

PPE (B8‑0483/2015)

S&D (B8‑0485/2015)


dwar is-Sważiland, il-każ tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem Thulani Maseko u Bheki Makhubu (2015/2712(RSP))


Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Elmar Brok, David McAllister, Claude Rolin, Bogdan Brunon Wenta, Jiří Pospíšil, Marijana Petir, Davor Ivo Stier, Therese Comodini Cachia, Andrej Plenković, Franck Proust, Giovanni La Via, Tomáš Zdechovský, Jarosław Wałęsa, Eduard Kukan, József Nagy, Ivan Štefanec, Monica Macovei, Pavel Svoboda, Jeroen Lenaers, Dubravka Šuica, Michaela Šojdrová, Jaromír Štětina, Brian Hayes, Roberta Metsola, Ramona Nicole Mănescu, Tadeusz Zwiefka, Ildikó Gáll-Pelcz, Joachim Zeller, László Tőkés, Seán Kelly, Stanislav Polčák, Ivana Maletić, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Barbara Kudrycka f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Victor Boştinaru, Richard Howitt, David Martin, Jude Kirton-Darling, Elena Valenciano, Pier Antonio Panzeri, Agnes Jongerius, Liisa Jaakonsaari, Miriam Dalli, Krystyna Łybacka, Viorica Dăncilă, Victor Negrescu, Tibor Szanyi, Brando Benifei, Theresa Griffin, Michela Giuffrida, Siôn Simon, Doru-Claudian Frunzulică, Hugues Bayet, Miroslav Poche, Zigmantas Balčytis, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Danti, Sergio Gutiérrez Prieto, Nicola Caputo, Neena Gill, Marlene Mizzi, Biljana Borzan, Momchil Nekov, Enrico Gasbarra, Marc Tarabella, Alessia Maria Mosca, Nikos Androulakis, Demetris Papadakis, Arne Lietz, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, José Blanco López, Isabella De Monte, Tonino Picula, Goffredo Maria Bettini, Eric Andrieu, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Eider Gardiazabal Rubial, Jonás Fernández, Damiano Zoffoli, Kashetu Kyenge, Javi López, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Julie Ward, Carlos Zorrinho, Andi Cristea, Soraya Post f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Hans-Olaf Henkel, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotyga f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Philippe De Backer, Louis Michel, Pavel Telička, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Juan Carlos Girauta Vidal, Marietje Schaake, Ilhan Kyuchyuk, Fernando Maura Barandiarán, Ramon Tremosa i Balcells, Gérard Deprez, Ivan Jakovčić, Ivo Vajgl, Petr Ježek, Fredrick Federley, José Inácio Faria, Beatriz Becerra Basterrechea, Alexander Graf Lambsdorff, Hilde Vautmans, Frédérique Ries, Jozo Radoš, Izaskun Bilbao Barandica, Nathalie Griesbeck, Yana Toom, Martina Dlabajová, Marielle de Sarnez, Urmas Paet, Johannes Cornelis van Baalen, Hannu Takkula f'isem il-Grupp ALDE
Lidia Senra Rodríguez, Marie-Christine Vergiat, Stelios Kouloglou, Curzio Maltese, Paloma López Bermejo f'isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Maria Heubuch, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Bodil Ceballos, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Dario Tamburrano f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-Sważiland, il-każ tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem Thulani Maseko u Bheki Makhubu (2015/2712(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–   wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–   wara li kkunsidra l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali tas-Sważiland tas-sena 2000 (emendat),

–   wara li kkunsidra l-Programm għall-Pajjiż għal Xogħol Diċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) għas-Sważiland,

–   wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali (EPU) tas-Sważiland qabel il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li sar fl-4 ta' Ottubru 2011,

–   wara li kkunsidra s-Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati (SPĠ) tal-UE, kif approvata mill-Parlament fil-31 ta' Ottubru 2012,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija tal-UE li saret waqt il-103 sessjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar ix-Xogħol f'Ġinevra fis-6 ta' Ġunju 2014,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija li saret mill-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà fit-30 ta' Lulju 2014 dwar is-sentenza mogħtija lill-editur tal-magażin The Nation Bheki Makhubu u lill-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Thulani Maseko,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 286 tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) dwar il-libertà tal-espressjoni fir-Renju tas-Sważiland,

–   wara li kkunsidra l-Istqarrija Lokali tal-UE tal-1 ta' April 2014 dwar l-arrest reċenti u d-detenzjoni li qed tissokta tal-editur tal-magażin The Nation Bheki Makhubu u tal-avukat tad-drittijiet tal-bniedem Thulani Maseko,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tat-28 ta' Marzu 2014 tar-Rapporteur Speċjali tal-ACHPR għal-Libertà tal-Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni fl-Afrika dwar l-arrest tas-Sur Thulani Rudolf Maseko u tas-Sur Bheki Makhubu,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi s-Sważiland huwa monarkija assoluta taħt ir-Re Mswati III, li istitwixxa stat ta' emerġenza fl-1973 li għadu fis-seħħ 41 sena wara, li jeżerċita awtorità assoluta fuq il-kabinett, il-parlament u l-ġudikatura, u li taħt il-ħakma tiegħu kien hemm deterjorament sinifikanti fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u fl-istandards tal-għajxien u żieda fil-faqar kroniku, filwaqt li naqas ir-rispett tal-istat tad-dritt, kif evidenzjat b'mod partikolari mill-fatt li l-partiti politiċi ġew iddikjarati illegali; billi l-ksur tad-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema sar sistematiku u billi, matul l-għaxar snin li għaddew, il-Gvern tas-Sważiland kiser id-drittijiet tat-trade unions u tal-bniedem u naqas milli jirrispetta interventi mill-ILO dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni 87 tagħha;

B.  billi Thulani Maseko, avukat li jaħdem għall-Kungress tat-Trade Unions tas-Sważiland, kien arrestat fis-17 ta' Marzu 2014 wara li kiteb artiklu li kkritika n-nuqqas ta' indipendenza tas-sistema ġudizzjarja fis-Sważiland; billi, fid-19 ta' Marzu 2015, wara l-pubblikazzjoni ta' ittra mill-ħabs li ddenunzjat il-kundizzjonijiet ta' detenzjoni tiegħu, tressaq quddiem kumitat tad-dixxiplina fil-ħabs mingħajr il-preżenza ta' avukat u mbagħad intbagħat bil-forza f'reklużjoni; billi, għalkemm appella kontra din id-deċiżjoni, għadha ma tħabbritx data għas-smigħ tiegħu quddiem il-Qorti Għolja;

C. billi Bheki Makhubu, kittieb u editur kap ta' The Nation, meqjusa bħala l-unika gazzetta indipendenti tal-pajjiż, kien arrestat fuq akkużi li "skandalizza lill-ġudikatura" u għal "disprezz tal-qorti" wara l-pubblikazzjoni tal-artiklu li kkritika s-sistema ġudizzjarja;

D. billi, fis-17 ta' Lulju 2014, Thulani Maseko u Bheki Makhubu nstabu ħatja ta' disprezz tal-qorti mill-Qorti Għolja tas-Sważiland u ngħataw sentenza ta' sentejn ħabs, deċiżjoni li jidher li hija sproporzjonata meta mqabbla mas-sentenza normali – 30 jum ħabs bl-għażla li titħallas multa – imposta f'każijiet simili; billi l-imħallef li kien qed jippresiedi l-proċess, Mpendulo Simelane, kien issemma f'wieħed mill-artikli ppubblikati mill-gazzetta tas-Sur Maseko, u billi dan jirrappreżenta kunflitt ċar ta' interess u ostaklu għal proċess ġust;

E.  billi l-fastidju ġudizzjarju tal-persuni li jikkritikaw fis-Sważiland mhuwiex limitat għall-każ tas-Sur Maseko u tas-Sur Makhubu, iżda huwa parti minn xejra inkwetanti ta' trażżin tal-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż, fejn 32 liġi jqiegħdu restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u fuq l-aċċess għall-informazzjoni u l-partiti politiċi ġew ipprojbiti sa mill-1973;

F.  billi minbarra li jużaw akkużi ta' disprezz tal-qorti kontra min jikkritikahom, l-awtoritajiet tas-Sważiland qed jużaw attivament l-Att tal-2008 dwar is-Soppressjoni tat-Terroriżmu (STA) u l-Att tal-1938 dwar Attivitajiet ta' Sedizzjoni u Sovversivi (Att dwar l-SSA) biex jintimidaw l-attivisti u jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-għaqda paċifika, u billi l-awtoritajiet bdew ukoll proċedimenti skont l-Att dwar l-SSA kontra s-Sur Maseko f'Settembru 2014, fuq akkuża ta' sedizzjoni li diġà tressqet kontrih fl-2009; billi organizzazzjonijiet internazzjonali ikkundannaw id-dispożizzjonijiet tal-STA bħala inkompatibbli mal-obbligi tas-Sważiland rigward id-drittijiet tal-bniedem għal numru ta' raġunijiet;

G. billi f'April 2014 seba' persuni kienu arrestati u akkużati b'atti ta' terroriżmu sempliċement talli libsu flokkijiet politiċi; billi, meta indirizza l-parlament fis-7 ta' Awwissu 2014, il-Prim Ministru tas-Sważiland, Barnabas Sibusiso Dlamini, qal li żewġ kapijiet ta' unions li attendew is-Summit Afrikan f'Washington DC għandhom jitgħallqu talli kkritikaw il-gvern u li l-unions rikonoxxuti biss għandhom jitħallew jiċċelebraw Jum il-Ħaddiem;

H. billi, fit-8 ta' Ottubru 2014, Winnie Magagula, il-Ministru tax-Xogħol u s-Sigurtà Soċjali tas-Sważiland, issospendiet il-federazzjonijiet kollha b'effett immedjat u xoljiet il-Kungress tat-Trade Unions tas-Sważiland (TUCOSWA) u t-Trade Unions Amalgamati tas-Sważiland (ATUSWA), il-Federazzjoni ta' Impjegaturi tas-Sważiland u l-Kamra tal-Kummerċ (FSE&CC) u għadd ta' korpi statutorji oħra, u billi l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Nru 87 tal-ILO dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni, irratifikata mill-Gvern tas-Sważiland, jirrikonoxxi d-dritt tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema li jissieħbu ma' federazzjonijiet u konfederazzjonijiet tal-għażla tagħhom;

I.   billi l-Gvern tas-Sważiland injora għalkollox ir-rakkomandazzjonijiet u t-talbiet ripetuti mill-moviment internazzjonali tat-trade unions biex jirrispetta d-drittijiet iggarantiti skont il-konvenzjonijiet internazzjonali rratifikati mis-Sważiland, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Nru 8 tal-ILO, u minflok issospenda għalkollox id-dritt tal-ħaddiema li jassoċjaw u li jwettqu attivitajiet tat-trade unions liberament;

J.   billi, wara missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fis-Sważiland organizzata mill-Konfederazzjoni Internazzjonali tat-Trade Unions mill-14 sas-16 ta' Mejju 2015 biex tivvaluta l-progress tal-libertà tal-assoċjazzjoni u biex iżżur l-attivisti politiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, it-TUCOSWA finalment reġa' ġie rreġistrat; billi, minkejja dan, l-awtoritajiet ma taw ebda garanzija li ma kinux se jindaħlu fit-tmexxija u l-organizzazzjoni tat-trade unions, u fil-fatt il-pulizija tfaċċat waqt il-laqgħat tat-trade unions;

K. billi, fil-15 ta' Lulju 2014, l-UE kkonkludiet negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija Ekonomika (FSE) mal-Grupp SADC EPA (inkluż is-Sważiland), li għandha titressaq quddiem il-Parlament Ewropew fit-tieni sitt xhur tal-2015 għal approvazzjoni possibbli;

L.  billi f'Novembru 2014 is-Sważiland tilef il-ftehim ta' kummerċ preferenzjali tiegħu mal-Istati Uniti skont l-Att Afrikan dwar it-Tkabbir u l-Opportunitajiet (AGOA) wara li l-gvern naqas milli jwettaq miżuri ta' riforma, li kien impenja ruħa għalihom minn jeddu fl-2013, inkluż l-indirizzar ta' restrizzjonijiet fuq il-libertajiet tal-assoċjazzjoni, tal-għaqda u tal-espressjoni, bħall-inkarċerazzjoni tas-Sur Maseko u tas-Sur Makhubu, u l-emenda tal-Att dwar is-Soppressjoni tat-Terroriżmu, l-Att dwar l-Ordni Pubbliku u l-Att dwar ir-Relazzjonijiet Industrijali;

M. billi taħt il-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) l-UE allokat EUR 62 miljun fir-rigward tal-Programm Indikattiv Nazzjonali għall-perjodu 2014-2020, bil-prijoritajiet jinkludu l-promozzjoni tal-governanza tajba, it-trasparenza, ir-responsabbiltà, l-indipendenza ġudizzjarja, l-istat tad-dritt u t-tisħiħ tas-sigurtà;

1.  Jitlob ir-rilaxx immedjat u inkondizzjonat tas-Sur Maseko u s-Sur Makhubu, billi l-inkarċerazzjoni tagħhom hija relatata direttament mal-eżerċizzju leġittimu tad-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni; jitlob ukoll ir-rilaxx immedjat u inkondizzjonat tal-priġunieri tal-kuxjenza u tal-priġunieri politiċi kollha, inklużi Mario Masuku, President tal-Moviment Popolari Demokratiku Magħqud, u Maxwell Dlamini, Segretarju Ġenerali tal-Kungress taż-Żgħażagħ tas-Sważiland; jikkundanna l-kundizzjonijiet ħorox ta' detenzjoni taż-żewġ priġunieri u jistieden lill-awtoritajiet tas-Sważiland jiggarantixxu l-integrità fiżika u psikoloġika tagħhom fiċ-ċirkustanzi kollha;

2.  Ifakkar fl-impenji li ttieħdu mis-Sważiland skont il-Ftehim ta' Cotonou biex jirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jesprimi l-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar it-tnawwir tad-demokrazija u tad-drittijiet bażiċi fis-Sważiland u dwar il-mod dejjem aktar brutali li bih il-gvern qed jirreaġixxi għal min jikkritikah;

3.  Jinnota li s-sentenza mogħtija lis-Sur Maseko u lis-Sur Makhubu hija ferm aktar severa minn sentenzi oħra f'każijiet simili, u jqis li dan huwa tentattiv ċar li jsikket lill-attivisti u jservu ta' deterrent għal oħrajn, kif iddikjarat mill-imħallef responsabbli; jeżiġi li l-Gvern tas-Sważiland itemm minnufih l-intimidazzjoni mill-awtoritajiet kontra l-ġurnalisti, l-avukati, l-imħallfin indipendenti, l-uffiċjali tat-trade unions u l-membri parlamentari, li ġew mhedda bi vjolenza, arrest, prosekuzzjoni jew forom oħra ta' pressjoni b'konsegwenza tal-appoġġ tagħhom għad-drittijiet tal-bniedem, ir-rispett tal-istat tad-dritt jew ir-riformi politiċi;

4.  Jistieden lill-Gvern tas-Sważiland jibda djalogu ġenwin mal-unions dwar riformi leġiżlattivi li jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema, bi qbil mal-obbligi internazzjonali;

5.  Jistieden lill-awtoritajiet tas-Sważiland jieħdu miżuri konkreti biex jirrispettaw u jippromwovu l-libertà tal-espressjoni, jiggarantixxu d-demokrazija u l-pluraliżmu, u jistabbilixxu qafas leġiżlattiv li jippermetti r-reġistrazzjoni, l-operat u l-parteċipazzjoni sħiħa tal-partiti politiċi, bi qbil mal-obbligi internazzjonali u reġjonali rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-Kostituzzjoni tas-Sważiland, b'mod partikolari l-Artikolu 24 tagħha;

6.  Jenfasizza li l-indipendenza tal-ġudikatura hija prinċipju demokratiku fundamentali, li jrid jiġi rispettat;

7.  Iqis l-inkarċerazzjoni ta' attivisti politiċi u l-projbizzjoni tat-trade unions bħala ksur ċar tal-impenji meħuda mis-Sważiland skont il-Ftehim ta' Cotonou li jirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll skont il-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli tal-Ftefim ta' Sħubija Ekonomika tal-SADC, li l-appoġġ għalihom tal-Parlament Ewropew se jiddependi fuq ir-rispett tal-impenji meħuda, inkluż l-impenn li jirrispetta l-konvenzjonijiet internazzjonali, b'mod partikolari l-istandards ewlenin tal-ILO bħall-Konvenzjonijiet Nri 87 u 98;

8.  Ifakkar li l-UE tiggarantixxi Sistema ta' Preferenzi Ġeneralizzati għas-Sważiland sabiex tipprovdi inċentivi kummerċjali bl-għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet ewlenin tal-bniedem u tax-xogħol u tal-governanza tajba; iqis li l-projbizzjoni tat-trade unions u l-inkarċerazzjoni tal-opponenti politiċi jmorru kontra dawn l-għanijiet;

9.  Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tonora l-obbligu tagħha li timmonitorja l-aderenza tas-Sważiland għall-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent skont is-SPĠ, u tiftaħ investigazzjoni biex tiddetermina kienx hemm ksur serju u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem protetti taħt is-SPĠ;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Gvern tas-Sważiland, lill-Gvernijiet u lill-Istati Membri tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, lill-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

Avviż legali