Proċedura : 2015/2760(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0680/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0680/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 12.6
CRE 09/07/2015 - 12.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0270

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 196kWORD 106k
8.7.2015
PE559.049v01-00}
PE559.050v01-00}
PE559.051v01-00}
PE559.052v01-00}
PE565.664v01-00}
PE565.665v01-00} RC1
 
B8-0680/2015}
B8-0681/2015}
B8-0682/2015}
B8-0683/2015}
B8-0686/2015}
B8-0687/2015} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8‑0680/2015)

PPE (B8‑0681/2015)

ALDE (B8‑0682/2015)

S&D (B8‑0683/2015)

ECR (B8‑0686/2015)

GUE/NGL (B8‑0687/2015)


dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2015/2760 (RSP))


Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Jacek Saryusz-Wolski, Elmar Brok, Ramona Nicole Mănescu, Michèle Alliot-Marie, David McAllister, Claude Rolin, Michael Gahler, Mariya Gabriel, Davor Ivo Stier, Ramón Luis Valcárcel Siso f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Enrique Guerrero Salom, Elena Valenciano, Richard Howitt, Afzal Khan, Josef Weidenholzer, Ana Gomes, Alessia Maria Mosca, Nicola Caputo, Marlene Mizzi, Norbert Neuser, Brando Benifei, Maria Grapini, Marc Tarabella, Krystyna Łybacka, Doru‑Claudian Frunzulică, Vilija Blinkevičiūtė, Inmaculada Rodríguez‑Piñero Fernández, Simona Bonafè, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Liisa Jaakonsaari, Zigmantas Balčytis, Goffredo Maria Bettini, Eric Andrieu, Momchil Nekov, Miroslav Poche, Julie Ward, Hugues Bayet, Tibor Szanyi, Neena Gill, José Blanco López, Claudia Tapardel, Patrizia Toia, Damiano Zoffoli, Theresa Griffin f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Angel Dzhambazki, Jana Žitňanská, Beatrix von Storch, Ashley Fox, Ryszard Czarnecki, Raffaele Fitto, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Marcus Pretzell, Remo Sernagiotto, Marek Jurek, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, Antanas Guoga, Filiz Hyusmenova, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Alexander Graf Lambsdorff, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE
Javier Couso Permuy f'isem il-Grupp GUE/NGL
Alyn Smith, Barbara Lochbihler, Bodil Valero, Tamás Meszerics, Davor Škrlec f'isem il-Grupp Verts/ALE

Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo

EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen (2015/2760 (RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Marzu 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-1 ta' April 2015 tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar l-impatt tal-ġlied fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-11 ta' Mejju 2015 tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar it-tregwa proposta fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-3 ta' Lulju 2015 tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-kriżi fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' April 2015 dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 2014 (2011), 2051 (2012), 2140 (2014), 2201 (2015) u 2216 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Mejju 2015 tal-Kopresidenti tal-24 Laqgħa Konġunta Ministerjali u tal-Kunsill bejn il-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u l-Unjoni Ewropea (GCC-UE),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali tal-21 ta' Settembru 2014, id-dokument tal-eżiti tal-Konferenza ta' Djalogu Nazzjonali tal-25 ta' Jannar 2014 u l-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf tal-21 ta' Novembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi attwali fil-Jemen hija konsegwenza tal-fatt li gvern wieħed wara l-ieħor naqas milli jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu tal-Jemen għad-demokrazija, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-istabbiltà u s-sigurtà; billi dan in-nuqqas ħoloq il-kundizzjonijiet ideali biex ifaqqa' kunflitt vjolenti, minħabba l-ineżistenza ta' gvern inklużiv u ta' kondiviżjoni ġusta tal-poter u minħabba l-fatt li t-tensjonijiet numerużi bejn it-tribujiet, in-nuqqas kbir ta' sigurtà u l-paraliżi ekonomika tal-pajjiż ġew injorati b'mod sistematiku;

B.  billi l-kunflitt attwali fil-Jemen infirex għal 20 minn 22 gvernaturat; billi, skont l-aħħar ċifri kkonsolidati tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), bejn id-19 ta' Marzu u l-5 ta' Mejju 2015 inqatlu mill-inqas 1 439 persuna, filwaqt li 5 951 oħra, ħafna minnhom persuni ċivili, sfaw midruba; billi minn mindu beda l-ġlied inqatlu madwar 3 000 persuna, u ndarbu aktar minn 10 000;

C.  billi l-Jemen hu wieħed mill-ifqar pajjiżi fil-Lvant Nofsani, b'rati għolja ta' qgħad u illitteriżmu u nuqqas ta' servizzi bażiċi; billi 20 miljun ruħ bħalissa jinsabu fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja, inkluż madwar 9.4 miljun tifel u tifla Jemeniti, aktar minn 250 000 rifuġjat u 335 000 persuna spostata internament;

D.  billi l-iżviluppi reċenti jġorru magħhom riskji kbar għall-istabbiltà tar-reġjun, b'mod partikolari dik tal-Qarn tal-Afrika, tal-Baħar l-Aħmar u tal-Lvant Nofsani kollu kemm hu;

E.  billi, fis-26 ta' Marzu 2015, koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija li tinkludi l-Bahrain, l-Eġittu, il-Ġordan, il-Kuwajt, il-Marokk, il-Qatar, is-Sudan u l-Emirati Għarab Magħquda tat bidu għal operazzjoni militari fil-Jemen kontra r-ribelli tal-moviment Houthi, fuq talba tal-President tal-Jemen Abd-Rabbu Mansour Hadi; billi din il-koalizzjoni allegatament qed tuża l-cluster bombs, li huma pprojbiti internazzjonalment, u billi bħalissa dan qed jiġi investigat mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem;

F.  billi l-azzjonijiet ta' gruppi armati u forzi affiljati mal-Houthis ikkawżaw għadd kbir ta' vittmi ċivili fil-Jemen, inkluż bl-użu ta' munizzjonijiet ta' kontra l-inġenji tal-ajru li joqtlu u jimmankaw persuni ċivili hekk kif jisplodu wara li jinżlu f'żoni popolati;

G.  billi, f'diversi okkażjonijiet, f'attakki mill-ajru mwettqa mill-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen inqatlu persuni ċivili, bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali li jesiġi li jittieħdu l-passi kollha possibbli biex jiġi evitat jew jitnaqqas kemm jista' jkun l-għadd ta' vittmi ċivili;

H.  billi, minbarra l-attakki mill-ajru, l-Arabja Sawdija imponiet imblokk navali fuq il-Jemen li kellu effetti drammatiċi fuq il-popolazzjoni ċivili, bi 22 miljun ruħ – kważi 80 % tal-popolazzjoni – fi bżonn urġenti ta' provvisti tal-ikel, ilma u mediċini;

I.  billi fil-15 ta' Ġunju 2015, fid-dawl tat-taħditiet ta' paċi tan-NU, is-Segretarju Ġenerali tan-NU Ban Ki-moon appella għal pawża umanitarja mġedda għal mill-inqas ġimagħtejn matul ir-Ramadan, biex l-assistenza kritika tkun tista' tasal għand il-Jemeniti kollha fil-bżonn, iżda billi ma ntlaħaqx ftehim; billi fid-19 ta' Ġunju 2015 il-partijiet belliġeranti tal-Jemen naqsu milli jilħqu ftehim ta' waqfien mill-ġlied matul taħditiet diplomatiċi nnegozjati mill-Mibgħut Speċjali tan-NU Ismail Ould Cheikh Ahmed;

J.  billi fit-30 ta' Ġunju 2015 madwar 1 200 priġunier, inklużi persuni suspettati li jifformaw parti minn Al-Qaeda, ħarbu mill-ħabs ċentrali fil-belt ta' Taiz; billi f'April madwar 300 priġunier kienu diġà ħarbu minn ħabs ieħor fil-provinċja ta' Hadramout; billi fil-Jemen qed iseħħu attakki terroristiċi, bħall-attakki tas-17 ta' Ġunju f'San'a meta fost l-oħrajn ġew attakkati tliet moskej, li rriżultaw f'għadd ta' persuni mejta u midruba;

K.  billi fl-1 ta' Lulju 2015 in-NU ddikjarat is-sitwazzjoni fil-Jemen bħala emerġenza tat-tielet livell, l-ogħla fuq l-iskala; billi, skont il-pjan ta' emerġenza, in-NU se tipprova tilħaq 11.7 miljun ruħ li huma l-aktar fil-bżonn; billi s-sistema tas-saħħa jingħad li qed tiffaċċja ''kollass imminenti'', bl-għeluq ta' mill-inqas 160 faċilità tas-saħħa, minħabba n-nuqqas ta' sigurtà u nuqqas ta' fjuwil u provvisti;

L.  billi 15.9 miljun ruħ fil-Jemen huma fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja; billi l-aktar tfal vulnerabbli mhux se jkollhom aċċess għas-servizzi nutrizzjonali jew tal-kura tas-saħħa li għandhom bżonn minħabba n-nuqqas kbir ta' sigurtà li jeżisti;

M.  billi 9.9 miljun tifel u tifla ntlaqtu ħażin ħafna mill-kunflitt, u minn Marzu 2015 'l hawn inqatlu 279 tifel u tifla u ndarbu 402 oħra; billi mill-inqas 1.8 miljun tifel u tifla tilfu l-aċċess għall-edukazzjoni peress li l-iskejjel kellhom jagħlqu minħabba l-kunflitt, u dan ipoġġihom f'riskju akbar li jiġu reklutati jew użati minn gruppi armati u jagħmilhom suxxettibbli għal forom oħra ta' abbuż; billi, skont l-UNICEF, sa terz mill-ġellieda kollha fil-Jemen huma tfal, u tal-inqas 140 minnhom ġew reklutati bejn is-26 ta' Marzu u l-24 ta' April 2015 biss; billi ġie kkonfermat li, fl-2014, 156 tifel u tifla ġew reklutati u użati minn gruppi armati; billi fl-2015 din iċ-ċifra diġà rduppjat;

N.  billi l-UNICEF tikkalkula li aktar minn nofs miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin jinsabu f'riskju li jiżviluppaw malnutrizzjoni akuta serja, filwaqt li 1.2 miljun tifel u tifla taħt il-ħames snin jinsabu f'riskju ta' malnutrizzjoni akuta moderata – żieda ta' kważi d-doppju mill-bidu tal-kriżi 'l hawn;

O.  billi s-sistema tas-saħħa tinsab f'xifer kollass, u l-interruzzjoni tas-servizzi tat-tilqim qed tpoġġi madwar 2.6 miljun tifel u tifla taħt il-15-il sena f'riskju li taqbadhom il-ħosba u 2.5 miljun tifel u tifla f'riskju li taqbadhom id-dijarea – kundizzjoni potenzjalment fatali li tinfirex malajr fi żminijiet ta' kunflitt u ta' spostament tal-popolazzjonijiet; billi d-deni dengue qed jiżdied, m'hemmx kura biżżejjed għall-mard kroniku, u l-persunal u l-provvisti mediċi qed jitwaqqfu milli jaslu għand il-persuni li għandhom jilħqu;

P.  billi l-pajjiż dalwaqt jispiċċalu l-fjuwil, u billi dan diġà qiegħed jillimita t-tqassim tal-għajnuna u ma jdumx ma jwassal għal nuqqas potenzjalment fatali ta' ilma, peress li l-Jemen ibati minn nixfa kbira u għall-provvista tal-ilma tiegħu jiddependi kompletament fuq pompi tal-bjar fondi li jaħdmu bil-fjuwil;

Q.  billi l-Jemen huwa affettwat direttament mill-kriżi umanitarja fil-Qarn tal-Afrika wkoll, hekk kif aktar minn 250 000 rifuġjat, l-aktar mis-Somalja, huma maqbudin fil-pajjiż u qed jgħixu f'kundizzjonijiet prekarji; billi, barra minn hekk, il-Jemen qed jospita madwar miljun migrant Etjopjan, skont il-kalkoli tal-gvern;

R.  billi, peress li s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed teħżien, l-organizzazzjonijiet umanitarji rrilokaw ħafna mill-persunal internazzjonali tagħhom barra mill-pajjiż; billi huma ftit l-organizzazzjonijiet li għadhom jistgħu joperaw fil-Jemen u l-attivitajiet tagħhom huma limitati ħafna;

S.  billi l-Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) bbenefikat mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen, u qiegħda tespandi l-preżenza tagħha u tkabbar l-għadd u l-iskala tal-attakki terroristiċi tagħha;

T.  billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (ISIS) / Daesh stabbilixxa l-preżenza tiegħu fil-Jemen u wettaq attakki terroristiċi kontra l-moskej Xiiti, bil-qtil ta' mijiet ta' persuni; billi huwa mistenni li kemm l-AQAP u l-ISIS/Daesh se jisfruttaw in-nuqqas tas-sigurtà tal-Jemen sabiex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom u jippjanaw attakki kontra l-forzi tas-sigurtà Jemeniti, kontra l-Houthi u kwalunkwe preżenza tal-Punent;

U.  billi l-eskalazzjoni tal-kunflitt armat qed thedded lill-patrimonju kulturali tal-Jemen; billi fit-2 ta' Lulju 2015 il-Kumitat għall-Patrimonju Dinji qiegħed żewġ siti fil-Jemen fil-Lista ta' Patrimonju Dinji fil-Periklu: il-Belt Antika ta' San'a u l-Belt Antika Fortifikata ta' Shibam;

V.  billi l-UE imponiet embargo fuq l-armi u aktar sanzjonijiet immirati kontra mexxej Houthi u iben l-ex President Ali Abdullah Saleh; billi żewġ membri oħra tal-moviment Houthi, flimkien mal-ex President, tqiegħdu taħt l-istess restrizzjonijiet minn Diċembru 2014;

W.  billi, fl-2015, id-dipartiment għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO) tal-Kummissjoni Ewropea alloka EUR 25 miljun biex jgħin lill-komunitajiet madwar il-pajjiż affettwati minn malnutrizzjoni akuta, kunflitt u spostament furzat; billi, fl-2014, il-finanzjament totali mill-UE, mill-Istati Membri u l-Kummissjoni flimkien, għal għajnuna umanitarja fil-Jemen, kien jammontaw għal EUR 100.8 miljun, li minnhom EUR 33 miljun kienu mill-ECHO;

X.  billi l-appell umanitarju rivedut tan-NU talab USD 1.6 biljun, iżda madwar 10 % biss minn din iċ-ċifra huwa attwalment iffinanzjat;

1.  Huwa mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni politika, tas-sigurtà u dik umanitarja fil-Jemen, li qed tiddeterjora b'mod mgħaġġel; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt itemmu l-użu tal-vjolenza immedjatament; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; jenfasizza li l-UE affermat mill-ġdid l-impenn tagħha li tkompli tappoġġja lill-Jemen u l-poplu Jemenit;

2.  Jafferma mill-ġdid l-impenn qawwi tiegħu għall-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen, u jsostni lill-poplu tal-Jemen;

3.  Jikkundanna l-azzjonijiet destabilizzanti u vjolenti unilaterali meħuda mill-Houthi u l-unitajiet militari leali lejn l-ex President Saleh; jikkundanna wkoll l-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-imblokk navali li hija imponiet fuq il-Jemen, li wasslu għal eluf ta' mwiet, li komplew jiddestabbilizzaw lill-Jemen, li ħolqu kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-espansjoni ta' organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħall-ISIS/Daesh u l-AQAP, u li qegħdin jaggravaw sitwazzjoni umanitarja diġà kritika;

4.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-Jemen, b'mod partikolari l-Houthis, jaħdmu biex isolvu d-differenzi ta' bejniethom permezz tad-djalogu u l-konsultazzjoni; jistieden lill-atturi reġjonali kollha jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv mal-partijiet Jemeniti sabiex titnaqqas il-kriżi u tiġi evitata aktar instabbiltà reġjonali; jistieden lill-partijiet kollha jżommu lura milli jattakkaw siti ta' patrimonju kulturali u bini b'bumbardamenti jew b'attakki mill-ajru, jew milli jużawhom għal skopijiet militari;

5.  Jilqa' l-fatt li l-UE tenniet mill-ġdid l-impenn u d-determinazzjoni sodi tagħha biex tindirizza t-theddida tal-gruppi estremisti u terroristiċi, bħall-AQAP, u biex ma tħallihomx jieħdu aktar vantaġġ mis-sitwazzjoni preżenti;

6.  Jikkundanna kull forma ta' vjolenza u kull tentattiv jew theddida li tintuża l-vjolenza biex jiġu intimidati dawk li qed jipparteċipaw fil-konsultazzjonijiet bin-NU bħala intermedjarja; jenfasizza li d-djalogu politiku inklużiv negozjat min-NU għandu jkun proċess immexxi mill-Jemen, bl-intenzjoni li tiġi nnegozjata soluzzjoni politika bbażata fuq konsensus għall-kriżi tal-Jemen skont l-inizjattiva tal-GCC u l-Mekkaniżmu ta' Implimentazzjoni tagħha, l-eżiti tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu komprensiv, il-Ftehim ta' Paċi u Sħubija Nazzjonali u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

7.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-attakki terroristiċi mwettqa mill-ISIS/Daesh kontra moskej Xiiti f'San'a u Saada, li fihom inqatlu u ndarbu mijiet ta' persuni, flimkien mal-ideoloġija settarja estrema li tirfed dawn l-atti kriminali;

8.  Huwa allarmat bl-abbiltà tal-AQAP li tibbenefika mis-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà li qed tiddeterjora fil-Jemen; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-kunflitt juru bil-provi impenn sod u determinazzjoni għall-ġlieda kontra gruppi estremisti u terroristiċi bħall-ISIS/Daesh u l-AQAP, bħala kwistjoni tal-ogħla prijorità;

9.  Jikkundanna r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal mill-partijiet tal-kunflitt;

10.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tan-NU u tal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, biex jagħmluha ta’ intermedjarji għan-negozjati ta' paċi bejn il-partijiet; jappoġġja l-isforzi tal-Oman fil-kisba ta' waqfien mill-ġlied bejn il-Houthi u l-forzi leali lejn il-Gvern tal-Jemen bħala l-ewwel pass lejn soluzzjoni politika negozjata;

11.  Jenfasizza li jista' jkun hemm biss soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt; iħeġġeġ, għalhekk, lill-partijiet Jemeniti kollha jaħdmu biex isolvu d-differenzi ta' bejniethom permezz ta' djalogu, kompromess u qsim tal-poter, li jwasslu għall-formazzjoni ta' gvern ta' unità nazzjonali sabiex jerġa' jkun hemm il-paċi, jiġi evitat kollass ekonomiku u finanzjarju u tiġi indirizzata kriżi umanitarja;

12.  Jappella għal pawża umanitarja sabiex jiġi permess li għajnuna li tista' ssalva l-ħajjiet tilħaq il-poplu Jemenit b'mod urġenti; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jiffaċilitaw l-għoti ta' għajnuna umanitarja fil-partijiet kollha tal-Jemen, kif ukoll aċċess rapidu, sikur u bla xkiel li jippermetti lill-atturi umanitarji jilħqu lin-nies li jinsabu fil-bżonn ta' għajnuna umanitarja, inkluża dik medika, f’konformità mal-prinċipji ta’ imparzjalità, newtralità u indipendenza; ifakkar, ukoll, li għalhekk huwa essenzjali li l-aċċess tat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen jiġi ffaċilitat aktar;

13.  Jistieden lin-naħat kollha jikkonformaw mal-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u biex ma jattakkawx direttament infrastrutturi ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma, u ma jużawx binjiet ċivili għal skopijiet militari, u biex jaħdmu b'mod urġenti man-NU u l-organizzazzjonijiet ta' għajnuna umanitarja biex iwasslu l-għajnuna lil dawk fil-bżonn;

14.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU, u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji; jistieden lill-komunità internazzjonali tikkontribwixxi għall-appell umanitarju rivedut tan-NU;

15.  Jitlob investigazzjoni internazzjonali indipendenti dwar il-vjolazzjonijiet kollha allegati tad-drittijiet internazzjonali tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali;

16.  Jinnota l-progress li sar fil-Kumitat għat-Tfassil tal-Kostituzzjoni u jitlob kostituzzjoni inklużiva u trasparenti li tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit u li tirrifletti l-eżiti tal-Konferenza ta' Djalogu Nazzjonali, u jitlob li jiġi organizzat referendum dwar l-abbozz tal-kostituzzjoni, kif ukoll elezzjonijiet ġenerali fil-ħin, sabiex jiġi evitat deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni umanitarja u ta' sigurtà fil-Jemen;

17.  Ifakkar li l-libertà tar-reliġjon u t-twemmin hija dritt fundamentali, u jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe vjolenza jew diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-reliġjon jew it-twemmin fil-Jemen; itenni l-appoġġ tiegħu għall-inizjattivi kollha mmirati lejn il-promozzjoni tad-djalogu u r-rispett reċiproku bejn il-komunitajiet reliġjużi u oħrajn; jappella biex l-awtoritajiet reliġjużi kollha jippromwovu t-tolleranza u jieħdu inizjattivi kontra l-mibegħda, is-settarjaniżmu u r-radikalizzazzjoni vjolenti u estremista;

18.  Jistieden lill-VP/RGħ, flimkien mal-Istati Membri, jiksbu appoġġ fi ħdan in-NU, b’mod urġenti, għal pjan internazzjonali fuq skala kbira, biex jiżguraw il-provvista tal-ilma tal-Jemen, peress li tali azzjoni tista' tkun essenzjali biex potenzjalment iġġib proċess ta' paċi għal konklużjoni b’suċċess u tagħti lill-popolazzjoni l-prospett li tista' ttejjeb l-agrikoltura, titma' lilha nnifisha u terġa' tibni l-pajjiż;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.

 

 

Avviż legali