Proċedura : 2015/2757(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0690/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0690/2015

Dibattiti :

PV 09/07/2015 - 17.2
CRE 09/07/2015 - 17.2

Votazzjonijiet :

PV 09/07/2015 - 18.2

Testi adottati :

P8_TA(2015)0278

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 171kWORD 107k
8.7.2015
PE565.668v01-00}
PE565.670v01-00}
PE565.672v01-00}
PE565.674v01-00}
PE565.677v01-00}
PE565.678v01-00}
PE565.680v01-00} RC1
 
B8-0690/2015}
B8-0692/2015}
B8-0694/2015}
B8-0696/2015}
B8-0699/2015}
B8-0700/2015}
B8-0702/2015} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8‑0690/2015)

EFDD (B8‑0692/2015)

ECR (B8‑0694/2015)

PPE (B8‑0696/2015)

GUE/NGL (B8‑0699/2015)

ALDE (B8‑0700/2015)

S&D (B8‑0702/2015)


dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari l-każ ta' Yves Makwambala u Fred Bauma, żewġ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem detenuti (2015/2757(RSP))


Cristian Dan Preda, Davor Ivo Stier, Elmar Brok, Andrzej Grzyb, Lara Comi, Ildikó Gáll-Pelcz, Jiří Pospíšil, Claude Rolin, Patricija Šulin, Marijana Petir, Bogdan Brunon Wenta, Tomáš Zdechovský, Tunne Kelam, Michaela Šojdrová, Ivo Belet, Eduard Kukan, Dubravka Šuica, Mariya Gabriel, Andrej Plenković, Barbara Kudrycka, Lorenzo Cesa, József Nagy, Ramona Nicole Mănescu, Pavel Svoboda, Luděk Niedermayer, Jaromír Štětina, Therese Comodini Cachia, Maurice Ponga, Stanislav Polčák, László Tőkés, Krzysztof Hetman, Inese Vaidere, Brian Hayes, David McAllister, Ivana Maletić, Giovanni La Via, Elisabetta Gardini, Roberta Metsola f'isem il-Grupp PPE
Gianni Pittella, Maria Arena, Josef Weidenholzer, Victor Boştinaru, Richard Howitt, Norbert Neuser, Pier Antonio Panzeri, Elena Valenciano, Kashetu Kyenge, Linda McAvan, Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Goffredo Maria Bettini, Javi López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Nicola Danti, Isabella De Monte, Doru‑Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Maria Grapini, Theresa Griffin, Enrique Guerrero Salom, Sergio Gutiérrez Prieto, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Arne Lietz, Javi López, Krystyna Łybacka, Marlene Mizzi, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Gilles Pargneaux, Vincent Peillon, Tonino Picula, Miroslav Poche, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Olga Sehnalová, Siôn Simon, Tibor Szanyi, Claudia Tapardel, Marc Tarabella, Julie Ward, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho, Viorica Dăncilă f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Geoffrey Van Orden, Branislav Škripek, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Ilhan Kyuchyuk, Pavel Telička, Antanas Guoga, Filiz Hyusmenova, Juan Carlos Girauta Vidal, Izaskun Bilbao Barandica, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Ivo Vajgl, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Ramon Tremosa i Balcells, Marietje Schaake, Ivan Jakovčić, Gérard Deprez, Jozo Radoš, Nedzhmi Ali, Dita Charanzová, Johannes Cornelis van Baalen, Petr Ježek, Marielle de Sarnez, Alexander Graf Lambsdorff, Urmas Paet, José Inácio Faria, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Hannu Takkula, Catherine Bearder, Philippe De Backer f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Lola Sánchez Caldentey, Tania González Peñas, Patrick Le Hyaric f'isem il-Grupp GUE/NGL
Maria Heubuch, Heidi Hautala, Judith Sargentini, Michèle Rivasi, Davor Škrlec f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari l-każ ta' Yves Makwambala u Fred Bauma, żewġ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem detenuti (2015/2757(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari dik tat-12 ta' Settembru 2013(1), u r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE dwar dan is-suġġett,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari dik tal-21 ta' Jannar 2015,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari dik tal-11 ta' Frar 2015,

–   wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija adottat mill-Kunsill fit-22 ta' Ġunju 2015,

–   wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Jannar 2015 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-22 ta' Jannar 2015 tal-Mibgħuta Internazzjonali għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–   wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tat-12 ta' Frar 2015 mir-Rapporteur Speċjali tal-Unjoni Afrikana (UA) dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rapporteur Speċjali tal-UA dwar il-Ħabsijiet u l-Kundizzjonijiet ta' Detenzjoni fl-Afrika dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem wara l-avvenimenti marbuta mal-emenda għal-Liġi Elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–   wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,

–   wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline,

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–   wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ġiet irratifikata mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fl-1982,

–   wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari l-Artikoli 22, 23, 24 u 25 tagħha,

–   wara li kkunsidra l-appell tal-"Attivisti Filimbi Ħielsa" mniedi b'aktar minn 200 grupp tad-drittijiet tal-bniedem fil-15 ta' Ġunju 2015,

–   wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi bejn id-19 u l-21 ta' Jannar 2015 faqqgħu protesti madwar il-pajjiż kollu dwar abbozz ta' liġi elettorali li kienet se tippermetti l-estensjoni tal-mandat presidenzjali, liema estensjoni tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-kostituzzjoni, u li kienet se tirrikjedi t-twettiq ta' ċensiment potenzjalment twil ħafna qabel ma jsiru l-elezzjonijiet nazzjonali;

B.  billi skont l-awtoritajiet 27 ruħ mietu fil-protesti, għalkemm sorsi oħra jirrapportaw 42 każ ta' mewt, u billi 350 ruħ ġew arrestati, u xi wħud minnhom għadhom il-ħabs mingħajr proċess quddiem il-qorti, jew sfaw vittmi ta' għajbien furzat;

C. billi matul il-protesti f'Jannar 2015 il-gvern għalaq is-servizzi tal-internet u tal-SMSes;

D. billi, fl-aħħar mill-aħħar, il-liġi elettorali adottata mill-parlament ma kenitx tinkludi d-dispożizzjoni kontroversjali;

E.  billi, hekk kif bdew il-protesti l-awtoritajiet bdew repressjoni fuq l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-politiċi tal-oppożizzjoni li kienu pprotestaw paċifikament kontra din id-dispożizzjoni, inklużi Christopher Ngoyi, Jean-Claude Muyambo, Vano Kiboko u Cyrille Dowe, li għadhom qed jiġu detenuti għal raġunijiet li jidhru motivati politikament;

F.  billi, fil-15 ta' Marzu 2015, l-Aġenzija tal-Intelligence Nazzjonali (ANR) tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) arrestat u żammet f'detenzjoni aktar minn 30 ruħ mingħajr akkużi waqt it-tnedija ta' Filimbi, moviment taż-żgħażagħ favur id-demokrazija, inklużi parteċipanti internazzjonali u attivisti, mużiċisti, negozjanti u ġurnalisti mir-RDK;

G. billi l-biċċa l-kbira tal-attivisti u l-partitarji ġew rilaxxati u l-barranin tkeċċew mill-pajjiż, iżda billi Yves Makwambala u Fred Bauma għadhom qed jiġu detenuti fil-ħabs ta' Makala f'Kinshasa u huma akkużati li jappartjenu lil assoċjazzjoni li nħolqot bl-iskop li tattakka lin-nies u lill-proprjetà, tikkonfoffa kontra l-kap ta' stat u tipprova jew teqred jew inkella tbiddel ir-"reġim kostituzzjonali" u tinċita n-nies biex jużaw l-armi kontra l-awtorità statali; billi, barra minn hekk, l-awtoritajiet akkużaw ukoll lil Fred Bauma li ddisturba l-paċi, u lil Yves Makwambala li offenda lill-kap ta' stat fil-pubbliku, waqt li kienu qed jeżerċitaw il-libertà tagħhom ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni;

H. billi l-moviment Filimbi nħoloq bħala pjattaforma maħsuba biex tħeġġeġ liż-żgħażgħ tar-RDK iwettqu d-dmirijiet ċiviċi tagħhom b'mod paċifiku u responsabbli;

I.   billi f'Marzu u April 2015, f'Goma (ir-RDK tal-Lvant), l-awtoritajiet arrestaw u mbagħad irrilaxxaw mill-anqas 15-il attivista mill-moviment taż-żgħażagħ LUCHA li kienu qed jagħmlu dimostrazzjoni paċifika biex jesiġu r-rilaxx tal-kollegi tagħhom detenuti f'Kinshasa; billi erbgħa minn dawn l-attivisti qed jiffaċċjaw akkużi ta' inċitament għad-diżubbidjenza kontra l-awtorità pubblika;

J.   billi fis-27 ta' Marzu 2015 l-Assemblea Nazzjonali tar-RDK waqqfet missjoni ta' informazzjoni parlamentari biex tiġbor informazzjoni u tirrapporta dwar l-arresti; billi din il-missjoni kkonkludiet fir-rapport tagħha li ma kien hemm ebda evidenza li l-mexxejja u l-parteċipanti Filimbi kienu involuti fi kwalunkwe attakk terroristiku jew delitti vjolenti oħra, jew li kienu qed jippjanaw tali attakki jew delitti, u appellat sabiex tinsab soluzzjoni politika għar-rilaxx immedjat tagħhom;

K. billi, fil-15 ta' Ġunju 2015, 14-il organizzazzjoni internazzjonali u 220 organizzazzjoni Kongoliża għad-drittijiet tal-bniedem appellat għar-rilaxx immedjat u inkondizzjonat taż-żewġ attivisti;

L.  billi, f'dan il-kuntest, instab qabar tal-massa b'madwar 421 ġisem f'Maluku, madwar 80 km miċ-ċentru ta' Kinshasa;

M. billi l-Ministru għall-Ġustizzja reċentement ammetta li s-sistema tal-ġustizzja tar-RDK hija mifnija b'ħafna problemi, inklużi l-klijenteliżmu, l-abbuż mill-influwenza, il-korruzzjoni, l-impunità u l-inġustizzja f'deċiżjonijiet ġudizzjarji;

N. billi l-libertà tal-istampa hija limitata minn theddid u attakki kontra l-ġurnalisti, u ħafna mill-midja ngħalqu jew ġew iċċensurati illegalment;

O. billi l-elezzjonijiet nazzjonali li jmiss huma skedati għal Novembru 2016, b'aġenda diffiċli fir-rigward tal-organizzazzjoni u l-finanzjament tagħhom;

P.  billi s-soċjetà ċivili kellha rwol importanti fir-RDK fil-kuntest tat-tranżizzjoni politika tal- 2003, l-elezzjonijiet tal-2006 u l-2011, ir-reviżjoni tal-kuntratti tal-minjieri, is-sospensjoni tar-RDK fl-2013 mill-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi, u l-abbozzar tal-Liġi Elettorali tal-2013 u tal-leġiżlazzjoni kontra l-vjolenza sesswali;

Q. billi r-reazzjoni tal-gvern għall-impenn tas-soċjetà ċivili hija tentattiv biex l-attivisti u l-organizzazzjonijiet ta' protezzjoni jiġu trattati bħall-oppożizzjoni politika bil-għan li jdgħajjifhom;

R.  billi f'Ġunju 2014, l-UE bagħtet missjoni elettorali ta' segwitu li indikat il-ħtieġa li jiġi aġġornat ir-reġistru elettorali, il-ħtieġa li jinħolqu kundizzjonijiet għal kompetizzjoni ġusta fost il-kandidati u l-ħtieġa li jissaħħu l-protezzjoni tal-libertajiet pubbliċi, is-sistema tat-tilwim elettorali u l-ġlieda kontra l-impunità;

S.  billi l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2014-2020 għar-RDK, b'finanzjament ta' EUR 620 miljun mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, jagħti prijorità lit-tisħiħ tal-governanza u l-istat tad-dritt, inklużi r-riformi tal-ġudikatura, il-pulizija u l-armata;

1.  Jiddeplora t-telf ta' ħajjiet u l-vjolenza arbitrarja kontra d-dimostranti matul il-protesti ta' Jannar 2015, kif ukoll l-arresti ta' tali dimostranti, flimkien mar-repressjoni tal-attivisti u tal-avversarji politiċi, b'mod partikolari l-avvenimenti li seħħew matul it-tnedija tal-moviment Filimbi f'Marzu 2015;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-RDK jirrilaxxaw lil Yves Makwambala u lil Fred Bauma immedjatament u inkondizzjonatament, u li jirrevokaw l-akkużi kollha kontrihom u kontra mexxejja Filimbi oħrajn kif ukoll kwalunkwe attivista ieħor, il-priġunieri tal-kuxjenza u l-avversarji politiċi arrestati u detenuti b'mod arbitrarju biss għall-fehmiet politiċi tagħhom jew talli ħadu sehem f'attivitajiet paċifiċi;

3.  Jappoġġa l-appelli tal-Assemblea Nazzjonali tar-RDK biex tintlaħaq malajr soluzzjoni politika li tippermetti lill-membri ta' Filimbi u ta' assoċjazzjonijiet paċifiċi tas-soċjetà ċivili oħra jeżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni mingħajr il-biża' li jiġu segwiti jew ippersegwitati;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw li d-detenuti ma kinux, u mhumiex, soġġetti għal kwalunkwe att ta' tortura jew trattament ħażin, u jiggarantixxu l-protezzjoni sħiħa u l-aċċess għall-familji u l-avukati tagħhom;

5.  Iqis li l-fatt li l-ANR żammet lid-detenuti bla akkuża għal aktar minn 48 siegħa, ċaħdithom mill-aċċess għall-assistenza ġuridika u mingħajr ma ressqithom quddiem awtorità ġudizzjarja kompetenti, jippreżenta vjolazzjoni sfaċċata tad-drittijiet garantiti permezz tal-kostituzzjoni tar-RDK;

6.  Jitlob li jingħata bidu għal investigazzjoni sħiħa, bir-reqqa u trasparenti mill-Gvern tar-RDK, flimkien mas-sħab internazzjonali, dwar l-avvenimenti ta' Jannar u Marzu 2015, u li kwalunkwe azzjoni illegali jew ċaħda tad-drittijiet jew tal-libertajiet jiġu identifikati; jinsisti li kull uffiċjal suspettat li huwa responsabbli għall-ksur tad-drittijiet jew tal-libertajiet iggarantiti minn testi nazzjonali u internazzjonali jeħtieġlu jitressaq quddiem il-ġustizzja;

7.  Huwa mħasseb ferm dwar it-tentattivi kontinwi maħsuba biex jillimitaw il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni u dwar iż-żieda fil-ksur ta' dawn il-libertajiet mill-awtoritajiet, minħabba li l-klima politika adatta hija indispensabbli biex jinkiseb ċiklu elettorali b'suċċess fir-RDK fis-sena li jmiss;

8.  Jiddispjaċih b'mod partikolari li dawn il-vjolazzjonijiet jimmiraw speċifikament għall-mexxejja tal-oppożizzjoni u l-movimenti taż-żgħażagħ;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-RDK jiżguraw li l-libertajiet imsemmija hawn fuq jiġu rispettati immedjatament u inkondizzjonatament, partikolarment fil-perjodu elettorali, kif iggarantit mill-kostituzzjoni tar-RDK u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

10. Ifakkar li r-rispett għad-diversità u l-oppożizzjoni politiċi, dibattitu politiku miftuħ u paċifiku, u l-eżerċizzju sħiħ tal-libertajiet kostituzzjonali ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika, ta' assoċjazzjoni u ta' informazzjoni huma indispensabbli sabiex jiggarantixxu elezzjonijiet demokratiċi li huma kredibbli, inklużivi, paċifiċi u f'waqthom; jinsisti li dawn il-garanziji huma ta' importanza kbira b'mod partikolari fir-reġjun volatili tal-Lagi l-Kbar u jiddependu wkoll mill-implimentazzjoni b'suċċess tal-Ftehim ta' Paċi, Sigurtà u Kooperazzjoni ta' Addis Ababa; jappoġġa, f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-Mibgħuta Internazzjonali għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

11. Jinkoraġġixxi lill-parlament u lis-senat tar-RDK, u lill-President tagħha, Joseph Kabila, jimplimentaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonsolidaw id-demokrazija u jiżguraw parteċipazzjoni ġenwina fil-governanza tal-pajjiż mill-forzi politiċi kollha, is-soċjetà ċivili u l-movimenti favur id-demokrazija li jesprimu r-rieda tan-nazzjon tar-RDK, abbażi tar-regoli kostituzzjonali u ġuridiċi kif ukoll f'elezzjonijiet ħielsa u ġusti;

12. Jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' pjattaformi bħal Filimbi li jippermettu lill-forzi favur id-demokrazija jinstemgħu, u jiffavorixxi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fi proċess elettorali li ġew esklużi minnu b'mod inġust;

13. Ifakkar fl-impenn li ħadet ir-RDK fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou li tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-midja, il-governanza tajba u t-trasparenza f'karigi politiċi; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jirrispetta dawn id-dispożizzjonijiet skont l-Artikoli 11(b), 96 u 97 tal-Ftehim ta' Cotonou u, fin-nuqqas ta' dan, jitlob lill-Kummissjoni tagħti bidu għall-proċedura rilevanti skont l-Artikoli 8, 9 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

14. Jinsisti li n-natura u l-ammont ta' aktar appoġġ mill-UE għall-proċess elettorali fir-RDK irid jiddependi mill-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE tal-2011 u l-missjoni ta' segwitu tal-2014, fir-rispett għall-kalendarju elettorali u fil-preżentazzjoni ta' baġit kredibbli;

15. Iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE timmonitorja l-iżviluppi u tuża l-għodod u l-istrumenti kollha xierqa, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex tappoġġa d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-movimenti favur id-demokrazija;

16. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet ġudizzjarji tar-RDK jasserixxu l-indipendenza tagħhom minn kwalunkwe strumentalizzazzjoni politika u jiżguraw il-protezzjoni tad-drittijiet rikonoxxuti minn strumenti ġuridiċi, bħall-aċċess għall-ġustizzja u d-dritt għal proċess ġust;

17. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK jieqfu jimminimizzaw is-sinifikat tal-qabar tal-massa qrib Kinshasa, u jtenni l-appell tal-UE u tan-NU għal investigazzjoni urġenti, trasparenti u kredibbli biex il-familji tal-persuni nieqsa jħossu ruħhom assigurati u biex jintemmu d-diversi allegazzjonijiet;

18. Jiddenunzja l-għeluq illegali u ċ-ċensura abbużiva tal-midja, kif ukoll l-għeluq temporanju tat-telekomunikazzjoni;

19. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-gvernijiet tal-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-RDK, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2013)0388.

Avviż legali