Proċedura : 2015/2834(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0866/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0866/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/09/2015 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0319

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 181kWORD 90k
9.9.2015
PE565.834v01-00}
PE565.840v01-00}
PE565.842v01-00}
PE565.846v01-00}
PE565.847v01-00}
PE565,848v01-00} RC1
 
B8-0866/2015}
B8-0872/2015}
B8-0874/2015}
B8-0878/2015}
B8-0879/2015}
B8-0880/2015} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B8‑0866/2015)

ECR (B8‑0872/2015)

EFDD (B8‑0874/2015)

Verts/ALE (B8‑0878/2015)

S&D (B8‑0879/2015)

ALDE (B8‑0880/2015)


dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2015/2834(RSP))


Cristian Dan Preda, Arnaud Danjean, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Jacek Saryusz-Wolski, Sandra Kalniete, Elmar Brok, Andrej Plenković, Jaromír Štětina, Gabrielius Landsbergis, Jerzy Buzek, Michael Gahler, Tunne Kelam, Andrzej Grzyb, David McAllister, Barbara Kudrycka, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jiří Pospíšil, Pavel Svoboda, Ramón Luis Valcárcel Siso f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Richard Howitt, Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Caputo, Andi Cristea, Viorica Dăncilă, Nicola Danti, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Ana Gomes, Maria Grapini, Roberto Gualtieri, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Kashetu Kyenge, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Pier Antonio Panzeri, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Jutta Steinruck, Tibor Szanyi, Claudia Tapardel, Elena Valenciano, Julie Ward, Josef Weidenholzer, Andrejs Mamikins f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Angel Dzhambazki, Kazimierz Michał Ujazdowski, Marek Jurek, Beata Gosiewska, Ryszard Czarnecki, Mark Demesmaeker, Zdzisław Krasnodębski, Zbigniew Kuźmiuk, Jadwiga Wiśniewska f'isem il-Grupp ECR
Urmas Paet, Petras Auštrevičius, Fernando Maura Barandiarán, Javier Nart, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Rebecca Harms f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2015/2834(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–   wara li kkunsidra s-summit tas-Sħubija tal-Lvant li sar f'Riga f’Mejju 2015 flimkien mad-dikjarazzjoni tiegħu,

–   wara li kkunsidra d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Belarussja tat-28 ta' Lulju 2015,

–   wara li kkunsidra l-ħelsien ta’ sitt priġunieri politiċi mill-awtoritajiet Belarussi fit-22 ta' Awwissu 2015, segwit mid-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar il-ħelsien ta' priġunieri politiċi fil-Belarussja fit-22 ta' Awwissu 2015,

–   wara li kkunsidra l-elezzjonijiet presidenzjali li jmiss fil-Belarussja skedati għall-11 ta' Ottubru 2015,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi, minkejja intensifikazzjoni evidenti tal-kuntatti bejn il-Belarussja u l-UE u l-Istati Uniti, fil-Belarussja qed ikompli jippersisti l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ir-raids tal-pulizija u l-konfiska tat-tagħmir tagħhom, kif ukoll l-espulsjonijiet furzati mill-Belarussja, kif ikkonfermat mir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja;

B.  billi l-ewwel żjara uffiċjali mill-2002 ’l hawn tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Belarussja saret f'Minsk mit-18 sad-19 ta' Ġunju 2015; billi l-Parlament Ewropew attwalment m'għandu ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu;

C. billi titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, ir-rispett tad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja; billi l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bis-sħiħ li tkompli tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-libertà tal-espressjoni u l-midja;

D. billi kien hemm xi progress fil-kooperazzjoni fuq xi politiki settorjali, bħall-edukazzjoni għolja, it-taħriġ vokazzjonali, is-suq diġitali, is-settur tal-enerġija, is-sikurezza tal-ikel u l-kultura, progress li kellu impatt pożittiv biex jinbeda dibattitu kostruttiv fis-soċjetà Belarussa dwar ir-riformi meħtieġa u dwar sensibilizzazzjoni dwar l-UE; billi l-UE jeħtiġilha tiżgura, madankollu, li r-riżorsi tagħha ma jintużawx għar-repressjoni tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti indipendenti u l-mexxejja tal-oppożizzjoni;

E.  billi, mill-1994 ’l hawn, fil-Belarussja ma saret l-ebda elezzjoni ħielsa u ġusta skont leġiżlazzjoni elettorali konformi mal-istandards internazzjonali, u billi l-liġi attwali tagħti vantaġġ enormi lill-president fil-kariga; billi l-OSKE/ODIHR skjerat il-missjoni ta’ osservazzjoni elettorali fit-tul tagħha fil-Belarussja u se tikkoordina l-ħidma ta’ osservaturi fuq perjodu qasir;

F.  billi fit-2 ta' April 2015, il-President Lukashenko ffirma d-Digriet Nru 3 "Dwar il-prevenzjoni ta' dipendenza soċjali" li jipprevedi xogħol obbligatorju għal persuni qiegħda bit-theddida ta' ħlas ta' tariffa speċjali lill-baġit tal-istat jew obbligu amministrattiv fil-forma ta' multa jew arrest amministrattiv;

G. billi fl-1 ta’ Jannar 2015 ġiet introdotta liġi ġdida li tirregola l-forom kollha tal-midja; billi din il-liġi tippermetti lill-gvern li jagħlaq kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni tal-massa, inkluża l-midja onlajn, jekk dawn jippubblikaw kontenut li huwa jqis ‘mhux adatt’;

H. billi l-awtoritajiet Belarussi fl-aħħar ħelsu s-sitt priġunieri politiċi kollha, inlużi ex kandidati presidenzjali, wara snin jiċħdu l-eżistenza tagħhom;

I.   billi fit-13 ta’ Lulju u fil-31 ta’ Lulju 2015, il-Kunsill irreveda l-miżuri ristrettivi fil-konfront tal-Belarus u emenda l-lista tal-projbizzjoni tal-viża u tal-iffriżar tal-assi, u minnha neħħa xi uffiċjali u kumpaniji; billi 175 individwu, inkluż Alexander Lukashenko, bħalissa jinsabu soġġetti għal projbizzjoni ta' dħul u kollha kemm huma, flimkien ma’ 18-il entità ekonomika huma soġġetti għal iffriżar tal-assi fi ħdan l-UE; billi fix-xhur li ġejjin għandha ssir valutazzjoni tal-miżuri ristrettivi tal-UE, li se tkun qed tikkunsidra l-aktar żviluppi reċenti u l-fatturi l-oħra kollha li abbażi tagħhom kienu ttieħdu l-miżuri ristrettivi;

J.   billi, fit-28 ta’ Lulju 2015, l-UE u r-Repubblika tal-Belarussja kellhom djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem fi Brussell li ffoka fuq firxa ta' kwistjonijiet, fosthom it-twaqqif ta' Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, il-piena tal-mewt, il-ġlieda kontra t-tortura u t-trattament ħażin, u d-drittijiet tat-tfal;

K. billi l-Belarussja kellha rwol kostruttiv fil-faċilitazzjoni ta’ ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna;

L.  billi l-kunflitt fl-Ukrajna kompla jżid il-biża’ tas-soċjetà Belarussa li jkun hemm destabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni interna b’konsegwenza ta’ bidla fil-poter;

M. billi l-Belarussja tibqa' l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali;

1.  Jibqa' mħassab ferm dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Belarussja, kif ukoll dwar in-nuqqasijiet irreġistrati mill-osservaturi internazzjonali indipendenti matul l-elezzjonijiet preċedenti u l-persekuzzjoni attiva tal-mexxejja tal-oppożizzjoni wara l-elezzjoni;

2.  Jilqa’ l-ħelsien li ngħata reċentement lill-priġunieri politiċi li kien fadal; jistieden lill-Gvern Belarussu jirriabilita l-priġunieri politiċi meħlusa u jagħtihom lura d-drittijiet ċivili u politiċi kollha tagħhom; jisħaq li dan jista’ jkun l-ewwel pass potenzjali biex jittejbu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarussja; josserva, minkejja dan, li fl-imgħoddi, passi simili ma kinux ġesti sinċieri u l-ebda minnhom ma kkontribwixxa għat-titjib tas-sitwazzjoni tas-soċjetà Belarussa u lanqas ma tejjeb ir-relazzjonijiet mal-UE;

3.  Jistieden lill-Belarussja tmexxi l-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin f’konformità ma’ standards rikonoxxuti internazzjonalment, tagħti aċċess mingħajr xkiel lill-oppożizzjoni għall-mezzi ta' komunikazzjoni kollha li huma kkontrollati mill-gvern, u tħalliha wkoll tipparteċipa fl-elezzjonijiet f’kundizzjoniet ekwi, b’mod partikolari billi toħloq kummissjonijiet elettorali indipendenti u tippermettilhom ikunu rappreżentati b’mod adegwat fil-livelli kollha kif ukoll li ssir votazzjoni trasparenti;

4.  Jistenna li l-awtoritajiet iwaqqfu l-intimidazzjoni tal-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi; iħeġġiġhom jieqfu l-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22.9, Taqsima 2 tal-Kodiċi Amministrattiv kontra l-ġurnalisti indipendenti li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, li tillimita d-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u għat-tixrid ta' informazzjoni;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-detenzjoni reċenti u l-prosekuzzjoni krimnali li għaddejja tal-attivisti żgħażagħ Maksim Piakarski, Vadzim Zharomski u Viachaslau Kasinerau fuq suspett ta' "ħuliganiżmu malizzjuż", miżuri li huwa jqis bħala sproporzjonati, u jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza li ġarrbu;

6.  Ifakkar li mill-2010 ’l hawn ġew iġġustizzjati għaxar persuni fil-Belarussja, bi tliet eżekuzzjonijiet fl-2014 biss, u li fit-18 ta' Marzu 2015 ingħatat sentenza ġdida ta' piena tal-mewt; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Belarussja, l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena tal-mewt, sabiex tingħaqad mal-moratorju globali fuq l-eżekuzzjoni tal-piena ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Belarussja jirrispetta r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali dwar l-abolizzjoni ta' elementi ta' xogħol furzat fil-pajjiż;

8.  Jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni tal-minoranzi nazzjonali fil-pajjiż u l-organizzazzjonijiet kulturali tiegħu, li l-mexxejja tagħhom xi drabi ġew sostitwiti minn individwi ppreferuti mill-awtoritajiet tal-istat, prattika li tikkostitwixxi ksur ta’ waħda mil-libertajiet bażiċi tal-bniedem: il-libertà ta' assoċjazzjoni;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi sabiex jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Belarussja;

10. Jinnota l-organizzazzjoni tas-sitt ċiklu ta’ konsultazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja dwar kwistjonijiet ta’ modernizzazzjoni, li sar fi Brussell fit-3 ta’ Settembru 2015, meta d-delegazzjonijiet iddiskutew l-prospetti għal kooperazzjoni fl-oqsma ewlenin, abbażi tal-ftehimiet li ntlaħqu fl-2014 u l-2015; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill biex jiżguraw li kwalunkwe parteċipazzjoni mill-awtoritajiet fid-Djalogu dwar il-Modernizzazzjoni, id f'id u f’kundizzjoijiet ekwi mal-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà ċivili, issir bir-rispett sħiħ tal-prinċipji demokratiċi, bil-għan li tiġi żviluppata ekonomija kompetittiva sostenibbli u jitrawmu r-riformi domestiċi, kif ukoll soċjetà pluralistika u l-istat tad-dritt;

11. Jappoġġa l-Kummissjoni fil-politika tagħha ta’ ‘impenn kritiku’ mal-awtoritajiet Belarussi, u jesprimi ruħu lest li jikkontribwixxi f’din il-politika anki permezz tad-Delegazzjoni tal-Parlament dwar ir-relazzjonijiet mal-Belarussja; ifakkar, minkejja dan, li l-UE jeħtiġilha żżomm għajnejha miftuħa f’dak li jikkonċerna l-post fejn jiġu assenjati r-riżorsi tagħha, u tiżgura li dawn ma jikkontribwixxux biex ikomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili;

12. Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tappoġġa, bil-mezzi finanzjarji u politiċi kollha, l-isforzi tas-soċjetà ċivili Belarussa, tal-midja indipendenti u tal-organizzazzjonijiet nongovernattivi fil-Belarussja biex tappoġġa l-aspirazzjonijiet demokratiċi tal-poplu Belarussu;

13. Jilqa' l-progress irreġistrat fil-kooperazzjoni settorjali mal-Belarussja fl-oqsma tal-edukazzjoni għolja, it-taħriġ vokazzjonali, is-suq diġitali, is-settur tal-enerġija, is-sikurezza tal-ikel u l-kultura, fost oħrajn;

14. Jinnota li f'Jannar 2014 ingħata bidu għan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi bl-għan li jittejjeb il-kuntatt bejn il-persuni u li tiġi mħeġġa s-soċjetà ċivili; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħaffef il-progress f’dan ir-rigward;

15. Jirrikonoxxi ż-żieda fl-użu tal-ilsien Belarussu fil-ħajja pubblika; jieħu nota tal-pjanijiet tal-Ministeru għall-Edukazzjoni li jħeġġeġ l-użu tal-ilsien Belarussu fl-edukazzjoni, kif ukoll il-pubblikazzjoni ta' atti leġiżlattivi mill-Qorti Kostituzzjonali kemm bir-Russu kif ukoll bil-Belarussu;

16. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni jsibu mezzi oħra biex jappoġġaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja; jisħaq, f’dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jingħata sostenn lis-sorsi ta’ informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li xxandar il-programmi bl-ilsien Belarussu minn barra l-pajjiż;

17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

 

Avviż legali