Proċedura : 2015/2879(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0998/2015

Testi mressqa :

RC-B8-0998/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2015 - 9.7

Testi adottati :

P8_TA(2015)0348

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 458kWORD 103k
7.10.2015
PE568.485v01-00}
PE568.486v01-00}
PE568.488v01-00}
PE568.493v01-00}
PE568.494v01-00}
PE568.495v01-00} RC1
 
B8-0998/2015}
B8-0999/2015}
B8-1001/2015}
B8-1006/2015}
B8-1007/2015}
B8-1008/2015} RC1

imressqa skont l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8‑0998/2015)

ECR (B8‑0999/2015)

PPE (B8‑1001/2015)

ALDE (B8‑1006/2015)

GUE/NGL (B8‑1007/2015)

S&D (B8‑1008/2015)


dwar il-piena tal-mewt (2015/2879 (RSP))


Cristian Dan Preda, Andrzej Grzyb, Therese Comodini Cachia, Andrej Plenković, László Tőkés, Davor Ivo Stier, Miroslav Mikolášik, David McAllister, Dubravka Šuica, Michael Gahler, Patricija Šulin, Luděk Niedermayer, Adam Szejnfeld, Tomáš Zdechovský, Pavel Svoboda, Ivana Maletić, Jaromír Štětina, Roberta Metsola, Michaela Šojdrová, Claude Rolin, Jiří Pospíšil, Milan Zver, Francisco José Millán Mon, Anna Maria Corazza Bildt, Lara Comi, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Elmar Brok, Ramón Luis Valcárcel Siso f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Pier Antonio Panzeri, Josef Weidenholzer, Richard Howitt, Liisa Jaakonsaari, Ana Gomes, Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Maria Arena, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Nicola Caputo, Andi Cristea, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Nicola Danti, Isabella De Monte, Anneliese Dodds, Jonás Fernández, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Elena Gentile, Neena Gill, Maria Grapini, Enrique Guerrero Salom, Jytte Guteland, Cătălin Sorin Ivan, Jude Kirton-Darling, Jeppe Kofod, Javi López, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Marlene Mizzi, Luigi Morgano, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Péter Niedermüller, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Tonino Picula, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Siôn Simon, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Patrizia Toia, Julie Ward f'isem il-Grupp S&D
Mark Demesmaeker, Joachim Starbatty, Bernd Lucke, Hans-Olaf Henkel, Bernd Kölmel, Ulrike Trebesius, Raffaele Fitto, Ruža Tomašić, Jana Žitňanská, Marcus Pretzell, Beatrix von Storch, Charles Tannock, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
Beatriz Becerra Basterrechea, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Philippe De Backer, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Juan Carlos Girauta Vidal, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Anneli Jäätteenmäki, Kaja Kallas, Ilhan Kyuchyuk, Alexander Graf Lambsdorff, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Younous Omarjee, Eleonora Forenza, Curzio Maltese, Sofia Sakorafa, Lola Sánchez Caldentey, Barbara Spinelli, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Kostadinka Kuneva, Dimitrios Papadimoulis, Takis Hadjigeorgiou f'isem il-Grupp GUE/NGL
Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Davor Škrlec, Igor Šoltes, Bodil Valero, Ernest Maragall, Klaus Buchner, Ernest Urtasun, Jean Lambert f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Marco Zullo, Fabio Massimo Castaldo, Eleonora Evi, Daniela Aiuto

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-piena tal-mewt (2015/2879 (RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt, b'mod partikolari dik tas-7 ta' Ottubru 2010,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Ottubru 2014 minn Federica Mogherini, Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u Thorbjørn Jagland, Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, dwar il-Jum Ewropew u Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt,

–  wara li kkunsidra l-Protokolli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

–  wara li kkunsidra r-reġim ta' kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE rigward prodotti li jistgħu jintużaw għall-piena tal-mewt, li bħalissa qiegħed jiġi aġġornat,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u t-Tieni Protokoll Fakoltattiv tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1984 kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra,

–  wara li kkunsidra l-Istudju dwar l-impatt tal-problema dinjija tad-droga fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, maħruġ mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem f'Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt (A/RES/69/186),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali adottata mill-5 Kungress Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt li sar f'Madrid mit-12 sal-15 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-Jum Dinji u l-Jum Ewropew Kontra l-Piena tal-Mewt, li jokkorri fl-10 ta' Ottubru kull sena,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt madwar id-dinja hija waħda mill-objettivi ewlenin tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi l-Jum Dinji Kontra l-Piena tal-Mewt fl-10 ta' Ottubru 2015 għandu l-għan li "jqajjem kuxjenza dwar l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga";

C.  billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, aktar minn 160 stat membru tan-NU, li għandhom varjetà ta' sistemi ġuridiċi, tradizzjonijiet, kulturi u reliġjonijiet, jew abolixxew il-piena tal-mewt jew inkella ma japplikawhiex;

D.  billi l-aħħar ċifri juru li huwa magħruf li tal-anqas 2 466 persuna f'55 pajjiż ġew ikkundannati għall-mewt fl-2014 – żieda ta' kważi 23 % fuq iċ-ċifra għall-2013; billi twettqu mill-anqas 607 eżekuzzjonijiet madwar id-dinja fl-2014; billi dawn iċ-ċifri ma jinkludux l-għadd ta' persuni li huwa mifhum li ġew iġġustizzjati fiċ-Ċina, pajjiż li baqa' jwettaq aktar eżekuzzjonijiet mill-bqija tad-dinja kollha kemm hi, filwaqt li baqa' jgħaddi eluf ta' kundanni ta' mewt; billi l-kundanni ta' mewt u l-eżekuzzjonijiet qed ikomplu b'rata allarmanti fl-2015; billi ż-żieda fil-kundanni ta' mewt għandha rabta mill-qrib ma' deċiżjonijiet tal-qrati fi proċessi tal-massa b'reazzjoni għal reati marbuta mat-terroriżmu f'pajjiżi bħall-Eġittu u n-Niġerja; billi ċ-Chad u t-Tuneżija qed jikkunsidraw il-possibbiltà li jerġgħu jintroduċu l-piena tal-mewt; billi l-kundanni ta' mewt għadhom jingħataw u jiġu eżegwiti f'uħud mill-Istati Uniti tal-Amerika;

E.  billi huwa rrappurtat li xi persuni ġew ikkundannati għall-mewt bit-tħaġġir fil-Pakistan, in-Niġerja, l-Afganistan, l-Iran, l-Iraq, is-Sudan, is-Somalja u l-Arabja Sawdija, u billi f'dawn l-aħħar snin mijiet ta' nisa sfaw imħaġġra għall-mewt minħabba l-adulterju; billi t-tħaġġir bħala metodu tat-twettiq tal-piena tal-mewt jitqies bħala forma ta' tortura;

F.  billi tmien Stati għandhom il-piena tal-mewt għall-omosesswalità fil-leġiżlazzjoni tagħhom (il-Mauritania, is-Sudan, l-Iran, l-Arabja Sawdija, il-Jemen, il-Pakistan, l-Afganistan u l-Qatar) u billi provinċji fin-Niġerja u fis-Somalja uffiċjalment jimplimentaw il-piena tal-mewt għal atti sesswali bejn persuni tal-istess sess;

G.  billi l-piena tal-mewt ħafna drabi tintuża kontra persuni żvantaġġati u nies b'mard mentali, u b'mod partikolari kontra membri ta' minoranzi nazzjonali u kulturali;

H.  billi 33 stat japplikaw il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-drogi, bir-riżultat li kull sena jitwettqu madwar 1 000 eżekuzzjoni; billi huwa magħruf li fl-2015 twettqu eżekuzzjonijiet għal reati ta' dan it-tip fiċ-Ċina, l-Iran, l-Indoneżja u l-Arabja Sawdija; billi fl-2015 baqgħu jiġu imposti kundanni ta' mewt għal reati relatati mad-droga fiċ-Ċina, l-Indoneżja, l-Iran, il-Kuwajt, il-Malasja, l-Arabja Sawdija, is-Sri Lanka, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Vjetnam; billi dawn ir-reati jistgħu jinkludu diversi akkużi relatati mat-traffikar jew il-pussess tad-droga;

I.  billi fl-aħħar 12-il xahar kien hemm mewġa globali tal-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-drogi, b'tali mod li għadd ta' stati ġġustizzjaw individwi għal reati relatati mad-droga b'rata kunsiderevolment ogħla, filwaqt li oħrajn fittxew li jintroduċu l-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, jew inkella temmew moratorji fuq il-piena tal-mewt li kienu ilhom fis-seħħ żmien twil;

J.  billi, skont kif ġie rrappurtat, l-Iran iġġustizzja 394 persuna ħatja ta' reati relatati mad-droga fl-ewwel sitt xhur tal-2015, meta mqabbel ma' 367 persuna tul l-2014 kollha kemm hi; billi nofs l-eżekuzzjonijiet kollha li twettqu fl-Arabja Sawdija din is-sena kienu jirrigwardaw reati marbuta mad-droga, meta mqabbel mal-4% biss tal-għadd totali fl-2010; billi tal-anqas 112-il persuna ħatja ta' reati marbuta mad-droga qegħdin jistennew li jiġu ġġustizzjati fil-Pakistan;

K.  billi għadd ta' ċittadini ta' Stati Membri tal-UE jew sfaw iġġustizzjati jew inkella qed jistennew li jiġu ġġustizzjati f'pajjiżi terzi għal reati relatati mad-droga;

L.  billi l-Artikolu 6(2) tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi jistipula li l-piena tal-mewt tista' tiġi applikata biss għad-"delitti l-aktar gravi"; billi l-Kumitat tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u r-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji u Arbitrarji u dwar it-Tortura ddikjaraw li l-piena tal-mewt ma għandhiex tiġi imposta għal reati relatati mad-droga; billi l-piena tal-mewt obbligatorja u l-użu tagħha għal reati relatati mad-droga huma kontra d-dritt u l-istandards internazzjonali;

M.  billi l-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi ħeġġeġ lil dawk l-istati li jimponu l-piena tal-mewt biex jabolixxuha kompletament għal reati relatati mad-droga;

N.  billi l-Kummissjoni u l-Istati Membri taw tal-anqas EUR 60 miljun lill-programmi għall-ġlieda kontra n-narkotiċi tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC), li jikkonċentraw fuq l-infurzar kontra d-droga f'pajjiżi li japplikaw b'mod attiv il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; billi rapporti reċenti minn NGOs esprimew tħassib dwar il-fatt li programmi ffinanzjati mill-Ewropa għall-ġlieda kontra n-narkotiċi fi stati li għad għandhom il-piena tal-mewt jista' jkun li qed jinkoraġġixxu l-kundanni ta' mewt u l-eżekuzzjonijiet, u billi jeħtieġ li dawn ir-rapporti jiġu vvalutati;

O.  billi, fil-qafas tal-Istrument tal-UE li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi (IcSP) u l-predeċessur tiegħu, l-Istrument għall-Istabbiltà (IfS), il-Kummissjoni tat bidu għal żewġ miżuri ta' skala kbira kontra n-narkotiċi fuq livell reġjonali – il-programmi tar-rotot tal-kokaina u tal-eroina, li l-ambitu tagħhom jinkludi pajjiżi li japplikaw il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; billi, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament IcSP, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tuża linji gwida operazzjonali għall-konformità mad-dritt umanitarju u ma' dak tad-drittijiet tal-bniedem rigward miżuri kontra l-kriminalità organizzata;

1.  Itenni l-kundanna tiegħu għall-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġja bil-qawwa l-introduzzjoni ta' moratorju fuq il-piena tal-mewt, bħala pass favur it-tneħħija tagħha; jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità umana, u li l-għan aħħari tal-UE huwa l-abolizzjoni universali;

2.  Jikkundanna l-eżekuzzjonijiet kollha, iseħħu fejn iseħħu; jibqa' mħasseb ħafna dwar l-impożizzjoni tal-piena tal-mewt fuq il-minorenni u fuq il-persuni b'diżabilità mentali jew intellettwali, u jitlob li prattiki bħal dawn, li jiksru standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jinqatgħu b'mod immedjat u definittiv; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar proċessi tal-massa reċenti li wasslu għal għadd enormi ta' kundanni ta' mewt;

3.  Jesprimi il-preokkupazzjoni kbira tiegħu dwar il-prattika tat-tħaġġir, li għadha tintuża f'bosta pajjiżi, u lill-gvernijiet tal-pajjiżi konċernati jħeġġiġhom jadottaw minnufih leġiżlazzjoni li tipprojbixxi t-tħaġġir;

4.  Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jissuktaw jikkumbattu l-użu tal-piena tal-mewt u jappoġġjaw bil-qawwa l-moratorju bħala pass lejn l-abolizzjoni, ikomplu jagħmlu pressjoni għall-abolizzjoni mad-dinja kollha, iħeġġu bil-qawwa lill-pajjiżi li għadhom iwettqu l-piena tal-mewt biex jikkonformaw mal-istandards minimi internazzjonali, inaqqsu l-kamp ta' applikazzjoni u l-użu tal-piena tal-mewt, u jippubblikaw ċifri ċari u preċiżi dwar l-għadd ta' kundanni ta' mewt u ta' eżekuzzjonijiet; iħeġġeġ lis-SEAE jibqa' viġilanti rigward żviluppi fil-pajjiżi kollha, b'mod partikolari fil-Belarussja bħala l-uniku pajjiż Ewropew li għad għandu l-piena tal-mewt, u jħeġġu juża kull mezz ta' influwenza li għandu għad-dispożizzjoni tiegħu;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt f'uħud mill-Istati Uniti tal-Amerika, u jħeġġeġ lill-UE tissokta d-djalogu tagħha mal-Istati Uniti tal-Amerika bil-għan li sseħħ abolizzjoni totali, ħalli nkunu nistgħu naħdmu flimkien biex nindirizzaw il-piena kapitali madwar id-dinja;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari, f'dak li jirrigwarda l-għajnuna u l-appoġġ politiku, lil pajjiżi li jimxu 'l quddiem lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt jew li jinkoraġġixxu moratorju universali fuq il-piena kapitali; jinkoraġġixxi inizjattivi bilaterali u multilaterali bejn l-Istati Membri, l-UE, in-NU, pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet reġjonali oħra dwar kwistjonijiet relatati mal-piena tal-mewt;

7.  Ifakkar li l-piena tal-mewt mhijiex kompatibbli ma' valuri bħar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, li fuqhom tissejjes l-Unjoni, u li għalhekk kwalunkwe Stat Membru li jerġa' jintroduċi l-piena tal-mewt ikun qed jikser it-Trattati u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

8.  Huwa mħasseb b'mod partikolari dwar il-fatt li l-piena tal-mewt qed tintuża aktar fil-kuntest tal-ġlieda kontra t-terroriżmu f'għadd ta' pajjiżi, u dwar il-possibbiltà li l-piena tal-mewt terġa' tiġi introdotta f'pajjiżi oħra;

9.  Jikkundanna b'mod partikolari l-użu tal-kundanna ta' mewt bħala għodda għas-soppressjoni tal-oppożizzjoni, jew inkella fuq il-bażi tat-twemmin reliġjuż, tal-omosesswalità jew tal-adulterju, jew fuq akkużi oħra li jitqiesu trivjali jew inkella li saħansitra lanqas biss jitqiesu li huma reati; jappella lil dawk l-istati li jikkriminalizzaw l-omosesswalità, għaldaqstant, biex ma japplikawx il-piena tal-mewt għaliha;

10.  Jibqa' konvint għalkollox li l-kundanni ta' mewt ma jiskoraġġixxux it-traffikar tad-droga, u lanqas ma jżommu lill-individwi milli jisfaw vittmi tal-abbuż tad-droga; jappella lill-pajjiżi li jridu jżommu l-piena tal-mewt biex, fil-każ ta' reati relatati mad-droga, jintroduċu alternattivi li jikkonċentraw, b'mod partikolari, fuq programmi għall-prevenzjoni tad-droga u għat-tnaqqis tad-danni;

11.  Itenni r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga għandha ssir prekundizzjoni għall-assistenza politika, l-assistenza teknika, il-bini ta' kapaċitajiet u appoġġ ieħor għall-politika tal-infurzar tal-liġijiet dwar id-droga;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid il-prinċipju kategoriku li l-għajnuna u l-assistenza mill-Ewropa, inkluża dik lil programmi tal-UNODOC kontra n-narkotiċi, ma jistgħux jiffaċilitaw operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġijiet li jwasslu għal kundanni ta' mewt u għall-eżekuzzjoni ta' dawk arrestati;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kontrolli fuq l-esportazzjoni ta' prodotti li jistgħu jintużaw għall-piena tal-mewt;

14.  Huwa mħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' trasparenza rigward l-għajnuna u l-assistenza kontra n-narkotiċi mogħtija mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għal operazzjonijiet tal-infurzar tal-liġijiet dwar id-droga f'pajjiżi li japplikaw attivament il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; jitlob li l-Kummissjoni tippubblika rendikont annwali dwar il-finanzjament tagħha għal programmi kontra n-narkotiċi f'pajjiżi li għad għandhom il-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, li fih tiddeskrivi liema salvagwardji tad-drittijiet tal-bniedem tkun ħaddmet biex tiżgura li dak il-finanzjament ma jkunx ta lok għal kundanni ta' mewt;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta, bla aktar dewmien, il-linji gwida operazzjonali stipulati fl-Artikolu 10 tar-Regolament IcSP u tapplikahom strettament għall-programmi dwar ir-rotot tal-kokaina u l-eroina;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonforma mar-rakkomandazzjoni fil-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drogi (2013-2016) li għandha tiġi żviluppata u implimentata "għodda ta' gwida u valutazzjoni rigward id-drittijiet tal-bniedem" biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem "ikunu integrati b'mod effikaċi fl-Azzjoni Esterna tal-UE dwar id-Drogi";

17.  Iħeġġeġ lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu gwida għal politika Ewropea komprensiva u effikaċi dwar il-piena tal-mewt fir-rigward ta' tużżani ta' ċittadini Ewropej li qed jiffaċċjaw l-eżekuzzjoni f'pajjiżi terzi, li għandha tinkludi mekkaniżmi sodi u msaħħa f'dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni, l-għoti ta' assistenza legali u r-rappreżentanza diplomatika;

18.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li s-Sessjoni Speċjali tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-Problema Dinjija tad-Droga, f'April 2016, tindirizza l-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, u tikkundanna l-applikazzjoni tagħha;

19.  Jappoġġja lill-aġenziji tan-NU, lill-korpi reġjonali intergovernattivi u lill-NGOs kollha fl-isforzi ma jaqtgħu xejn tagħhom biex jinkoraġġixxu lill-istati jabolixxu l-piena tal-mewt; jitlob li l-Kummissjoni tibqa' tiffinanzja proġetti f'dan il-qasam permezz tal-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifiki reċenti tat-Tieni Protokoll Fakoltattiv għall-ICCPR li għandu l-għan li jabolixxi l-piena tal-mewt, li żiedu l-għadd ta' stati partijiet għal 81; jistieden lill-istati kollha li mhumiex partijiet ta' dan il-Protokoll biex jirratifikawh minnufih;

21.  Jistieden lill-istati membri tal-Kunsill tal-Ewropa li għadhom ma rratifikawx il-Protokolli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem biex ifittxu jirratifikawhom, b'tali mod li jkun żgurat li l-piena tal-mewt tkun abolita effettivament fir-reġjun kollu tal-Kunsill tal-Ewropa;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.

 

Avviż legali