Proċedura : 2015/2876(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-1003/2015

Testi mressqa :

RC-B8-1003/2015

Dibattiti :

PV 08/10/2015 - 4.3
CRE 08/10/2015 - 4.3

Votazzjonijiet :

PV 08/10/2015 - 9.3

Testi adottati :

P8_TA(2015)0344

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 172kWORD 105k
7.10.2015
PE568.490v01-00}
PE568.507v01-00}
PE568.510v01-00}
PE568.511v01-00}
PE568.514v01-00}
PE568.516v01-00}
PE568.518v01-00} RC1
 
B8-1003/2015}
B8-1020/2015}
B8-1023/2015}
B8-1024/2015}
B8-1027/2015}
B8-1029/2015}
B8-1031/2015} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8‑1003/2015)

ALDE (B8‑1020/2015)

EFDD (B8‑1023/2015)

S&D (B8‑1024/2015)

Verts/ALE (B8‑1027/2015)

PPE (B8‑1029/2015)

GUE/NGL (B8‑1031/2015)


dwar l-ispostar tal-massa tat-tfal fin-Niġerja bħala riżultat tal-attakki tal-Boko Haram (2015/2876(RSP))


Cristian Dan Preda, Santiago Fisas Ayxelà, Elmar Brok, Jeroen Lenaers, Tunne Kelam, David McAllister, Patricija Šulin, Jarosław Wałęsa, Eduard Kukan, Bogdan Brunon Wenta, Csaba Sógor, Francesc Gambús, Maurice Ponga, Lorenzo Cesa, Jiří Pospíšil, Davor Ivo Stier, Stanislav Polčák, Barbara Kudrycka, Tomáš Zdechovský, Therese Comodini Cachia, Giovanni La Via, Monica Macovei, Andrej Plenković, Marijana Petir, Claude Rolin, Ivan Štefanec, Pavel Svoboda, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Anna Záborská, Michaela Šojdrová, Jaromír Štětina, Adam Szejnfeld, Ramona Nicole Mănescu, Lara Comi, Mariya Gabriel, László Tőkés, Krzysztof Hetman, Kinga Gál, Inese Vaidere, Anna Maria Corazza Bildt, Elisabetta Gardini, Thomas Mann, Barbara Matera, Dubravka Šuica, Ivana Maletić f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Maria Arena, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Victor Boştinaru, Paul Brannen, Nicola Caputo, Andi Cristea, Viorica Dăncilă, Nicola Danti, Paolo De Castro, Isabella De Monte, Jonás Fernández, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Ana Gomes, Maria Grapini, Theresa Griffin, Enrique Guerrero Salom, Richard Howitt, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jude Kirton-Darling, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Javi López, Juan Fernando López Aguilar, Krystyna Łybacka, Andrejs Mamikins, David Martin, Luigi Morgano, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Norbert Neuser, Péter Niedermüller, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Tonino Picula, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Siôn Simon, Renato Soru, Tibor Szanyi, Claudia Tapardel, Marc Tarabella, Patrizia Toia, Elena Valenciano, Julie Ward f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker f'isem il-Grupp ECR
Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Beatriz Becerra Basterrechea, Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Martina Dlabajová, Juan Carlos Girauta Vidal, Ilhan Kyuchyuk, Urmas Paet, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Filiz Hyusmenova, Nathalie Griesbeck, Nedzhmi Ali, Philippe De Backer, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Fredrick Federley, Ivan Jakovčić, Kaja Kallas, Alexander Graf Lambsdorff, Louis Michel, Javier Nart, Jozo Radoš, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström, Marian Harkin, Valentinas Mazuronis, Petr Ježek f'isem il-Grupp ALDE
Lola Sánchez Caldentey, Patrick Le Hyaric, Younous Omarjee f'isem il-Grupp GUE/NGL
Maria Heubuch, Heidi Hautala, Judith Sargentini, Igor Šoltes, Bronis Ropė, Bodil Valero f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Laura Agea, Piernicola Pedicini, Laura Ferrara, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-ispostar tal-massa tat-tfal fin-Niġerja bħala riżultat tal-attakki tal-Boko Haram (2015/2876(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja, b’mod partikolari dawk tas-16 ta’ Lulju 2014(1) u t-30 ta’ April 2015(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, inklużi dawk tat-8 ta' Jannar, tad-19 ta' Jannar, tal-31 ta' Marzu, tal-14 u l-15 ta' April, u tat-3 ta’ Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-28 ta’ Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President Muhammadu Buhari lill-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-28 ta’ Settembru 2015, u lis-summit tan-NU għall-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, adottata fil-31 ta’ Ottubru 2000,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tal-Organizzazzjoni tal-Unità Afrikana (OAU) dwar id-Drittijiet u l-Benesseri tat-Tfal tal-1990,

–  wara li kkunsidra l-Att dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-2003, iffirmat bħala liġi mill-Gvern Federali tan-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, ratifikata min-Niġerja fis-16 ta' Mejju 2003, u l-Protokoll Addizzjonali, ratifikat min-Niġerja fit-22 ta' Diċembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju tal-UE ta’ Emerġenza għall-istabbiltà u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fl-Afrika,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-ksur u l-abbużi mwettqa mill-Boko Haram u l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi milquta, tad-29 ta’ Settembru 2015; wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-possibbiltà li membri tal-Boko Haram jistgħu jiġu akkużati b’delitti tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-Niġerja, li għandha l-akbar popolazzjoni u l-ikbar ekonomija fl-Afrika, hija kkaratterizzata minn diversità etnika u diviżjonijiet reġjonali u reliġjużi u maqsuma bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar b’inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali gravi, mill-2009 saret il-kamp tal-battalja tal-grupp terroristiku Iżlamiku Boko Haram leali lejn id-Da’esh; billi l-grupp terroristiku sar theddida dejjem akbar għall-istabbiltà tan-Niġerja u r-reġjun tal-Punent tal-Afrika; billi l-forzi tas-sigurtà Niġerjani sikwit użaw forza eċċessiva u wettqu abbużi waqt l-operazzjonijiet militari ta’ kontra s-sedizzjoni;

B.  billi mill-inqas 1 600 ċivil inqatlu mill-Boko Haram f’dawn l-aħħar erba’ xhur, biex b’hekk l-għadd ta’ mwiet ta’ ċivili fl-2015 biss s’issa tela’ għal mill-inqas 3 500;

C.  billi minn mindu bdiet is-sedizzjoni tal-Boko Haram, l-azzjonijiet immirati ta’ dan il-grupp kontra t-tfal tal-iskola fiż-żona ħallew lit-tfal mingħajr aċċess għall-edukazzjoni: 10,5 miljun tifel u tifla tal-età tal-iskola primarja fin-Niġerja ma jmorrux l-iskola; skont il-UNESCO, din hi l-ogħla ċifra ta’ tfal barra mill-iskola fid-dinja; bħall-Al Shabaab fis-Somalja, AQIM, MUJAO u Ansar Dine fit-Tramuntana tal-Mali u t-Taliban fl-Afganistan u l-Pakistan, il-Boko Haram jattakka lit-tfal u n-nisa li qegħdin jedukaw ruħhom;

D.  billi minkejja avvanzi mill-forzi armati Niġerjani u reġjonali, l-attakki u l-attakki bil-bombi suwiċida, li qegħdin jiżdiedu u li jestendu lil hinn mill-fruntiera tal-pajjiż f'pajjiżi ġirien, qegħdin jheddu l-istabbiltà u l-għajxien ta' miljuni ta' nies fir-reġjun kollu; billi t-tfal jinsabu f’periklu kritiku minħabba s-sitwazzjoni umanitarja li qiegħda teħżien, b’insigurtà tal-ikel li qiegħda tiggrava u aċċess fqir għall-edukazzjoni, ilma tajjeb għax-xorb u servizzi tas-saħħa;

E.  billi skont in-NU, il-vjolenza fl-istati ta’ Borno, Yobe u Adamawa dan l-aħħar wasslet biex l-għadd ta’ persuni spostati internament żdied drammatikament għal 2,1 miljuni, li 58 % minnhom huma tfal, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni; billi aktar minn 3 miljun ruħ intlaqtu mis-sedizzjoni, u 5,5 miljuni għandhom bżonn ta’ assistenza umanitarja fil-Baċin tal-Lag taċ-Chad;

F.  billi n-Niġerja rnexxielha torganizza elezzjonijiet presidenzjali u governattivi li fil-parti l-kbira kienu paċifiċi, minkejja li l-Boko Haram hedded li se jostakola l-votazzjoni; billi n-Niġerja u l-pajjiżi ġirien tagħha ħolqu Task Force Konġunta Multinazzjonali (MNJTF) fil-11 ta' Ġunju 2015 f’Abuja, fid-dawl tad-deċiżjonijiet meħuda f'Niamey f’Jannar 2015 dwar il-ġlieda kontra Boko Haram;

G.  billi mill-2009 ’l hawn il-Boko Haram ħataf aktar minn 2 000 mara u tifla fin-Niġerja, fosthom 276 tifla tal-iskola minn Chibok fil-Grigal tal-pajjiż fl-14 ta’ April 2014, att li kexkex lid-dinja kollha u wassal għal kampanja internazzjonali ("Bring Back Our Girls") biex jiġu salvati; billi aktar minn sena u nofs wara, ’il fuq minn 200 minnhom għadhom ma nstabux;

H.  billi minn dakinhar ’l hawn ħafna aktar tfal ġew irrappurtati nieqsa, jew inkella nħatfu jew ġew reklutati biex iservu bħala ġellieda jew ħaddiema domestiċi, waqt li l-bniet ikunu soġġetti għall-istupru u ż-żwieġ furzat jew imġiegħla jsiru Musulmani; billi minn April tal-2015, xi 300 tifla oħra li ġew salvati mill-forzi tas-sigurtà Niġerjani minn fortizzi tat-terroristi u madwar 60 oħra li rnexxielhom jaħarbu lil min kien qiegħed iżommhom iddeskrivew il-ħajja tagħhom lill-organizzazzjoni Human Rights Watch bħala esperjenza ta’ vjolenza u terrur ta’ kuljum, apparti l-abbużi fiżiċi u psikoloġiċi; billi skont ir-Rapporteur Speċjali tan-NU għat-Tfal u l-Kunflitt Armat, il-kunflitt armat fil-Grigal tan-Niġerja tul is-sena li għaddiet kien wieħed mill-aktar qattiela fid-dinja fir-rigward tat-tfal, b’każijiet ta’ qtil, għadd jiżdied ta’ każijiet ta’ reklutaġġ u użu tat-tfal, u ħafna każijiet ta’ ħtif u vjolenza sesswali kontra l-bniet; billi l-UNICEF tgħid li aktar minn 23 000 tifel u tifla kellhom iħallu lill-ġenituri tagħhom u djarhom minħabba l-vjolenza, u jaħarbu biex isalvaw ħajjithom, jew lejn partijiet oħra tan-Niġerja stess jew inkella lejn il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer;

I.  billi l-parti l-kbira tat-tfal li jgħixu fil-kampijiet għal persuni spostati internament u f’kampijiet tar-rifuġjati tilfu lil ġenitur wieħed jew it-tnejn li huma (maqtula jew mitlufa), kif ukoll lil ħuthom jew qraba oħra; billi minkejja li għadd ta’ organizzazzjonijiet umanitarji nazzjonali u internazzjonali qegħdin joperaw fil-kampijiet, l-aċċess għad-drittijiet bażiċi għal ħafna minn dawn it-tfal – bħan-nutrizzjoni, il-kenn (iffollat iżżejjed u kundizzjonijiet sanitarji ħżiena), is-saħħa u l-edukazzjoni – għadu verament fqir;

J.  billi fis-subreġjun (in-Niġerja, il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer), hemm mill-inqas 208 000 tifel u tifla mingħajr aċċess għall-edukazzjoni, waqt li 83 000 m’għandhomx aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, u 23 000 tifel u tifla fil-Grigal tan-Niġerja spiċċaw mifruda minn qrabathom;

K.  billi żdiedu l-attakki mill-Boko Haram fin-Niġerja, kif ukoll fil-pajjiżi ġirien tal-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer; billi l-Boko Haram għadu qiegħed jaħtaf it-tfal u n-nisa biex iġorru tagħmir splussiv, u jużawhom, mingħajr ma jgħarrfuhom, biex iwettqu attakki suwiċida bil-bombi; billi xi wħud minn dawk li fittxew rifuġju man-naħa Chadjana tal-Lag taċ-Chad kienu għal darb’ oħra fil-mira tal-istess terroristi fiċ-Ċad;

L.  billi f’Ġunju 2015 l-UE pprovdiet EUR 21 miljun f’għajnuna umanitarja għall-persuni spostati fin-Niġerja u f’pajjiżi ġirien milquta mill-vjolenza ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi;

M.  billi l-UNICEF, flimkien mal-gvernijiet u s-sħab fin-Niġerja, il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer, qiegħda żżid l-operazzjonijiet tagħha biex tassisti eluf ta' tfal u l-familji tagħhom fir-reġjun billi tipprovdi aċċess għall-ilma tajjeb għax-xorb, edukazzjoni, servizzi ta' konsulenza’ u appoġġ psikoloġiku kif ukoll tilqim u trattament għall-malnutrizzjoni akuta gravi; billi l-UNICEF din is-sena irċeviet 32 % biss tal-USD 50,3 miljun meħtieġa għar-rispons umanitarju tagħha fir-reġjun tal-Lag Chad;

N.  billi numru ta' nisa u tfal maħtufa li ħarbu jew ġew salvati jew meħlusa rritornaw id-dar tqal jew fi bżonn urġenti ta' kura tas-saħħa riproduttiva u materna, u oħrajn għandhom nuqqas ta' aċċess għal skrinjar tas-saħħa ta' wara l-istupru, kura post-trawmatika, appoġġ soċjali u konsulenza relatat mal-istupru, skont il-Human Rights Watch; billi l-Kummissjoni ddikjarat li meta t-tqala tikkawża tbatija insopportabbli lin-nisa huma għandhom ikollhom aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva bbażati fuq il-kundizzjoni medika tagħhom, u b'hekk affermat li d-dritt internazzjonali umanitarju għandu jipprevali fi kwalunkwe każ;

1.  Jikkundanna bil-qawwa d-delitti ta' Boko Haram, inklużi attakki terroristiċi u attakki bil-bombi suwiċida fiċ-Chad, fil-Kamerun u fin-Niġer; jappoġġa lill-vittmi u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji kollha li tilfu l-għeżież tagħhom; jiddenunzja l-vjolenza bla waqfien li għaddejja fl-istati Niġerjani ta’ Borno, Yobe u Adamawa u fi bliet oħra fil-pajjiż;

2.  Jikkundanna l-atti li wasslu għall-ispostament tal-massa ta' tfal innoċenti u jappella għal azzjoni internazzjonali koordinata immedjata biex tassisti l-ħidma tal-aġenziji tan-NU u tal-NGOs biex tipprevjeni li tfal u żgħażagħ spostati jkunu soġġetti għal skjavitù sesswali, forom oħra ta' vjolenza sesswali u ħtif u milli jkunu sfurzati f'kunflitt armat kontra miri ċivili, governattivi u militari fin-Niġerja mis-setta terroristika Boko Haram; jenfasizza l-ħtieġa fundamentali li jiġu protetti kif xieraq id-drittijiet tat-tfal fin-Niġerja, pajjiż li 40 % tat-total tal-popolazzjoni hija ta' taħt l-14-il sena;

3.  Jemmen li fil-każijiet ta' tfal li preċedentement kienu assoċjati mal-Boko Haram jew gruppi armati oħra, għandhom jitqiesu miżuri mhux ġudizzjarji bħala alternattivi għall-prosekuzzjoni u d-detenzjoni;

4.  Jilqa' t-tħabbira reċenti mill-Kummissjoni ta’ fondi addizzjoni sabiex jagħtu spinta lill-għajnuna umanitarja urġenti lir-reġjun; jesprimi, madankollu, tħassib serju dwar id-disparità bejn l-impenji u l-pagamenti mill-komunità internazzjoni b'mod ġenerali għall-operazzjonijiet tal-UNICEF fir-reġjun; jistieden lid-donaturi jonoraw l-impenji tagħhom mingħajr dewmien sabiex jindirizzaw il-bżonn kroniku għall-aċċess għall-fornimenti bażiċi bħall-ilma għax-xorb, il-kura tas-saħħa bażika u l-edukazzjoni;

5.  Jistieden lill-President tan-Niġerja u lill-Gvern Federali tiegħu, li ġie maħtur reċentement, jadottaw miżuri sodi sabiex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili, jpoġġu enfasi speċjali fuq il-protezzjoni tan-nisa u t-tfal, u jpoġġu d-drittijiet tan-nisa u t-tfal bħala prijorità fil-ġlieda kontra l-estremiżmu, jipprovdu għajnuna lill-vittmi u jipproċedu kontra dawk li jiksrul-liġi, u jiżguraw il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

6.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan iniedi, kif imwiegħed mill-President Buhari, investigazzjoni urġenti, indipendenti u b’reqqa tad-delitti skont id-dritt internazzjonali u ta' ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem mill-parijiet kollha fil-kunflitt;

7.  Jilqa' l-bidla fit-tmexxija tal-militar u jitlob li l-abbużi kollha tad-drittijiet tal-bniedem u tad-delitti mwettqa kemm mit-terroristi u mill-forzi tas-sigurtà Niġerjani jkunu investigati sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' responsabbiltà osservata taħt il-presidenza preċedenti; jilqa' l-wegħda tal-President Buhari li jinvestiga evidenza li l-forzi militari Niġerjani wettqu ksur sejru tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra u atti li jistgħu jikkostitwixxi delitti kontra l-umanità;

8.  Iħeġġeġ lill-President tar-Repubblika Federali jindirizza l-isfidi involuti biex jirrispetta l-wegħdiet tal-kampanja kollha u d-dikjarazzjonijiet reċenti, l-aktar importanti fosthom hija dik li jegħleb it-theddida terroristika, li jagħmel ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju pilastru ċentrali tal-operazzjonijiet militari, li jġib lura l-bniet ta’ Chibok u n-nisa u t-tfal l-oħra kollha maħtufa ħajjin u mhux imweġġgħin, jindirizza l-problema li dejjem qiegħda tiżdied ta' malnutrizzjoni, u jiġġieled il-korruzzjoni u l-impunità sabiex jiskoraġġixxi abbużi fil-ġejjieni u jaħdem għall-ġustizzja għal kull vittma;

9.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani u lill-komunità internazzjonali taħdem flimkien mill-qrib u żżid l-isforsi sabiex treġġa' lura x-xejra kontinwa lejn aktar spostament ta' persuni; jilqa' d-determinazzjoni espressa fis-Summit Reġjonali ta' Niamey fl-20 u l-21 ta' Jannar 2015 mit-13-il pajjiż parteċipanti, b'mod partikolari l-impenn taċ-Ċad, flimkien mal-Kamerun u n-Niġer, fil-ġlieda kontra t-theddid terroristiku tal-Boko Haram; jistieden lit-Task Force Konġunta Multinazzjonali (MNJTF) tosserva d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali bir-reqqa fl-operazzjonijiet tagħha kontra l-Boko Haram; itenni li approċċ militari waħdu mhuwiex biżżejjed biex jiġġieled s-sedizzjoni mill-Boko Haram;

10.  Ifakkar li l-oriġini tal-Boko Haram għandhom l-għeruq tagħhom f'ilmenti dwar governanza fqira, korruzzjoni estensiva u inugwaljanza qawwija fis-soċjetà Niġerjana; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani jeliminaw il-korruzzjoni, il-ġestjoni ħażina u l-ineffiċjenzi fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fl-armata, u jippromwovu tassazzjoni ġusta; jappella għall-adozzjoni ta' miżuri li jaqtgħu s-sorsi tal-introjtu illegali tal-Boko Haram, permezz ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien, b'mod partikolari fir-rigward tal-kuntrabandu u t-traffikar;

11.  Iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali tgħin lin-Niġerja u l-pajjiżi ġirien li jospitaw ir-refuġjati (il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer) biex jipprovdu l-assistenza kollha medika u psikoloġika meħtieġa lil dawk fil-bżonn; jappella lill-awtoritajiet fis-subreġjun jiżguraw li jiffaċilitaw l-aċċess għall-firxa sħiħa ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduttiva lin-nisa u lill-bniet li ġew stuprati, skont l-Artikolu 3 komuni tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; jenfasizza l-bżonn li jiġi implimentat standard universali għat-trattament ta' vittmi ta' stupru waqt gwerra u żgurata is-supremazija tad-dritt umanitarju f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat; jesprimi s-simpatija kollha tiegħu man-nisa u t-tfal li ssopravivew it-terroriżmu għami mwettaq mill-Boko Haram; jappella għall-istabbiliment ta' programmi edukattivi speċjalizzati mmirati għan-nisa u tfal li huma vittmi ta' gwerra u għas-soċjetà b'mod globali, sabiex jgħinuhom jegħlbu t-terrur li esperjenzaw, jagħtuhom informazzjoni xierqa u komprensiva, li jiġġieldu kontra l-istigmi u l-esklużjoni soċjali u li jgħinhuom isiru membri denji tas-soċjetà;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprijoritizza l-assistenza għat-tfal u żgħażagħ spostati fin-Niġerja, il-Kamerun, iċ-Chad u n-Niġer, b'attenzjoni partikolari għall-protezzjoni minn kull forma ta' vjolenza ħarxa u relatata mal-ġeneru u dwar l-aċċess għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa u għall-ilma tajjeb għax-xorb fi ħdan il-qafas tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u li jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u persuni spostati fl-Afrika;

13.  Jistieden lill-Gvern Niġerjan jieħu l-miżuri biex jiffaċilita r-ritorn ta' persuni spostani, speċjalment tfal, jiġġarantixxi s-sigurtà tagħhom, u jassisti lill-NGOs fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kundizzjonijiet fil-kampijiet għall-persuni spostati mill-kunflitt, fost oħrajn, billi jipprovdi iġene u sanità biex jipprevjeni l-possibbiltà ta' tixrid ta' mard;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri,l lil-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, u lir-rappreżentanti tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS) u l-Unjoni Afrikana.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2014)0008.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0185.

Avviż legali