Proċedura : 2015/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-1348/2015

Testi mressqa :

RC-B8-1348/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0474

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 541kWORD 119k
15.12.2015
PE573.384v01-00}
PE573.394v01-00}
PE573.395v01-00}
PE573.396v01-00}
PE573.397v01-00}
PE573.398v01-00}
PE573.400v01-00} RC1
 
B8-1348/2015}
B8-1352/2015}
B8-1353/2015}
B8-1354/2015}
B8-1355/2015}
B8-1356/2015}
B8-1357/2015} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8‑1348/2015)

Verts/ALE (B8‑1352/2015)

PPE (B8‑1353/2015)

S&D (B8‑1354/2015)

ALDE (B8‑1355/2015)

GUE/NGL (B8‑1356/2015)

EFDD (B8‑1357/2015)


dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2973(RSP))


Mariya Gabriel, Davor Ivo Stier, Cristian Dan Preda, Michael Gahler, Joachim Zeller, Maurice Ponga, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Kinga Gál, Roberta Metsola, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, József Nagy, Anna Maria Corazza Bildt f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Maria Arena, Norbert Neuser, David Martin, Kashetu Kyenge, Elena Valenciano, Marlene Mizzi, Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Nicola Caputo, Nessa Childers, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Isabella De Monte, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Theresa Griffin, Sylvie Guillaume, Sergio Gutiérrez Prieto, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Juan Fernando López Aguilar, Javi López, Andrejs Mamikins, Louis-Joseph Manscour, Costas Mavrides, Sorin Moisă, Csaba Molnár, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Gilles Pargneaux, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Olga Sehnalová, Siôn Simon, Renato Soru, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Julie Ward f'isem il-Grupp S&D
Mark Demesmaeker, Charles Tannock, Notis Marias f'isem il-Grupp ECR
Hilde Vautmans, Louis Michel, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, José Inácio Faria, Juan Carlos Girauta Vidal, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Valentinas Mazuronis, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen f'isem il-Grupp ALDE
Lola Sánchez Caldentey, Marie-Christine Vergiat, Stelios Kouloglou f'isem il-Grupp GUE/NGL
Maria Heubuch, Michèle Rivasi, Jordi Sebastià, Judith Sargentini, José Bové, Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2973(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi tat-28 ta' Awissu 2000,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Burundi u partikolarment l-Artikolu 96 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-13 ta' Diċembru 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u l-Kummissarju inkarigat mill-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-konsultazzjonijiet UE-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, adottat fit-8 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 2248 (2015) tat-12 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta’ Novembru 2015 mill-Viċi Segretarju Ġenerali tan-NU, Jan Eliasson, il-President tal-Unjoni Afrikana, Nkosazana Dlamini-Zuma, u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (UA) tat-13 ta' Ġunju, tas-17 ta' Ottubru u tat-13 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant fil-31 ta' Mejju u fis-6 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tad-9 ta’ Diċembru 2013 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015 li jikkonċerna l-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu, tat-18 ta' Mejju, tat-22 ta' Ġunju u tas-16 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi(1),

–  wara li kkunsidra l-ittra approvata mill-Kunsill fis-26 ta' Ottubru 2015 li titlob li jinfetħu l-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija li saret fis-6 ta' Novembru 2015 mill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, is-Sra Fatou Bensouda,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Burundi ddeterjorat b'mod gravi tul dawn l-aħħar jiem, wara l-attakki ta' tliet kampijiet militari f'Bujumbura; billi l-forzi ta' sigurtà tal-Burundi qatlu mill-anqas 87 persuna fil-11 u t-12 ta' Diċembru 2015; billi jidher li ħafna minn dawn l-imwiet kienu minħabba eżekuzzjonijiet aleatorji;

B.  billi l-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni tal-Burundi u l-Artikolu 7(3) tal-Protokoll II tal-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi jistipulaw li l-President ma jistax iservi aktar minn żewġ mandati; billi l-President Pierre Nkurunziza ilu fil-kariga mill-2005, billi ġie elett mill-ġdid fl-2010;

C.  billi fil-Burundi saru elezzjonijiet leġiżlattivi u lokali fid-29 ta' Ġunju 2015 u elezzjonijiet presidenzjali fil-21 ta' Lulju 2015; billi ż-żewġ proċessi elettorali kienu meqjusa mill-komunità internazzjonali bħala mhux trasparenti, mhux inklusivi, mhux ħielsa u mhux kredibbli; billi għal din ir-raġuni l-Unjoni Afrikana (UA) rrifjutat li tibgħat osservaturi biex isegwu l-elezzjonijiet, l-UE ssospendiet il-missjoni elettorali tagħha fil-Burundi u parti kbira tal-oppożizzjoni fil-Burundi ddeċidiet li tibbojkottja l-elezzjonijiet;

D.  billi l-kandidatura tal-President Nkurunziza għat-tielet mandat u l-elezzjoni tiegħu mill-ġdid wara l-elezzjonijiet tal-21 ta' Lulju 2015 tefgħu lill-pajjiż fl-agħar kriżi politika tiegħu minn tmiem il-gwerra ċivili;

E.  billi l-Gvern tal-Burundi injora d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adotatti mill-UA u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) fit-13 ta' Ġunju 2015 u s-6 ta' Lulju 2015 rispettivament, li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom kieku kienet twitti t-triq għal elezzjonijiet kredibbli u inklusivi;

F.  billi, skont l-OHCHR u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn, twettqu vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem motivati politikament, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u atti ta' vjolenza fil-pajjiż kemm fil-perjodu ta' qabel l-elezzjoni kif ukoll wara, immirati b'mod partikolari lejn attivisti tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u b’mod partikolari ġurnalisti, inklużi Pierre Claver Mbonimpa, li t-tifel tiegħu nstab mejjet wara li ġie arrestat mill-pulizija, Marguerite Barankitse, Antoine Kaburahe u Bob Rugurika; billi hemm perċezzjoni mifruxa li dawn l-atti huma fil-parti l-kbira tagħhom, iżda mhux esklussivament, marbuta mal-istituzzjonijiet tal-istat; billi r-responsabbiltà ewlenija biex tiġi żgurata s-sigurtà fil-Burundi u tiġi protetta l-popolazzjoni tal-Burundi, bir-rispett dovut għall-istat tad-dritt, għad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, hija f'idejn il-Gvern tal-Burundi;

G.  billi aktar minn 200 000 persuna ġew spostati f'pajjiżhom jew fittxew kenn f'pajjiżi ġirien minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni politika fil-Burundi; billi f'Lulju 2015 l-UE żiedet l-għajnuna umanitarja tagħha u mmobilizzat EUR 4.5 miljun addizzjonali f'għajnuna għal popolazzjonijiet spostati;

H.  billi l-Burundi huwa wieħed mill-pajjiżi l-inqas żviluppati fid-dinja; billi kważi nofs (45 %) l-10.6 miljun abitant tal-Burundi huma ta' 15-il sena jew inqas (bi tfal taħt il-5 snin jirrappreżentaw 19.9 % tal-popolazzjoni); billi l-Burundi jinsab fl-ewwel post fl-Indiċi Globali tal-Ġuħ, bi tlieta minn kull ħamest itfal bi problemi ta' saħħa fl-iżvilupp fiżiku tagħhom; billi bejn l-2013 u l-2014, il-Burundi mar lura żewġ postijiet mill-178 post għall-180 post, fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-UNDP; billi erba' minn kull ħames persuni fil-Burundi jgħixu b'inqas minn USD 1.25 kuljum, u billi 66.9 % tal-popolazzjoni tgħix taħt is-soll tal-faqar;

I.  billi fis-26 ta' Ottubru 2015 l-UE talbet il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, biex jiġi investigat in-nuqqas ta' rispett tal-elementi essenzjali tal-Ftehim, partikolarment id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt; billi dawn il-konsultazzjonijiet bdew fit-8 ta' Diċembru 2015;

J.  billi fit-8 ta' Diċembru 2015 l-UE kkunsidrat li l-pożizzjonijiet espressi mill-Burundi matul il-konsultazzjonijiet dwar l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou jagħmluha impossibbli li jinstab rimedju għall-falliment tal-Burundi li jirrispetta l-elementi essenzjali tal-partnership tiegħu mal-UE; billi l-UE kkunsidrat ukoll li l-pożizzjonijiet espressi mill-Burundi ma jippermettux reazzjoni sodisfaċenti għad-deċiżjonijiet tas-17 ta' Ottubru u tat-13 ta' Novembru 2015, meħuda mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, b'mod partikolari fir-rigward tal-bżonn li jiġi stabbilit mingħajr dewmien djalogu sinċier u inklusiv skont il-Ftehim ta' Arusha;

K.  billi l-istaġnar politiku fil-Burundi, karatterizzat minn nuqqas ta' djalogu fost il-partijiet interessati tal-Burundi u deterjorament fis-sitwazzjoni tas-sigurtà u konsegwentement dik ekonomika, qed ikollhom konsegwenzi serji għall-popolazzjoni u joħolqu riskju serju għall-istabilità tar-reġjun, fejn hu ppjanat li jsiru bosta elezzjonijiet fis-sentejn li ġejjin (l-Uganda, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ir-Rwanda);

L.  billi l-komunità internazzjonali għandha rwol sinifikanti bħala l-garanti tal-Ftehimiet ta' Arusha; billi s'issa l-isforzi reġjonali u sottoreġjonali kollha mmirati biex tiġi indirizzata l-kriżi u jiġi stabbili mill-ġdid id-djalogu bejn il-forzi politiċi kollha ma tawx ir-riżultati pożittivi mistennija;

M.  billi, fl-1 ta' Awwissu 2015 l-oppożizzjoni politika u s-soċjetà ċivili ltaqgħu f'Addis Ababa biex joħolqu l-Kunsill Nazzjonali għall-Irkupru tal-Ftehimiet ta' Arusha u tal-Istat tad-Dritt;

N.  billi fit-23 ta' Settembru 2015 il-President ffirma digriet għall-ħolqien ta' kummissjoni nazzjonali għad-djalogu inter-Burundjan għat-tmexxija tan-negozjati għal sitt xhur; billi s-soċjetà ċivili wriet xettiċiżmu qawwi għall-kisbiet potenzjali ta' din il-kummissjoni għaliex ħafna mill-partijiet mill-oppożizzjoni jew mis-soċjetà ċivili li jopponu t-tielet mandat tal-President Nkurunziza qed jiġu ppersegwitati u akkużati b’insurrezzjoni u kompliċità fil-falliment tat-tentattiv ta' kolp ta' stat tat-13 ta' Mejju 2015; billi l-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida, Pascal Nyabenda, iddikjara li "l-persuni involuti fl-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-kolp ta' stat (...) mhux ser jiġu inklużi fid-djalogu";

O.  billi l-UA, l-UE u l-Istati Uniti imponew iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-ivvjaġġar fuq il-mexxejja tal-gvern u tal-oppożizzjoni, li l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħhom jikkontribwixxu biex tkompli l-vjolenza u jostakolaw is-sejbien ta' soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Burundi;

P.  billi l-Istati Uniti u numru ta' pajjiżi oħrajn taw parir liċ-ċittadini tagħhom biex jitilqu mill-Burundi b'mod immedjat minħabba s-sitwazzjoni ta' sigurtà li qed tiddeterjora;

Q.  billi fis-17 ta' Ottubru 2015 il-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA talab il-finalizzazzjoni tal-ippjanar ta' kontinġenza għall-iskopijiet ta' tnedija fil-Burundi jekk is-sitwazzjoni tkun hekk teħtieġ, ta' Missjoni mmexxija mill-Afrika għall-prevenzjoni tal-vjolenza fil-pajjiż, u qabel mat-tnedija ta' investigazzjoni bir-reqqa dwar il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi oħra kontra l-popolazzjoni ċivili fil-Burundi;

R.  billi fit-30 ta' Novembru 2015 is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki Moon għamel tliet proposti lill-Kunsill tas-Sigurtà fejn irrakkomanda reviżjoni tal-mandat tal-preżenza tan-NU fil-Burundi abbażi tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni, bil-għan li jkun hemm possibbiltà għal missjoni ta' żamma tal-paċi f'każ li l-kriżi tmur għall-agħar;

S.  billi se jkun immobilizzat tim ta' appoġġ tan-NU bil-għan li jappoġġa djalogu inter-Burundjan, li joffri konsulenza lill-gvern dwar it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-istat tad-dritt u dwar kwistjonijiet ta' diżarm, b'koordinament mal-partijiet reġjonali, li jimmonitorja u jirrapporta dwar is-sitwazzjoni lokali u jiffaċilita l-ippjanar tan-NU għal preżenza akbar fil-Burundi;

T.  billi l-UA u l-partijiet internazzjonali oħra ripetutament talbu djalogu ġenwin u inklużiv li jinvolvi l-partijiet interessati kollha, imsejjes fuq ir-rispett tal-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, sabiex tinstab soluzzjoni konsenswali għall-kunflitt fil-Burundi; billi l-UE u n-NU jappoġġaw din il-pożizzjoni;

U.  billi l-isforzi ta' medjazzjoni għadhom għaddejjin, bl-appoġġ sħiħ tal-UA, l-UE u n-NU, sabiex jiġi promoss id-djalogu inter-Burundjan bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni konsenswali u paċifika għall-kriżi fil-Burundi;

V.  billi l-UE tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-baġit annwali tal-Burundi, li madwar nofsu jiġi minn għajnuna internazzjonali, u billi reċentement allokat EUR 432 miljun għall-Burundi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020;

W.  billi, permezz tad-Digriet 530/1597, l-awtoritajiet tal-Burundi ssospendew l-attivitajiet ta' 10 organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment l-ACAT-Burundi, APRODH, AMINA, FOCODE, FORSC, FONTAINE-ISOKO, Maison Shalom, PARCEM, RCP u SPPDF, u imblokkaw il-kontijiet bankarji tagħhom;

1.  Jesprimi t-tħassib mill-aktar serju tiegħu dwar is-sitwazzjonijiet serji ta' politika u ta' sigurtà fil-Burundi, u s-sitwazzjoni umanitarja li rapidament sejra għall-agħar u l-konsegwenzi li dan jista' jkollu għas-sigurtà u l-istabilità fis-sottoreġjun sħiħ;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki vjolenti reċenti u ż-żieda fil-każijiet ta' vjolazzjonijiet u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-assassinji, l-assassinji extraġudizzjarji, il-vjolazzjonijiet tal-integrità fiżika tal-persuni, l-atti ta' tortura u trattament krudili, inuman u/jew degradanti ieħor, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali, inkluż ta' tfal u l-okkupar tal-iskejjel mill-militar u mill-pulizija, u l-vjolazzjonijiet tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni, kif ukoll il-prevalenza tal-impunità; jitlob inkjesta bir-reqqa u indipendenti tal-assassinji u l-abbużi u biex dawk li wettqu r-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

3.  Jitlob tmiem immedjat tal-vjolenza, tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-intimidazzjoni politika tal-avversarji u d-diżarm immedjat tal-gruppi armati kollha marbuta ma' partiti politiċi, b'konformità stretta mal-liġi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;

4.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja u t-trawwim tal-unità nazzjonali u jitlob li minnufih jerġa' jinbeda djalogu nazzjonali inklusiv u trasparenti, li jinkludi l-Gvern, il-partiti tal-oppożizzjoni u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

5.  Jenfasizza li dan id-djalogu, immirat lejn il-ksib tal-paċi, is-sigurtà u l-istabilità dejjiema, u għall-irkupru tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, fl-interessi taċ-ċittadini tal-Burundi, għandu jkun ibbażat fuq il-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, li teħtieġ il-konformità mal-liġi internazzjonali u t-trattati;

6.  Jindika, b'mod partikolari, il-preżenza ta' ħafna żgħażagħ, inklużi tfal taħt l-età ta' 18-il sena, fi ħdan il-gruppi armati li qed joperaw fil-Burundi u jistieden lill-komunità internazzjonali biex tagħti attenzjoni speċifika lill-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom u biex tkun promossa l-parteċipazzjoni tagħhom fi proċess politiku paċifiku;

7.  Jitlob li l-partijiet kollha fil-Burundi jżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li thedded il-paċi u s-sigurtà fil-pajjiż; jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet pubbliċi kollha li għandhom l-għan li jinċitaw vjolenza jew il-mibegħda lejn gruppi differenti tas-soċjetà tal-Burundi, li għandhom il-potenzjal li jaggravaw it-tensjoni attwali, u jistieden lill-partijiet kollha jibqgħu lura milli jagħmlu tali dikjarazzjonijiet;

8.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Burundi dwar l-obbligu tagħhom li jiżguraw is-sigurtà fi ħdan it-territorju tal-pajjiż u li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ċivili u politiċi u l-libertajiet fundamentali, kif previst fil-Kostituzzjoni tal-Burundi, fil-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li s-sħubija bejn UE-Burundi hija rregolata mill-Ftehim ta' Cotonou, u li l-partijiet kollha huma marbuta li jirrispettaw u jimplimentaw it-termini ta' dak il-ftehim, b'mod partikolari r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar, b'mod partikolari, li l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou jipprevedi l-possibilità li jiġu istitwiti proċeduri ta' konsultazzjoni f'każijiet ta' nuqqas ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, u jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-UE li titlob il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet kif previst f'dak l-Artikolu;

10.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjoni tal-Ftehim ta' Arusha mill-President Nkurunziza meta ħa l-ġurament tal-ħatra għat-tielet mandat presidenzjali;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi biex iħeġġu sabiex tiġi stabbilita l-verità dwar id-delitti tal-massa mwettqa bejn l-1962 u l-2008, permezz ta' miżuri ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji, bħal kummissjoni għall-verità u r-rikonċiljazzjoni u tribunali speċjali, u l-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

12.  Jilqa' l-isforzi ta' medjazzjoni mmexxija mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura (EAC), bl-appoġġ tal-UA u n-NU, biex jiffaċilitaw id-djalogu fost il-partijiet interessati tal-Burundi; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika tas-Sigurtà wkoll biex tappoġġa dawn l-isforzi ta' medjazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burundi u partijiet interessati oħra kkonċernati biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-medjatur;

13.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-numru ta' vittmi u każijiet ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtati mill-bidu tal-kriżi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu investigazzjoni bir-reqqa u immedjata dwar iċ-ċirkostanzi u l-motivi wara dawn id-delitti u jiżguraw li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; itenni li ma jista' jkun hemm l-ebda impunità għal dawk responsabbli għal vjolazzjonijiet jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-awtoritajiet jiżguraw li l-iskejjel jibqgħu post tal-kenn għat-tagħlim; jitlob lill-Prosekutur tal-QKI biex isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Burundi u jappoġġa d-dikjarazzjoni tagħha tas-6 ta' Novembru 2015;

14.  Jitlob li jiġi revokat id-Digriet 530/1597 li jipprevedi s-sospensjoni provviżorja tal-attivitajiet ta' bosta organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li jitneħħa immedjatament l-iffriżar fuq il-kontijiet tal-bank tagħhom, sabiex dawn l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw liberament l-attivitajiet tagħhom;

15. Jitlob ir-ritorn sikur ta' ġurnalisti u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'eżilju, il-ftuħ mill-ġdid tal-mezzi tax-xandir li ngħalqu wara li falla l-attentat ta' kolp ta' stat tal-14 ta' Mejju 2015 u li jitwaqqgħu l-akkużi miġjuba kontra dawk il-ġurnalisti akkużati li ħadu sehem, direttament jew indirettament, fl-attentat fallut ta' kolp ta' stat;

16.  Huwa partikolarment imħasseb dwar il-livelli drammatiċi ta' diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI fil-Burundi u l-kriminalizzazzjoni tagħhom; jinnota għal darb'oħra li l-orjentazzjoni sesswali tifforma parti mil-libertà ta' espressjoni u mid-dritt tal-persuni għal ħajja privata, kif stabbilit mil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li bis-saħħa tagħha għandhom jiġu rrispettati l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u l-libertà tal-espressjoni għandha tiġi ggarantita; jistieden, għalhekk, lill-Assemblea Nazzjonali u lill-Gvern tal-Burundi jħassru l-artikoli tal-kodiċi penali li jiddiskriminaw kontra l-persuni LGBTI;

17. Jissottolinja l-impatt gravi tal-kriżi fuq it-tfal u jitlob lill-Kummissjoni tibqa' involuta mal-imsieħba internazzjonali sabiex jiġi żgurat il-forniment tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, inkluż mediċini essenzjali, l-aċċess sikur għall-edukazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal mill-forom kollha ta' vjolenza u biex jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi soċjali oħrajn;

18.  Jilqa' l-fatt li ġew mibgħuta mill-UA osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u esperti biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jenfasizza l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni magħhom sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-mandat tagħhom; jistieden barra minn hekk lill-Qorti Kriminali Internazzjonali biex, fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħha, tinvestiga l-allegati vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu matul il-kriżi reċenti;

19.  Jilqa' s-sanzjonijiet immirati approvati mill-UE, konsistenti mad-deċiżjoni meħuda mill-UA, li timponi sanzjonijiet immirati, inkluża projbizzjoni fuq l-ivjaġġar u l-iffriżar tal-assi kontra Burundjani li l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħhom ikkontribwew għall-perpetwazzjoni tal-vjolenza u l-ostruzzjoni tal-isforzi biex tinkiseb soluzzjoni politika għall-kriżi; jitlob li l-UE testendi tali sanzjonijiet għal dawk kollha li l-azzjonijiet tagħhom jirrappreżentaw theddida għall-paċi u l-istabilità fir-reġjun, li jinċitaw il-mibegħda u li jiksru l-Ftehim ta' Arusha;

20.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-konsultazzjoni pubblika mwettqa skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, biex jikkunsidraw l-iffriżar tal-assistenza non-umanitarja lill-Gvern tal-Burundi sakemm jieqaf l-użu eċċessiv tal-forza u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem minn forzi governattivi, kif reġistrat mill-OHCHR, u sakemm tinstab soluzzjoni politika li tirriżulta minn djalogu inter-Burundjan ġenwin, u biex l-għajnuna tkun imqassma mill-ġdid bil-għan li tissaħħaħ is-soċjetà ċivili; iqis li l-għajnuna tal-UE għandha titratta l-problemi bażiċi ta' inugwaljanza, faqar u malnutrizzjoni kronika sabiex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li ġew approvati dan l-aħħar;

21.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-eżodu kontinwu ta' refuġjati Burundjani lejn pajjiżi ġirien; itenni l-appoġġ tiegħu għall-organizzazzjonijiet umanitarji kollha li joperaw fuq il-post, kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti ġirien; jappella lill-komunità internazzjonali u l-aġenziji umanitarji biex ikomplu jagħtu assistenza lil dawk kollha li issa huma refuġjati u persuni spostati bħala riżultat tal-kunflitt; jilqa' l-impenn tal-UE biex iżżid l-appoġġ finanzjarju u l-għajnuna umanitarja sabiex tindirizza l-bżonnijiet urġenti ta' dawn il-popli;

22.  Jistieden lill-UA, lin-NU u lill-UE biex iqisu serjament id-dimensjoni reġjonali u jevitaw kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-reġjun, billi jżidu l-preżenza tagħhom fil-post b'mod partikolari billi jinżamm djalogu politiku permanenti bejn il-pajjiżi fir-reġjun; iħeġġeġ lill-UA, f'dan il-kuntest, biex tikkunsidra, b'koordinament mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li tibgħat missjoni għaż-żamma tal-paċi mmexxija mill-Afrika jekk is-sitwazzjoni tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi tkompli tiddeterjora;

23.  Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini, tkompli fl-isforzi tagħha biex tiżgura l-ħelsien immedjat ta’ Richard Spiros Hagabimana, li hu uffiċjal tal-pulizija fil-Burundi, li qed jinżamm il-ħabs illegalment u li ġie ttorturat għaliex bħala pulizija, irrifjuta li jispara fuq il-folla fit-28 ta’ Lulju 2015;

24.  Hu tal-fehma li l-problemi tal-Burundi huma interkonnessi ma' tilwim relatat mal-kontroll ta' art agrikola fertili, mal-inguwaljanza ta' introjtu u mad-diskriminazzjoni; jappella, f'dan il-kuntest, biex jitwaqqaf qafas regolatorju responsabbli li jirregola l-mod li bih il-korporazzjonijiet jikkonformaw mal-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem u mal-obbligi fir-rigward tal-istandards soċjali u ambjentali;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Burundi, lill-Kunsill AKP-UE, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u lill-gvernijiet tal-istati membri tagħha, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0275.

Avviż legali