Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0050/2016Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0050/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2016

20.1.2016 - (2015/3035(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
PPE (B8-0050/2016)
ALDE (B8-0052/2016)
Verts/ALE (B8-0063/2016)
EFDD (B8-0064/2016)
S&D (B8-0066/2016)

Andrzej Grzyb, Cristian Dan Preda, Therese Comodini Cachia, Mariya Gabriel, László Tőkés, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Bogdan Brunon Wenta, Fernando Ruas, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Theodoros Zagorakis, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz f'isem il-Grupp PPE
Pier Antonio Panzeri, Soraya Post, Liisa Jaakonsaari, Tibor Szanyi, Doru-Claudian Frunzulică, David Martin, Richard Howitt, Ana Gomes, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Nicola Caputo, Andi Cristea, Isabella De Monte, Monika Flašíková Beňová, Eider Gardiazabal Rubial, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvie Guillaume, Miapetra Kumpula-Natri, Miltiadis Kyrkos, Javi López, Costas Mavrides, Sorin Moisă, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Emilian Pavel, Pina Picierno, Tonino Picula, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Siôn Simon, Monika Smolková, Claudia Tapardel, Marc Tarabella, István Ujhelyi, Julie Ward f'isem il-Grupp S&D
Beatriz Becerra Basterrechea, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, Fredrick Federley, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Javier Nart, Norica Nicolai, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Judith Sargentini f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo f'isem il-Grupp EFDD
Mark Demesmaeker


Proċedura : 2015/3035(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0050/2016
Testi mressqa :
RC-B8-0050/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2016

(2015/3035(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-UNHRC,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi riżoluzzjonijiet dwar dibattiti fuq każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar din il-kwistjoni[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-2015 u l-2016 huma snin ta' anniversarji importanti f'dak li jirrigwarda t-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem, tal-paċi u tas-sigurtà: is-70 anniversarju mit-twaqqif tan-Nazzjonijiet Uniti, il-50 anniversarju tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR), it-30 u l-20 anniversarji tad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp (1986) u tad-Dikjarazzjoni ta' Beijing u l-Pjattaforma għal Azzjoni (1995) rispettivament, u l-15-il anniversarju tar-riżoluzzjoni storika tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà (2000) u tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (2000);

B.  billi s-sostenn favur ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem indipendentement mir-razza, mill-oriġini, mir-reliġjon, mill-klassi, mill-kasta, mis-sess, mill-orjentazzjoni sesswali jew mill-kulur huwa obbligu għall-istati kollha, billi jtenni l-impenn tiegħu favur l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem (sew jekk ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali jew kulturali), li huma interrelatati u interdipendenti u billi t-tiċħid ta' kwalunkwe wieħed minn dawn id-drittijiet għandu impatt dirett u negattiv fuq l-oħrajn; billi l-istati kollha għandhom l-obbligu li jirrispettaw id-drittijiet bażiċi tal-popolazzjonijiet rispettivi tagħhom u d-dmir li jieħdu azzjoni konkreta biex jiffaċilitaw ir-rispett ta' dawk id-drittijiet fil-livell nazzjonali, u li jikkooperaw fil-livell internazzjonali bil-għan li jiġu eliminati l-ostakli għar-realizzazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma kollha;

C.  billi r-rispett, il-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea; billi l-koerenza interna u esterna fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem hija essenzjali għall-kredibilità tal-politika esterna tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi l-azzjoni tal-Unjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi hija ggwidata mill-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jafferma mill-ġdid l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u jistabbilixxi l-obbligu ta' rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, kif ukoll dawk tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u tad-dritt internazzjonali fl-azzjoni tagħha fix-xena internazzjonali;

E.  billi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem għandu jkun integrat fl-oqsma politiċi kollha li jinvolvu l-paċi u s-sigurtà, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, il-kummerċ u l-investiment, l-azzjoni umanitarja, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, peress li dawn it-temi ma jistgħux jiġu affrontati separatament mir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

F.  billi l-Istati Membri tan-NU adottaw l-Aġenda 2030 u impenjaw ruħhom skont l-istess Aġenda 2030 li tipprevedi dinja ta' rispett universali tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità umana, tal-istat tad-dritt, tal-ġustizzja, tal-ugwaljanza u tan-nondiskriminazzjoni;

G.  billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċedura Speċjali li tittratta sitwazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-isforzi internazzjonali għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

H.  billi, xi membri tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem huma kkunsidrati bħala fost l-agħar trasgressuri tad-drittijiet tal-bniedem u għandhom rekords dubjużi f'dak li għandu x'jaqsam mal-kooperazzjoni mal-Proċedura Speċjali tan-NU u mal-konformità mar-rekwiżiti ta' rappurtar tagħhom fir-rigward tal-korpi tat-trattat tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.  Jilqa' l-ħatra tal-Ambaxxatur Choi Kyong-lim bħala President tal-UNHRC għall-2016;

2.  Jilqa' r-rapport annwali tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li jkopri t-28, id-29 u t-30 sessjoni;

3.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-membri tal-UNHRC għandhom jiġu eletti minn fost l-Istati li jsostnu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija, u jħeġġeġ lill-istati membri tan-NU jippromwovu, fost affarijiet oħra, kriterji bbażati fuq ir-riżultati fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem għal kwalunkwe stat li jiġi elett bħala membru tal-UNHRC; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar abbużi tad-drittijiet tal-bniedem fost għadd ta' membri tal-UNHRC li għadhom kif ġew eletti; jemmen li l-Istati Membri ma għandhomx jappoġġjaw l-elezzjoni fil-UNHRC ta' pajjiżi li ma jirrispettawx għad-drittijiet tal-bniedem;

4.  Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ tal-indipendenza u l-integrità tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju tal-mandat tiegħu b'mod effikaċi u imparzjali; jitlob, b'konnessjoni ma' dan, biex l-OHCHR jingħatawlu sostenn u finanzjament adegwati; itenni l-appoġġ tiegħu għall-Proċedura Speċjali u għall-istatus indipendenti tad-detenturi tal-mandat bħar-Rapporteurs Speċjali, biex b'hekk ikunu jistgħu jaqdu d-dmirijiet tagħhom b'imparzjalità sħiħa, u jistieden lill-istati kollha jikkooperaw ma' dawn il-proċeduri; jiddispjaċih ħafna dwar in-nuqqas ta' kooperazzjoni li wrew xi stati membri;

5.  Jafferma mill-ġdid l-importanza tal-universalità tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU), bil-għan li jintlaħaq fehim sħiħ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-istati membri kollha tan-NU, u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-tieni ċiklu tar-rieżami, li jikkonċentra speċjalment fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet aċċettati matul l-ewwel ċiklu; jappella madankollu għal darb'oħra, biex ir-rakkomandazzjonijiet li ma ġewx aċċettati mill-istati matul l-ewwel ċiklu jerġgħu jiġu kkunsidrati fit-tkomplija tal-proċess tal-EPU;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li firxa wiesgħa ta' partijiet interessati, b'mod partikolari s-soċjetà ċivili, jipparteċipaw fl-aspetti kollha tax-xogħol tal-UNHRC, u jesprimi t-tħassib tiegħu li limitazzjonijiet gravi jfixklu l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-EPU; jistieden lill-Istati Membri tan-NU, inklużi l-Istati Membri, biex jużaw l-EPU bħala mezz kif jivvalutaw is-sitwazzjoni tagħhom stess fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u jagħmlu rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward,

7.  Jitlob lill-UE u lill-Kummissjoni jagħtu segwitu lir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU fid-djalogi politiċi tal-UE mal-pajjiżi kkonċernati bil-għan li jiġu eżaminati modi u mezzi ġodda ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet permezz ta' strateġiji nazzjonali u reġjonali;

8.  Jilqa' l-Inizjattiva għall-Bidla mnedija mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, li hi maħsuba biex ittejjeb u ssaħħaħ il-preżenza globali tal-uffiċċji tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU bil-ħolqien ta' tmien hubs reġjonali biex jipproteġu u jippromwovu r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem b'kollaborazzjoni diretta mas-sħab bil-għan li r-rakkomandazzjonijiet dwar il-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem jissarrfu f'bidliet reali fil-prattika; Jappella, fl-okkażjoni tal-10 anniversarju tal-UNHRC, biex issir valutazzjoni tal-impatt tal-Kunsill anke fir-rigward tal-mandat tiegħu l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjonijiet u d-deċiżjonijiet l-oħra tiegħu;

Id-drittijiet ċivili u politiċi

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-reviżjonijiet kostituzzjonali li għamlu ċerti pajjiżi, immirati biex ibiddlu l-limitu stabbilit fuq il-mandat presidenzjali, kwistjoni li f'ċerti każi ġġenerat vjolenza marbuta mal-elezzjonijiet; jafferma mill-ġdid li r-rispett tad-drittijiet ċivili u politiċi, fosthom il-libertà ta' espressjoni individwali u kollettiva, u l-libertà ta' għaqda u assoċjazzjoni, jikkostitwixxu l-indikaturi ta' soċjetà demokratika, tolleranti u pluralista;

10.  Itenni li l-elezzjonijiet ħielsa u awtentiċi li jsiru perjodikament fuq il-bażi ta' vot universali u ndaqs huma dritt fundamentali li kull ċittadin għandu jgawdi minnu b'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (Artikolu 21(3)) u mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (Artikolu 25); jerġa' jafferma l-eżistenza tal-libertà ta' espressjoni u kuntest vibranti favorevoli għal soċjetà ċivili indipendenti u pluralista huma rekwiżiti preliminari għall-promozzjoni tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Huwa tal-fehma li t-teknoloġiji diġitali kontemporanji jippreżentaw vantaġġi u sfidi għall-protezzjoni tad-dritt għall-privatezza, għall-eżerċizzju tal-libertà ta' espressjoni online fid-dinja kollha u għas-sigurtà, peress li t-teknoloġiji diġitali kontemporanji spiss huma mezzi ta' propaganda estremista u terroristika kif ukoll kanali ta' reklutaġġ; jilqa' f'dan il-kuntest, il-ħatra ta' Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Privatezza fl-Era Diġitali, li fil-mandat tiegħu hemm inklużi l-kwistjonijiet ta' sorveljanza u privatezza li jolqtu l-persuni online jew offline;

12.  Jitlob lill-Istati Membri tan-NU, inklużi l-Istati Membri tal-UE, biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar forom kontemporanji ta' razziżmu, diskriminazzjoni razzjali, ksenofobija u intolleranza relatata sabiex jingħeleb it-tixrid ta' mibegħda razzjali, etnika u ksenofobika u t-tixwix fuq l-internet u permezz ta' netwerks tal-midja soċjali billi jieħdu miżuri leġiżlattivi xierqa, b'rispett sħiħ għal drittijiet fundamentali oħra bħal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni;

Id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

13.  Jikkundanna l-intimidazzjoni kontinwa u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-membri tal-oppożizzjoni min-naħa tal-forzi tal-gvern f'għadd ta' pajjiżi terzi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-leġiżlazzjoni inġusta u restrittiva, inklużi restrizzjonijiet fuq il-finanzjament barrani, li qed tirriżulta fi spazju dejjem aktar limitat għall-attivitajiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-gvernijiet kollha jippromwovu u jappoġġjaw il-libertà tal-mezzi tax-xandir, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-attivitajiet tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u jippermettulhom joperaw mingħajr biża', repressjoni jew intimidazzjoni;

14.  Iqis li l-intimidazzjoni kontinwa u d-detenzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-membri tal-oppożizzjoni minn għadd ta' membri tal-UNHRC jimminaw il-kredibilità tal-UNHRC; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu inizjattiva fil-livell tan-NU biex titfassal risposta koerenti u komprensiva għall-isfidi ewlenin li jiffaċċjaw madwar id-dinja d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fuq id-drittijiet tan-nisa, id-difiża tad-drittijiet ambjentali, l-art u d-drittijiet tal-popli indiġeni, il-korruzzjoni u l-impunità, kif ukoll il-ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħra li jużaw il-mezzi tax-xandir, inklużi l-internet u l-midja soċjali, filwaqt li jikkundannaw sistematikament il-qtil tagħhom;

15.  Huwa mħasseb ħafna dwar l-attakki li dejjem qed jiżdiedu fuq ħaddiema fl-għajnuna umanitarja u fil-faċilitajiet mediċi; ifakkar li kwalunkwe attakk bħal dan huwa pprojbit skont id-dritt umanitaru internazzjonali u jistieden lill-partijiet konfliġġenti biex jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tad-dritt umanitaru internazzjonali; jenfasizza l-importanza li tittejjeb is-sigurtà tal-ħaddiema li jagħtu l-għajnuna sabiex jirreaġixxu b'mod aktar effikaċi għall-attakki;

Il-piena tal-mewt

16.  Ifakkar fil-pożizzjoni tal-UE dwar tolleranza żero għall-piena tal-mewt u jtenni l-oppożizzjoni li ilu jħaddan kontra l-piena tal-mewt, it-tortura, it-trattament u l-pieni krudili, inumani jew degradanti fil-każijiet kollha u f'kull ċirkostanza; jissottolinja l-importanza li l-UE tkompli tavvanza l-moratorju dwar il-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni tagħha u jenfasizza għal darb'oħra li l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt tikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-dinjità tal-bniedem; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-appoġġ tal-politika ta' infurzar kontra d-droga tal-pajjiżi terzi, bħall-assistenza finanzjarja, l-assistenza teknika u l-bini ta' kapaċità, għandhom jeskludu l-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga; jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-ħatra ta' Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-politika kontra d-droga;

17.  Ifaħħar il-progress sostanzjali li sar sa issa, fejn bosta pajjiżi ssospendew il-piena tal-mewt filwaqt li oħrajn adottaw miżuri leġiżlattivi għall-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; jesprimi madankollu d-dispjaċir tiegħu li f'dawn l-aħħar snin reġgħu ddaħħlu l-eżekuzzjonijiet f'ċerti pajjiżi; jagħmel appell lil dawk l-Istati li abolixxew il-piena tal-mewt, jew li għandhom moratorju għal żmien twil fuqha, biex jonoraw l-impenji tagħhom u ma jerġgħux idaħħluha mill-ġdid;

Libertà ta' reliġjon

18.  Ifakkar li l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza, tar-reliġjon u tat-twemmin hija dritt fundamentali tal-bniedem, kif rikonoxxut fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u garantita mill-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi; ifakkar, bl-istess mod, fir-rabta ta' din il-libertà ma' drittijiet oħra tal-bniedem u libertajiet fundamentali, li jiġbru magħhom id-dritt li wieħed jemmen jew ma jemminx, il-libertà li wieħed ikollu twemmin teistiku, mhux teistiku jew ateistiku, u d-dritt li wieħed jadotta, ibiddel u jabbanduna jew jirritorna għat-twemmin tal-għażla tiegħu; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li xi pajjiżi għadhom mhumiex konformi mal-istandards tan-NU u jużaw ir-repressjoni statali, li tista' tinkludi pieni fiżiċi, żmien ta' priġunerija, multi enormi u saħansitra anke l-piena tal-mewt, u dan bi ksur tal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-persekuzzjoni fil-konfront tal-minoranzi minħabba r-reliġjon jew it-twemmin tagħhom, kif ukoll il-ħsara illegali li qed issir fil-postijiet fejn dawn jinġabru; jappoġġja r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà tar-Reliġjon jew tat-Twemmin dwar il-vjolenza li ssir "f'isem ir-reliġjon"; jistieden lill-UE timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-inizjattivi ta' djalogu interreliġjuż;

19.  Jilqa' l-impenn tal-UE li tippromwovi l-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin fil-fora internazzjonali, anke billi tappoġġja l-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin; jappoġġja totalment il-prattika tal-UE li tassumi rwol ta' tmexxija fil-UNHRC u fl-AĠNU f'riżoluzzjonijiet tematiċi f'dan il-qasam; jitlob azzjonijiet konkreti għall-protezzjoni ta' minoranzi reliġjużi, persuni bla twemmin, apostati u atei li huma vittmi ta' liġijiet dwar l-atti blasfemi; iqis li għandha tittieħed azzjoni kemm fil-fora internazzjonali kif ukoll f'dawk reġjonali billi jinżamm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-assoċjazzjonijiet u mal-komunitajiet reliġjużi, kif stabbilit fl-Artikolu 17 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

Id-drittijiet soċjali u ekonomiċi

20.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-UNHRC biex id-drittijiet tal-bniedem kollha jitpoġġew fuq livell indaqs, bl-istess enfasi, bis-saħħa tan-nomina tad-detenturi tal-mandat tal-Proċedura Speċjali fir-rigward tad-drittijiet ekonomiċi, soċjali u kulturali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tar-ratifikazzjoni tal-Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali li jistabbilixxi mekkaniżmi ta' lment u ta' inkjesta;

21.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar iż-żieda fil-faqar estrem, li tipperikola t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem kollha; jilqa' f'dan ir-rigward, ir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tal-UNHRC dwar il-faqar estrem u d-drittijiet tal-bniedem (A/HRC/29/31) u jappoġġja l-proposti tiegħu għall-eliminazzjoni tal-faqar estrem; iqis li hu importanti li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi li qed jiżdiedu sabiex jiġi miġġieled il-faqar b'mod ġenerali u biex jiġu promossi d-drittijiet soċjali u ekonomiċi, b'mod speċjali billi jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-ikel, l-ilma, l-edukazzjoni, l-assistenza fil-qasam tas-saħħa u l-akkomodazzjoni;

22.  Huwa tal-fehma li l-korruzzjoni, l-evażjoni tat-taxxa, il-ġestjoni ħażina tal-beni pubbliċi u n-nuqqas ta' responsabilità huma lkoll theddid għat-tgawdija b'mod ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u jimminaw il-proċessi demokratiċi bħall-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni imparzjali tal-ġustizzja, is-servizzi pubbliċi bħall-edukazzjoni u s-servizzi bażiċi tas-saħħa; iqis li l-azzjoni maħsuba biex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment id-dritt għall-informazzjoni, għal-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, għal ġudikatura indipendenti u għal parteċipazzjoni demokratika fl-affarijiet pubbliċi, hija kruċjali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

23.  Jenfasizza li l-komunitajiet ta' minoranza fil-pajjiżi terzi għandhom ħtiġijiet speċifiċi u li l-ugwaljanza tagħhom għandha tiġi promossa fl-oqsma kollha tal-ħajja ekonomika, soċjali, politika u kulturali;

24.  Jistieden lill-istati membri tan-NU, inklużi l-Istati Membri tal-UE jitolbu li d-detenturi kollha ta' mandat ta' Proċedura Speċjali jagħtu attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet li jolqtu lin-nisa, liż-żgħażagħ u lill-persuni b'diżabilità indiġeni, u jirrapportaw sistematikament dawn il-kwistjonijiet lill-UNHRC; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tal-popli indiġeni fis-sessjonijiet tal-UNHRC; jistieden lill-EEAS u lill-Istati Membri jappoġġjaw attivament l-iżvilupp ta' pjan ta' azzjoni għas-sistema kollha dwar il-popli indiġeni, b'mod speċjali rigward il-konsultazzjoni regolari tal-popli indiġeni;

In-negozju u d-drittijiet tal-bniedem

25.  Jappoġġja l-implimentazzjoni effikaċi u komprensiva tal-Prinċipji ta' Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; iħeġġeġ lill-istati membri tan-NU, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jiżviluppaw u jimplimentaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali; iqis li l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jmorru id f'id u li l-komunità kummerċjali għandha rwol importanti x'tiżvolġi fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija; jafferma mill-ġdid li l-impriżi tal-UE u dawk multinazzjonali jkollhom rwol minn ta' quddiem fil-promozzjoni tal-istandards internazzjonali dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem;

26.  Jappella lin-NU u lill-UE biex mal-intrapriżi multinazzjonali u Ewropej iqajmu wkoll il-kwistjoni tal-ħtif tal-art u d-difensuri tad-drittijiet tal-art, li huma vittmi ta' rappreżalji inklużi theddid, intimidazzjoni, arrest arbitrarju, attakk u qtil;

27.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem biex isaħħaħ il-Proġett għar-Responsabilità u r-Rimedji bil-għan li jagħti kontribut lil sistema ġusta u aktar effikaċi tar-rimedji fid-dritt nazzjonali, partikolarment f'każi ta' abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fis-settur tan-negozju; jistieden lill-gvernijiet kollha jaqdu dmirijiethom biex jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u aċċess għall-ġustizzja għall-vittmi li jħabbtu wiċċhom ma' sfidi prattiċi u ġuridiċi biex jiksbu aċċess għar-rimedji fil-livelli nazzjonali u internazzjonali, fir-rigward ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatat man-negozju;

28.  Josserva li grupp ta' ħidma intergovernattiv (IGWG) miftuħ dwar l-elaborazzjoni ta' strument internazzjonali ġuridikament vinkolanti dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u impriżi tan-negozju oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, stabbilit b'riżoluzzjoni tal-UNHRC tas-26 ta' Ġunju 2014, kellu l-ewwel sessjoni tiegħu f'Lulju 2015; jitlob li barra minn hekk l-UE tappoġġja sforzi biex tallinja l-politiki tagħha mal-linji gwida tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali u jirrakkomanda li l-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv fid-dibattitu dwar strument internazzjonali legalment vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem fis-sistema tan-NU;

Il-migrazzjoni u r-rifuġjati

29.  Huwa allarmat bl-aktar kriżi umanitarja gravi mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, li nħolqot mill-għadd dejjem akbar ta' individwi mġiegħla jħallu djarhom bħala konsegwenza tal-persekuzzjoni, tal-kunflitt armat, tal-vjolenza ġeneralizzata u tat-tibdil fil-klima, u li qegħdin ifittxu protezzjoni u ħajja aħjar u jissograw ħajjithom bi vjaġġi perikolużi; jappella għal azzjoni effikaċi u koordinata biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni; barra minn hekk, jappella għal aktar sforzi fil-livell tan-NU biex jiġu indirizzati sfidi migratorji attwali u futuri billi jiġi żgurat finanzjament suffiċjenti għall-UNHCR, il-WFP u korpi oħra tan-NU involuti fl-għoti tas-servizzi bażiċi għal refuġjati ġewwa u barra żoni ta' kunflitt; jenfasizza l-importanza tax-xogħol tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti, inklużi r-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

30.  Jistieden lill-pajjiżi kollha jadottaw approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li jissalvagwardja d-drittijiet tal-migranti u tar-rifuġjati fil-politiki u ġestjoni tal-migrazzjoni, filwaqt li jagħtu attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-gruppi ta' migranti u rifuġjati emarġinati u żvantaġġati, bħan-nisa u t-tfal; jistieden lill-istati kollha jindirizzaw il-vjolenza relatata mal-ġeneru kontra n-nisa u l-bniet, u jenfasizza l-importanza li l-politika tal-migrazzjoni titfassal minn perspettiva tal-ġeneru bil-għan li tirrispondi għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom;

31.  Ifakkar li l-istati kollha għandhom l-obbligu jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem tal-individwi kollha taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-oriġini tagħhom u irrispettivament mill-istatus ta' immigrazzjoni tagħhom; ifakkar li strateġija dinjija dwar il-migrazzjoni hija marbuta mill-qrib mal-politiki tal-iżvilupp u dawk umanitarji, inkluż billi jiġu stabbiliti kurituri umanitarji u jingħataw viżi umanitarji; itenni l-appell tiegħu biex il-ftehimiet kollha dwar il-kooperazzjoni u r-riammissjoni ma' Stati mhux tal-UE jkunu konformi mad-dritt internazzjonali; ifakkar li r-ritorn ta' migranti għandu jsir biss b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-migranti, abbażi ta' deċiżjonijiet infurmati, u biss meta l-protezzjoni ta' drittijiethom tkun garantita f'pajjiżhom; jistieden lill-gvernijiet iwaqqfu l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni ta' migranti; jesprimi tħassib dwar diskriminazzjoni kontinwa u mifruxa kontra l-migranti, inklużi dawk li jfittxu l-asil u r-rifuġjati; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-istati membri tan-NU, inklużi l-Istati Membri tal-UE, jirrispettaw id-dritt ta' tiftix u tgawdija tal-asil;

It-tibdil fil-klima u d-drittijiet tal-bniedem

32.  Jilqa' l-Ftehim ta' Pariġi taħt il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li jkopri l-adattament, il-mitigazzjoni, l-iżvilupp u t-trasferiment tat-teknoloġija, u l-bini tal-kapaċità; jistieden lill-partijiet firmatarji kollha jonoraw l-impenji tagħhom; jinsab dispjaċut dwar in-nuqqas ta' kwalunkwe referenza għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-UNFCCC, u jappella biex il-politiki u l-azzjonijiet kollha tal-UNFCCC jkunu bbażati fuq id-drittijiet tal-bniedem;

33.  Ifakkar li l-impatt negattiv tat-tibdil fil-klima jirrappreżenta theddida globali immedjata u potenzjalment irreversibbli għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem, u li l-impatt tiegħu fuq il-gruppi vulnerabbli, li s-sitwazzjoni ta' drittijiethom hija diġà prekarja, huwa konsiderevoli; jinnota bi tħassib li inċidenti relatati mal-klima bħaż-żieda fil-livelli tal-baħar u tibdil estrem fil-klima li jipprovokaw nixfiet u għargħar huma mistennija jwasslu għal aktar telf ta' ħajja, spostament ta' popolazzjonijiet, u nuqqasijiet ta' ikel u ilma;

34.  Jistieden lill-komunità internazzjonali tindirizza n-nuqqasijiet ġuridiċi fit-terminu 'rifuġjat minħabba l-klima', inkluża l-possibilità tad-definizzjoni internazzjonali tiegħu;

Id-drittijiet tan-nisa

35.  Jilqa' r-Riżoluzzjoni riċenti Nru 2242 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li tagħmel lin-nisa l-komponent ċentrali fl-isforzi kollha biex jiġu indirizzati l-isfidi globali, inkluża ż-żieda fl-estremiżmu vjolenti, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà; ifaħħar is-sejbiet tal-Istudju Globali tan-NU dwar l-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, li enfasizzaw l-importanza tat-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-bini tal-paċi u li l-involviment tagħhom tejjeb l-assistenza umanitarja, saħħaħ l-isforzi tal-forzi taż-żamma tal-paċi, rawwem il-konklużjoni tat-taħditiet ta' paċi u għen biex jiġi miġġieled l-estremiżmu vjolenti; jistieden lin-NU u lill-istati membri kollha tagħha jieħdu miżuri konkreti biex jiżguraw l-awtonomija tan-nisa, l-inklużjoni sinifikanti tagħhom fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti u fil-proċess ta' negozjati għall-paċi u l-bini tal-paċi, billi tiżdied ir-rappreżentanza tagħhom fil-livelli deċiżjonali kollha, fosthom fl-istituzzjonijiet u fil-mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali;

36.  Jesprimi l-kosternazzjoni tiegħu dwar il-fatt li minn mindu tfaċċaw gruppi estremisti vjolenti bħad-Daesh fis-Sirja u l-Iraq, jew il-Boko Haram fl-Afrika tal-Punent, il-vjolenza kontra n-nisa ingħatat dimensjoni ġdida billi l-vjolenza sesswali saret parti integrali mill-objettivi, l-ideoloġija u s-sors ta' dħul ta' dawn il-gruppi estremisti, u poġġiet sfida ġdida kritika quddiem il-komunità internazzjonali; jistieden lill-gvernijiet kollha u lill-istituzzjonijiet tan-NU jintensifikaw l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra dawn id-delitti abominabbli u jerġgħu jġibu d-dinjità tan-nisa bil-għan li ssir ġustizzja magħhom, jingħataw riparazzjoni u jittieħdu miżuri adegwati ta' sostenn;

37.  Iqis li l-fatt li tiġi ggarantita l-awtonomija tan-nisa, billi jiġu indirizzati l-inugwaljanzi sottostanti bejn in-nisa u l-irġiel li jrendu lin-nisa u t-tfajliet vulnerabbli fi żminijiet ta' kunflitt, huwa mod wieħed kif jiġi miġġieled l-estremiżmu; jenfasizza l-ħtieġa li titkompla l-edukazzjoni għall-bniet fil-kampijiet tar-rifuġjati, fiż-żoni ta' kunflitt milquta minn faqar estrem u minn estremitajiet ambjentali bħal nixfiet u għargħar;

38.  Jisħaq fuq l-importanza li ma jiġix imminat l-'acquis' tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing fir-rigward tal-aċċess għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala dritt bażiku tal-bniedem, u l-protezzjoni tad-drittijiet sesswali u riproduttivi; jenfasizza l-fatt li r-rispett universali tas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, kif ukoll l-aċċess għas-servizzi rilevanti jikkontribwixxu biex titnaqqas il-mortalità materna u tat-trabi; jindika li l-ippjanar tal-familja, is-saħħa materna, l-aċċess faċli għall-kontraċezzjoni u aċċess għall-firxa kollha ta' servizzi tas-saħħa sesswali u riproduuttiva huma elementi importanti biex jiġu salvati l-ħajjiet tan-nisa u jgħinuhom jibnu ħajjithom mill-ġdid jekk ikunu sfaw vittmi ta' stupru; jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-politiki jitpoġġew fil-qalba tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-azzjoni umanitarja ma' pajjiżi terzi;

39.  Jissottolinja l-importanza ta' miżuri li jsaħħu t-tmexxija u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha ta' teħid ta' deċiżjonijiet; jistieden lill-istati jiżguraw rappreżentanza ugwali tan-nisa fl-istituzzjonijiet pubbliċi u l-ħajja pubblika, inkluża attenzjoni speċjali għall-inklużjoni tan-nisa li jagħmlu parti minn minoranzi;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-SEAE u lill-Vici-President / Rappreżentant Għoli (VP/RGħ) ikomplu jippromwovu l-għoti tas-setgħa fil-livell politiku u ekonomiku lin-nisa u lill-bniet bl-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-politiki esterni u l-programmi kollha tagħhom, inkluż permezz ta' djalogi strutturati ma' pajjiżi terzi, billi jqajmu pubblikament kwistjonijiet relatati mal-ġeneru u billi jiżguraw biżżejjed riżorsi għal dan il-għan;

Id-drittijiet tat-tfal

41.  Jappoġġja l-isforzi tal-UE biex tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari billi tikkontribwixxi biex tiżgura l-aċċess tat-tfal għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, billi tiżgura r-riabilitazzjoni u l-integrazzjoni mill-ġdid tat-tfal li jinsabu fi gruppi armati, telimina t-tħaddim tat-tfal, it-tortura, l-akkużi ta' seħer kontra t-tfal, it-traffikar, iż-żwieġ furzat u l-isfruttament sesswali, u billi t-tfal li jinsabu f'kunflitti armati jingħataw l-għajnuna u jiġi żgurat l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni f'żoni ta' kunflitt u fil-kampijiet tar-rifuġjati;

42.  Ifakkar li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li kienet adottata fl-1989 u hija t-trattat internazzjonali fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem li l-aktar li ġie ratifikat, tiddefinixxi numru ta' drittijiet tat-tfal, fosthom id-dritt għall-ħajja, għas-saħħa, għall-edukazzjoni u għal-logħob, kif ukoll id-dritt għall-ħajja fil-familja, li jitħarsu mill-vjolenza u mid-diskriminazzjoni u li jinstemgħu fehmiethom; jistieden lill-firmatarji kollha ta' dan it-trattat jonoraw l-obbligi tagħhom;

43.  Jilqa' l-istudju globali ppjanat li għandu jiġi mniedi min-NU bil-għan li jiġi ddeterminat, permezz ta' monitoraġġ u analiżi tal-evalwazzjoni, il-mod kif il-liġijiet u l-istandards internazzjonali qed jiġu implimentati fil-prattika u biex jiġu vvalutati l-possibilitajiet konkreti għall-istati biex itejbu l-politiki u r-reazzjonijiet tagħhom; iħeġġeġ lill-istati kollha jappoġġjaw u jipparteċipaw b'mod attiv f'dan l-istudju;

44.  Jinnota bi tħassib li fl-2015, f'diversi pajjiżi madwar id-dinja, għadd ta' persuni ġew ikkundannati għall-mewt għal reati mwettqa meta kellhom inqas minn 18-il sena minkejja l-projbizzjoni fuq l-użu tal-piena tal-mewt għall-minorenni fil-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

Id-drittijiet tal-persuni LGBTI

45.  Jesprimi t-tħassib tiegħu rigward il-persistenza ta' liġijiet u prattiki diskriminatorji u ta' atti ta' vjolenza kontra individwi f'diversi pajjiżi, abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru tagħhom; iħeġġeġ il-monitoraġġ mill-qrib tas-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI f'pajjiżi fejn dan l-aħħar ġew introdotti liġijiet kontra l-LGBTI; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-hekk imsejħa liġijiet 'kontra l-propaganda', li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda, anki f'pajjiżi fil-kontinent Ewropew;

46.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għat-tkomplija tal-ħidma tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet kollha tal-bniedem minn persuni LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' dikjarazzjonijiet, rapporti u l-kampanja 'Free & Equal'; iħeġġeġ lill-Kummissarju Għoli jkompli jiġġieled kontra liġijiet u prattiki diskriminatorji; jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet fuq il-libertajiet fundamentali ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI, u jappella lill-UE żżid l-appoġġ tagħha lejn dawn id-difensuri; jinnota li d-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBTI aktarx li jiġu rrispettati aktar jekk dawn ikollhom aċċess għall-istituzzjonijiet ġuridiċi kollha;

L-integrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE u l-koerenza

47.  Jappella lill-UE tippromwovi l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

48.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex tadotta approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u tintegra r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kummerċ, il-politiki tal-investiment, is-servizzi pubbliċi u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp kif ukoll fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha; jisħaq wkoll fuq il-fatt li l-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE għandha tiżgura li l-politiki interni u esterni tagħha jkunu koerenti, konformi mal-obbligu stabbilit mit-Trattat dwar l-UE;

49.  Itenni, barra minn hekk, l-importanza li l-UE tinvolvi ruħha b'mod attiv u konsistenti fil-mekkaniżmi kollha tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat, l-Assemblea Ġenerali (AĠNU) u l-UNHRC; jirrikonoxxi l-isforzi tas-SEAE, tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra u tal-Istati Membri biex tiżdied il-koerenza tal-UE fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU, permezz ta' konsultazzjoni f'waqtha u sostantiva u biex jitwassal 'messaġġ b'vuċi waħda'; iħeġġeġ lill-UE żżid l-isforzi tagħha biex issemma' leħinha, inkluż billi tintensifika l-prattika li qed tiżdied ta' inizjattivi transreġjonali u billi tressaq riżoluzzjonijiet ma' pajjiżi oħra jew teħodhom f'idejha hi; itenni l-appell tiegħu għal viżibilità aktar b'saħħitha tal-azzjoni tal-UE fil-fora multilaterali kollha;

50.  Jitlob lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem ikompli jsaħħaħ l-effikaċja, il-koerenza u l-viżibilità tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-UNHRC, u jkompli jiżviluppa kooperazzjoni mill-qrib mal-OHCHR u mal-Proċeduri Speċjali;

51.  Jenfasizza bil-qawwa l-ħtieġa li jittejbu t-tħejjija u l-koordinament tal-pożizzjonijiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC u li tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-konsistenza bejn il-politika esterna u interna tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE;

52.  Ifakkar fl-importanza li tinżamm il-prattika istituzzjonalizzata li jintbagħtu delegazzjonijiet parlamentari lejn l-UNHRC u l-AĠNU;

53.  jappella biex l-involviment tal-Istati Membri tal-UE fil-UNHRC ikun ibbażat aktar fuq il-prinċipji u ma jkunx selettiv;

Id-drones u l-armi awtonomi

54.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kunsill tal-UE biex jiżviluppa pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-użu ta' drones armati, li tagħti importanza kbira lir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u tindirizza kwistjonijiet bħall-qafas ġuridiku, il-proporzjonalità, ir-responsabilità, il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u t-trasparenza; iħeġġeġ lill-UE, għal darb'oħra, tipprojbixxi l-produzzjoni, l-iżvilupp u l-użu ta' armi kompletament awtonomi, li jippermettu li jsiru attakki mingħajr intervent uman; jinsisti li d-drittijiet tal-bniedem għandhom ikunu parti mid-djalogi kollha li jsiru ma' pajjiżi terzi dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu;

Il-ġlieda kontra t-terroriżmu

55.  Jinnota b'mod pożittiv id-dokument ta' gwida dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu abbozzat mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u mill-Kummissjoni li għandu l-għan jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta' proġetti ta' għajnuna fil-ġlieda kontra t-terroriżmu mal-pajjiżi terzi; ifakkar, b'rabta ma' dan, li r-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali jikkostitwixxi l-bażi għal politiki ta' suċċess kontra t-terroriżmu, inkluż l-użu ta' teknoloġiji ta' sorveljanza diġitali; jisħaq fuq il-bżonn ta' żvilupp ta' strateġiji effikaċi ta' komunikazzjoni għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-propaganda estremista u l-metodi ta' reklutaġġ, speċjalment fuq l-internet;

Id-demokratizzazzjoni

56.  Jirrakkomanda li l-UE żżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa approċċ aktar komprensiv lejn il-proċessi ta' demokratizzazzjoni, fejn elezzjonijiet ħielsa u ġusti jikkostitwixxu biss dimensjoni waħda minnhom, biex b'hekk jingħata kontribut pożittiv għat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi; iqis li l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba tat-tranżizzjoni fil-qafas tal-politiki tat-tkabbir u tal-viċinat għandha tintuża biex issostni u tikkonsolida l-proċessi ta' demokratizzazzjoni l-oħra fid-dinja kollha;

L-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem

57.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDG) 16 dwar il-paċi u l-ġustizzja tal-Aġenda 2030, li jmissu jkun il-prijorità tal-azzjoni esterna u interna kollha, speċjalment f'dawk li huma l-finanzjamenti tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

L-isport u d-drittijiet tal-bniedem

58.  Jinsab imħasseb serjament dwar il-fatt li stati awtoritarji fejn iseħħ ksur tad-drittijiet tal-bniedem qegħdin jilqgħu għandhom avvenimenti sportivi ewlenin; jistieden lin-NU u lill-Istati Membri tal-UE jqajmu din il-kwistjoni u jimpenjaw ruħhom mal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali, l-atturi korporattivi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-aspetti prattiċi tal-parteċipazzjoni tagħhom f'avvenimenti bħal dawn, inklużi t-Tazza tad-Dinja tal-FIFA fir-Russja fl-2018 u fil-Qatar fl-2022 u l-Logħob Olimpiku f'Beijing fl-2022;

Il-Qorti Kriminali Internazzjonali

59.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-ħidma tal-QKI fir-rwol tagħha li ttemm l-impunità għall-awturi tal-aktar delitti serji li huma ta' tħassib għall-komunità internazzjonali u li tagħmel ġustizzja mal-vittmi tad-delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidji; jibqa' viġilanti rigward kwalunkwe tentattiv biex tiġi mminata l-leġittimità jew l-indipendenza tagħha; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha jikkooperaw mal-Qorti u jagħtuha appoġġ diplomatiku, politiku u finanzjarju b'saħħtu, inkluż fin-NU; jappella lill-UE, l-Istati Membri tagħha u r-Rappreżentanti Speċjali tagħha jippromwovu b'mod attiv il-QKI, l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħha u l-ġlieda kontra l-impunità għad-delitti elenkati fl-Istatut ta' Ruma, fosthom billi ssaħħaħ u tespandi r-relazzjoni tagħha mal-Kunsill tas-Sigurtà, u billi tippromwovi r-ratifika universali tal-Istatut ta' Ruma kif ukoll l-emendi ta' Kampala;

Il-pajjiżi taħt l-Eżami Perjodiku Universali (EPU)

Il-Georgia

60.  Jilqa' s-sħubija tal-Georgia mal-UNHRC u l-EPU reċenti dwar il-Georgia; jinnota r-riformi leġiżlattivi sinifikattivi li rriżultaw f'ċertu progress u titjib rigward is-settur tal-ġustizzja u l-infurzar tal-liġi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-ġlieda kontra t-trattatment ħażin, id-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tal-privatezza u tad-data personali kif ukoll tal-persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs);

61.  Jinnota, madankollu, li hemm bżonn aktar sforzi fir-rigward tal-indipendenza sħiħa tal-ġudikatura u t-trattament ħażin, speċjalment fir-rigward tal-arrest preventiv u r-riabilitazzjoni tal-vittmi, ir-responsabilità għall-abbużi magħmula mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-investigazzjonijiet dwar abbużi li saru fil-passat minn uffiċjali tal-gvern, kif ukoll fir-rigward tal-minoranzi u d-drittijiet tan-nisa; jisħaq fuq ir-responsabilità tal-Gvern, skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li jipproteġi lit-tfal kollha mill-vjolenza, u jitlob skrutinju tal-istituzzjonijiet kollha tal-karità għat-tfal; jitlob li jkunu previsti dispożizzjonijiet għar-riabilitazzjoni tal-vittmi; għadu mħasseb dwar il-libertà tal-espressjoni u tal-mezzi tax-xandir u n-nuqqas ta' aċċess mill-persuni inkarigati mill-monitoraġġ għar-reġjuni okkupati tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; jistieden ukoll lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bil-għan li jiżgura l-għoti ta' segwitu lir-rakkomandazzjonijiet li saru fil-proċess tal-EPU;

Il-Libanu

62.  Ifaħħar lil-Libanu għall-politika tal-fruntieri miftuħin u tal-akkoljenza li ilu jħaddan fir-rigward tar-rifuġjati mill-Palestina, mill-Iraq u mis-Sirja, jisħaq li l-pajjiż, fejn persuna minn erbgħa tal-popolazzjoni hija rifuġjat, għandu l-ogħla konċentrazzjoni per capita ta' rifuġjati fid-dinja, u jistieden lill-UE talloka aktar riżorsi u tikkollabora aktar mill-qrib mal-awtoritajiet Libaniżi biex tgħin lill-pajjiż iżomm il-protezzjoni tad-drittijiet tar-rifuġjati u tal-persuni li jfittxu asil; jinsab imħasseb f'dan il-kuntest, dwar l-għadd sinifikanti rrappurtat ta' każijiet ta' żwieġ tat-tfal u/jew żwieġ furzat fost ir-rifuġjati Sirjani; iħeġġeġ lill-Gvern Libaniż jikkunsidra riforma tal-liġi li tirregola d-dħul, is-soġġorn u l-ħruġ mil-Libanu;

63.  Jappoġġja r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tad-Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), li jitolbu miżuri biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost il-ħaddiema domestiċi migranti nisa dwar id-drittijiet tal-bniedem tagħhom skont il-Konvenzjoni CEDAW, li l-Libanu huwa stat parti tagħha; jenfasizza b'mod partikolari l-bżonn li titneħħa s-'sistema Kafala' u jiġi żgurat aċċess effettiv għall-ġustizzja għall-ħaddiema domestiċi migranti nisa, anki billi jiġu garantiti s-sikurezza u r-residenza tagħhom matul il-proċeduri ġuridiċi u amministrattivi relatati mal-istatus tagħhom;

Il-Mauritania

64.  Jisħaq fuq il-fatt li, filwaqt li sar progress min-naħa tal-Gvern tal-Mauritania fit-teħid ta' miżuri leġiżlattivi bil-għan li jiġġieled kontra kull forma ta' skjavitù u prattiki li jixbhu l-iskjavitù, in-nuqqas ta' implimentazzjoni effikaċi jikkontribwixxi għall-persistenza ta' tali prattiki; jistieden lill-awtoritajiet jippromulgaw liġi kontra l-iskjavitù, jagħtu bidu, fuq skala nazzjonali, għal ġbir sistematiku u regolari ta' data diżaggregata dwar kull forma ta' skjavitù u jwettqu studju bir-reqqa bbażat fuq provi dwar l-istorja u n-natura tal-iskjavitù bil-għan li din il-prattika tinqered;

65.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Mauritania jippermettu l-libertà tal-espressjoni u ta' assoċjazzjoni, bi qbil mal-konvenzjonijiet internazzjonali u mad-dritt intern tal-Mauritania; jitlob ukoll li jinħelsu Biram Dah Abeid, Bilal Ramdane u Djiby Sow biex ikunu jistgħu jkomplu l-kampanja mhux vjolenti tagħhom kontra t-tkomplija tal-iskjavitù mingħajr biża' ta' fastidju jew intimidazzjoni;

Il-Myanmar

66.  Jilqa' l-fatt li saru elezzjonijiet kompetittivi fit-8 ta' Novembru 2015, pass importanti lejn it-tranżizzjoni demokratika tal-pajjiż; jieħu nota pożittiva tal-espressjoni ta' impenn min-naħa tal-eletturi tal-Myanmar favur it-tkomplija tad-demokratizzazzjoni tal-pajjiż; jinnota bi tħassib, madankollu, il-qafas kostituzzjonali għal dawn l-elezzjonijiet, li jirriserva 25 % tas-siġġijiet fil-parlament għall-militar; jirrikonoxxi l-progress li sar sa issa fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jidentifika għadd ta' oqsma li għadhom ta' tħassib kbir, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà tal-espressjoni, assoċjazzjoni u għaqda paċifika;

67.  Jikkundanna d-diskriminazzjoni serja u mifruxa fil-konfront tar-Rohingya, li hija aggravata mill-fatt li din il-komunità m'għandhiex status ġuridiku, u miż-żieda fl-inċitament għall-mibegħda kontra min mhuwiex Buddist; jitlob li jsiru investigazzjonijiet sħaħ, trasparenti u indipendenti dwar ir-rapporti kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem kontra r-Rohingya u huwa mħasseb dwar l-erba' liġijiet adottati mill-parlament fl-2015 bil-għan tal-'protezzjoni tar-razza u r-reliġjon', billi jistgħu jwasslu għal diskriminazzjoni fir-rigward tal-ġeneru; itenni t-talba tiegħu li l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem jingħata l-awtorizzazzjoni biex jistabbilixxi uffiċċju fil-pajjiż, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li dan għadu ma tħalliex jagħmel dan; jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir valutazzjoni tal-impatt tas-sostenibilità sħiħa qabel ma jiġu ffinalizzati n-negozjati dwar il-ftehim ta' investiment UE-Myanmar;

In-Nepal

68.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ fl-20 ta' Settembru 2015 tal-kostituzzjoni l-ġdida tan-Nepal, li għandha tibni l-bażi għall-istabilità politika u l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż fil-futur; jittama li t-tħassib li fadal dwar ir-rappreżentanza politika tal-minoranzi, inklużi d-Dalits, u l-liġijiet dwar iċ-ċittadinanza se jiġi indirizzat fil-futur qrib;

69.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas mifrux ta' responsabilità għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa miż-żewġ naħat matul il-gwerra ċivili, minkejja l-adozzjoni f'Mejju 2014 tal-Att dwar il-Verità, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Għajbien; iħeġġeġ lill-Gvern tan-Nepal jaderixxi għall-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat; jikkundanna l-limitazzjonijiet li tqiegħdu fuq il-libertajiet fundamentali tar-rifuġjati Tibetani; iħeġġeġ lill-Indja tneħħi l-imblokk mhux uffiċjali tagħha fuq l-ekonomija tan-Nepal li, flimkien mat-terremot devastanti ta' April 2015, qed jikkawża kriżi umanitarja u jwassal biex madwar miljun Nepaliż ieħor jgħixu f'sitwazzjoni staġnata ta' faqar;

L-Oman

70.  Ifaħħar lill-Oman għall-istabbiliment tal-Kummissjoni Nazzjonali governattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (NHRC) u għall-istedina li ppermettiet iż-żjara bla preċedent tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Dritt għall-Għaqda Paċifika f'Settembru 2014; jesprimi t-tama li dawn il-passi kostruttivi jwasslu għal involviment aktar intensiv mill-Oman mar-rappreżentanti tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem;

71.  Iħeġġeġ lill-Oman jieħu l-passi meħtieġa biex itaffi dak li r-Rapporteur Speċjali tan-NU ddeskriva bħala sitwazzjoni mifruxa ta' biża' u intimidazzjoni fil-pajjiż; għadu mħasseb dwar il-projbizzjoni tal-partiti politiċi kollha, u jistieden lill-Gvern jikkunsidraha mill-ġdid; jistieden lill-Istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE joffru assistenza teknika u legali biex jgħinu lill-Oman joħloq ambjent sikur u abilitanti għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

Ir-Rwanda

72.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Rwanda, inklużi r-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-espressjoni u ta' assoċjazzjoni, it-tiċkin tal-ispazju demokratiku għall-partiti politiċi fl-oppożizzjoni u l-attivitajiet tas-soċjetà ċivili indipendenti, u n-nuqqas ta' ambjent li jwassal għall-indipendenza tal-ġudikatura; jistieden lill-Gvern tar-Rwanda jiftaħ spazju demokratiku fejn l-oqsma kollha tas-soċjetà jistgħu joperaw liberament;

73.  Jinsab imħasseb dwar il-bidla kostituzzjonali proposta bil-għan li l-President fil-kariga jkun jista' jikkontesta għat-tielet mandat; jitlob lill-Gvern tar-Rwanda jirrispetta l-Karta Afrikana tad-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

Is-Sudan t'Isfel

74.  Jilqa' l-Ftehim ta' Paċi ffirmat mill-partijiet fil-kunflitt fit-28 ta' Awwissu 2015 biex tintemm il-gwerra ċivili, li jinkludi kondiviżjoni tranżizzjonali tas-setgħa, arranġamenti tas-sigurtà u l-ħolqien ta' qorti ibrida biex tipproċessa d-delitti kollha li twettqu mindu beda l-kunflitt; ifakkar li l-kunflitt ħasad il-ħajja ta' eluf ta' nies u kkawża l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' persuni u rifuġjati;

75.  Jistieden lill-partijiet kollha biex joqogħdu lura milli jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali, inkluż dak li jikkostitwixxi delitt internazzjonali, bħal pereżempju l-qtil extraġudizzjarju, il-vjolenza mmirata etnikament, il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, inkluż l-istupru, kif ukoll il-vjolenza bbażata fuq is-sessi, ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal, l-għajbien sfurzat u l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji;

76.  Jilqa' r-riżoluzzjoni tal-UNHRC ta' Ġunju 2015 u l-fatt li ntbagħtet missjoni tal-OHCHR biex timmonitorja u tirrapporta dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan t'Isfel; Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem jappoġġja l-ħatra ta' Rapporteur Speċjali dwar is-Sudan t'Isfel b'mandat li jimmonitorja u jirrapporta pubblikament dwar il-ksur, jassisti lill-gvern fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li għandhom isiru mill-missjoni tal-OHCHR, u jagħmel rakkomandazzjonijiet biex tinkiseb responsabilità effikaċi;

Il-Venezwela

77.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar s-sitwazzjoni terribbli tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż bħala riżultat tad-deterjorament tal-klima ekonomika, politika u soċjali f'dawn l-aħħar snin; itenni li l-libertà ta' espressjoni, ġudikatura indipendenti u l-Istat tad-dritt huma komponenti fundamentali ta' kwalunkwe soċjetà demokratika; jistieden lill-awtoritajiet tal-Venezwela jeħilsu minnufih lill-mexxejja tal-oppożizzjoni u lid-dimostranti paċifiċi kollha detenuti arbitrarjament talli eżerċitaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-drittijiet fundamentali tagħhom;

78.  Jilqa' l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet tas-6 ta' Diċembru 2015 u l-istabbiliment tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida; jikkundanna kwalunkwe tentattiv intiż li jimmina l-osservanza totali tar-riżultati elettorali li jesprimu r-rieda tal-poplu Venezwelan, bħas-sospensjoni ta' ċerti membri eletti demokratikament; ifakkar li l-gvern il-ġdid se jkollu jindirizza firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-impunità u r-responsabilità għall-qtil extraġudizzjajru, l-arrest u d-detenzjoni arbitrarji, il-proċess ġust, l-indipendenza tal-ġudikatura, il-libertà tal-għaqda u ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-mezzi tax-xandir; jisħaq li s-sħubija tal-Venezwela mal-UNHRC għal perjodu ta' tliet snin li jibda mill-1 ta' Jannar 2016 iġġib magħha responsabilità speċjali li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem;

Is-Sirja

79.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni ta' sigurtà u s-sitwazzjoni umanitarja drammatiċi fis-Sirja; jenfasizza l-importanza tal-ħidma li saret mill-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta tan-NU dwar is-Sirja; jikkundanna t-tqegħid fil-mira tal-popolazzjoni ċivili, l-attakki indiskriminati u sproporzjonati, l-attakki fuq il-popolazzjoni ċivili u fuq l-oġġetti ta' wirt kulturali protetti, u l-impożizzjoni punittiva ta' assedji u imblokki; jenfasizza l-ħtieġa li jingħataw attenzjoni speċjali u appoġġ lill-vittmi ta' vjolenza nisa, l-organizzazzjonijiet tan-nisa u l-parteċipazzjoni tagħhom fl-għajnuna umanitarja u r-riżoluzzjoni tal-kunflitt; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kummissjoni ta' inkjesta tkun iffinanzjata b'mod adegwat biex twettaq il-mandat tagħha, li jikkonsisti fl-istabbiliment tal-fatti u ċ-ċirkostanzi ta' kull ksur serju mwettaq tad-drittijiet tal-bniedem, u fejn possibbli tidentifika lil dawk responsabbli bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-awturi ta' ksur, inkluż ksur li jista' jikkostitwixxi delitti kontra l-umanità, jinżammu responsabbli, fosthom billi jitressqu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali;

80.  Itenni l-konvinzjoni tiegħu li soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi fis-Sirja tista' tinkiseb biss permezz ta' soluzzjoni politika inklużiva, li twassal għal tranżizzjoni politika ġenwina li tissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan u tippermettilhom jiddeterminaw il-futur tagħhom stess b'mod indipendenti u demokratiku; jilqa' d-dikjarazzjoni finali tat-30 ta' Ottubru 2015 dwar ir-riżultati tad-diskussjonijiet dwar is-Sirja li saru fi Vjenna; jilqa' l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni 2254 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fit-18 ta' Diċembru 2015;

81.  Jinsab allarmat dwar il-prosekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi fis-Sirja, li huma mġiegħla jikkonvertu u jagħtu omaġġ, u li qed jiġu attakkati, midruba, mibjugħa bħala skjavi u jitneħħewlhom l-organi purament minħabba l-fidi tagħhom;

Il-Burundi

82.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-attakki mmirati fuq difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u l-membri tal-familji tagħhom; jikkundanna b'qawwa l-vjolenza politika, l-eżekuzzjonijiet sommarji u ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi jtemmu dan il-ksur u dawn l-abbużi bħala kwistjoni ta' prijorità u ta' importanza fundamentali, u jwettqu investigazzjonijiet imparzjali u indipendenti bil-għan li dawk responsabbli jitressqu l-qorti u li l-vittmi jingħataw rimedju;

83.  Jibqa' mħasseb ħafna dwar l-impatt umanitarju tal-kriżi fuq il-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż u fir-reġjun kollu kemm hu; jitlob lill-UE tkompli taħdem lejn eżitu kunsenswali bejn il-gvern u l-oppożizzjoni bil-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid sistema politika demokratika u inklużiva;

84.  Jilqa' l-fatt li fis-17 ta' Diċembru 2015 saret Sessjoni Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-prevenzjoni tad-deterjorament ulterjuri tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi, iżda jiddispjaċih li din damet biex saret; jappella biex jitħaffef l-istazzjonar tal-missjoni ta' esperti indipendenti, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi jikkooperaw bis-sħiħ ma' din il-missjoni;

L-Arabja Sawdija

 

85.  Għadu mħasseb profondament dwar il-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jinsab imħasseb serjament dwar ir-rata allarmanti ta' sentenzi tal-qorti li ordnaw u applikaw il-piena tal-mewt fl-Arabja Sawdija fl-2015; jiddeplora l-eżekuzzjonijiet tal-massa li saru f'dawn l-aħħar ġimgħat; jistieden lill-Arabja Sawdija timponi moratorju fuq il-piena tal-mewt;

86.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu lil dawk kollha li qegħdin il-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom, inkluż ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2015, Raif Badawi; jitlob lill-UE ssegwi mill-qrib il-każ speċifiku tiegħu;

87.  Itenni li l-membri tal-UNHRC għandhom ikunu eletti minn fost l-istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija, li attwalment mhuwiex il-każ fl-Arabja Sawdija; jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;

Il-Belarussja

88.  Jilqa' l-ħelsien tal-priġunieri politiċi li kien għad fadal f'Awwissu 2015 u jistieden lill-Gvern tal-Belarussja jirriabilita lill-priġunieri politiċi meħlusin u jerġgħu jkollhom id-drittijiet ċiviċi u politiċi totali tagħhom; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; jikkundanna l-intimidazzjoni fil-konfront ta' ġurnalisti indipendenti u tal-oppożizzjoni u l-intimidazzjoni u d-detenzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lill-Belarussja tingħaqad mal-moratorju globali fuq l-eżekuzzjoni tal-piena ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha; Jistieden lill-gvern jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali u jimpenja ruħu li jwettaq riformi biex iħares id-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali u mekkaniżmi oħra għad-drittijiet tal-bniedem;

Il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani

89.  Jieħu nota tal-konklużjonijiet tal-VP/RGħ u tal-Kunsill dwar il-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani adottati fit-18 ta' Jannar 2016; jaqbel bis-sħiħ mal-Kunsill li l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta' kulħadd, inkluża r-responsabilità, huwa fundamentali għall-paċi u s-sigurtà fir-reġjun, u li l-insedjamenti tal-Iżrael huma illegali skont id-dritt internazzjonali u jimminaw il-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati; jiddispjaċih ħafna dwar ir-riżenja tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji Palestinjani, Makarim Wibisono;

o

o  o

90.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tad-69 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.