Proċedura : 2016/2555(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0313/2016

Testi mressqa :

RC-B8-0313/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 09/03/2016 - 11.8

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 411kWORD 78k
7.3.2016
PE579.741v01-00}
PE579.745v01-00} RC1
 
B8-0313/20}
B8-0316/20} RC1

imressqa skont l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0313/20)

PPE (B8-0316/20)


dwar il-Ftehim dwar it-tabakk (il-Ftehim PMI)


(2016/2555(RSP))

Ingeborg Gräßle, Petri Sarvamaa f'isem il-Grupp PPE
Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehim dwar it-tabakk (il-Ftehim PMI) (2016/2555(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

– wara li kkunsidra l-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International (PMI) u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha,

– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2016 intitolat "Valutazzjoni teknika dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" (SWD(2016)0044),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk adottat matul il-ħames sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk bid-Deċiżjoni FCTC/COP5(1) tat-12 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar l-implikazzjonijiet tal-ftehim bejn il-Komunità, Stati Membri u l-kumpanija Philip Morris dwar l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu tas-sigaretti u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament dwar is-Sistema tat-Tranżitu Komunitarju(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk, u b'mod partikolari l-kuntrabandu u l-falsifikazzjoni ta' sigaretti, jikkawża lill-UE u lill-Istati Membri tagħha telf fid-dħul (f'termini ta' dwana, VAT u dazji tas-sisa) ta' aktar minn EUR 10 biljun fis-sena;

B.  billi l-kuntrabandu tat-tabakk huwa delitt serju li jikkontribwixxi għall-finanzjament ta' attivitajiet oħra ta' kriminalità organizzata internazzjonali, inkluż it-traffikar tal-persuni, tad-drogi u tal-armi;

C.  billi l-frodi tat-tabakk jimmina l-politiki kontra t-tipjip, b'tali mod li tkebbes l-epidemija tat-tabakk: iżżid l-aċċess għal prodotti tat-tabakk (ta' spiss irħas), speċjalment għaż-żgħażagħ u għal gruppi bi dħul baxx;

D.  billi l-frodi tat-tabakk hija kawża ta' tħassib għas-saħħa pubblika, toħloq riskju għas-saħħa saħansitra akbar minn dak tas-sigaretti ġenwini, minħabba li s-sigaretti ffalsifikati huma mmanifatturati u impurtati illegalment u l-ingredjenti użati mhumiex magħrufa;

E.  billi l-għan ewlieni tal-Ftehim PMI hu li jnaqqas il-prevalenza tal-kuntrabandu tal-prodotti PMI fis-suq illeċitu tat-tabakk tal-UE;

F.  billi l-valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni dwar il-Ftehim PMI tikkonkludi li dan l-objettiv ewlieni ntlaħaq b'mod effikaċi, imma li t-tnaqqis tal-kuntrabandu PMI ma wassalx għal tnaqqis kumplessiv tal-prodotti illeċiti fis-suq tal-UE;

G.  billi, sabiex tiġi indirizzata l-problema ta' sigaretti tal-kuntrabandu u ffalsifikati, l-UE u l-Istati Membri (bl-eċċezzjoni tal-Iżvezja fil-każ tal-ftehimiet BAT u ITL) iffirmaw ftehimiet legalment vinkolanti ma' Philip Morris International (PMI) (2004), Japan Tobacco International (JTI) (2007), British American Tobacco (BAT) (2010) u Imperial Tobacco Limited (ITL) (2010);

H.  billi l-Ftehim PMI s'issa pprovda benefiċċji finanzjarji lill-finanzi pubbliċi li jammontaw għal madwar USD 1 biljun f'pagamenti annwali u EUR 68.2 miljun f'pagamenti ta' sekwestri, maqsuma bejn il-Kummissjoni (madwar 10 %) u l-Istati Membri (madwar 90 %);

I.  billi l-Ftehim PMI se jiskadi fid-9 ta' Lulju 2016;

J.  billi seħħew bidliet sinifikanti fl-ambjent tas-suq minn meta l-Ftehim PMI attwali kien ġie ffirmat, b'mod partikolari l-preżenza akbar ta' sigaretti mingħajr marka, spiss magħrufa bħala "cheap whites";

K.  billi seħħew bidliet sinifikanti fl-ambjent regolatorju minn meta l-Ftehim PMI attwali kien ġie ffirmat, b'mod partikolari l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u l-Protokoll għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk;

1.  Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tagħha tal-Ftehim PMI dwar it-tabakk; jiddispjaċih, madankollu, dwar iż-żmien li fih tressqet din il-valutazzjoni teknika;

2.  Jilqa' l-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk adottat fir-rigward tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk (il-"Protokoll FCTC") u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkompletaw il-proċess ta' ratifika malajr kemm jista' jkun;

3.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk);

4.  Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-Ftehim PMI laħaq b'mod effikaċi l-objettiv tiegħu li jnaqqas il-prevalenza tal-kuntrabandu tal-prodotti PMI fis-suq tat-tabakk illeċitu tal-UE, kif muri minn tnaqqis ta' madwar 85 % fil-volum ta' sigaretti PMI ġenwini maqbuda mill-Istati Membri bejn l-2006 u l-2014; jieħu nota, madankollu, li skont il-Kummissjoni, it-tnaqqis fil-kuntrabandu ta' prodotti PMI ma wassalx għal tnaqqis kumplessiv ta' prodotti illeċiti fis-suq tal-UE; jieħu nota li l-kuntrabandu li kien jikkonsisti fi prodotti mill-manifatturi l-kbar ġie progressivament sostitwit minn prodotti oħra, fosthom sigaretti bla marka ("cheap whites") tipikament manifatturati f'pajjiżi terzi;

5.  Jenfasizza d-dikjarazzjoni fir-rapport tal-Kummissjoni li strumenti legalment vinkolanti u infurzabbli, flimkien ma' infurzar qawwi tal-liġi, huma l-aktar għodda effiċjenti biex jiġi żgurat tnaqqis sinifikanti fil-kummerċ illegali ta' prodotti tat-tabakk;

6.  Ifakkar li, kif imsemmi fir-rapport tal-Kummissjoni, id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk diġà tipprevedi rekwiżit ġuridiku li l-kumpaniji tat-tabakk jintroduċu u jżommu sistema ta' traċċar u rintraċċar, li se tidħol fis-seħħ sa mhux aktar tard mill-2019, u billi l-Protokoll tal-2015 għall-Konvenzjoni ta' Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk jipprovdi għal rekwiżit simili globali, li probabbilment mhux se jsir effettiv qabel l-2022 jew l-2023;

7.  Jenfasizza li l-Kummissjoni jeħtiġilha tieħu passi immedjati biex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fil-ħin, b'mod partikolari l-miżuri tagħha ta' traċċar u rintraċċar;

8.  Huwa mħasseb ħafna li l-baġit tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) huwa parzjalment iffinanzjat minn pagamenti annwali tal-industrija tat-tabakk, kif imsemmi fil-ftehimiet tat-tabakk, minħabba li dan jista' jwassal għal ċertu kunflitt ta' interessi;

9.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiffoka fuq għodod leġiżlattivi Ewropej u internazzjonali sabiex tiġġieled kontra s-sigaretti ffalsifikati u bil-kuntrabandu;

10.  Itenni l-ħtieġa kontinwa tal-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, il-falsifikazzjoni u l-evażjoni tat-taxxa; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk tfittex modi li bihom tindirizza s-sitwazzjoni attwali b'mod trasparenti u responsabbli, bl-involviment tal-Parlament Ewropew, fid-dawl tal-lakuna possibbli bejn l-iskadenza tal-Ftehim PMI attwalment fis-seħħ u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Protokoll FCTC;

11.  Jirrakkomanda, wara li kkunsidra l-argumenti kollha favur u kontra estensjoni tal-Ftehim PMI, li l-Kummissjoni testendih; iqis l-estensjoni bħala arranġament tranżitorju biex jevita lakuna regolatorja sakemm kemm id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk kif ukoll il-Protokoll FCTC jidħlu fis-seħħ kompletament;

12.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-Ftehim PMI attwalment fis-seħħ ma setax jindirizza l-kwistjoni taċ-"cheap whites", minħabba li dawn huma sigaretti bla marka u għalhekk ma jaqgħux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tressaq pjan ta' azzjoni li jistabbilixxi miżuri ġodda intiżi biex jindirizzaw din il-problema b'urġenza;

13.  Jitlob li PMI tkompli tapplika d-dispożizzjonijiet dwar it-traċċar u r-rintraċċar u d-diliġenza dovuta ("kun af il-klijent tiegħek") li hemm fil-ftehim attwali, indipendentement minn jekk jiġix imġedded jew le;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni tressaq regolamentazzjoni addizzjonali biex tapplika traċċar u rintraċċar kif ukoll diliġenza dovuta ("kun af il-klijent tiegħek") għat-tabakk mhux ipproċessat, għall-filtri u għall-karti użati mill-industrija tat-tabakk, bħala strument addizzjonali fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-prodotti ffalsifikati;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

(1)

ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 147.

Avviż legali