Proċedura : 2016/2607(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0337/2016

Testi mressqa :

RC-B8-0337/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2016 - 7.1

Testi adottati :

P8_TA(2016)0083

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 448kWORD 96k
9.3.2016
PE579.770v01-00}
PE579.776v01-00}
PE579.777v01-00}
PE579.778v01-00}
PE579.782v01-00}
PE579.786v01-00}
PE579.788v01-00} RC1
 
B8-0337/2016}
B8-0343/2016}
B8-0344/2016}
B8-0345/2016}
B8-0349/2016}
B8-0373/2016}
B8-0375/2016} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8-0337/2016)

EFDD (B8-0343/2016)

ECR (B8-0344/2016)

PPE (B8-0345/2016)

ALDE (B8-0349/2016)

GUE/NGL (B8-0373/2016)

S&D (B8-0375/2016)


dwar il-libertà tal-espressjoni fil-Każakistan (2016/2607(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Tunne Kelam, Davor Ivo Stier, Andrej Plenković, Roberta Metsola, Eva Paunova, Jarosław Wałęsa, Bogdan Brunon Wenta, Andrey Kovatchev, Lorenzo Cesa, Claude Rolin, Patricija Šulin, Milan Zver, Giovanni La Via, Dubravka Šuica, Ivan Štefanec, Jaromír Štětina, Pavel Svoboda, Ramona Nicole Mănescu, Thomas Mann, Elisabetta Gardini, Lara Comi, Stanislav Polčák, Tomáš Zdechovský, Ivana Maletić, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Michaela Šojdrová, Massimiliano Salini, Romana Tomc, Sven Schulze, David McAllister, Csaba Sógor, Luděk Niedermayer, Anna Záborská, Adam Szejnfeld, Jiří Pospíšil, Marijana Petir, Barbara Matera, Salvatore Cicu, Therese Comodini Cachia, László Tőkés, Tadeusz Zwiefka, József Nagy, Gabrielius Landsbergis f'isem il-Grupp PPE
Pier Antonio Panzeri, Marju Lauristin, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Maria Arena, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Isabella De Monte, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Michela Giuffrida, Ana Gomes, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Kashetu Kyenge, Krystyna Łybacka, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Norbert Neuser, Demetris Papadakis, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Pina Picierno, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Monika Smolková, Renato Soru, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Julie Ward, Josef Weidenholzer, Flavio Zanonato, Damiano Zoffoli f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Kosma Złotowski, Tomasz Piotr Poręba, Angel Dzhambazki, Branislav Škripek, Monica Macovei, Jana Žitňanská, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Urmas Paet, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, María Teresa Giménez Barbat, Charles Goerens, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Kaja Kallas, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Renate Weber, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Lola Sánchez Caldentey, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Estefanía Torres Martínez, Xabier Benito Ziluaga, Josu Juaristi Abaunz, Kostas Chrysogonos, Stelios Kouloglou f'isem il-Grupp GUE/NGL
Tamás Meszerics, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Bronis Ropė, Ernest Urtasun, Igor Šoltes, Indrek Tarand, Davor Škrlec f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Fabio Massimo Castaldo, Eleonora Evi f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

European Parliament resolution on freedom of expression in Kazakhstan (2016/2607(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Każakistan, inklużi dawk tat-18 ta' April 2013(1), tal-15 ta' Marzu 2012(2), tat-22 ta' Novembru 2012 li jinkludu fihom ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna dwar in-negozjati għal Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan(3), tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(4), u tas-17 ta' Settembru 2009 dwar il-każ ta' Yevgeny Zhovtis fil-Każakistan(5),

–  wara li kkunsidra l-kummenti tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogherini, wara li ġie ffirmat il-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u l-Każakistan fil-21 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra s-seba' ċiklu tad-Djalogu annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u l-Każakistan f'Astana fis-26 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali,

–  wara li kkunsidra r-raba' rapport ta' progress tat-13 ta' Jannar 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali adottata fl-2007,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni, Maina Kiai, ippreżentat fis-16 ta' Ġunju 2015, wara l-missjoni tiegħu fil-Każakistan,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni ffirmat fil-21 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 20 tal-Kostituzzjoni tal-Każakistan,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, fil-21 ta' Diċembru 2015, l-Unjoni Ewropea u l-Każakistan iffirmaw Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni mmirat biex jipprovdi qafas wiesa' għal djalogu politiku msaħħaħ u kooperazzjoni fl-oqsma tal-ġustizzja u l-affarijiet interni u f'bosta oqsma oħra; billi dan il-ftehim jagħmel enfasi qawwija fuq id-demokrazija u l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, u l-iżvilupp sostenibbli, u fuq il-kooperazzjoni tas-soċjetà ċivili;

B.  billi l-Każakistan huwa attur internazzjonali importanti u għandu rwol sinifikanti fl-iżvilupp politiku u soċjoekonomiku, u fis-sitwazzjoni tas-sigurtà tar-reġjun kollu kemm hu; billi l-Każakistan kellu rwol pożittiv fl-Asja Ċentrali u ħadem biex jiżviluppa relazzjonijiet ta' ġirien tajba mal-pajjiżi li jinsabu mal-fruntiera tiegħu, ikompli l-kooperazzjoni reġjonali u jsolvi l-kwistjonijiet bilaterali kollha b'mod paċifiku; billi l-UE għandha interess kruċjali li tintensifika l-kooperazzjoni politika, ekonomika u tas-sigurtà mar-reġjun tal-Asja Ċentrali permezz ta' relazzjoni b'saħħitha, miftuħa u strateġika bejn l-UE u l-Każakistan;

C.  billi l-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni jeħtieġ jiġi ratifikat mill-parlamenti tat-28 Stat Membru tal-UE kollha u mill-Parlament Ewropew; billi dan il-Ftehim mhux biss se jsaħħaħ id-djalogu politiku bejn l-UE u l-Każakistan u jservi bħala mezz biex jiġu promossi l-kummerċ u l-investiment reċiproċi, iżda wkoll jagħmel enfasi kbira fuq l-obbligi internazzjonali; billi jista' jiġi rikonoxxut li tul in-negozjati tal-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni sar xi titjib rigward il-parteċipazzjoni min-naħa tas-soċjetà ċivili permezz ta' miżuri li ttieħdu biex is-soċjetà ċivili tiġi involuta fit-tfassil tal-politiki pubbliċi;

D.  billi s-sitwazzjoni ġenerali f'dak li jikkonċerna l-libertà tal-espressjoni f'dan l-aħħar snin marret lura; billi, f'Diċembru 2015, l-awtoritajiet Każakistani ddetenew lil Guzal Baidalinova, ġurnalista u sidt Nakanune.kz, website tal-aħbarijiet online, b'rabta ma' każ kriminali, bl-akkuża li "ppubblikat informazzjoni falza b'mod deliberat"; billi, wara l-arrest ta' Guzal Baidalinova, ġie espress tħassib dwar l-intimidazzjoni tal-mezzi tax-xandir indipendenti fil-Każakistan; billi, fid-29 ta' Frar 2016, qorti lliberat lill-ġurnalista Yulia Kozlova, li tikteb għal Nakanune.kz;

E.  billi bħalissa għaddejja investigazzjoni kriminali kontra Seytkazy Matayev, il-kap tal-Għaqda tal-Istampa Nazzjonali u l-unjoni tal-ġurnalisti, li huwa akkużat bl-approprjazzjoni indebita ta' miljuni ta' tenge Każakistani f'fondi pubbliċi; billi, fit-22 ta' Frar 2016, Seytkazy Matayev, li jiċħad l-akkużi, u ibnu Aset Matayev, li huwa d-direttur tal-aġenzija tal-aħbarijiet indipendenti KazTag, ġew detenuti; billi Aset Matayev inħeles wara li ġie interrogat;

F.  billi, fit-22 ta' Jannar 2016, qorti ddikjarat ħatja lil Ermek Narymbaev u Serikzhan Mambetalin – bloggers li kienu ġew arrestati f'Ottubru 2015 bl-akkuża li "inċitaw kunflitt nazzjonali" – u kkundannathom għal tliet snin u sentejn ħabs rispettivament; billi l-blogger Bolatbek Blyalov inżamm taħt detenzjoni domiċiljari limitata;

G.  billi l-awtoritajiet Każakistani għalqu xi mezzi tax-xandir indipendenti u tal-oppożizzjoni, inkluż Assandi Times, Pravdivaya u l-ġurnali ADAM bol u ADAM; billi, lejn l-aħħar tal-2012, l-awtoritajiet Każakistani ħarrku lil xi mezzi tax-xandir indipendenti u tal-oppożizzjoni, b'mod partikolari l-gazzetti Golos Respubliki u Vzglyad, kif ukoll il-gazzetti u l-websites affiljati tagħhom, u l-portali televiżivi online K+ u Stan.TV;

H.  billi, f'Ottubru 2014, qorti f'Almaty imponiet multa ta' KZT 34 miljun fuq Havas Worldwide Kazakhstan;

I.  billi l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) huwa għodda finanzjarja importanti intiża biex tappoġġa l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u d-demokratizzazzjoni kemm fil-pajjiż kif ukoll fir-reġjun;

J.  billi, fl-20 ta' Marzu 2016, fil-Każakistan se jsiru elezzjonijiet parlamentari bikrija li għandhom jiġu preċeduti minn garanziji f'dak li jikkonċerna l-libertà tal-espressjoni fis-soċjetà u r-reġistrazzjoni faċli u trasparenti tal-partiti politiċi li huma meqjusa ħielsa u ġusti; billi, skont ir-Rapport Finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) ippubblikat fit-3 ta' April 2012, l-elezzjonijiet tal-2012 kienu mtebbgħin minn "irregolaritajiet sinifikanti"(6);

K.  billi Kodiċi Kriminali ġdid, Kodiċi ta' Reati Amministrattivi ġdid u Kodiċi ta' Proċedura Kriminali ġdid daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2015;

L.  billi l-Każakistan hu klassifikat fil-160 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa tal-Reporters Mingħajr Fruntieri 2015;

M.  billi l-UE ħadmet b'mod konsistenti mal-Każakistan fil-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiż fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, ħidma li issa rriżultat fil-konklużjoni tan-negozjati biex il-pajjiż jissieħeb fil-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ; billi huwa importanti li l-Każakistan isegwi l-istat tad-dritt, jonora l-obbligi internazzjonali tiegħu u jiggarantixxi ċ-ċertezza legali għall-kumpaniji internazzjonali li joperaw fil-pajjiż, flimkien mal-protezzjoni tal-investimenti tagħhom;

N.  billi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-Każakistan tiffoka fuq it-tisħiħ tal-kapaċita tal-gvern reġjonali u lokali, l-appoġġ tar-riforma tas-settur tal-ġustizzja u t-titjib fil-kapaċità tas-settur pubbliku li jintroduċi riformi soċjali u ekonomiċi;

1.  Jisħaq fuq l-importanza tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Każakistan u tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ekonomika u politika fl-oqsma kollha; jenfasizza l-interess kbir tal-UE f'relazzjoni sostenibbli mal-Każakistan f'dak li jikkonċerna l-kooperazzjoni politika u ekonomika;

2.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni li jinsabu fiha l-mezzi tax-xandir u l-libertà tal-kelma fil-Każakistan; jinsab imħasseb ferm dwar il-pressjoni fuq il-mezzi tax-xandir indipendenti u l-implikazzjonijiet negattivi li jista' jkollu l-abbozz ta' leġiżlazzjoni ġdid dwar il-finanzjament tal-organizazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; josserva li l-libertà tal-kelma għall-mezzi tax-xandir indipendenti, il-bloggers u ċ-ċittadini individwali hija valur universali li ma jistax jiġi nnegozjat;

3.  Jiddispjaċih li l-mezzi tax-xandir, il-midja soċjali u websites oħra ġew ibblokkati għar-raġuni li jippreżentaw kontenut illegali, u jistieden lill-awtoritajiet Każakistani jiżguraw li kwalunkwe miżura meħuda biex tillimita l-aċċess għall-internet tkun appoġġata mil-liġi; jinsab imħasseb dwar l-emendi għal-Liġi dwar il-Komunikazzjoni adottati fl-2014;

4.  Jirrikonoxxi "l-programm ta' 100 pass" bħala tentattiv biex jiġu indirizzati riformi urġenti fil-Każakistan; jistieden lill-Każakistan jimplimenta l-Mekkaniżmu Nazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tortura u jagħti bidu għal dibattitu dwar il-Kodiċi Penali u l-Kodiċi Kriminali;

5.  Jisħaq li rabtiet politiċi u ekonomiċi aktar profondi mal-UE, kif previsti mill-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni ffirmat dan l-aħħar, iridu jkunu bbażati fuq valuri kondiviżi u jikkorrispondu ma' impenn attiv u konkret min-naħa tal-Każakistan li jwettaq riformi politiċi u demokratiċi li jidderivaw mill-obbligi u l-impenji internazzjonali tiegħu;

6.  Jilqa' l-ħelsien, mill-aħħar Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar 'il hawn, lil għadd ta' attivisti favur id-drittijiet tal-bniedem u l-ħaddiem li kienu qed jinżammu l-ħabs;

7.  Jenfasizza li l-ġlieda leġittima kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu m'għandhiex tintuża bħala skuża sabiex tiġi pprojbita l-attività tal-oppożizzjoni, biex timpedixxi l-libertà tal-espressjoni jew ixxekkel l-indipendenza tal-ġudikatura;

8.  Jitlob li jsir rieżami tal-artikoli tal-Kodiċi Kriminali li jistgħu jintużaw biex jikkriminalizzaw imġiba legali protetta mil-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Artikolu 174 dwar "l-inċitament ta' kunflitt soċjali, nazzjonali, bejn klann u ieħor, bejn ir-razez, il-klassijiet u r-reliġjonijiet";

9.  Jitlob lill-awtoritajiet Każakistani jannullaw il-kundanni tal-bloggers, inklużi Ermek Narymbaev, Serikzhan Mambetalin u Bolatbek Blyalov; jappella għall-ħelsien ta' Guzal Baidalinova; jappella biex tieqaf l-intimidazzjoni ta' Seytkazy u Aset Matayev; josserva, b'rabta ma' dan, li l-każijiet li jinvolvu l-ġurnalisti għandhom ikunu pubbliċi u li m'għandux ikun hemm intimidazzjonijiet waqt il-proċedimenti;

10.  Jappella għall-ħelsien tal-mexxej tal-oppożizzjoni Vladimir Kozlov, li attwalment qed jinżamm taħt kundizzjonijiet ta' detenzjoni stretti, fl-istennija ta' rieżami indipendenti u imparzjali tal-każ tiegħu;

11.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu fir-rigward tal-Liġi dwar l-NGOs, li timmina l-eżistenza u l-indipendenza tal-NGOs; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Każakistani jiggarantixxu, f'kull ċirkostanza, li l-attivisti u l-NGOs li jaħdmu favur id-drittijiet tal-bniedem fil-Każakistan ikunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem mingħajr il-biża' ta' rappreżalji, u ħielsa minn kwalunkwe restrizzjoni;

12.  Jilqa' l-ambizzjoni tal-Każakistan li jimpenja ruħu attivament bħala medjatur/faċilitatur fi kwistjonijiet ta' sigurtà internazzjonali li jikkonċernaw ir-reġjun kollu kemm hu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Każakistani jonoraw l-impenji internazzjonali li ffirmaw, inklużi dawk relatati mal-istat tad-dritt u mal-indipendenza tal-ġudikatura;

13.  Jilqa' d-Djalogi regolari dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn il-Każakistan u l-UE; jissottolinja l-importanza tad-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-awtoritajiet Każakistani; jitlob li d-djalogi jissaħħu sabiex iwasslu għat-twaqqif ta' forum fejn il-kwistjonijiet ikunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod miftuħ; jisħaq li dawn id-djalogi għandhom ikunu effikaċi u orjentati lejn ir-riżultati;

14.  Jistieden lill-UE, u b'mod partikolari lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, biex iwettqu monitoraġġ mill-qrib tal-iżviluppi fil-Każakistan, jindirizzaw it-tħassib mal-awtoritajiet tal-Każakistan fejn meħtieġ, joffru assistenza, u jirrapportaw regolarment lill-Parlament; jistieden lid-Delegazzjoni tal-UE f'Astana tkompli tiżvolġi rwol attiv fil-monitoraġġ tas-sitwazzjoni u tqajjem il-kwistjoni tal-libertà tal-espressjoni fil-laqgħat bilaterali kollha rilevanti mal-Każakistan;

15.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Każakistani jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem qabel l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss, u biex jieħdu passi konkreti ħalli jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; ifakkar lill-Każakistan fl-ambizzjoni tiegħu li jkun kandidat għal siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-2017-2018;

16.  Jistieden lill-awtoritajiet Każakistani jimpenjaw ruħhom biex jiksbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li ġew adottati dan l-aħħar fil-livell internazzjonali;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-gvern u lill-parlament tal-Każakistan;

 

(1)

ĠU C 45, 5.2.2016, p. 85.

(2)

ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 93.

(3)

ĠU C 419, 16.12.2015, p. 159.

(4)

ĠU C 168 E 14.6.2013, p. 91.

(5)

ĠU C 224 E, 19.8.2010, p. 30.

(6)

http://www.osce.org/odihr/elections/89401?download=true

Avviż legali