Proċedura : 2016/2644(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0466/2016

Testi mressqa :

RC-B8-0466/2016

Dibattiti :

PV 14/04/2016 - 6.1
CRE 14/04/2016 - 6.1

Votazzjonijiet :

PV 14/04/2016 - 7.4

Testi adottati :

P8_TA(2016)0128

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 444kWORD 100k
13.4.2016
PE579.890v01-00}
PE579.891v01-00}
PE579.892v01-00}
PE579.895v01-00}
PE579.898v01-00}
PE579.900v01-00} RC1
 
B8-0466/2016}
B8-0467/2016}
B8-0468/2016}
B8-0471/2016}
B8-0474/2016}
B8-0476/2016} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

EFDD (B8-0466/2016)

Verts/ALE (B8-0467/2016)

S&D (B8-0468/2016)

PPE (B8-0471/2016)

ECR (B8-0474/2016)

ALDE (B8-0476/2016)


dwar il-Pakistan, b'mod partikolari l-attakk f'Lahore (2016/2644(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, György Hölvényi, Davor Ivo Stier, Andrej Plenković, Michèle Alliot-Marie, Lorenzo Cesa, Roberta Metsola, Patricija Šulin, Bogdan Brunon Wenta, Andrey Kovatchev, Joachim Zeller, Tunne Kelam, Ildikó Gáll-Pelcz, Lara Comi, József Nagy, Milan Zver, Marijana Petir, Giovanni La Via, Claude Rolin, Jiří Pospíšil, Ramón Luis Valcárcel Siso, Adam Szejnfeld, Eva Paunova, Tomáš Zdechovský, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Stanislav Polčák, Jaromír Štětina, Pavel Svoboda, Andrey Novakov, Romana Tomc, Ivan Štefanec, David McAllister, Michaela Šojdrová, Salvatore Cicu, Lefteris Christoforou, Anna Záborská, Therese Comodini Cachia, Ramona Nicole Mănescu, Dubravka Šuica, Csaba Sógor, Ivana Maletić, Luděk Niedermayer, Seán Kelly, Hermann Winkler, Thomas Mann, Sven Schulze, László Tőkés, Elisabetta Gardini, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Josef Weidenholzer, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Nicola Caputo, Nessa Childers, Andi Cristea, Nicola Danti, Isabella De Monte, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Eider Gardiazabal Rubial, Enrico Gasbarra, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Michela Giuffrida, Maria Grapini, Sylvie Guillaume, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Eva Kaili, Miapetra Kumpula-Natri, Kashetu Kyenge, Arne Lietz, Javi López, Krystyna Łybacka, Costas Mavrides, Marlene Mizzi, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Liliana Rodrigues, Daciana Octavia Sârbu, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Marc Tarabella, Elena Valenciano f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Bas Belder, Raffaele Fitto, Sajjad Karim, Peter van Dalen, Valdemar Tomaševski, Ian Duncan, Monica Macovei, Arne Gericke, Branislav Škripek, Zdzisław Krasnodębski, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Jana Žitňanská, Ruža Tomašić, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotyga, Marek Jurek, Angel Dzhambazki f'isem il-Grupp ECR
Pavel Telička, Marielle de Sarnez, Izaskun Bilbao Barandica, Ramon Tremosa i Balcells, Petras Auštrevičius, Marietje Schaake, Beatriz Becerra Basterrechea, Valentinas Mazuronis, Ivo Vajgl, Filiz Hyusmenova, Martina Dlabajová, Nedzhmi Ali, Dita Charanzová, José Inácio Faria, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Antanas Guoga, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Hannu Takkula, Carolina Punset, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Javier Nart, Gérard Deprez, Jasenko Selimovic, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Jean Lambert, Barbara Lochbihler, Davor Škrlec, Ernest Urtasun, Igor Šoltes, Heidi Hautala, Bronis Ropė f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Marco Valli, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakistan, b'mod partikolari l-attakk f'Lahore (2016/2644(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tas-27 ta' Marzu 2016 dwar l-attakk f'Lahore fil-Pakistan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambrinidis, tad-29 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, tas-27 ta' Marzu 2016 dwar l-attakk bil-bombi fil-Pakistan u tal-21 ta' Jannar 2016 dwar l-attakk fl-Università ta' Bacha Khan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-28 ta' Marzu 2016 dwar l-attakki terroristiċi f'Lahore, fil-Pakistan,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-Kwistjonijiet tal-Minoranzi, Rita Izsák-Ndiaye, dwar id-diskors ta' mibegħda u l-inċitament għall-mibegħda kontra l-minoranzi fil-midja, tal-5 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-rebbieħa tal-Premju Nobel għall-Paċi u tal-Premju Sakharov, Malala Yousafzai, tas-27 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, Gabriela Knaul, tal-4 ta' April 2013, u r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar l-Għajbien Furzat jew Involontarju tas-26 ta' Frar 2013 dwar il-missjoni tiegħu lejn il-Pakistan,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 18 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-piena tal-mewt, kif riveduti fit-12 ta' April 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Pakistan, tal-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Impenn fuq ħames snin ta' Marzu 2012 bejn l-UE u l-Pakistan, li jinkludi prijoritajiet bħal governanza tajba u djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll it-Tieni Djalogu Strateġiku UE-Pakistan tal-25 ta' Marzu 2014, li hu relatat mill-qrib ma' dan il-Pjan ta' Impenn,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà tar-reliġjon jew twemmin,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja għall-2014 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-27 ta' Marzu 2016, f'żona tal-logħob tat-tfal fil-Ġnien ta' Gulshan-e-Iqbal f'Lahore, attakk suwiċida bil-bombi kkawża l-mewt ta' aktar minn 73 persuna u darab aktar minn 300, inklużi ħafna nisa u tfal; billi l-grupp Iżlamist terroristiku Jamaat-ul-Ahrar ħa r-responsabbiltà għall-attakk, u qal li l-Insara kienu l-mira intenzjonali tiegħu; billi madanakollu l-parti l-kbira tal-persuni midruba u maqtula kienu Musulmani u kollha kienu Pakistani;

B.  billi fil-ħin tal-attakk terroristiku kienu qed isiru dimostrazzjonijiet vjolenti f'Islamabad, fejn il-partitarji ta' Mumtaz Qadri, il-qattiel ikkundannat tal-Gvernatur Salam Taseer, kienu qed jeżiġu li tiġi ġġustizzjata Asia Bibi, il-mara akkużata bi blasfemja u kkundannata għall-mewt, li l-Gvernatur Taseer kien iddefenda l-każ tagħha; billi għexieren ta' eluf ta' nies attendew il-funeral ta' Qadri wara li ngħata l-forka, waqt li sellmulu bħala eroj, u ġew iċċirkolati ritratti fuq il-midja soċjali; billi l-imħallef li ta l-ewwel kundanna lil Qadri kellu jaħrab mill-pajjiż minħabba theddid ta' mewt;

C.  billi xi gruppi estremisti jitħallew jiżviluppaw l-ideoloġiji u l-attivitajiet tagħhom mingħajr tfixkil, bħal ċerti għaqdiet tal-istudenti fl-universitajiet u l-Forum tal-Avukati Khatm-e-Nubuwwat, li allegatament huwa l-moħħ wara ż-żieda fil-prosekuzzjonijiet għal akkużi ta' blasfemja fil-qrati tal-Pakistan u li jopponi kwalunkwe tentattiv ta' riforma tal-liġi rilevanti min-naħa tal-leġiżlaturi;

D.  billi l-Insara u minoranzi oħra mhux biss iħabbtu wiċċhom ma' persekuzzjoni min-naħa tal-estremisti, iżda wkoll diskriminazzjoni legali, b'mod partikolari permezz tal-liġijiet tal-Pakistan dwar il-blasfemja, li huma diskriminatorji u li b'mod ġenerali jintużaw ħażin minn persuni b'motivi politiċi u personali; billi l-Musulmani nfushom għadhom qed jitressqu skont dawn il-liġijiet;

E.  billi għal bosta snin, it-terroriżmu u l-estremiżmu Iżlamisti kellhom effett negattiv fuq il-poplu tal-Pakistan, b'mod partikolari fuq il-minoranzi reliġjużi, in-nisa u t-tfal; billi, mill-adozzjoni tal-aktar riżoluzzjoni reċenti tal-Parlament dwar il-Pakistan tal-15 ta' Jannar 2015(2), seħħew għexieren ta' attakki terroristiċi u vjolenti oħra kontra minoranzi reliġjużi f'kuntest ta' liġijiet diskriminatorji u nuqqas ta' nfurzar;

F.  billi bosta gruppi terroristiċi fil-Pakistan għandhom fil-mira tagħhom lil minoranzi reliġjużi bħall-Ahmadi, l-Insara, ix-Xiiti u l-Ħindu, kif ukoll lis-Sunni b'opinjonijiet diverġenti; billi, fir-rapport annwali tagħha tal-2015, il-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Pakistan osservat li fil-parti l-kbira tal-każijiet l-awturi tar-reati gawdew impunità;

G.  billi t-tfal qattiela suwiċidi bil-bombi allegatament għadhom qed jintużaw minn gruppi estremisti; billi l-gvern naqas milli jgħaddi leġiżlazzjoni li tistabbilixxi l-Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal, korp indipendenti biex jipproteġi u jinforza d-drittijiet tat-tfal;

H.  billi, wara l-massakru tal-iskola minn ribelli Talibani f’Diċembru 2014, il-Gvern tal-Pakistan reġa' introduċa l-piena tal-mewt wara moratorju ta' sitt snin: l-ewwel għal attivitajiet terroristiċi biss, iżda iktar tard għad-delitti kapitali kollha; billi sa tmiem l-2015 fil-Pakistan ġew iġġustizzjati 326 persuna, l-ogħla għadd li qatt ġie rreġistrat u t-tielet l-ogħla fid-dinja;

I.  billi l-ġlied bejn il-forzi militari tal-Pakistan u gruppi armati mhux statali wassal biex aktar minn miljun persuna ġew spostati internament;

J.  billi nisa minn minoranzi reliġjużi fil-Pakistan qed jiġu maħtufa u mġiegħla jiżżewġu u jikkonvertu għall-Iżlam, fenomenu li fil-parti l-kbira jiġi injorat mill-pulizija u mill-awtoritajiet ċivili;

K.  billi l-Pakistan jiżvolġi rwol importanti fit-trawwim tal-istabilità fin-Nofsinhar tal-Asja u għandu għaldaqstant imexxi bl-eżempju fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

L.  billi l-UE tibqa' impenjata għalkollox li tkompli d-djalogu u l-involviment tagħha mal-Pakistan fil-qafas tal-Pjan ta' Impenn fuq ħames snin;

1.  Jinsab ixxukkjat profondament bl-attakk li seħħ fis-27 ta' Marzu 2016 f'Lahore u jikkundanna bil-qawwa dawn l-atti ta' vjolenza bla sens kontra tant persuni innoċenti;

2.  Jesprimi s-simpatija profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi u jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-poplu u l-Gvern tal-Pakistan;

3.  Jissottolinja l-bżonn assolut li l-awturi tal-attakk ta' Lahore jitressqu quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-awtoritajiet Pakistani, b'mod partikolari l-awtoritajiet lokali u provinċjali, jiżguraw li dawn l-atti jkunu investigati u pproċessati b'mod effettiv;

4.  Jesprimi tħassib serju dwar ksur sistemiku u gravi tal-libertà tar-reliġjon u tat-twemmin fil-Pakistan; jenfasizza l-importanza tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kollha li jgħixu fil-Pakistan b'tali mod li jkunu jistgħu jkomplu jgħixu b'dinjità, ugwaljanza u sikurezza, u jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom bil-libertà kollha mingħajr l-ebda forma ta' koerċizzjoni, diskriminazzjoni, intimidazzjoni jew fastidju, skont il-prinċipji fundamentali tal-Pakistan;

5.  Jilqa' l-inizjattivi ta' riforma min-naħa tal-gvern, bħall-abbozz ta' liġi li tikkriminalizza ż-żwieġ tat-tfal, u l-att għall-protezzjoni tan-nisa minn vjolenza u fastidju, l-iżblukkar ta' YouTube, id-deċiżjoni li tiddikjara Holi, Diwali u l-Għid bħala btajjel għall-minoranzi reliġjużi, u l-isforzi personali tal-Prim Ministru Nawaz Sharif li jżur okkażjoni reliġjuża Ħindi; iħeġġeġ lill-Gvern sabiex ikompli jżid l-isforzi tiegħu biex joħloq ambjent soċjali li jilqa' l-minoritajiet u d-diversità tal-ħsieb; ifakkar f'dan il-kuntest il-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali, ir-riformi mwiegħda u urġentement meħtieġa tal-madrassas, b'mod partikolari l-azzjoni tal-gvern kontra d-diskors ta' mibegħda, u r-riforma tal-pulizija u r-riforma ġudizzjarja li għadhom pendenti; jinnota li fil-ġejjieni għandhom jittieħdu miżuri aktar ambizzjużi, b'mod partikolari fil-qasam tal-edukazzjoni (mingħajr xaqlibiet negattivi u preġudizzji fil-kurrikuli u l-kotba tal-iskola) u fil-prosekuzzjoni ta' dawk li jinċitaw il-vjolenza;

6.  Jilqa' l-impenn tal-Gvern tal-Pakistan fil-ġlieda kontra t-theddida kkawżata mill-estremiżmu reliġjuż; iħeġġeġ djalogu kontinwu bejn l-UE u l-Istati Membri fuq naħa u l-Pakistan fuq in-naħa l-oħra, dwar l-assigurazzjoni tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-isforzi tagħhom kontra t-terroriżmu u permezz tal-implimentazzjoni ta' liġijiet fil-qasam tas-sigurtà;

7.  Jemmen li, filwaqt li l-operazzjoni militari mħabbra fil-Punjab hija vitali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, rebħa fil-gwerra ideoloġika kontra l-estremiżmu li tiżgura ambjent tolleranti u progressiv għall-futur tal-Pakistan hija ugwalment importanti;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani biex jindirizzaw l-esklużjoni soċjali u ekonomika, fosthom dik tal-biċċa l-kbira tal-Insara u ta' minoranzi reliġjużi oħra, li għandhom eżistenza prekarja;

9.  Huwa mħasseb dwar l-użu kontinwu ta' liġijiet dwar il-blasfemja fil-Pakistan u jemmen li dan qed jiggrava l-klima ta' intolleranza reliġjuża; jistieden, għalhekk, lill-Gvern tal-Pakistan biex jirrieżamina dawn il-liġijiet u l-applikazzjoni tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw it-twettiq xieraq u rapidu tal-ġustizzja fil-kawżi kollha dwar il-blasfemja; jinnota, b'mod partikolari, il-kawża ta' Asia Bibi u jħeġġeġ lill-Qorti Suprema biex tieħu deċiżjoni dwar din il-kwistjoni;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet Pakistani jiggarantixxu l-indipendenza tal-qrati, l-istat tad-dritt u proċess ġust f'konformità mal-istandards internazzjonali dwar il-proċedimenti ġudizzjarji; jistieden, barra minn hekk, lill-awtoritajiet Pakistani jipprovdu protezzjoni suffiċjenti għal dawk kollha involuti f'kawżi dwar il-blasfemja, partikolarment il-professjoni legali tal-pajjiż, u li jipproteġu lill-akkużati, lix-xhieda, lill-familji tagħhom u lill-komunitajiet tagħhom mill-vjolenza tal-marmalja, inklużi dawk li jiġu lliberati iżda li ma jkunux jistgħu jmorru lura fil-komunità tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Pakistan jiżgura li rimedji legali xierqa u rimedji xierqa oħra applikabbli skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem ikunu disponibbli għall-vittmi ta' vjolenza u persekuzzjoni immirati;

11.  Ifakkar fl-oppożizzjoni konsistenti tiegħu għall-piena tal-mewt, ikunu x'ikunu ċ-ċirkustanzi; jinnota bi tħassib serju ż-żieda qawwija fl-użu tal-piena tal-mewt fil-Pakistan, fosthom, sfortunatament, kontra trasgressuri tfal, u jitlob biex moratorju fuq il-piena kapitali jerġa' jiġi stabbilit bil-ħsieb li tiġi abolita l-piena tal-mewt fil-Pakistan;

12.  Jenfasizza li fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu reliġjuż, huwa kruċjali li jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tiegħu permezz tal-indirizzar tal-faqar, l-iżgurar tat-tolleranza reliġjuża u tal-libertà tat-twemmin u l-garanzija ta' aċċess xieraq u sikur għall-edukazzjoni għat-tfal, b'mod partikolari għall-bniet;

13.  Jistieden lill-Gvern tal-Pakistan biex jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-istabbilimenti edukattivi, il-postijiet ta' rikreazzjoni u l-postijiet fejn jinġabru l-komunitajiet ta' minoranza f'żoni kkaratterizzati mill-insigurtà u l-kunflitt jiġu protetti b'mod xieraq, u sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' ripetizzjoni ta' ksur u abbużi simili tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Iħeġġeġ lill-atturi reġjonali kollha biex itejbu b'mod sinifikanti l-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu; itenni l-importanza ta' impenn internazzjonali inkundizzjonali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż it-tfixkil tal-forom kollha ta' appoġġ finanzjarju għan-netwerks terroristiċi u l-indottrinazzjoni ideoloġika li tħeġġeġ l-estremiżmu u t-terroriżmu;

15.  Jilqa' r-ratifika mill-Pakistan tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u jfaħħar il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Pakistani biex jiġu indirizzati d-drittijiet tat-tfal; jistieden lill-Pakistan jirratifika l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar l-involviment tat-tfal f'kunflitti armati u sabiex jistabbilixxi Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tat-Tfal;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kunsill jikkommettu ruħhom bis-sħiħ mal-Gvern tal-Pakistan biex jindirizzaw it-theddida kkawżata mit-terroriżmu u biex jagħtu assistenza ulterjuri lill-Gvern u lill-poplu tal-Pakistan huma u jissoktaw bl-isforzi tagħhom biex jeqirdu t-terroriżmu; jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini żżomm lill-Parlament regolarment infurmat dwar il-progress milħuq f'dawn l-isforzi bilaterali;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Presidenza tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Gvern u l-Parlament tal-Pakistan.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0470.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0007.

Avviż legali