Proċedura : 2016/2695(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0851/2016

Testi mressqa :

RC-B8-0851/2016

Dibattiti :

PV 05/07/2016 - 14
CRE 05/07/2016 - 14

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2016 - 6.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0311

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 446kWORD 109k
4.7.2016
PE585.286v01-00}
PE585.287v01-00}
PE585.294v01-00}
PE585.295v01-00}
PE585.297v01-00} RC1
 
B8-0851/2016}
B8-0852/2016}
B8-0857/2016}
B8-0858/2016}
B8-0860/2016} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8-0851/2016)

ECR (B8-0852/2016)

EFDD (B8-0857/2016)

ALDE (B8-0858/2016)

PPE, S&D (B8-0860/2016)


dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra  (2016/2695(RSP))


Christian Ehler, Lambert van Nistelrooij f'isem il-Grupp PPE
Constanze Krehl, Soledad Cabezón Ruiz, Derek Vaughan f'isem il-Grupp S&D
Evžen Tošenovský, Ruža Tomašić, Remo Sernagiotto, Raffaele Fitto, Angel Dzhambazki f'isem il-Grupp ECR
Matthijs van Miltenburg, Lieve Wierinck, Iskra Mihaylova, Ivan Jakovčić, Fredrick Federley f'isem il-Grupp ALDE
Bronis Ropė, Davor Škrlec, Ernest Maragall f'isem il-Grupp Verts/ALE
Rosa D’Amato, David Borrelli, Isabella Adinolfi, Marco Zullo, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD
Barbara Kappel
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra (2016/2695(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162 u 174 sa 190 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni")(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali tiegħu dwar il-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3) (A8-0159/2016),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-Ewropa tinvesti mill-ġdid – Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss"(COM(2016)0359),

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2016 intitolata "Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa: linji gwida ġodda dwar kif jistgħu jingħaqdu l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mal-FEIS (Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi)";

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-fondi strutturali tal-UE u programmi oħra tal-UE(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar ''Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015, "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020"(13),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2014 intitolata "Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta' tkabbir imġedded" (COM(2014)0339),

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali intitolat "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi" tat-23 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-2014 dwar il-faċilitazzjoni ta' sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività)(SWD(2014)0205),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 intitolata "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" (COM(2010)0553),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Lulju 2013 dwar l-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta' Novembru 2014 dwar miżuri biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' ekosistemi ta' start-ups tat-teknoloġija avvanzata,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-politika ta' koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja 2014-2020 għadha tikkostitwixxi l-istrument ewlieni tal-UE li għandu l-għan iqarreb lill-UE lejn iċ-ċittadini tagħha, filwaqt li jkopri r-reġjuni kollha, biex ikun hemm investiment fl-ekonomija reali, u fl-istess ħin jirrappreżenta espressjoni tas-solidarjetà Ewropea billi jestendi t-tkabbir u l-prosperità u jnaqqas l-inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u territorjali, li ġew aggravati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja;

B.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha tkun allinjata bis-sħiħ mal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u hija mibnija fuq l-artikolazzjoni tat-tliet fondi tagħha, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), flimkien ma' koordinament aktar estensiv taħt Qafas Strateġiku Komuni (QSK) mal-fondi għall-iżvilupp rurali, speċifikament il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u, fil-każ tas-settur marittimu u tas-sajd, il-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew (FEMS);

C.  billi d-dispożizzjonijiet komuni għal dawn il-ħames fondi, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE), ġew stabbiliti taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, filwaqt li regoli speċifiċi applikabbli għal kull Fond SIE u għall-objettiv ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea ġew soġġetti għal regolamenti separati;

D.  billi r-riforma riċenti tal-politika ta' koeżjoni daħħlet numru limitat ta' objettivi u prijoritajiet, u b'hekk ħolqot punt fokali tematiku / konċentrazzjoni tematika, filwaqt li fl-istess ħin tippermetti ċertu livell ta' flessibbiltà u adattament għal ċerti karatteristiċi; billi, barra minn dan, hija żgurat prinċipju ta' sħubija msaħħa u governanza solida f'diversi livelli, approċċ definit sew għall-iżvilupp territorjali, aktar sinerġiji bejn il-ħames fondi, iżda wkoll mal-programmi u l-inizjattivi rilevanti l-oħra (eż. Orizzont 2020, PSCI, COSME, LIFE, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Erasmus+ u NER 300), aktar simplifikazzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni, sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni effettiva, qafas ta' prestazzjoni trasparenti, regoli ċari dwar l-użu ta' strumenti finanzjarji, sistema ta' ġestjoni u ta' kontroll tajba u sistema ta' ġestjoni finanzjarja effikaċi;

E.  billi, fl-14 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar il-kontribuzzjoni mill-Fondi SIE għall-istrateġija ta' tkabbir tal-UE, il-Pjan ta' Investiment u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni għal matul l-għaxar snin li ġejjin, li fil-fatt tikkostitwixxi r-rapport, previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni b'rabta mal-Fondi SIE, dwar l-implimentazzjoni tagħhom sa issa, li jinkludi wkoll ir-riżultati tan-negozjati mal-Istati Membri kollha dwar il-ftehimiet ta' sħubija, il-programmi operattivi u l-isfidi ewlenin għal kull pajjiż;

F.  billi l-ħsieb wara t-tisħiħ tas-sinerġiji bejn Orizzont 2020 u l-Fondi SIE jinsab fit-tiswir ta' interazzjonijiet sinifikanti bejn l-istrateġiji u l-interventi ta' investiment bħala mezz biex ikun hemm impatt sinifikanti fuq l-ekonomija, u dan billi jiġu kkombinati l-investimenti fl-innovazzjoni fi prijoritajiet ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti ma' inizjattivi ta' riċerka u innovazzjoni ta' klassi dinjija, biex b'hekk jiġi żgurat li l-fondi jkollhom impatt akbar;

1.  Itenni li r-rabtiet bejn il-politika ta' koeżjoni u politiki, programmi u inizjattivi ta' finanzjament oħra tal-UE (eż. Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, is-suq uniku diġitali, l-iżvilupp rurali, l-unjoni tal-enerġija, l-unjoni tal-innovazzjoni, kif ukoll l-inizjattivi emblematiċi ta' Ewropa 2020) issaħħew fi ħdan il-Qafas Strateġiku Komuni introdott permezz tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, u għalhekk, permezz tal-istrumenti u l-objettivi kollha tiegħu, inklużi l-aġenda urbana, l-aġenda territorjali, l-investiment fl-SMEs, it-tkabbir intelliġenti u l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, kif ukoll l-investimenti pubbliċi potenzjali għall-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi għal, fost affarijiet oħra, l-ambjent, l-enerġija, is-saħħa, il-klima, id-diġitalizzazzjoni u t-trasport, din qed tikkontribwixxi b'mod sostanzjali għat-tisħiħ tas-suq uniku u l-ksib tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020;

2.  Jissottolinja l-fatt li s-sinerġiji msemmija qabel jiġu integrati sa mill-istadju tal-ippjanar strateġiku, u għaldaqstant jirrikjedu, mill-bidu nett, għażliet u ppjanar strateġiċi min-naħa tar-reġjuni u l-Istati Membri għall-identifikazzjoni u l-ġenerazzjoni ta' opportunitajiet biex, pereżempju, titrawwem l-eċċellenza fl-oqsma ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti; jindika li, fil-każ ta' Orizzont 2020, dan jikkonsisti fis-sensibilizzazzjoni, l-għoti ta' informazzjoni (b'mod partikolari dwar ir-riżultati tar-riċerka minn proġetti taħt FP7 u Orizzont 2020), l-involviment f'kampanji ta' komunikazzjoni, il-ftuħ tan-netwerks eżistenti għal min ikun ġdid u l-aktar kollegament strett possibbli tal-Punti ta' Kuntatt Nazzjonali ma' min ifassal il-politiki u mal-awtoritajiet maniġerjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-Fondi SIE fil-livelli nazzjonali u reġjonali;

3.  Jisħaq fuq il-fatt li l-iżvilupp ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti permezz tal-involviment tal-awtoritajiet maniġerjali u l-partijiet interessati nazzjonali jew reġjonali bħal universitajiet u istituzzjonijiet oħra ta' edukazzjoni għolja, l-industrija, kif ukoll is-sħab soċjali, fi proċess ta' skoperta imprenditorjali hu obbligatorju għar-reġjuni u l-Istati Membri li jixtiequ jinvestu r-riżorsi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni; ifakkar li, peress li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandhom jinkludu azzjonijiet fil-fażijiet preċedenti (il-bini tal-kapaċità u t-titjib tas-sistemi nazzjonali/reġjonali għar-riċerka u l-innovazzjoni) u azzjonijiet fil-fażijiet sussegwenti (l-adozzjoni tar-riżultati tar-riċerka, l-appoġġ għall-innovazzjoni u l-aċċess għas-suq) f'Orizzont 2020, li mbagħad konsegwentement iqanqlu l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE biex jitnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni fl-Ewropa u tissaħħaħ il-kompetittività globali tal-Unjoni, filwaqt li jkun hemm investiment anke fil-kollegamenti bejn il-pijunieri u min isegwihom fil-kuntest tal-attivitajiet fil-qasam "Tixrid tal-eċċellenza u firxa tal-parteċipazzjoni", il-metodoloġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandha tibqa' mudell għall-politika ta' koeżjoni wara l-2020;

4.  Jemmen li l-orjentament lejn ir-riżultati tal-politika ta' koeżjoni għandu jissaħħaħ ulterjorment; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiżdiedu s-sinerġiji mal-politiki l-oħra tal-UE dwar il-kompetittività, b'mod partikolari fl-oqsma tar-riċerka u l-iżvilupp, it-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni, is-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u l-SMEs, bl-għan li tiżdied ir-rata ta' sfruttament tar-riżultati tal-UE fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, jinħolqu impjiegi ta' kwalità għolja ġodda u jitħarsu dawk eżistenti, u tiġi promossa l-ekonomija ekoloġika;

5.  Jinnota li, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-politika ta' koeżjoni tippermetti li l-istrumenti finanzjarji jiżvolġu rwol komplementari importanti, u jfakkar li l-istrumenti finanzjarji, peress li huma komplementari għall-għotjiet, għandhom effett ta' lieva, li jista' jżid l-impatt tal-finanzjament għall-aġġornament tal-innovazzjoni fis-suq, pereżempju permezz tal-effiċjenza enerġetika, u jista' jikkontribwixxi għal rata ta' assorbiment aħjar billi jipprovdi l-kofinanzjament meħtieġ, b'mod partikolari fl-Istati Membri jew ir-reġjuni b'kapaċità baxxa ta' kofinanzjament nazzjonali; jissottolinja, madankollu, il-fatt li l-għotjiet jibqgħu indispensabbli għal ċerti proġetti bħal proġetti ta' riċerka u innovazzjoni u dawk b'enfasi qawwija fuq l-isfidi soċjetali; ifakkar li l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji ma jiffinanzjawx l-istess tip ta' attivitajiet u li dawk il-forom differenti ta' appoġġ huma mmirati lejn tipi differenti ta' benefiċjarji u proġetti; jisħaq fuq l-importanza li l-finanzjament tal-għotjiet jitkompla fil-programmi futuri tal-UE; jissottolinja l-fatt li jeħtieġ li jinżamm bilanċ ġust bejn l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji fil-ġejjieni; ifakkar fil-ħtieġa li r-responsabbiltà, it-trasparenza u l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-istrumenti finanzjarji jissaħħu ulterjorment;

6.  Jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu attenzjoni kostanti lill-ħtiġijiet tal-SMEs fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE u Orizzont 2020, kif ukoll għas-sinerġiji bejniethom; jitlob lill-Kummissjoni tipprepara sejħiet għal proposti kkoordinati sabiex tiffaċilita l-aċċess għal finanzjament minn diversi fondi; jappella wkoll biex issir evalwazzjoni komprensiva tal-programmi rilevanti għall-SMEs bħal COSME, l-istrument tal-SMEs ta' Orizzont 2020 u l-komponent tal-SMEs fil-FEIS, kemm fir-rigward tal-allokazzjoni baġitarja u r-rata ta' suċċess tal-proġetti, u kemm fir-rigward tal-piż amministrattiv u ta' kemm tkun faċli l-implimentazzjoni;

7.  Jinnota li s-sinerġiji mal-politiki u l-istrumenti l-oħra jeħtieġ li jissaħħu ulterjorment b'mod li jiġi massimizzat l-impatt tal-investimenti; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-proġett pilota baġitarju tal-UE it-"Triq lejn l-Eċċellenza", li jkompli jappoġġa r-reġjuni ta' tlettax-il Stat Membru fl-iżvilupp u l-isfruttar tas-sinerġiji bejn il-Fondi SIE; jappella għal flessibbiltà biex l-Istati Membri jużaw is-Siġill ta' Eċċellenza; jevidenzja, barra minn hekk, l-importanza li jiġu identifikati wkoll l-oqsma relatati ta' speċjalizzazzjoni fir-reġjuni u l-Istati Membri l-oħra bil-ħsieb li tiġi stabbilita kollaborazzjoni magħhom u jkun hemm tħejjija aħjar għal opportunitajiet ta' proġetti multinazzjonali u li jiġu kkollegati fil-livell internazzjonali;

8.  Ifakkar li, minħabba limitazzjonijiet baġitarji fir-rigward ta' Orizzont 2020, hemm riskju li proġetti li jiġu evalwati bħala eċċellenti ma jirċevux finanzjament; jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li jiġi żblokkat finanzjament alternattiv; pereżempju, jistgħu jingħataw għotjiet taħt il-FEIS għal proġetti eċċellenti ta' Orizzont 2020 bl-għajnuna tas-Siġill ta' Eċċellenza;

9.  Jinnota li l-implimentazzjoni ta' partijiet sostanzjali tal-baġit ta' Orizzont 2020 se tiġi ddelegata lil sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u sħubijiet pubbliċi-privati, li se joffru opportunitajiet biex jintużaw il-mekkaniżmi ta' governanza tas-sħubiji pubbliċi-pubbliċi biex jottimizzaw is-sinerġiji ma' inizjattivi u programmi ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) billi jsawru l-pjanijiet ta' ħidma annwali;

10.  Jissottolinja l-fatt li l-FEIS irid ikun komplementari u addizzjonali għall-Fondi SIE u l-programmi l-oħra tal-UE bħal Orizzont 2020 u għall-attivitajiet regolari tal-Bank Ewropew tal-Investiment; jinnota li, bħala riżultat, il-FEIS hu mmirat lejn tipi ta' proġetti differenti minn dawk li kienu se jiġu indirizzati miż-EUR 2,2 biljun permezz ta' Orizzont 2020; jisħaq fuq il-fatt li għandhom jiġu żgurati koerenza sħiħa u sinerġiji bejn l-istrumenti kollha tal-UE, sabiex jinkisbu l-objettivi strateġiċi kumplessivi ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, kif ukoll jiġu evitati l-elementi dduplikati jew il-kontradizzjonijiet bejniethom jew bejn il-livelli differenti ta' implimentazzjoni politika, filwaqt li jiġu kkomplementati l-fondi u l-programmi nazzjonali u reġjonali; ifakkar li r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020 irid jiddetermina liema mezzi huma meħtieġa filwaqt li juża r-riżorsi disponibbli kollha b'mod effikaċi u jikseb ir-riżultati mistennija fir-rigward tal-objettivi strateġiċi kumplessivi, peress li l-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni għandhom jiżdiedu permezz ta' użu kkoordinat tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u Orizzont 2020;

11.  Jappella lill-Kummissjoni biex tissorvelja s-sinerġiji bejn il-fondi b'mod sistematiku u toħroġ komunikazzjoni dwar dawn is-sinerġiji, b'mod partikolari dwar is-sinerġiji bejn Orizzont 2020 u RIS3, bl-għan li jiġu diffużi eżempji tal-aħjar prattika u jiżdied l-impatt tagħhom qabel ir-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020; ifakkar li kwalunkwe sistema ta' dan it-tip m'għandhiex twassal għal żieda fil-piż amministrattiv;

12.  Jevidenzja l-preparamenti mill-Kummissjoni biex possibilment jiġi stabbilit Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni (KEI) għal koordinament aħjar tal-inizjattivi ta' innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea; jinnota li l-għan ewlieni ta' KEI għandu jkun li jgħin biex inaqqas l-ostakoli għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Ewropa u jnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni; jisħaq fuq il-fatt li KEI għandu jinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha u jkollu konsultazzjonijiet u proċessi deċiżjonali trasparenti u rapidi, waqt li jevita d-duplikazzjoni; jissottolinja, barra minn hekk, li l-baġit ta' Orizzont 2020 għandu jitreġġa' kompletament lura fil-livell preċedenti għall-FEIS;

13.  Jissottolinja r-rabta bejn Orizzont 2020 u l-Fondi SIE f'termini ta' sigurtà (il-ħtieġa li jkun hemm l-istess livell ta' infrastruttura għat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni madwar l-UE); hu favur l-armonizzazzjoni tal-istrutturi ta' sigurtà tat-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni; jappella, barra minn hekk, biex ikun hemm rabta bejn dawn il-fondi f'termini tal-proċessi ta' awditjar, u jappella lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi approċċ ċar, allinjat u kkoordinat għall-perjodu ta' wara l-2020, b'attenzjoni speċjali fuq il-proċessi amministrattivi u ta' awditjar, il-proporzjonalità u r-responsabbiltà;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

 

 

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(5)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.

(6)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.

(7)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(8)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.

(9)

Testi adottati, P7_TA(2013)0036.

(10)

Testi adottati, P7_TA(2014)0002.

(11)

Testi adottati, P7_TA(2014)0133.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2015)0308.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2015)0419.

Avviż legali