Proċedura : 2016/2600(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0853/2016

Testi mressqa :

RC-B8-0853/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2016 - 6.13

Testi adottati :

P8_TA(2016)0313

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 428kWORD 87k
4.7.2016
PE585.288v01-00}
PE585.292v01-00}
PE585.299v01-00}
PE585.300v01-00} RC1
 
B8-0853/2016}
B8-0855/2016}
B8-0862/2016}
B8-0863/2016} RC1

imressqa skont l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

GUE/NGL (B8-0853/2016)

PPE, S&D, ECR, ALDE (B8-0855/2016)

EFDD (B8-0862/2016)

Verts/ALE (B8-0863/2016)


dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015-2016 (2016/2600(RSP))


Renate Sommer f'isem il-Grupp PPE
Renata Briano, Doru-Claudian Frunzulică f'isem il-Grupp S&D
Julie Girling f'isem il-Grupp ECR
Frédérique Ries f'isem il-Grupp ALDE
Anja Hazekamp, Stefan Eck, Anne-Marie Mineur, Merja Kyllönen, Kateřina Konečná, Jiří Maštálka, Malin Björk, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo, Lola Sánchez Caldentey, Xabier Benito Ziluaga f'isem il-Grupp GUE/NGL
Linnéa Engström, Benedek Jávor, Bart Staes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Marco Affronte, Piernicola Pedicini, Eleonora Evi, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015-2016 (2016/2600(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-ftehim tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni dwar limiti żero għall-qbid ("il-moratorju") fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni li daħal fis-seħħ fl-1986,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2014-5 adottata mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-kaċċa għall-Balieni fil-65 laqgħa tagħha f'Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi miftiehma skont il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Diversità Bijoloġika,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta' Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (id-Direttiva dwar il-Ħabitats)(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-azzjoni Komunitarja rigward il-kaċċa għall-balieni(2),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 2014 fil-kawża li tikkonċerna l-kaċċa għall-balieni fl-Antartiku (L-Awstralja vs il-Ġappun: New Zealand intervenjenti),

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva ffirmata mill-UE f'Diċembru 2015 dwar il-fatt li l-Ġappun reġa' beda l-kaċċa għall-balieni fl-Oċean Antartiku taħt il-Programm Ġdid ta' Riċerka Xjentifika dwar il-Balieni (NEWREP-A),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-1982 il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni stabbiliet moratorju fuq il-kaċċa kummerċjali kollha għall-balieni, li għadu fis-seħħ, bil-għan li tipproteġi l-istokkijiet mill-estinzjoni u tippermettilhom jirkupraw; billi l-Konvenzjoni Internazzjonali għar-Regolamentazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni tinkludi dispożizzjonijiet speċjali li jippermettu l-kaċċa ta' ammonti limitati ta' balieni, strettament għal skopijiet ta' riċerka xjentifika, magħrufa bħala "kaċċa għall-balieni b'permess speċjali";

B.  billi, minkejja dan il-moratorju, il-kaċċa kummerċjali għall-balieni għadha pprattikata f'bosta pajjiżi; billi, sa mill-introduzzjoni tal-moratorju, in-numru ta' balieni maqtula permezz tal-awtorizzazzjoni tal-permess speċjali allegatament għal riċerka xjentifika fil-fatt żdied; billi l-Ġappun ilu jwettaq tali kaċċa għall-balieni b'permess speċjali għal għexieren ta' snin;

C.  billi, minkejja din il-projbizzjoni internazzjonali li daħlet fis-seħħ fl-1986, il-Ġappun kompla għaddej bl-attivitajiet tiegħu ta' kaċċa għall-balieni, u qatel aktar minn 20 000 baliena(3) sal-2014;

D.  billi l-kaċċa għall-balieni tikkawża tbatija enormi lil annimali individwali u thedded l-istatus ta' konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-balieni b'mod ġenerali;

E.  billi l-ispeċijiet kollha ta' balieni kbar huma elenkati fl-Appendiċi I tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES);

F.  billi, fis-sentenza tagħha tal-31 ta' Marzu 2014, il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ordnat il-waqfien tal-kaċċa għall-balieni annwali tal-Ġappun, abbażi tal-Programm JARPA II tiegħu, minħabba li kien hemm "nuqqas ta' mertu xjentifiku" u li l-permessi li ħareġ ma ntużawx għal riċerka xjentifika kif sostna l-Ġappun;

G.  billi l-permessi xjentifiċi jippermettu l-bejgħ u l-għoti tal-laħam tal-balieni, filwaqt l-ħtiġijiet xjentifiċi jistgħu jiġu ssodisfati b'alternattivi għalkollox innokwi; billi t-teħid ta' kampjuni tad-DNA u l-monitoraġġ mill-bogħod joffru opportunità lix-xjenzati biex jitgħallmu dwar il-balieni u jiġbru kampjuni bla ma joqtluhom;

H.  billi, f'Ottubru 2015, il-Ġappun iddepożita dikjarazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti li fiha rrikonoxxa l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja, imma b'eċċezzjoni għal kwalunkwe tilwima li tinqala' minn, tikkonċerna jew tkun marbuta mar-riċerka dwar ir-riżorsi ħajjin tal-baħar, jew il-konservazzjoni, il-ġestjoni, jew l-isfruttament ta' tali riżorsi, u b'dan il-mod eskluda fil-prattika l-oġġezzjonijiet futuri fil-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja għall-programm tiegħu ta' permess speċjali għall-kaċċa għall-balieni;

I.  billi, f'Novembru 2015, l-Aġenzija Ġappuniża tas-Sajd innotifikat lill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni li kienet se terġa' tibda l-Programm Ġdid ta' Riċerka Xjentifika dwar il-Balieni (NEWREP-A);

J.  billi l-Ġappun ilu ħafna snin involut fil-kummerċ tal-laħam u l-prodotti tal-balieni, minkejja l-fatt li dawn huma elenkati fl-Appendiċi I tas-CITES;

K.  billi l-bord espert tax-xjenzati tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni, li kkunsidra u rreveda n-NEWREP-A, ikkonkluda li l-proposta ma turix il-ħtieġa ta' teħid ta' kampjuni letali biex jinkisbu l-objettivi ddikjarati;

L.  billi l-objettiv primarju jrid ikun il-protezzjoni tal-bijodiversità, li tinkludi l-konservazzjoni tal-ispeċijiet; billi d-Direttiva dwar il-Ħabitats li tiddefinixxi l-pożizzjoni Komunitarja rigward il-balieni (u d-dniefel) ma tippermettix li l-kaċċa kummerċjali għall-balieni tkompli għall-ebda stokk ta' balieni fl-ibħra tal-UE;

M.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kkritikaw lill-Ġappun talli reġa' beda l-attivitajiet u talli ma qiesx b'mod suffiċjenti l-gwida li tinsab fl-opinjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-2014; billi, f'Diċembru 2015, huma ngħaqdu man-New Zealand f'inizjattiva kontra l-Gvern tal-Ġappun;

N.  billi l-Ġappun huwa sieħeb strateġiku tal-UE u billi r-relazzjoni bilaterali hija bbażata fuq valuri komuni, inkluż it-twemmin sod f'multilateraliżmu effikaċi u f'ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli;

1.  Jistieden lill-Ġappun iwaqqaf l-attivitajiet tiegħu ta' kaċċa għall-balieni u josserva l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni;

2.  Jappoġġa bil-qawwa ż-żamma ta' moratorju globali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni u projbizzjoni fuq il-kummerċ internazzjonali tal-prodotti tal-balieni; iħeġġeġ li tintemm "il-kaċċa xjentifika għall-balieni" mhux ġustifikata u jappoġġa l-għażla ta' reġjuni sostanzjali fl-oċeani u fl-ibħra bħala santwarji li fihom il-kaċċa għall-balieni tkun ipprojbita b'mod indefinit;

3.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li d-deċiżjoni biex terġa' tibda l-kaċċa għall-balieni taħt il-programm il-ġdid NEWREP-A ppermettiet il-qtil ta' 333 balenottera żgħira, inklużi 200 balenottera tqila, fl-Oċean Antartiku matul l-istaġun 2015-2016, u li l-Ġappun beħsiebu jikkaċċa total ta' kważi 4 000 baliena tul il-perjodu kumplessiv ta' 12-il sena;

4.  Jiddeplora l-fatt li, billi jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni, il-Ġappun manifestament qed jinjora d-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja; iqis li l-kaċċa għall-balieni, għalhekk, tikkostitwixxi ksur tal-istandards tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni u tad-dritt internazzjonali u timmina l-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ekosistemi tal-baħar; jenfasizza li riċerka xjentifika ġenwina ma teħtieġx il-qtil tal-balieni fuq skala kbira u regolari;

5.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-UE fl-inizjattiva bil-għan li twassal it-tħassib serju tagħha lill-Ġappun; jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kunsill biex iħeġġu lill-Ġappun josserva l-obbligi internazzjonali tiegħu fir-rigward tal-protezzjoni tal-mammiferi tal-baħar;

6.  Jiddispjaċih li l-Ġappun s'issa għadu ma reġax ikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu minkejja inizjattiva diplomatika u protesti internazzjonali mifruxa; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu ħilithom kollha biex isolvu l-kwistjoni permezz ta' djalogu politiku u bl-għajnuna tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Istati Membri biex kontinwament jimpenjaw ruħhom mal-Ġappun dwar il-kwistjoni ta' allegata kaċċa xjentifika għall-balieni bil-ħsieb li l-prattika tiġi abolita, permezz ta' kanali bilaterali u multilaterali;

8.  Japprova r-Riżoluzzjoni 2014-5 tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni, li tgħid li l-ebda permess ieħor ta' kaċċa għall-balieni m'għandu jinħareġ mingħajr ma qabel jiġi eżaminat fil-livell internazzjonali, inkluż mill-Kumitat Xjentifiku tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni tinkorpora d-deċiżjoni tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fil-prattiki ta' ħidma tagħha u tadotta r-regoli tagħha skont tali deċiżjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni urġenti biex il-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni tissaħħaħ f'dan ir-rigward u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu pressjoni favur id-deċiżjonijiet meħtieġa waqt il-laqgħa li jmiss tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni f'Ottubru;

9.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, meta jkunu qed ifasslu pożizzjoni komuni aġġornata tal-UE dwar il-kaċċa għall-balieni wara s-66 laqgħa tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni f'Ottubru 2016, biex jieħdu approċċ li jkun prekawzjonarju tal-anqas daqskemm hi l-pożizzjoni komuni attwali (id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta' materji li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, fit-tliet laqgħat li jmiss tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni – 2011/0221(NLE));

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Ġappun.

 

 

(1)

ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.

(2)

ĠU C 76 E, 25.3.2010, p. 46.

(3)

https://iwc.int/total-catches

Avviż legali