Proċedura : 2016/2808(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0900/2016

Testi mressqa :

RC-B8-0900/2016

Dibattiti :

PV 07/07/2016 - 7.2
CRE 07/07/2016 - 7.2

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2016 - 9.2

Testi adottati :

P8_TA(2016)0315

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 441kWORD 101k
6.7.2016
PE585.341v01-00}
PE585.343v01-00}
PE585.344v01-00}
PE585.346v01-00}
PE585.347v01-00}
PE585.348v01-00} RC1
 
B8-0900/2016}
B8-0902/2016}
B8-0903/2016}
B8-0905/2016}
B8-0906/2016}
B8-0907/2016} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0900/2016)

Verts/ALE (B8-0902/2016)

EFDD (B8-0903/2016)

PPE (B8-0905/2016)

S&D (B8-0906/2016)

ALDE (B8-0907/2016)


dwar il-Bahrain  (2016/2808(RSP))


Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Davor Ivo Stier, Andrey Kovatchev, Lefteris Christoforou, Patricija Šulin, Claude Rolin, Marijana Petir, Bogdan Brunon Wenta, Milan Zver, Ivana Maletić, Ildikó Gáll-Pelcz, Roberta Metsola, David McAllister, Sven Schulze, Therese Comodini Cachia, Csaba Sógor, Tunne Kelam, József Nagy, Dubravka Šuica, Jiří Pospíšil, Francesc Gambús, Adam Szejnfeld, Giovanni La Via, Eva Paunova, Ivan Štefanec, Eduard Kukan, Laima Liucija Andrikienė, Brian Hayes, Deirdre Clune f'isem il-Grupp PPE
Pier Antonio Panzeri, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Richard Howitt, Josef Weidenholzer, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Nicola Caputo, Andi Cristea, Miriam Dalli, Viorica Dăncilă, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvie Guillaume, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Eva Kaili, Jude Kirton-Darling, Miapetra Kumpula-Natri, Cécile Kashetu Kyenge, Krystyna Łybacka, David Martin, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Emilian Pavel, Daciana Octavia Sârbu, Tibor Szanyi, Claudia Țapardel, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Flavio Zanonato, Damiano Zoffoli f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Raffaele Fitto, Ruža Tomašić, Branislav Škripek, Notis Marias, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Ryszard Czarnecki, Angel Dzhambazki, Arne Gericke f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Ilhan Kyuchyuk, Filiz Hyusmenova, Javier Nart, Valentinas Mazuronis, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, María Teresa Giménez Barbat, Nathalie Griesbeck, Antanas Guoga, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Dita Charanzová f'isem il-Grupp ALDE
Alyn Smith, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Ernest Urtasun, Heidi Hautala, Bodil Valero, Bronis Ropė, Davor Škrlec, Igor Šoltes, Maria Heubuch f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Bahrain  (2016/2808(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bahrain, notevolment dawk tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab(1) u tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-Bahrain: il-każ ta' Mohammed Ramadan(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Lulju 2016 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-aħħar żviluppi fil-Bahrain,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Mejju 2016 mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar il-kundanna ta' Ali Salman, is-Segretarju Ġenerali ta' Al-Wefaq fil-Bahrain,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, David Kaye, dwar il-kundanna tal-mexxej tal-oppożizzjoni Sheikh Ali Salman, id-dikjarazzjoni tas-16 ta' Ġunju 2016 mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Ġunju 2016 mill-kelliem tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, li t-tnejn kienu dwar il-Bahrain,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandu l-għan li jqiegħed il-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Bahrainja adottata fi Frar 2002, b'mod partikolari l-Kapitolu 3 tagħha, l-Artikolu 364 tal-Kodiċi Kriminali Bahraini u l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Bahraini tal-1963,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Novembru 2011 mill-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Bahrain (BICI),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Bahrain huwa pajjiż firmatarju tagħhom kollha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Bahrain huwa sieħeb ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-Golf Persiku, anki fl-ambitu tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi, tal-enerġija, u tas-sigurtà; billi huwa fl-interess reċiproku tagħna li napprofondixxu aktar is-sħubija tagħna sabiex naffrontaw aħjar l-isfidi futuri;

B.  billi f'dawn l-aħħar xhur il-Gvern tal-Bahrain intensifika l-kampanja tiegħu ta' ripressjoni u persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-oppożizzjoni politika; billi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda huma pilastri indispensabbli ta' soċjetà demokratika u pluralista; billi fil-Kostituzzjoni Bahrainja, adottata fl-2002, hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda;

C.  billi fit-13 ta' Ġunju 2016 il-pulizija arrestat mill-ġdid lil Nabeel Rajab, difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, bl-akkużi li "xerred xnigħat foloz fi żminijiet ta' gwerra" u "insulta tal-awtoritajiet pubbliċi" fir-rigward ta' posts fuq Twitter li huwa ppubblika fl-2015, li flimkien jammontaw għal piena sa 13-il sena; billi Nabeel Rajab kien diġà skonta sentenza ta' sentejn ħabs bejn l-2012 u l-2014 b'rabta mal-eżerċizzju tiegħu tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, u billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddeċieda fl-2013 li kien ġie arrestat arbitrarjament;

D.  billi, wara 15-il jum f'reklużjoni, l-esperjenza tas-Sur Rajab tal-kundizzjonijiet ħżiena fil-ħabs wasslet għal deterjorament f'saħħtu u ġie ttrasferit għal sptar fis-27 ta' Ġunju 2016; billi ġie trasferit lura l-ħabs fid-29 ta' Ġunju 2016, minkejja l-problemi kontinwi tas-saħħa;

E.  billi l-Gvern tal-Bahrain sforza lil Zainab Al-Khawaja f'eżilju insegwitu ta' theddid ta' arrest mill-ġdid u detenzjoni indefinita, u impona projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq grupp ta' attivisti tad-drittijiet li kienu se jattendu l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra;

F.  billi l-awtoritajiet tal-Bahrain qed ikomplu jużaw ir-revoka taċ-ċittadinanza bħala mezz ta' ripressjoni politika, li issa wasslet għad-denaturalizzazzjoni tal-kleriku Ayatollah Sheikh Isa Qassim; billi l-awtoritajiet Bahrainin irrevokaw iċ-ċittadinanza ta' 300 persuna, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, politiċi, ġurnalisti, u awtoritajiet reliġjużi prinċipali, biex b'hekk il-biċċa l-kbira minnhom spiċċaw apolidi, bi ksur tal-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

G.  billi fl-14 ta' Ġunju 2016, l-awtoritajiet Bahrainin issospendew l-akbar grupp politiku fir-Renju, is-Soċjetà Iżlamika Nazzjonali Al-Wefaq, iffriżaw l-assi tagħha u ħadu s-sjieda tal-kwartieri ġenerali tagħha, u ressqu talba quddiem qorti għax-xoljiment rapidu tas-soċjetà politika f'Lulju;

H.  billi Sheikh Ali Salman, il-kap tal-grupp tal-oppożizzjoni Al-Wefaq, ilu l-ħabs minn Lulju 2015 mingħajr proċess ġust, u s-sentenza tiegħu ġiet saħansitra estiża fl-appell f'Mejju 2016 minn erba' għal disa' snin; billi n-nuqqas ta' protezzjoni tad-drittijiet ta' persuna akkużata jikkostitwixxi ksur dirett tal-kostituzzjoni nazzjonali tal-Bahrain u tad-dritt internazzjonali; billi f'Settembru 2015 il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja kien ikkonkluda li d-detenzjoni tiegħu kienet arbitrarja;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar il-kampanja ta' ripressjoni kontinwa kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-oppożizzjoni politika u s-soċjetà ċivili, kif ukoll ir-restrizzjoni tad-drittijiet demokratiċi fundamentali, partikolarment il-libertajiet tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-pluraliżmu politiku u l-istat tad-dritt fil-Bahrain; jappella sabiex jieqfu l-atti kollha ta' vjolenza, fastidju u intimidazzjoni, anke fil-livell ġudizzjarju, kif ukoll iċ-ċensura tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi, dimostranti paċifiċi u l-atturi tas-soċjetà ċivili min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat u l-forzi u s-servizzi tas-sigurtà;

2.  Jirrispetta s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Bahrain u jinkoraġġixxi djalogu kontinwu bejn il-Gvern tal-Bahrain, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE;

3.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Nabeel Rajab u difensuri oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem miżmuma l-ħabs fuq allegazzjonijiet marbuta mad-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, u jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontrihom; jitlob lill-awtoritajiet jiggarantixxu l-integrità fiżika u psikoloġika ta' Nabeel Rajab u jipprovdulu l-kura medika kollha meħtieġa;

4.  Jikkundanna l-impożizzjoni ta' projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq id-delegazzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fi triqthom biex jattendu t-32 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra, u jitlob lill-gvern ineħħi dawn il-projbizzjonijiet; jenfasizza li mhux aċċettabbli li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir jinżammu milli jipparteċipaw fil-ħidma ta' korpi internazzjonali, u jinsisti li l-awtoritajiet tal-Bahrain jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u politiċi tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Bahrain;

5.  Ifakkar lill-Gvern tal-Bahrain fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-fehmiet politiċi, l-affiljazzjoni jew it-twemmin tagħhom; jemmen li l-istabilità fit-tul u s-sigurtà fil-Bahrain jistgħu jiġu żgurati biss permezz tal-bini ta' soċjetà realment pluralista li tkun rispettuża tad-diversità, u, f'dan ir-rigward, jitlob għall-ħelsien ta' Sheikh Ali Salman u attivisti oħra li attwalment jinsabu miżmuma b'mod arbitrarju fil-ħabsijiet tal-Bahrain;

6.  Jemmen li l-espressjoni libera ta' lmenti leġittimi u paċifiċi għandha tkun permessa; jinnota bi tħassib it-trażżin min-naħa tal-Gvern tal-Bahrain tal-oppożizzjoni politika leġittima, inkluża l-estensjoni tas-sentenza ta' Sheikh Ali Salman, is-sospensjoni tas-Soċjetaà Iżlamika Nazzjonali Al-Wefaq u l-iffriżar tal-assi tagħha; jitlob li jkun hemm aktar libertajiet bażiċi għaċ-ċittadini kollha tal-Bahrain; jinsisti fuq waqfien immedjat tat-trażżin ta' opinjonijiet politiċi differenti fil-pajjiż u r-repressjoni tar-rappreżentanti ewlenin tagħhom, tkun xi tkun l-affiljazzjoni politika jew reliġjuża tagħhom;

7.  Jesprimi tħassib partikolari rigward l-abbuż tal-liġijiet kontra t-terroriżmu fil-Bahrain u, b'mod partikolari, ir-revoka taċ-ċittadinanza bħala mezz ta' pressjoni politika u kastig; jitlob bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Bahrain biex jirrevokaw id-deċiżjoni li jneħħu ċ-ċittadinanza ta' Ayatollah Sheikh Isa Qassim, biex jemendaw il-liġi dwar iċ-ċittadinanza tal-pajjiż u biex jerġgħu jistabbilixxu ċ-ċittadinanza tal-Bahrain lil dawk l-individwi li tteħditilhom inġustament, sabiex jikkonformaw mal-istandards internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar din il-kwistjoni;

8.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Bahrain jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Kostituzzjoni tal-2002 u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali ggarantiti fiha, kif ukoll l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrumenti internazzjonali ratifikati mill-Bahrain; jitlob b'mod partikolari li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Bahrain, l-Eżami Perjodiku Universali u l-istituzzjoni nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex jingħata lok ta' titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Bahrain li l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti jipprojbixxi l-użu bħala prova fi kwalunkwe proċedura ta' kull dikjarazzjoni magħmula bħala riżultat ta' tortura; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jirratifikaw li-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;

10.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Bahrain fil-koalizzjoni internazzjonali kontra d-Daesh;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Bahrain mar lura għall-piena tal-mewt u jitlob li jerġa' jiġi introdott moratorju fuq il-piena tal-mewt;

12.  Jilqa' l-miżuri li jipproteġu lill-ħaddiema introdotti fil-Liġi tax-Xogħol tal-Bahrain tal-2012 u jemmen li dawn jistgħu iservu bħala eżempju li għandu jiġi segwit minn pajjiżi oħra fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

13.  Ifaħħar lill-Bahrain talli b'mod ġenerali jirrispetta d-dritt ta' ċittadini u residenti barranin li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jimxu mal-kostituzzjoni tal-pajjiż, li tistipula li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini għal raġunijiet ta' reliġjon u biex itemmu kwalunkwe diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni Xiita;

14.  Jinnota l-isforzi kontinwi tal-Gvern tal-Bahrain biex jirriforma l-kodiċi penali u l-proċeduri ġuridiċi tal-pajjiż, u jħeġġeġ it-tkomplija ta' dan il-proċess; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain biex jirrispetta l-istandards internazzjonali dwar id-dritt għal proċess ġust; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ mogħti lill-Bahrain, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja tiegħu, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għat-tisħiħ tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Bahrain;

15.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri biex ikomplu jqajmu tħassib dwar l-attakki kontra l-libertà ta' espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-għaqda paċifika fil-Bahrain u pajjiżi oħra tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll bl-użu ta' pjattaformi multilaterali bħal-laqgħa Ministerjali li se ssir fit-18 u d-19 ta' Lulju 2016 bjen l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

16.  Iħeġġeġ ħafna l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn UE u l-Bahrain, iżda jinnota li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Bahrain ma jistax jieħu post djalogu komprensiv bejn il-gvern, l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili fil-Bahrain innifsu;

17.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain biex jikkoopera mar-Rapporteurs Speċjali tan-NU (b'mod partikolari fir-rigward tat-tortura, il-libertà ta' għaqda, l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem) u biex joħorġilhom stedina permanenti;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.

 

 

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0279.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0044.

Avviż legali