Proċedura : 2016/2936(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-1122/2016

Testi mressqa :

RC-B8-1122/2016

Dibattiti :

PV 26/10/2016 - 17
CRE 26/10/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2016 - 8.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0424

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 462kWORD 121k
25.10.2016
PE589.718v01-00}
PE589.722v01-00}
PE589.731v01-00}
PE589.732v01-00} RC1
 
B8-1122/2016}
B8-1125/2016}
B8-1131/2016}
B8-1132/2016} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B8-1122/2016)

Verts/ALE (B8-1125/2016)

S&D (B8-1131/2016)

ALDE (B8-1132/2016)


dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari (2016/2936(RSP))


Michael Gahler, Jacek Saryusz-Wolski, Sandra Kalniete, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Tunne Kelam, David McAllister, Lorenzo Cesa, Lars Adaktusson, Andrey Kovatchev, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Eduard Kukan, Andrzej Grzyb, Laima Liucija Andrikienė, Fernando Ruas, Dubravka Šuica, Alojz Peterle, Julia Pitera f'isem il-Grupp PPE
Ana Gomes, Elena Valenciano, Clara Eugenia Aguilera García, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Viorica Dăncilă, Isabella De Monte, Tanja Fajon, Jonás Fernández, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Michela Giuffrida, Theresa Griffin, Sergio Gutiérrez Prieto, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Eva Kaili, Cécile Kashetu Kyenge, Javi López, Krystyna Łybacka, Vladimír Maňka, Louis-Joseph Manscour, Costas Mavrides, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Norbert Neuser, Demetris Papadakis, Gilles Pargneaux, Emilian Pavel, Vincent Peillon, Pina Picierno, Tonino Picula, Kati Piri, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Siôn Simon, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Paul Tang, Claudia Țapardel, Marc Tarabella, Julie Ward, Carlos Zorrinho f'isem il-Grupp S&D
Urmas Paet, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, José Inácio Faria, Fredrick Federley, María Teresa Giménez Barbat, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Klaus Buchner, Ulrike Lunacek, Molly Scott Cato f'isem il-Grupp Verts/ALE
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari (2016/2936(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (TNP) rigward l-istabbiliment ta' Lvant Nofsani ħieles mill-armi ta' qerda massiva(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari(2),

–  wara li kkunsidra s-seminars tal-UE tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm u l-laqgħat regolari tal-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003,

–  wara li kkunsidra l-falliment tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2015 li tilħaq ftehim dwar dokument finali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (8079/15),

–  wara li kkunsidra d-dokumenti adottati fir-rebbiegħa tal-2016 matul is-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari f'Washington,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2310 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fl-20 anniversarju tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Tbilisi tal-2016, li ġiet adottata b'kunsens mill-Assemblea Parlamentari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 66/61 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/422/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 li tappoġġja proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta' distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani(3),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 70/33 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar it-tkomplija tad-diżarm nukleari multilaterali, u r-rapport tal-Grupp ta' Ħidma miftuħ tan-NU (OEWG) lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li ġie adottat fid-19 ta' Awwissu 2016 (A/71/371),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ambjent tas-sigurtà fid-dinja, u b'mod partikolari dak tal-UE mar għall-agħar b'mod kunsiderevoli, sar aktar fluwidu, aktar prekarju u inqas prevedibbli; billi jinnota li t-theddidiet huma ta' tip konvenzjonali, mhux konvenzjonali u ibridi, maħluqa kemm minn atturi reġjonali u globali statali kif ukoll dawk mhux statali;

B.  billi l-paċi, is-sigurtà u l-istabilità internazzjonali huma mhedda b'mod gravi minn żviluppi diversi, inkluż id-deterjorament tar-relazzjonijiet bejn l-istati li għandhom l-armi nukleari bħall-Federazzjoni Russa u l-Istati Uniti, u l-Indja u l-Pakistan, u l-iżvilupp ulterjuri ta' kapaċitajiet nukleari mill-Korea ta' Fuq;

C.  billi l-proliferazzjoni ta' forom ta' armi ta' qerda massiva (AQM) bijoloġiċi u kimiċi qed tkun imminimizzata u mwaqqfa progressivament permezz tal-applikazzjoni internazzjonali effikaċi tal-projbizzjoni u tal-obbligi inklużi fil-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi u Tossiċi (BTWC) tal-1972 u l-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi (CWC); billi, madankollu, il-proliferazzjoni tal-AQM nukleari u l-mod kif jiġu fornuti jibqgħu kwistjoni ta' tħassib mill-aktar serja għall-komunità internazzjonali;

D.  billi minn Jannar 2016 disa' Stati – l-Istati Uniti, ir-Russja, ir-Renju Unit, Franza, iċ-Ċina, l-Indja, il-Pakistan, l-Iżrael u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) – kellhom total ta' madwar 15 395 arma nukleari, meta mqabbla ma' madwar 15 850 fl-2015;

E.  billi l-prijoritajiet jinkludu l-prevenzjoni ta' terroristi jew ta' stati oħrajn simili milli jiksbu jew jagħmlu użu minn armi nukleari, it-tnaqqis u l-eliminazzjoni tal-arsenali nukleari kollha u l-progress lejn dinja mingħajr armi nukleari;

F.  billi f'ċerti reġjuni madwar id-dinja, jiġifieri fl-Amerika Latina u l-Karibew, in-Nofsinhar tal-Paċifiku, ix-Xlokk tal-Asja, l-Afrika u l-Asja Ċentrali, jeżistu diġà numru ta' trattati relatati ma' żoni ħielsa mill-armi nukleari;

G.  billi l-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2010 tixħet enfasi mġedda fuq l-impatt umanitarju tal-armi nukleari, suġġett li tressaq mill-Gvernijiet tan-Norveġja, il-Messiku u l-Awstrija permezz ta' konferenzi suċċessivi dwar l-impatt umanitarju tal-armi nukleari, u r-rapporti rispettivi tagħhom, kif ukoll l-Impenn Umanitarju Internazzjonali mnedi mill-Awstrija u ppreżentat waqt il-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2015, li ġie approvat minn 127 stat membru tan-NU;

H.  billi hemm ukoll il-ħtieġa li jissaħħu l-objettivi ta' nonproliferazzjoni u diżarm ewlenin tat-tliet pilastri tat-TNP, jiġifieri n-nonproliferazzjoni, id-diżarm u l-kooperazzjoni dwar l-użu paċifiku tal-enerġija nukleari; billi l-istati li għandhom armi nukleari u li huma firmatarji tat-TNP qegħdin jimmodernizzaw u jsaħħu l-arsenali ta' armi nukleari tagħhom u qegħdin idewmu t-teħid ta' azzjoni biex inaqqsu u jeliminaw l-arsenali nukleari tagħhom u biex inaqqsu l-aderenza tagħhom għal duttrina militari ta' deterrent nukleari;

I.  billi sar progress formali fl-iżgurar ta' materjal fissili nukleari ċivili permezz tas-Summits ta' Sigurtà Nukleari, li twettqu permezz ta' proċess kumplimentari barra mit-TNP u kkontribwixxew għat-tisħiħ tat-TNP billi żiedu l-kredibilità tal-element ta' nonproliferazzjoni tiegħu, iżda fl-istess waqt l-attitudni reċenti tar-Russja u d-deterjorament tar-relazzjonijiet bejnha u l-Istati Uniti qed jheddu sforzi ulterjuri biex jiġu żgurati u mnaqqsa l-materjali fissili;

J.  billi l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari hija strument internazzjonali vinkolanti fil-qasam tal-protezzjoni fiżika tal-materjal nukleari li jistabbilixxi miżuri relatati mal-prevenzjoni, il-kxif u l-punizzjoni ta' reati relatati mal-materjal nukleari;

K.  billi r-Russja u l-Istati Uniti qed ikomplu jimplimentaw it-Trattat START il-ġdid, li se jiskadi fl-2021 sakemm ma jiġix estiż miż-żewġ partijiet; billi l-President tal-Istati Uniti Barack Obama, fid-diskors tiegħu fl-2013 f'Berlin, għamel proposta sinifikanti għat-tnaqqis tat-testati nukleari u li tenniha f'Washington fl-2016; billi dawn il-battuti inizjali għat-tnedija ta' negozjati dwar ftehim ta' segwitu għat-Trattat START il-ġdid ma ġewx reċiprokati mill-Federazzjoni Russa, u għalhekk ma ġie negozjat l-ebda segwitu għat-Trattat START il-ġdid biex jiġi indirizzat it-tnaqqis fl-armi nukleari mhux strateġiċi u strateġiċi bil-ħsieb li jiġu eliminati;

L.  billi l-isplużjonijiet tal-provi tal-armi nukleari u/jew kwalunkwe splużjoni nukleari oħra jirrappreżentaw theddida għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali, u jxekklu r-reġim tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari globali; billi t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT) huwa l-aktar mod effettiv ta' projbizzjoni tal-provi tal-armi nukleari; billi s-sena 2016 tfakkar l-20 anniversarju mill-ftuħ għall-iffirmar tas-CTBT fl-24 ta' Settembru 1996;

M.  billi, minkejja l-isforzi kollha biex titlaqqa' l-Konferenza dwar l-istabbiliment ta' żona tal-Lvant Nofsani ħielsa mill-armi nukleari u l-armi l-oħrajn kollha ta' qerda massiva sa Diċembru 2012, skont il-ftehimiet ta' kunsens tal-Istati Kontraenti tat-TNP fil-Konferenza ta' Reviżjoni tal-2010, din għadha ma seħħitx;

N.  billi l-Kunċett Strateġiku tan-NATO tal-2010 u r-Reviżjoni tal-Pożizzjoni ta' Difiża u Deterrenza tan-NATO tal-2012 jimpenjaw lin-NATO biex toħloq il-kundizzjonijiet għal dinja mingħajr armi nukleari; billi skont il-ftehimiet dwar il-kondiviżjoni nukleari u bilaterali tan-NATO, huwa stmat li bejn 150 u 200 bomba nukleari ta' medda qasira mingħajr gwida, li huma meqjusa bħala armi nukleari tattiċi jew substrategiċi, għadhom qed jiġu skjerati f'ħames stati tan-NATO li ma għandhomx armi nukleari (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, l-Olanda u t-Turkija), u billi dawn l-armi qed jiġu skjerati bi qbil mal-politiki attwali tan-NATO;

O.  billi s-sikurezza u s-sigurtà tal-armi nukleari tal-Istati Uniti skjerati fit-Turkija ġiet taħt attenzjoni akbar bħala konsegwenza tal-kunflitt armat fis-Sirja li qed iseħħ qrib tal-Bażi tal-Ajru ta' Inċirlik, u bħala konsegwenza tal-avvenimenti fi u madwar il-bażi tal-ajru ta' Inċirlik matul u wara l-kolp ta' stat fallut fil-15 ta' Lulju 2016;

P.  billi l-5 ta' Diċembru 2015 ifakkar l-20 anniversarju mill-iffirmar tal-Memorandum ta' Budapest; billi l-Ukrajna rrispettat id-dispożizzjonijiet kollha tagħha u ħadet pożizzjonijiet proattivi dwar il-kwistjonijiet tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari, għall-kuntrarju tal-Federazzjoni Russa li kisret l-impenji tagħha billi okkupat parti mit-territorju tal-Ukrajna (il-Krimea) u billi nediet aggressjoni armata fil-Lvant tal-Ukrajna; billi dan ħoloq preċedent perikoluż, minħabba li stat li kien iggarantixxa s-sigurtà tal-Ukrajna b'reazzjoni għad-deċiżjoni ta' dak il-pajjiż li jissieħeb mat-TNP bħala stat mingħajr armi nukleari, kiser is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u dgħajjef il-kredibilità u wettaq ħsara b'mod ġenerali lill-istrument ta' assigurazzjonijiet negattivi tas-sigurtà pprovduti mill-istat li għandu armi nukleari, kif ukoll għamel ħsara lit-TNP u lill-idea ta' promozzjoni tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni nukleari globali abbażi tad-dritt internazzjonali u tat-trattati multilaterali; jinsab estremament imħasseb bid-dikjarazzjoni ta' theddid ta' uffiċjali għoljin Russi dwar il-fatt li r-Russja għandha d-dritt li tiskjera u żżomm armi nukleari fil-Krimea, fatt li jista' jkollu konsegwenzi globali; jinsab imħasseb bid-duttrina militari Russa l-ġdida ta' Diċembru 2014 li tippermetti l-użu tal-armi nukleari kontra Stat li mhuwiex fil-pussess ta' tali armi;

Q.  billi r-Russja f'Kaliningrad skjerat missili ta' medda qasira Iskander li għandhom kapaċità nukleari, u qed twettaq eżerċizzji u titjiriet li jgħaddu minn fuq li jinvolvu sistemi ta' kapaċità nukleari, u billi dikjarazzjonijiet mit-tmexxija Russa dwar l-importanza tad-deterrent nukleari u d-deċiżjoni tar-Russja li tissospendi l-Ftehim dwar id-Dispożizzjoni u l-Ġestjoni tal-Plutonju konkluż mal-Istati Uniti fis-sena 2000, aggravaw it-tħassib dwar dipendenza akbar fuq armi nukleari mir-Russja;

R.  billi l-UE tiżvolġi rwol importanti bħala parti mill-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt maqbul mal-Iran, kif ukoll minħabba r-rwol tagħha bħala membru sħiħ tal-Kummissjoni Konġunta li timmonitorja l-implimentazzjoni tal-ftehim;

S.  billi fid-9 ta' Settembru 2016, ir-RDPK wettqet il-ħames prova nukleari tagħha ftit xhur biss wara l-prova tas-6 ta' Jannar 2016; billi din il-prova, li r-RDPK allegat li kienet "prova ta' bomba tal-idroġenu li rnexxiet", b'mod ċar tikser l-obbligi internazzjonali tagħha fl-ambitu tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u d-dikjarazzjoni ta' denuklearizzazzjoni inter-Koreana tal-1992, li tiddikjara li ż-żewġ pajjiżi tal-Korea mhux se jiżviluppaw jew iżommu armi nukleari; billi l-proliferazzjoni ta' kwalunkwe tip ta' AQM, u partikolarment l-armi nukleari u l-mezzi ta' kunsinna tagħhom, jirrappreżentaw theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi r-RDPK ħabbret l-irtirar tagħha mit-Trattat tan-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) fl-2003, u ilha twettaq provi nukleari sa mill-2006, u fl-2009 iddikjarat uffiċjalment li kienet żviluppat arma nukleari għal fini ta' deterrent, li jfisser li issa kibret it-theddida li tirrappreżenta r-RDPK għall-ġirien tagħha fil-Grigal tal-Asja u għall-paċi u s-sigurtà reġjonali u internazzjonali;

T.  billi l-Istrateġija Ewropea ta' Sigurtà tal-2003 iddikjarat li l-proliferazzjoni tal-armi ta' qerda massiva hi potenzjalment l-akbar theddida għas-sigurtà tagħna, inkluża l-possibbiltà ta' tellieqa għall-AQM, u billi l-UE hi impenjata biex tikseb aderenza universali mas-sistemi ta' trattati multilaterali, u kif ukoll biex issaħħaħ it-trattati u d-dispożizzjonijiet ta' verifika tagħhom; billi l-Istrateġija Globali tal-2016 tal-UE tħalli barra kwalunkwe diskors dwar l-AQM, in-nonproliferazzjoni u l-kontroll tal-armi;

U.  billi l-UE, sfortunatament, fit-tħejjija għall-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni (TNP), ma setgħetx taqbel dwar pożizzjoni konġunta dwar id-diżarm nukleari, filwaqt li rrikonoxxiet għall-ewwel darba li kienu espressi "fehmiet differenti" dwar il-konsegwenzi tal-armi nukleari; billi l-konferenza ma rnexxilhiex tadotta dokument finali minħabba nuqqas ta' qbil dwar sforzi reġjonali li jridu jsiru biex tinħoloq żona ħielsa mill-AQM fil-Lvant Nofsani;

V.  billi l-UE impenjat ruħha biex tagħmel użu mill-istrumenti kollha xierqa għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi, twaqqaf u, fejn possibbli, telimina l-programmi ta' proliferazzjoni li qed joħolqu tħassib fil-livell globali, kif espress b'mod ċar fl-Istrateġija tal-UE kontra l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva, adottata mill-Kunsill Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2003, u billi l-UE żgurat kooperazzjoni iktar fil-fond ta' think tanks Ewropej kontra l-proliferazzjoni bħala parti mill-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni;

W.  billi huwa importanti li l-involviment tas-soċjetà ċivili f' dan il-proċess internazzjonali jiġi appoġġjat u msaħħaħ b'mod trasparenti;

1.  Jesprimi tħassib kbir dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tas-sigurtà madwar l-Unjoni Ewropea u lil hinn mill-viċinat tagħha, li jista' jwassal biex l-armi nukleari jerġgħu jintużaw bħala deterrent attiv u dwar il-proliferazzjoni possibbli fost l-atturi statali u mhux statali, u dwar in-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' miżuri ta' diżarm u nonproliferazzjoni;

2.  Jitlob lill-istati kollha li għandhom armi nukleari biex jieħdu miżuri provviżorji konkreti ħalli jnaqqsu r-riskju ta' splużjonijiet ta' armi nukleari, inkluż it-tnaqqis tal-istatus operazzjonali tal-armi nukleari kif ukoll sabiex l-armi nukleari jitneħħew mill-istadju ta' mobilizzazzjoni u jinħażnu, filwaqt li jnaqqsu r-rwol tal-armi nukleari fid-duttrini militari u jirriduċu fil-pront kull tip ta' armi nukleari;

3.  Jesprimi tħassib serju dwar il-ksur potenzjali tat-Trattat dwar Forzi Nukleari ta' Medda Medja (INF);

4.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar iż-żieda fit-theddid nukleari minħabba l-attitudni Russa, b'implikazzjonijiet għas-sigurtà, l-istabilità u l-prevedibilità f'livell globali, u dwar ir-relazzjoni man-NATO li sejra għall-agħar, inkluż il-ksur potenzjali tat-Trattat dwar il-Forzi Nukleari ta' Medda Medja (INF), kif ukoll stqarrijiet li jindikaw li hija dejjem aktar lesta li tuża l-armi nukleari u li qed tikkunsidra li potenzjalment tibgħat armi nukleari f'territorji oħra fl-Ewropa; jiġbed l-attenzjoni għall-eżerċizzji militari Russi li jissimulaw l-użu ta' armi nukleari kontra l-Polonja, u jesprimi tħassib kbir rigward il-fatt li r-Russja bagħtet sistemi missilistiċi Iskander b'kapaċità nukleari f'Kaliningrad Oblast, li għandha fruntieri mal-Polonja u l-Litwanja, żewġ Stati Membri tal-UE; ifakkar li l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja ddeċidiet, f'opinjoni ta' konsulenza tagħha tal-1996 li, skont id-dritt internazzjonali attwali, hija ma setgħetx "tilħaq konklużjoni definittiva dwar il-legalità jew l-illegalità tal-użu ta' armi nukleari minn Stat f'ċirkostanza estrema ta' awtodifiża";

5.  Jappoġġja s-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari tal-2016, filwaqt li jirrikonoxxi li l-kummerċ mhux awtorizzat u l-użu ta' materjal nukleari huwa theddida immedjata u serja għas-sigurtà globali, u jittama li tintlaħaq sistema kompleta ta' traċċar li fiha jkun fiżikament żgurat il-materjal kollu li jista' jintuża għall-armi;

6.  Jilqa' t-tlestija tal-ħidma tal-Grupp ta' Ħidma miftuħ tan-NU (OEWG) li indirizza negozjati ta' diżarm nukleari multilaterali, skont ir-Riżoluzzjoni 70/33 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; jilqa' r-rakkomandazzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li tinsab fir-rapport finali tal-OEWG (A/71/371) u li ġiet adottata b'appoġġ wiesa' fid-19 ta' Awwissu 2016, biex tlaqqa' konferenza fl-2017, miftuħa għall-Istati kollha, sabiex jiġi negozjat strument legalment vinkolanti li jipprojbixxi l-armi nukleari u li jwassal għall-eliminazzjoni totali tagħhom; jirrikonoxxi li dan ser isaħħaħ l-objettivi tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm u tal-obbligi inklużi fit-TNP kif ukoll jgħin biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal sigurtà globali u għal dinja mingħajr armi nukleari;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw it-tlaqqigħ ta' din il-konferenza fl-2017 u biex jipparteċipaw b'mod kostruttiv fil-proċedimenti tagħha, u jistieden lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jikkontribwixxu b'mod kostruttiv għall-proċedimenti tal-konferenza ta' negozjati tal-2017;

8.  Ifakkar l-20 anniversarju mill-ftuħ għall-iffirmar tas-CTBT fit-23 ta' Settembru 1996, u jissottolinja li trattat ta' projbizzjoni ta' provi realment verifikabbli b'mod universali u internazzjonali hu l-aktar mod effettiv ta' projbizzjoni ta' splużjonijiet waqt provi ta' armi nukleari u ta' kwalunkwe splużjoni nukleari oħra;

9.  Iħeġġeġ lill-istati li fadal, elenkati fl-Anness II għas-CTBT, li teħtieġ ir-ratifika tagħhom għad-dħul fis-seħħ tiegħu, biex jiffirmaw u/jew jirratifikaw it-Trattat b'sens ġdid ta' urġenza bil-għan li dan l-istrument internazzjonali kruċjali jkollu effett ġuridiku sħiħ mingħajr aktar dewmien; jilqa' f'dan ir-rigward l-adozzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tar-Riżoluzzjoni 2310 (2016);

10.  Jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-progress sinifikanti li sar mill-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO) fl-ikkompletar u l-operat tas-Sistema ta' Monitoraġġ Internazzjonali effettiva tagħha, li, anke mingħajr id-dħul fis-seħħ tat-Trattat, qed tikkontribwixxi għall-istabilità reġjonali bħala miżura sinifikanti ta' bini ta' fiduċja, issaħħaħ is-sistema ta' nonproliferazzjoni u diżarm u twassal benefiċċji ċivili u xjentifiċi addizzjonali għall-istati; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li biex jitkompla l-operat tas-sistema ta' monitoraġġ, il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO se tkompli sserraħ fuq il-kontribuzzjonijiet ta' finanzjament tal-Istati;

11.  Jiddeplora l-fatt li, minkejja t-tama għall-kuntrarju, l-armi nukleari qed jirritornaw għall-ippjanar strateġiku tal-istati li għandhom armi nukleari; jitlob li jkun hemm approfondiment tad-djalogu mal-istati kollha li għandhom l-armi nukleari bil-ħsieb li tiġi segwita aġenda komuni li jkollha l-għan li tnaqqas progressivament il-ħażna ta' testati nukleari; jappoġġja, b'mod partikolari, il-miżuri meħuda mill-Istati Uniti u r-Russja biex inaqqsu l-armi nukleari skjerati tagħhom kif miftiehem fit-Trattat START il-ġdid;

12.  Jiddeplora l-assenza, minn meta daħal fis-seħħ l-iSTART il-ġdid fl-2011, ta' negozjar ulterjuri dwar it-tnaqqis meħtieġ b'mod urġenti ta' testati nukleari skjerati u maħżuna, inkluż, kif miftiehem minn qabel mill-Istati Uniti u r-Russja, ta' miżuri li jnaqqsu u jeliminaw armi nukleari ta' medda qasira u tattiċi meqjusa bħala armi nukleari substrateġici jew mhux strateġiċi;

13.  Jirrikonoxxi li t-tneħħija reċiproka u simultanja ta' testati ta' armi nukleari ta' medda qasira, tattiċi u dawk maħsuba bħala substrateġiċi mit-territorju Ewropew tista' tikkontribwixxi b'mod pożittiv biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għall-bini ta' żoni ħielsa minn aktar armamenti nukleari, u b'hekk jingħata kontribut biex jiġu sodisfatti l-obbligi ta' nonproliferazzjoni u diżarm li hemm fit-TPN u, fl-istess waqt, dan iservi ta' preċedent għal diżarm nukleari ulterjuri;

14.  Jirrakkomanda li jiġu stabbiliti żoni ħielsa mill-armi nukleari bħala pass pożittiv lejn dinja ħielsa mill-armi nukleari; hu tal-fehma, f'dan ir-rigward, li żona ħielsa mill-armi nukleari fil-Lvant Nofsani, abbażi ta' arranġamenti milħuqa b'mod liberu, tkun ta' importanza fundamentali biex tinkiseb paċi dejjiema u komprensiva fir-reġjun; jesprimi, f'dan il-kuntest, diżappunt serju dwar il-fatt li ma nżammitx il-konferenza fl-2012 mitluba mit-TNP dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-AQM fil-Lvant Nofsani;

15.  Jappoġġja aktar sforzi biex jissaħħaħ il-mandat tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA), inklużi l-ġeneralizzazzjoni tal-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet dwar is-Salvagwardji tal-IAEA u passi oħra mfasslin biex jiżviluppaw miżuri li jibnu l-fiduċja; ifittex li jiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għal din l-organizzazzjoni sabiex tkun tista' taqdi l-mandat kruċjali tagħha biex l-attivitajiet nukleari jsiru sikuri; jitlob li jsir progress fil-Kumitat Preparatorju tat-TNP tal-2017 li jmiss u l-Konferenza ta' Livell Għoli dwar id-Diżarm Nukleari tal-2018;

16.  Jilqa' l-ftehim bejn is-setgħat P5+1 u l-Iran dwar l-ambizzjonijiet nukleari ta' dan tal-aħħar u jinkoraġġixxi t-tkomplija tal-kooperazzjoni bejn iż-żewġ naħat sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK); jemmen li l-PAKK, magħruf ukoll bħala l-Ftehim Nukleari mal-Iran, kien riżultat notevoli għad-diplomazija multilaterali, u partikolarment għad-diplomazija Ewropea, li għandu jippermetti mhux biss titjib sostanzjali fir-relazzjonijiet UE-Iran, iżda wkoll il-promozzjoni tal-istabilità fir-reġjun kollu kemm hu; jemmen li issa l-partijiet kollha huma responsabbli biex jiżguraw implimentazzjoni rigoruża u sħiħa tiegħu; jilqa' favorevolment it-twaqqif tal-Kummissjoni Konġunta, komposta minn rappreżentanti tal-Iran u tal-grupp E3/UE+3 (iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja, il-Federazzjoni Russa, ir-Renju Unit u l-Itati Uniti u l-VP / RGħ); jappoġġja bis-sħiħ lill-VP / RGħ fir-rwol tagħha ta' koordinatur tal-Kummissjoni Konġunta fl-ambitu tal-PAKK, u jemmen li l-implimentazzjoni rigoruża u sħiħa tal-PAKK tibqa' ta' importanza enormi;

17.  Jikkundanna l-aħħar provi nukleari li saru mir-RDPK u r-rifjut minn dak il-pajjiż li jaċċetta diversi riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluża l-aktar waħda reċenti tat-2 ta' Marzu 2016 (2070); iħeġġeġ lir-RDPK żżomm lura minn azzjonijiet provokattivi ulterjuri billi tabbanduna l-programmi nukleari u tal-missili ballistiċi tagħha b'mod komplet, verifikabbli u irreversibbli, twaqqaf l-attivitajiet relatati kollha u tikkonforma immedjatament mal-obbligi internazzjonali kollha tagħha, inklużi r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u tal-Bord ta' Gvernaturi tal-IAEA kif ukoll ta' normi oħra internazzjonali tad-diżarm u n-nonproliferazzjoni u terġa' lura għall-mejda tan-negozjati; jistieden lir-RDPK tiffirma u tirratifika t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari mingħajr dewmien; jafferma x-xewqa tiegħu dwar soluzzjoni diplomatika u politika għall-kwistjoni nukleari tar-RDPK u jappoġġja t-tkomplija tat-Taħdidiet tas-Sitt Partijiet; iħeġġeġ liċ-Ċina tagħmel iktar pressjoni fuq ir-RDPK;

18.  Jilqa' l-inklużjoni ta' klawsoli dwar in-nonproliferazzjoni tal-AQM fil-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u fil-pjanijiet ta' azzjoni; jirrimarka li miżuri bħal dawn għandhom jiġu implimentati mill-pajjiżi kollha sħab tal-UE mingħajr eċċezzjoni;

19.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE u jħeġġeġ lis-SEAE biex, bħala miżura ta' segwitu, jaġġorna u jespandi l-Istrateġija tal-UE tal-2003 kontra l-proliferazzjoni tal-AQM u l-Linji ta' Azzjoni Ġodda tal-2009, filwaqt li jqis il-kwistjonijiet u l-problemi deskritti hawn fuq, bil-ħsieb li jagħmel l-UE forza li tixpruna t-tisħiħ u l-progress fi ftehimiet multilaterali ta' diżarm nukleari u nonproliferazzjoni;

20.  Jilqa' l-impenji regolari rigward dawn it-temi permezz tal-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni u ma' organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili u think tanks, u jistieden lill-Konsorzju tal-UE għan-Nonproliferazzjoni, immexxi mill-Konsulent Prinċipali tal-UE u Mibgħut Speċjali għan-Nonproliferazzjoni u d-Diżarm, biex iwessa' l-aġenda tiegħu u jinkludi kunsiderazzjonijiet ta' diżarm;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għall-Affarijiet tad-Diżarm, lill-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari u lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA u lill-parlamenti tal-ħames membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

(1)

ĠU C 440, 30.12.2015, p. 97.

(2)

ĠU C 349 E, 22.12.2010, p. 77.

(3)

ĠU L 196, 24.7.2012, p. 67.

Avviż legali