Proċedura : 2016/2872(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-1126/2016

Testi mressqa :

RC-B8-1126/2016

Dibattiti :

PV 27/10/2016 - 3
CRE 27/10/2016 - 3

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2016 - 8.8

Testi adottati :

P8_TA(2016)0425

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 436kWORD 93k
24.10.2016
PE589.725v01-00}
PE589.727v01-00}
PE589.728v01-00}
PE589.733v01-00}
PE589.734v01-00}
PE589.735v01-00} RC1
 
B8-1126/2016}
B8-1127/2016}
B8-1128/2016}
B8-1133/2016}
B8-1134/2016}
B8-1135/2016} RC1

imressqa skont l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B8-1126/2016)

PPE (B8-1127/2016)

GUE/NGL (B8-1128/2016)

ALDE (B8-1133/2016)

ECR (B8-1134/2016)

Verts/ALE (B8-1135/2016)


dwar is-Servizz Volontarju Ewropew u l-promozzjoni tal-volontarjat fl-Ewropa (2016/2872(RSP))


Michaela Šojdrová, Milan Zver, Sabine Verheyen, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska f'isem il-Grupp PPE
Silvia Costa, Petra Kammerevert, Krystyna Łybacka, Marlene Mizzi f'isem il-Grupp S&D
Angel Dzhambazki, Andrew Lewer f'isem il-Grupp ECR
María Teresa Giménez Barbat, Ilhan Kyuchyuk, Yana Toom, Marian Harkin, Marielle de Sarnez, Javier Nart, Carolina Punset, Filiz Hyusmenova, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula f'isem il-Grupp ALDE
Curzio Maltese, Barbara Spinelli, Tania González Peñas, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Kateřina Konečná, Sofia Sakorafa, Merja Kyllönen, Stelios Kouloglou, Dimitrios Papadimoulis f'isem il-Grupp GUE/NGL
Rebecca Harms, Ernest Maragall f'isem il-Grupp Verts/ALE

dwar is-Servizz Volontarju Ewropew u l-promozzjoni tal-volontarjat fl-Ewropa (2016/2872(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar is-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta' Volontarjat għall-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza Attiva (2011)(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu "Komunikazzjoni dwar il-Politiki tal-UE u l-Volontarjat: Ir-Rikonoxximent u l-Promozzjoni fl-UE tal-Ħidmiet Volontarji Transkonfinali" (COM(2011)0568),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Politika għall-Volontarjat fl-Ewropa tal-Alleanza tas-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar il-volontarjat u l-attivitajiet tal-volontarjat fl-Ewropa(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar ir-rikonoxximent u l-promozzjoni fl-UE tal-ħidmiet volontarji transkonfinali(4),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2008 dwar ir-rwol tal-volontarjat fil-kontribuzzjoni għal koeżjoni ekonomika u soċjali(5),

–  wara li kkunsidra l-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Voluntiera(6),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-volontarjat u s-Servizz Volontarju Ewropew (O-000107/2016 – B8-1803/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi jfakkar li fl-2016 is-Servizz Volontarju Ewropew (SVE) jiċċelebra l-20 anniversarju tiegħu u li matul dawk l-20 sena ġew appoġġjati 100 000 voluntier;

B.  billi jenfasizza li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011, appoġġjata b'qawwa mill-Parlament Ewropew, tirrapreżenta opportunità politika ewlenija biex jiġi enfasizzat il-valur miżjud tal-volontarjat fl-Ewropa u li issa, ħames snin wara, il-Parlament Ewropew għandu jirrifletti fuq l-impatt li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 kellha f'termini ta' valur miżjud fuq l-iżvilupp tal-politika u fuq kif il-volontarjat huwa inkorporat fil-programmi Ewropej ewlenin, bħall-Erasmus+ u s-Servizz Volontarju Ewropew tiegħu;

C.  billi jfakkar li s-Sena Ewropea tal-Volontarjat 2011 pprovdiet l-impetu u l-qafas għall-istabbiliment u/jew għar-reviżjoni ta' ħafna oqfsa nazzjonali u ġuridiċi għall-volontarjat fl-Ewropa kollha; billi jenfasizza, madankollu, li l-Ewropa għad m'għandhiex politika tal-volontarjat ikkoordinata b'punt ta' kuntatt waħdieni fl-istituzzjonijiet tal-UE;

D.  billi jfakkar li l-volontarjat jitwettaq permezz tar-rieda ħielsa, l-għażla u l-motivazzjoni ta' persuna, mingħajr ma din tfittex li tagħmel xi gwadann finanzjarju; billi jenfasizza li l-volontarjat jista' jiġi definit bħala vjaġġ ta' solidarjetà u billi dan huwa mezz kif jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u t-tħassib umani, soċjali u ambjentali;

E.  billi jenfasizza li l-volontarjat għandu valur u importanza bħala wieħed mill-aktar espressjonijiet viżibbli ta' solidarjetà, li jippromwovi u jiffaċilita l-inklużjoni soċjali, jibni l-kapital soċjali u jipproduċi effett trasformattiv fuq is-soċjetà, u billi l-volontarjat jikkontribwixxi kemm għall-iżvilupp ta' soċjetà ċivili prosperuża, li tista' toffri soluzzjonijiet kreattivi u innovattivi għall-isfidi komuni, kif ukoll għal tkabbir ekonomiku, u li bħala tali jistħoqlu li jitkejjel b'mod speċifiku u mmirat f'termini ta' kapital kemm ekonomiku kif ukoll soċjali;

F.  billi jfakkar li ambjent ta' appoġġ huwa essenzjali biex ikun żgurat l-involviment ta' aktar ċittadini Ewropej fil-volontarjat, u b'hekk ikun garantit għoti ġust ta' fondi għall-infrastruttura tal-volontarjat, inklużi l-organizzazzjonijiet li jinvolvu l-voluntiera, għall-benefiċċju tal-voluntiera nnifishom u tal-attivitajiet tagħhom;

G.  billi jenfasizza li l-volontarjat jeħtieġ taħlita ta' mekkaniżmi ta' appoġġ u/jew strutturi organizzattivi xierqa li għandhom jissaħħu aktar permezz ta' qafas ġuridiku adegwat li jidentifika d-drittijiet u r-responsabilitajiet tal-voluntiera u l-volontarjat;

H.  billi jenfasizza li kull persuna hija intitolata għal aċċess ugwali għal opportunitajiet tal-volontarjat u għal protezzjoni kontra kull forma ta' diskriminazzjoni, u kulħadd għandu jingħata d-dritt li jirrikonċilja l-attività tiegħu ta' volontarjat mal-ħajja privata u tax-xogħol tiegħu, biex ikun jista' jinkiseb ċertu ammont ta' flessibilità matul l-attività tal-volontarjat;

I.  billi jenfasizza li r-rikonoxximent tal-valur soċjali u ekonomiku tal-volontarjat huwa wkoll kruċjali biex jitħeġġu inċentivi xierqa għall-partijiet interessati kollha u b'hekk jiżdiedu l-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-volontarjat;

J.  billi jfakkar fil-kompetizzjoni għall-Belt Kapitali Ewropea għall-Volontarjat li tirrikonoxxi l-kisbiet tal-muniċipalitajiet fl-Ewropa kollha billi tagħraf u tappoġġja l-isforzi tal-voluntiera fiż-żoni tagħhom;

K.  billi jenfasizza li l-Programm ġdid Erasmus+ għadu joffri opportunitajiet ta' għoti ta' fondi u ta' appoġġ għall-proġetti ta' volontarjat, partikolarment permezz tal-Programm tas-SVE, u billi l-programm Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE tnieda mid-DĠ ECHO biex jipprovdi appoġġ prattiku għall-proġetti ta' għajnuna umanitarja; billi jirrikonoxxi li fil-QFP 2020–2014 il-ġdid tal-UE hemm prevista l-allokazzjoni ta' ċerti fondi tal-UE għall-volontarjat billi partikolarment il-Programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini", li bħalissa huwa ġestit minn DĠ HOME, żamm il-volontarjat bħala prijorità; billi jinnota, madankollu, li l-aċċess għall-organizzazzjonijiet volontarji għal fondi oħra tal-UE, bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, għadu ferm limitat;

L.  billi jfakkar li l-kriżi tar-refuġjati tal-lum hija eżempju relevanti, u simbolu ċar, tal-importanza tal-voluntiera u l-mod kif dawn jinkorporaw il-valuri Ewropej, jikkontribwixxu għar-reżiljenza u huma disponibbli li jipprovdu soluzzjonijiet flessibbli u prammatiċi għall-isfidi komuni;

1.  Jirrikonoxxi li l-volontarjat huwa espressjoni ta' solidarjetà, libertà u responsabilità li tikkontribwixxi għat-tisħiħ ta' ċittadinanza attiva u għall-iżvilupp uman personali, u li huwa għodda essenzjali kemm għall-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali kif ukoll għat-taħriġ, l-edukazzjoni u d-djalogu interkulturali, filwaqt li jagħti kontribut importanti biex jinxterdu l-valuri Ewropej; jenfasizza li l-benefiċċji tiegħu huma rikonoxxuti wkoll fix-xogħol tal-volontarjat imwettaq ma' pajjiżi terzi bħala għodda strateġika li trawwem fehim reċiproku u relazzjonijiet interkulturali;

2.  Jenfasizza l-importanza li jiġi pprovdut qafas Ewropew għall-azzjonijiet ta' volontarjat bħala qafas ġuridiku li jidentifika status ta' volontarjat, bi drittijiet u responsabilitajiet, u jiffaċilita l-mobilità u r-rikonoxximent tal-ħiliet; iħeġġeġ lill-Istati Membri li għad iridu jiddefinixxu ambjent ġuridiku għall-voluntiera biex jużaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Aġenda Politika għall-Volontarjat fl-Ewropa u tal-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet u r-Responsabilitajiet tal-Voluntiera;

3.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw proċessi konkreti ta' validazzjoni fil-qafas tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 sabiex ikunu żgurati fehim aħjar u l-komparabilità tal-ħiliet u l-esperjenzi; jitlob li kwalunkwe inizjattiva futura b'rabta mal-Passaport Ewropew tal-Ħiliet u l-Europass tagħti aktar rilevanza lill-volontarjat bħala tagħlim informali u mhux formali; ifakkar li l-volontarjat jgħin lin-nies jiksbu ħiliet u kompetenzi li jistgħu jiffaċilitawlhom l-aċċess għas-suq tax-xogħol; jissottolinja li l-voluntiera m'għandhom qatt jitqiesu jew jintużaw bħala forza tax-xogħol supplenti;

4.  Jinnota li fl-Ewropa kważi 100 miljun ċittadin ta' kull età huma voluntiera li x-xogħol tagħhom jikkontribwixxi għall-produzzjoni ta' madwar 5 % tal-PDG; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-valur ekonomiku tal-prodotti u s-servizzi pprovduti mill-voluntiera permezz ta' tfassil tal-politika iffokat aktar fuq il-voluntiera;

5.  Jissuġġerixxi li l-idea li l-ħin iddedikat għall-volontarjat isir eliġibbli bħala kofinanzjament għall-għotjiet tal-UE, kif ipproponiet dan l-aħħar il-Kummissjoni fil-proposta dwar Regolament Finanzjarju ġdid, għandha tiġi appoġġjata u implimentata;

6.  Jistieden lill-Eurostat jappoġġja lill-Istati Membri f'dan l-eżerċizzju sabiex ikun żgurat li jinġabru data komparattivi fl-Ewropa, kif ukoll li jiġu żviluppati indikaturi u metodoloġiji komuni fl-UE kollha għat-tkejjil tal-impatt ekonomiku tal-volontarjat; iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw is-sistema żviluppata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol għat-tkejjil tal-valur ekonomiku tal-volontarjat;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan, biex jistabbilixxu skemi nazzjonali għas-servizz volontarju mogħnija b'fondi adegwati, u biex itejbu l-aċċess għal informazzjoni ta' kwalità dwar l-opportunitajiet ta' volontarjat fil-livell nazzjonali u lokali, b'mod partikolari permezz tan-netwerks eżistenti ta' informazzjoni u ta' informazzjoni bejn il-pari, u biex joħolqu ċentri nazzjonali ta' servizzi ċivili, u dan bl-istess mod jippromwovi l-opportunitajiet ta' volontarjat internazzjonali mal-persuni ta' kull età;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iżvilupp ta' politika Ewropea għall-volontarjat aktar ikkordinata, bil-ħsieb li jiġi stabbilit punt uniku ta' kuntatt fil-Kummissjoni li jġib flimkien l-inizjattivi u l-programmi individwali u jtejjeb l-aċċess għall-programmi ta' volontarjat;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar l-iskemi nazzjonali ta' servizz volontarju, kif ukoll s-servizz ċiviku u l-korp ta' solidarjetà u l-ambjent eżistenti għall-voluntiera potenzjali fl-Istati Membri, sabiex jiġu ffaċilitati l-fehim reċiproku u t-tixrid tal-prattiki tajba, u l-possibilità li jiġi stabbilit Servizz Ċiviku Ewropew li jikkumplimenta l-opportunitajiet eżistenti ta' volontarjat, u dan kollu sabiex titrawwem iċ-ċittadinanza Ewropea;

10.  Jieħu att tal-idea tal-Kummissjoni li toħloq inizjattiva ġdida Ewropea ta' volontarjat taż-żgħażagħ, magħrufa bħala l-Korp ta' Solidarjetà tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-valur miżjud ta' din l-inizjattiva biex tassisti l-ħidma li diġà twettqet mis-soċjetà ċivili u biex tiżgura li l-organizzazzjonijiet tal-voluntiera jiġu inklużi fit-tfassil tagħha; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tagħha ma tippreġudikax il-baġits diġà allokati lil programmi oħra;

11.  Jappoġġja lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fiċ-ċelebrazzjoni tal-20 anniversarju tas-SVE; jinsisti li l-programm tas-SVE jibbenefika lill-individwi u lill-organizzazzjonijiet involuti, kif ukoll lis-soċjetà kollha kemm hi, u li s-SVE għandu jsaħħaħ id-dimensjoni tal-impenn ċiviku tal-programm Erasmus+; jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tas-SVE għaż-żgħażagħ kollha, speċjalment dawk li għadhom mhumiex interessati fil-volontarjat u l-mobilità, u b'hekk jinħolqu l-motivazzjoni u l-bidliet fl-attitudni, mingħajr ma jiġu esklużi l-ġenerazzjonijiet aktar anzjani, peress li dawn għandhom kontribut importanti x'jagħtu, pereżempju bħala mentors;

12.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jippromwovu s-SVE fis-sistemi edukattivi u akkademiċi tagħhom bħala għodda għat-tixrid tal-edukazzjoni dwar is-solidarjetà u l-involviment ċiviku fost il-ġenerazzjoni żagħżugħa;

13.  Ifakkar li s-SVE għandu jkun ibbażat fuq offerti ta' volontarjat ta' kwalità u jsegwi l-Karta tal-Volontarjat u l-prinċipji tal-Karta ta' Kwalità dwar il-Mobilità għat-Tagħlim, u li s-SVE għandu jkun imsejjes fuq struttura li tħeġġeġ lill-organizzazzjonijiet tal-volontarjat isiru organizzazzjonijiet ospitanti, biex b'hekk jingħataw fondi u taħriġ adegwati, filwaqt li jissaħħaħ ir-rwol tal-organizzazzjonijiet koordinaturi li jappoġġjaw għadd kbir ta' organizzazzjonijiet ospitanti, pereżempju f'dak li jikkonċerna l-amministrazzjoni u t-taħriġ;

14.  Ifakkar li s-SVE għandu jippermetti aċċess rapidu u faċli għall-programm, u għaldaqstant jitlob simplifikazzjoni tas-sistema ta' applikazzjoni attwali;

15.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jissaħħu s-segwitu u d-dimensjoni lokali wara esperjenza ta' volontarjat barra mill-pajjiż billi jingħata appoġġ mhux biss qabel it-tluq iżda wkoll mal-wasla fil-forma ta' taħriġ ta' postorjentazzjoni u postintegrazzjoni;

16.  Jinsisti li għandu jiġi pprovdut mentorship ta' kwalità tul il-proċess permezz ta' ġestjoni responsabbli tal-voluntiera u billi l-voluntiera jsiru konxji tar-responsabilità tagħhom stess lejn l-organizzazzjoni u l-Komunità;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb u tagħti forma ġdida lill-istrateġija tal-komunikazzjoni dwar is-SVE billi tenfasizza l-valur soċjali, ċiviku u uman tal-volontarjat;

18.  Jenfasizza r-rwol tat-tixjiħ attiv fil-volontarjat u jsaħħaħ ir-rwol taċ-ċittadini kemm żgħażagħ kif ukoll anzjani fl-involviment ċiviku fl-Ewropa billi wieħed ikompli jibni fuq l-impetu tas-Sena Ewropea tal-Attivitajiet ta' Volontarjat (2011) u s-Sena Ewropea tat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet (2012);

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

 

(1)

ĠU L 17, 22.1.2010, p. 43.

(2)

ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2013)0549.

(4)

ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 14.

(5)

ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 9.

(6)

http://ec.europa.eu/citizenship/pdf/volunteering_charter_en.pdf

Avviż legali