Proċedura : 2016/2956(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-1159/2016

Testi mressqa :

RC-B8-1159/2016

Dibattiti :

PV 26/10/2016 - 12
CRE 26/10/2016 - 12

Votazzjonijiet :

PV 27/10/2016 - 8.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0422

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 452kWORD 105k
26.10.2016
PE593.585v01-00}
PE593.586v01-00}
PE593.587v01-00}
PE593.591v01-00}
PE593.592v01-00} RC1
 
B8-1159/2016}
B8-1160/2016}
B8-1161/2016}
B8-1165/2016}
B8-1166/2016} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-1159/2016)

EFDD (B8-1160/2016)

S&D (B8-1161/2016)

ALDE (B8-1165/2016)

PPE (B8-1166/2016)


dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul (2016/2956(RSP))


Lars Adaktusson, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Esther de Lange, György Hölvényi, Michèle Alliot-Marie, László Tőkés f'isem il-Grupp PPE
Clara Eugenia Aguilera García, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Miriam Dalli, Nicola Danti, Isabella De Monte, Doru-Claudian Frunzulică, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Michela Giuffrida, Ana Gomes, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Eva Kaili, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Krystyna Łybacka, Vladimír Maňka, Costas Mavrides, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Demetris Papadakis, Pina Picierno, Tonino Picula, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Claudia Țapardel, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Julie Ward, Boris Zala, Carlos Zorrinho f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Arne Gericke, David Campbell Bannerman, Ryszard Czarnecki, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Raffaele Fitto, Anna Elżbieta Fotyga, Branislav Škripek, Ruža Tomašić, Notis Marias, Monica Macovei, Angel Dzhambazki f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, José Inácio Faria, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Alexander Graf Lambsdorff, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp EFDD
Helmut Scholz
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul (2016/2956(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq(1), tat-18 ta' Settembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fl-Iraq u fis-Sirja, u l-offensiva tal-IS, inkluża l-persekuzzjoni tal-minoranzi(2), tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, tat-12 ta' Marzu 2015 dwar l-attakki u ħtif reċenti minn ISIS/Da'esh fil-Lvant Nofsani, b'mod partikolari tal-Assirjani(3), u tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta' minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejħa 'ISIS/Da'esh'(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll dawk dwar it-theddida tad-Da'esh, tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar l-Iraq, tas-16 ta' Marzu 2015 dwar l-Istrateġija Reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll dwar it-theddida tal-ISIS/Da'esh, tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar il-kriżi tal-ISIS/Da'esh fis-Sirja u l-Iraq, tat-30 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq u s-Sirja, tal-14 ta' April 2014 u tat-12 ta' Ottubru 2015 dwar is-Sirja, u tal-15 ta' Awwissu 2014 dwar l-Iraq,

–   wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar l-Iraq u s-Sirja,

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2091(2016) 'Foreign fighters in Syria and Iraq' (dwar il-Ġellieda Barranin fis-Sirja u l-Iraq) adottata mill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fis-27 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa ministerjali għall-istabbilizzazzjoni ta' Mosul li ġabret flimkien 22 pajjiż, in-NU, l-UE u l-Lega Għarbija, ippreseduta b'mod konġunt minn Franza u l-Iraq, li saret f'Pariġi fl-20 ta' Ottubru 2016 bl-għan li jitfassal pjan għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili, it-tqassim tal-għajnuna u li jiġu indirizzati mistoqsijiet dwar l-iggvernar tal-inħawi li għadhom kemm ġew liberati mill-ISIS/Da'esh,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tal-1998 u d-dispożizzjonijiet tiegħu dwar il-ġurisdizzjoni fir-rigward tad-delitt ta' ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità, id-delitti tal-gwerra u d-delitt ta' aggressjoni,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A. billi l-armata Iraqija, bl-appoġġ tal-koalizzjoni dinjija ta' kontra l-ISIS/Da'esh u l-forzi Peshmerga tal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan u l-Forzi Popolari ta' Mobilizzazzjoni, varat operazzjoni biex tillibera lil Mosul, it-tieni l-akbar belt tal-Iraq, u ħafna bliet u rħula fil-"kuritur ta' Mosul", mill-ISIS/Da'esh;

B.  billi l-ISIS/Da'esh stabbilixxa reġim aħrax f'Mosul; billi l-abitanti li rnexxielhom jaħarbu reċentement irrapportaw li n-nies qed imutu bil-ġuħ u jinsabu ddisprati biex jiġu liberati;

C.   billi l-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, kif ukoll ir-reġjun usa', kienu art twelid l-antenati ta' Nsara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), Yazidijin, Għarab Sunniti u Xiiti, Kurdi, Shabak, Turkmeni, Kaka'i, Sabejani-Mandjani u oħrajn, fejn huma għexu għal sekli sħaħ fi spirtu ta' pluraliżmu, stabilità u kooperazzjoni ġenerali komuni minkejja perjodi ta' vjolenza u persekuzzjoni esterni, sal-bidu ta' dan is-seklu u l-okkupazzjoni ta' parti kbira tar-reġjun mill-hekk imsejjaħ "ISIS/Da'esh" fl-2014;

D.  billi Mosul ilha belt multietnika fejn maġġoranza Għarbija Sunnita għexet bieb u għatba ma' Kaldej/Sirjaki/Assirjani, Kurdi, Yazidijin, Shabakijin, Kaka' in u Turkmeni (Xiiti u Sunniti); billi ż-żoni ta' madwar il-belt ukoll għandhom storja ta' diversità etnikoreliġjuża, b'konċentrazzjoni ta' Nsara fil-pjanuri ta' Nineveh, Yazidijin madwar il-muntanji Sijar u Turkmeni Musulmani f'Tal Afar; billi l-Insara tal-Iraq, li fl-2003 kienu 'l fuq minn 1.5 miljun, illum naqsu għal inqas minn 200,000-350,000, u ħafna minnhom jgħixu fil-faqar; billi l-preżenza tal-Insara u ta' minoranzi oħra fl-Iraq tradizzjonalment kellha importanza soċjali kbira u kkontribwiet b'mod sinifikanti għall-istabilità politika, u billi l-qerda ta' dawn il-minoranzi se tkompli tiddestabbilizza r-reġjun;

E.   billi mal-Parlament, li fl-4 ta' Frar 2016 irrikonoxxa li l-ISIS/Da'esh qed iwettaq ġenoċidju kontra l-Insara u l-Yazidijin u minoranzi reliġjużi u etniċi oħrajn, issieħbu l-Kunsill tal-Ewropa, id-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti, il-Kungress tal-Istati Uniti, il-Parlament tar-Renju Unit, il-Parlament Awstraljan u nazzjonijiet u istituzzjonijiet oħra li jirrikonoxxu li l-atroċitajiet imwettqa mill-ISIS/Da'esh kontra minoranzi reliġjużi u etniċi fl-Iraq jinkludu delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

F.  billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), madwar 3,3 miljun Iraqin ġew spostati minħabba l-gwerra mill-2014 u aktar minn 1,5 miljun persuna jinsabu f'riskju imminenti ta' spostament f'Mosul dovut direttament għall-operazzjoni biex tittieħed lura din iż-żona;

G.  billi l-UNHCR għandu ħames kampijiet miftuħa u jinsab lest biex jagħti kenn lil 45,000 ruħ li jaħarbu minn Mosul u mill-inħawi tal-madwar, filwaqt li l-organizzazzjoni qed tippjana li jkollha miftuħa total ta' 11-il kamp fil-ġimgħat li ġejjin, għal 120,000 ruħ, kemm-il darba jkun hemm art li tista' tinżamm għal dan il-għan f'żoni sikuri 'l bogħod mill-avvanz tal-armati; billi l-baġit ta' rispons tal-UNHCR għal Mosul bħalissa jinsab iffinanzjat kemm kemm aktar minn 38 % tiegħu; billi hemm bżonn ta' finanzjament mhux biss għal preparazzjoni inizjali iżda wkoll biex jindirizza l-ispostament mifrux, li jista' jdum tul ix-xitwa;

H.  billi l-kundizzjonijiet ta' sigurtà meħtieġa għandhom jiġu żgurati għal dawk kollha li ġew imġiegħla jitilqu minn art twelidhom jew ġew spostati b'mod furzat, biex isir effettiv id-dritt tagħhom li jirritornaw lejn art twelidhom malajr kemm jista' jkun;

I.  billi l-Kunsill ta' Kooperazjzoni taħt il-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) UE-Iraq iltaqa' għat-tieni darba fi Brussell fit-18 ta' Ottubru 2016 biex jiddiskuti l-isfidi umanitarji u ta' stabbilizzazzjoni immedjati; billi l-UE tat EUR 134 miljun f'għajnuna umanitarja lill-Iraq, EUR 50 miljun minnhom għal Mosul;

J.   billi huwa importanti li tiġi żgurata s-sigurtà għall-komunitajiet kollha, inkluż Kaldej/Sirjaki/Assirjani u oħrajn f'riskju fil-Pjanuri ta' Nineveh;

K.   billi l-Artikolu 2 tal-Kostituzzjoni tal-Iraq jiggarantixxi d-drittijiet reliġjużi sħaħ għall-individwi kollha għal-libertà tat-twemmin u prattika reliġjużi;

L.   billi l-Artikolu 125 tal-Kostituzzjoni tal-Iraq jiggarantixxi d-drittijiet amministrattivi, politiċi, kulturali u edukattivi tad-diversi nazzjonalitajiet, bħat-Turkmeni, il-Kaldej, l-Assirjani, u l-kostitwenti l-oħra kollha; billi l-Prim Ministru tal-Iraq Haider al-Abadi fil-15 ta' April 2015 iddikjara li "jekk ma niddeċentralizzawx, il-pajjiż se jitfarrak. Għalija, m'hemm l-ebda limitu għad-deċentralizzazzjoni";

M.   billi awtonomija massima u protezzjoni tas-sigurtà għall-komunitajiet tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar fil-qafas tar-Repubblika Federali tal-Iraq jirrestawraw u jħarsu d-drittijiet fundamentali tal-bniedem, inklużi drittijiet ta' proprjetà, tal-popli indiġeni ta' dak ir-reġjun;

1.  Jappoġġa bil-qawwa l-operazzjoni li nbdiet mill-Iraq biex tillibera lil Mosul mill-ISIS/Da'esh; jara lil din l-operazzjoni bħala parti deċiżiva ta' sforz dinji li għadu għaddej biex tingħata l-aħħar daqqa lill-ISIS/Da'esh darba għal dejjem; jesprimi l-fiduċja tiegħu li l-Iraq se joħroġ rebbieħ f'din il-ġlieda kontra għadu komuni u li se jeħles lil Mosul u partijiet oħra tal-pajjiż mill-preżenza tal-ISIS/Da'esh;

2.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-indipendenza, l-integrità territorjali u s-sovranità tal-Iraq u d-dritt tiegħu li jieħu l-passi meħtieġa biex dawn iħarishom;

3.  Jinsab imħasseb dwar it-tensjonijiet reċenti bejn atturi reġjonali; jitlob ir-rispett sħiħ tal-integrità territorjali u s-sovranità tal-Iraq u li ma tittieħed ebda azzjoni militari fl-Iraq mingħajr il-kunsens tal-Gvern Iraqin; jenfasizza kemm hu importanti li jiġi inkoraġġit id-djalogu bejn l-Iraq u l-pajjiżi tar-reġjun bil-għan li jibnu Lvant Nofsani li jkun aktar sikur;

4.  Ifakkar li l-awtoritajiet Iraqini jeħtiġilhom jieħdu passi konkreti sabiex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili waqt il-kampanja, fosthom billi jeżerċitaw kmand u kontroll effettivi fuq il-milizzji u billi jieħdu l-prekawzjonijiet kollha fattibbli biex jiġi evitat li jkun hemm vittmi ċivili u ksur tad-drittijiet tal-bniedem waqt l-attakk; jenfasizza li l-forzi fuq il-post iridu josservaw id-dritt umanitarju internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem matul l-operazzjonijiet tagħhom;

5.   Jesprimi l-appoġġ tiegħu lir-Repubblika tal-Iraq u l-poplu ta' dan il-pajjiż fir-rikonoxximent ta' provinċja politikament, soċjalment u ekonomikament vijabbli u sostenibbli fir-reġjuni tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar, bi qbil mal-espressjonijiet legali ta' awtonomija reġjonali mill-popli indiġeni tiegħu;

6.   Jenfasizza li d-dritt tal-popli indiġeni spostati tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar — li ħafna minnhom huma spostati ġewwa l-Iraq — li jmorru lura lejn art l-antenati tagħhom għandu jkun prijorità politika tal-Gvern tal-Iraq appoġġat mill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali; jenfasizza l-fatt li, bl-appoġġ tal-Gvern tal-Iraq u tal-Gvern Reġjonali Kurd, dawn il-popli għandhom jingħataw lura għalkollox id-drittijiet tal-bniedem fundamentali tagħhom, inklużi d-drittijiet tagħhom ta' proprjetà, li għandu jkollhom prijorità fuq kwalunkwe talba għad-drittijiet ta' proprjetà li ssir minn partijiet oħra;

7.   Jisħaq li l-komunitajiet indiġeni tal-Pjanura ta' Nineveh, Tal Afar u Sinjar – l-Insara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), il-Yazidijin, it-Turkmeni, u oħrajn – għandhom id-dritt għas-sikurezza, is-sigurtà u l-awtonomija reġjonali fi ħdan l-istruttura federali tar-Repubblika tal-Iraq;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza u l-eżekuzzjonijiet tal-massa li għadhom qed jitwettqu mill-ISIS/Da'esh fl-Iraq; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti kontinwi li l-ISIS/Da'esh qed jużaw lit-tfal, l-anzjani, in-nisa u l-persuni vulnerabbli bħala tarki kontra l-operazzjonijiet ta' liberazzjoni militari li għaddejjin fit-Tramuntana tal-Iraq;

9.   Jieħu nota tat-twissija tal-Koordinatur Umanitarju tan-NU dwar in-nuqqas ta' fondi adegwati fil-perspettiva tal-possibilità ta' emerġenza umanitarja fuq skala mingħajr preċedent b'riżultat tal-offensiva ta' Mosul; jilqa' l-involviment tal-UE fl-Iraq, b'mod partikolari l-isforzi tagħha ta' għajnuna umanitarja fil-passat u t-tneħħija ta' tagħmir splussiv improvizzat (IEDs), li se jkun essenzjali biex jippermetti r-ritorn b'’ħeffa tar-rifuġjati u l-persuni spustati f'pajjiżhom; madankollu jitlob b'urġenza lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-isforzi għall-istabbilizzazzjoni taż-żoni liberati;

10. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq u lis-sħab internazzjonali tiegħu biex jagħtu prijorità lis-sejba ta' soluzzjoni paċifika għall-kwistjonijiet dwar il-fruntieri interni ikkontestati tar-Repubblika tal-Iraq;

11. Jistieden lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jirrispettaw id-dritt umanitarju internazzjonali kemm waqt l-ostilitajiet kif ukoll wara u biex, fil-kunflitt, jimxu mal-prinċipji tal-proporzjonalità, tad-distinzjoni u tal-prekawzjoni; iħeġġeġ lill partijiet kollha involuti fil-kunflitt biex jiftħu kurituri umanitarji bil-għan li jippermettu u jgħinu liċ-ċivili jaħarbu l-kunflitt, biex jevitaw li ċ-ċivili jibqgħu maqbuda f'Mosul u jintużaw mill-ISIS/Da'esh bħala tarki umani, biex jipprovdu aċċess għas-sikurezza u għall-għajnuna umanitarja u jiggarantixxu l-għajnuna u l-protezzjoni għaċ-ċivili waqt il-proċess tal-iskrinjar tas-sigurtà, skont l-istandards nazzjonali u internazzjonali, b'mod partikolari biex jiżguraw li l-familji ma jinfirdux u li t-tfal ma jitqegħdux f'riskju, u biex jistabbilixxu mekkaniżmu tan-NU ta' monitoraġġ ta' partijiet terzi; jitlob, b'mod partikolari, li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha li hemm bżonn sabiex jiġi żgurat li t-tfal u l-familji tagħhom jitħarsu mill-bumbardamenti, u biex jiġi minimizzat l-għadd ta' vittmi u tiġi protetta l-infrastruttura ċivili, b'mod partikolari l-iskejjel u l-isptarijiet;

12.  Iħeġġeġ lill-atturi kollha li qed jiġġieldu lill-ISIS/Da'esh fir-Repubblika tal-Iraq biex jiżviluppaw kooperazzjoni u djalogu politiċi sostenibbli, fit-tul u inklużivi bil-għan li jipprovdu l-pedament għal Iraq ħieles mill-movimenti radikali u estremisti; jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha, il-Koalizzjoni Globali kontra l-ISIL, il-komunità internazzjonali u l-atturi internazzjonali biex jaħdmu flimkien mal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tar-Repubblika tal-Iraq lejn soluzzjoni sostenibbli fir-rigward tas-sigurtà fil-Pjanura ta' Nineveh, f'Tal Afar u f'Sinjar;

13.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea, lin-Nazzjonijiet Uniti u lill-komunità internazzjonali kollha kemm hi biex jaħdmu mal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tar-Repubblika tal-Iraq fuq il-monitoraġġ tal-integrazzjoni mill-ġdid tal-Iraqini kollha u tal-minoranzi etniċi u reliġjużi kollha li ġew spostati;

14. Jistieden lis-SEAE, lill-Istati Membri u lill-komunità internazzjonali biex jagħtu l-appoġġ prattiku u diplomatiku tagħhom għal struttura sostenibbli u inklużiva ta' wara l-kunflitt fir-reġjun, b'referenza partikolari għall-possibilità ta' provinċja awtonoma li tinkludi fiha l-Pjanura ta' Nineveh, Sinjar u Tal Afar, li tkun rappreżentata politikament mill-popli indiġeni tar-reġjun; itenni l-importanza li jiġu involuti organizzazzjonijiet ta' salvataġġ b'bażi reliġjuża f'azzjoni umanitarja kkoordinata, speċjalment għall-minoranzi etniċi u reliġjużi spostati;

15. Iħeġġeġ lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali joffru assistenza teknika lill-Gvern tal-Iraq fl-implimentazzjoni tad-deċiżjoni dwar il-ħolqien ta' Provinċja tal-Pjanura ta' Nineveh, skont id-deċiżjoni tal-Kabinett tiegħu tal-21 ta' Jannar 2014, u f'deċentralizzazzjoni ulterjuri billi jinħolqu wkoll provinċji f'Tal Afar u f'Sinjar u fl-appoġġ lill-amministrazzjonijiet provinċjali l-ġodda biex dawn jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom;

16. Jistieden lis-SEAE joffri l-bon offiċji tiegħu fin-negozjati ta' wara l-liberazzjoni mal-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan u l-Gvern tal-Iraq bl-għan li jiġi żgurat li l-gruppi ta' minoranza etniċi fir-reġjun, b'mod partikolari l-Insara (Kaldej/Sirjaki/Assirjani), il-Yazidijin, it-Turkmeni, ix-Shabaki u l-Kaka'i, jingħataw id-drittijiet leġittimi tagħhom u jiġu inklużi fi struttura amministrattiva ġdida, bit-tama li jiġi prevenut li jinqalgħu kunflitti ġodda;

17. Iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE biex, b'kooperazzjoni mal-Gvern tal-Iraq, iżidu l-forzi tas-sigurtà lokali mal-lista ta' forzi awtorizzati li jirċievu l-għajnuna; jemmen li l-forzi tas-sigurtà lokali għandhom jinkludi l-forzi lokali li huma impenjati li jipproteġu lill-komunitajiet ta' minoranza etniċi u reliġjużi tant vulnerabbli fil-Pjanura ta' Nineveh, f'Tal Afar, f'Sinjar u fi bnadi oħra mit-theddida tas-salafiżmu ġiħadista;

18. Ifakkar li s-salvataġġ ta' ħajjet iċ-ċivili u r-rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali huma wieħed mill-pedamenti politiċi fundamentali tar-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp, l-uniku mod kif jiġu megħluba l-mibegħda u l-firda, u li huwa essenzjali li ma jkomplux jitkebbsu t-tensjonijiet fost il-komunitajiet u li titwitta t-triq għal Iraq stabbli u prosperu;

19. Iħeġġeġ lill-koalizzjoni militari mmexxija mill-Iraq tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tippreserva l-evidenza tad-delitti tal-gwerra u tad-delitti kontra l-umanità mwettqa mill-ISIS/Da'esh bil-għan li tiżgura l-obbligu ta' rendikont;

20. Jenfasizza l-importanza vitali ta' provvediment f'waqtu u effettiv tas-sikurezza, permezz ta' rotot sikuri ġenwini fejn il-protezzjoni tista' tiġi sostnuta, fosthom permezz tat-tneħħija tal-mini splussivi u l-istabbiliment mill-ġdid tal-istat tad-dritt, kif ukoll tas-servizzi bażiċi, bħalma huma l-kura tas-saħħa, l-elettriku u l-edukazzjoni, fiż-żoni liberati; iwissi li n-nuqqas ta' provvediment ta' servizzi bażiċi, sikurezza u strateġija fit-tul għall-indirizzar tal-kawżi fundamentali u sforzi għall-koeżjoni soċjali jista' jwassal għal tfaċċar mill-ġdid tal-forzi estremisti; jitlob, għalhekk, li jkun hemm nexus qawwi bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, bil-għan li tiġi ggarantita sekwenza gradwata mill-għajnuna umanitarja għall-istabbilizzazzjoni, ir-reżiljenza u l-iżvilupp tal-Iraq;

21.  Jissottolinja l-importanza ta' Mosul għall-Iraq kollu kemm hu u jagħmel appell biex il-minoranzi jiġu rappreżentati fl-amministrazzjoni l-ġdida ta' Mosul; jenfasizza d-dritt leġittimu li għandhom il-minoranzi etniċi u reliġjużi għall-parteċipazzjoni politika u li jingħataw lura d-drittijiet tagħhom ta' proprjetà; jitlob li jkun hemm koeżistenza paċifika u rispett sħiħ tad-drittijiet tal-minoranzi etniċi u reliġjużi differenti li storikament kellhom preżenza qawwija u ilhom jgħixu b'mod paċifiku ma' ġenb xulxin, b'mod partikolari l-Yazidin fil-muntanji Sinjar, il-Kaldej/Sirjaki/Assirjani fil-Pjanura ta' Nineveh u t-Turkmeni f'Tel Afar u f'partijiet tal-Provinċja ta' Kirkuk; jitlob ukoll biex jittieħdu miżuri ħalli jiġi ggarantit ir-ritorn sikur tar-rifuġjati spostati;

22. Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Iraq biex, b'appoġġ mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, jipprovdi mezzi biex jitneħħew il-mini minn żoni li qabel kienu okkupati mill-ISIS/Da'esh u biex jaħdem f'kooperazzjoni mal-kunsilli lokali li jirrappreżentaw il-minoranzi bl-għan li jiżgura koordinazzjoni li tiffunzjona u jevita dewmien li jista' jfixkel ir-ritorn tar-rifuġjati u tal-persuni spostati f'pajjiżhom;

23. Jenfasizza l-ħtieġa li tkompli ssir il-ġlieda biex l-ideoloġiji Iżlamisti-Ġiħadisti, inkluż is-Salafiżmu ġiħadista li jservi ta' instigazzjoni teoloġika u politika għad-delitti tal-ISIS/Da'esh, ma jkomplux jixterdu aktar fir-reġjun u lil hinn minnu, inkluż wara l-liberazzjoni ta' Mosul; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jirsistu biex jiġu riferuti lill-Qorti Kriminali Internazzjonali il-ġenoċidju, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità mwettqa fl-Iraq, fis-Sirja, fil-Libja u f'postijiet oħra mill-ISIS/Da'esh;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Kunsill tar-Rappreżentanti tal-Iraq, lill-Gvern Reġjonali tal-Kurdistan u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

 

 

 

(1)

Testi adottati, P7_TA(2014)0171.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2014)0027.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0071.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0051.

Avviż legali