Proċedura : 2016/2988(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-1285/2016

Testi mressqa :

RC-B8-1285/2016

Dibattiti :

PV 30/11/2016 - 16
CRE 30/11/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 01/12/2016 - 6.21
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0476

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 444kWORD 55k
28.11.2016
PE593.719v01-00}
PE593.720v01-00}
PE593.722v01-00}
PE593.723v01-00}
PE593.727v01-00}
PE593.730v01-00}
PE593.733v01-00} RC1
 
B8-1285/2016}
B8-1286/2016}
B8-1288/2016}
B8-1289/2016}
B8-1291/2016}
B8-1294/2016}
B8-1296/2016} RC1

imressqa skont l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B8-1285/2016)

Verts/ALE (B8-1286/2016)

S&D (B8-1288/2016)

EFDD (B8-1289/2016)

ECR (B8-1291/2016)

ALDE (B8-1294/2016)

GUE/NGL (B8-1296/2016)


dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti  (2016/2988(RSP))


Lambert van Nistelrooij, Salvatore Cicu, Antonio Tajani, Elisabetta Gardini, Ramón Luis Valcárcel Siso, Alessandra Mussolini, Lara Comi, Fernando Ruas, Lorenzo Cesa, Daniel Buda, Franc Bogovič f'isem il-Grupp PPE
Constanze Krehl, Mercedes Bresso, Gianni Pittella, Elena Gentile, Enrico Gasbarra, Andrea Cozzolino, Damiano Zoffoli, Silvia Costa, Nicola Danti, Paolo De Castro, Michela Giuffrida, Roberto Gualtieri, David-Maria Sassoli, Iratxe García Pérez, Viorica Dăncilă, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Victor Boştinaru f'isem il-Grupp S&D
Raffaele Fitto, Remo Sernagiotto, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Ivan Jakovčić, Iskra Mihaylova, Urmas Paet, Viktor Uspaskich, Hilde Vautmans, Frédérique Ries f'isem il-Grupp ALDE
Curzio Maltese, Eleonora Forenza, Barbara Spinelli, Patrick Le Hyaric, Merja Kyllönen, Fabio De Masi, Stelios Kouloglou, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Miguel Urbán Crespo f'isem il-Grupp GUE/NGL
Davor Škrlec, Bronis Ropė, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE
Rosa D’Amato, Laura Agea, Fabio Massimo Castaldo, Daniela Aiuto, Isabella Adinolfi, Piernicola Pedicini, Eleonora Evi f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti  (2016/2988(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE);

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 174, 175(3) u 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(3) u r-Regolament (UE) Nru 661/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja ("l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE")(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' April 2011 dwar "Aktar Żvilupp tal-Valutazzjoni tar-Riskju għall-Maniġġar ta' Diżastri fl-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 li jappellaw għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' protezzjoni ċivili b'sistema ta' assistenza reċiproka Ewropea li tibni fuq l-approċċ modulari tal-protezzjoni ċivili (16474/08),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport Annwali tal-2014 tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea" (COM(2015)0502),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2007 dwar l-impatt reġjonali tat-terremoti(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2009 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea: l-Italja, it-terremot tal-Abruzzo (COM(2009)0445 – C7-0122/2009 – 2009/2083(BUD))(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Solidarjetà, implimentazzjoni u applikazzjoni(10),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' Novembru 2013 – Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(11),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti (O-000139/2016 – B8-1812/2016, O-000140/2016 – B8-1813/2016 u O-000141/2016 – B8-1814/2016),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 24/2012 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Ir-reazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għat-terremot tal-2009 fl-Abruzzo: ir-relevanza u l-kost tal-operazzjonijiet",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi wara t-terremot devastanti li laqat lill-Italja Ċentrali fl-24 ta' Awwissu 2016, tliet terremoti kbar oħra – flimkien ma' sensiela ta' theżżiżiet – laqtu lir-reġjuni tal-Italja Ċentrali fis-26 ta' Ottubru, b'qawwa ta' 5.5. u 6.1, u fit-30 ta' Ottubru, b'qawwa ta' 6.5;

B.  billi terremoti u theżżiżiet sekondarji komplew jolqtu lill-Italja Ċentrali fix-xhur li għaddew; billi l-aktar terremot reċenti – dak tat-30 ta' Ottubru – kien l-akbar terremot li laqat lill-pajjiż f'aktar minn tletin sena, qered villaġġi sħaħ, ġab għadd kbir ta' abitanti taż-żoni milquta f'xifer ta' disprament u kkawża diversi forom indiretti ta' ħsara fiż-żoni tal-madwar;

C.  billi fit-terremoti ta' dan l-aħħar huwa rrappurtat li korrew aktar minn 400 persuna u mietu 290;

D.  billi dawn it-terremoti devastanti akkumulaw fuq xulxin f'"effett domino" u wasslu biex mal-100 000 abitant jisfaw spostati;  

E.  billi l-impatt tal-aħħar terremoti qered bliet sħaħ, ikkawża ħsara serja fl-infrastruttura lokali u reġjonali, għamel ħerba mill-wirt storiku u kulturali u kkomprometta l-attività ekonomika, speċjalment dik tal-SMEs, l-agrikoltura, il-pajsaġġ u l-potenzjal tal-industriji tat-turiżmu u tal-ospitalità;  

F.  billi t-territorji kkonċernati jbatu minn deformazzjoni li testendi fuq żona ta' madwar 130 kilometru kwadru, bi spostament massimu ta' mill-inqas 70 ċentimetru, u billi xi effetti idroġeoloġiċi imprevedibbli jistgħu jwasslu, f'kundizzjonijiet xitwin ħorox, għal katastrofi naturali ulterjuri bħal għargħar, valangi u ħsara kumulattiva;

G.  billi ċerti territorji fl-Unjoni Ewropea huma aktar vulnerabbli u għandhom riskju sismiku għoli; billi jistgħu jkunu anke esposti għal katastrofi naturali ripetuti ta' tipi differenti, uħud minnhom inqas minn sena 'l bogħod minn xulxin, bħalma ġara fil-każijiet li seħħew dan l-aħħar fl-Italja, fil-Portugall, fil-Greċja u f'Ċipru;

H.  billi l-isforzi ta' rikostruzzjoni sostenibbli jeħtieġ ikunu kkoordinati sew biex jagħmlu tajjeb għat-telf ekonomiku u soċjali, u billi għandha tingħata wkoll attenzjoni partikolari lill-wirt kulturali imprezzabbli Taljan, filwaqt li jingħata stimolu lill-proġetti Ewropej u internazzjonali mmirati għall-protezzjoni tal-bini u s-siti storiċi;

I.  billi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) nħoloq permezz tar-Regolament Nru 2012/2002 b'reazzjoni għall-għargħar diżastruż li laqat lill-Ewropa Ċentrali fis-sajf tal-2002;

J.  billi diversi strumenti tal-Unjoni, bħalma huma l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej jew il-mekkaniżmu u l-istrument finanzjarju għall-protezzjoni ċivili, jistgħu jintużaw sabiex jissaħħu l-miżuri preventivi li jindirizzaw it-terremoti u l-miżuri ta' riabilitazzjoni;

K.  billi r-riforma tal-FSUE li saret fl-2014 daħħlet il-possibbiltà li l-Istati Membri jitolbu ħlasijiet bil-quddiem, li l-għoti tagħhom jiġi deċiż mill-Kummissjoni, jekk ikun hemm riżorsi biżżejjed; billi, madankollu, l-ammont tal-ħlas bil-quddiem ma jistax jaqbeż l-10 % tal-ammont totali antiċipat tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FSUE, u l-massimu huwa ta' EUR 30 miljun;

L.  billi l-Istat Membru li jintlaqat irid jippreżenta applikazzjoni għall-għajnuna mill-FSUE lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn 12-il ġimgħa wara li jibdew jidhru ċari l-ewwel effetti tad-diżastru; billi l-Istat benefiċjarju huwa responsabbli mill-użu tal-għotja u mill-awditjar tal-mod kif tintefaq, iżda l-Kummissjoni tista' twettaq verifiki fuq il-post dwar l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-FSUE;

M.  billi l-proċess ta' rikostruzzjoni jeħtieġ iqis l-esperjenzi tal-passat, u billi hemm il-ħtieġa li dan isir bl-akbar ħeffa, il-bażi għal rikostruzzjoni sostenibbli għandha tkun kostitwita minn riżorsi adegwati, semplifikazzjoni burokratika u trasparenza, kif ukoll il-ħtieġa li tingħata sigurtà u stabbiltà għar-residenti milquta sabiex jiġi żgurat li jkunu jistgħu jkomplu jgħixu f'dawn ir-reġjuni;

N.  billi l-prevenzjoni għandha tikkostitwixxi fażi dejjem aktar importanti fil-ġestjoni tad-diżastri u għandha tingħata importanza soċjali akbar, u billi teħtieġ ukoll programm ta' azzjoni magħmul bir-reqqa għat-tixrid tal-informazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-edukazzjoni;

O.  billi l-miżuri ta' prevenzjoni tad-diżastri attwali jeħtieġ jissaħħu skont il-proposti preċedenti tal-Parlament bil-għan li tiġi kkonsolidata l-istrateġija għall-prevenzjoni ta' diżastri naturali u kkawżati mill-bniedem fil-livell tal-UE;

1.  Jesprimi l-akbar solidarjetà u empatija mal-individwi li ntlaqtu mit-terremoti u l-familji tagħhom, kif ukoll mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali Taljani involuti fl-sforzi ta' sokkors wara d-diżastru;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta' persuni spostati esposti għall-kundizzjonijiet meteoroloġiċi ħorox tal-istaġun imminenti tax-xitwa; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tidentifika l-modi kollha ta' kif l-awtoritajiet Taljani jistgħu jingħataw l-għajnuna sabiex jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti għall-persuni mċaħħda minn djarhom;

3.  Juri l-apprezzament tiegħu għall-isforzi bla waqfien tal-unitajiet tas-salvataġġ, il-forzi tal-protezzjoni ċivili, il-voluntiera, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali fiż-żoni devastati sabiex isalvaw il-ħajjiet, jillimitaw id-danni u jiggarantixxu attivitajiet bażiċi komuni biex jinżamm standard ta' għajxien deċenti;

4.  Jenfasizza l-effetti ekonomiċi u soċjali serji tat-terremoti suċċessivi u l-qerda li ħallew warajhom;

5.  Jenfasizza l-gravità tas-sitwazzjoni fuq il-post, li qed toħloq pressjoni finanzjarja konsiderevoli u intensa fuq l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali, reġjonali u lokali;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-livell ogħla ta' flessibbiltà, fil-kalkolu tad-defiċit fuq l-infiq relatat mat-terremoti, li ngħata lill-Italja f'konformità mat-Trattati, sabiex taffronta b'mod effiċjenti u rapidu l-emerġenza attwali u l-interventi li se jkunu meħtieġa fil-futur biex iż-żoni milquta jkunu siguri; jistieden ukoll lill-gvern Taljan jiżgura li r-riżorsi addizzjonali kollha li jingħataw jintużaw tassew għal dan l-iskop speċifiku;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' din is-sitwazzjoni straordinarja u serja ħafna, tikkunsidra l-possibbiltà li teskludi r-rikostruzzjoni sostenibbli u kwalunkwe investiment antisismiku, inkluż dak kofinanzjat mill-fondi SIE u allokat għall-Objettiv Tematiku 5 ("il-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskji"), mill-kalkolu tad-defiċits nazzjonali fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-solidarjetà espressa mill-istituzzjonijiet tal-UE, minn Stati Membri oħra, kif ukoll minn reġjuni Ewropej u atturi internazzjonali, kif muri mill-assistenza reċiproka f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

9.  Jenfasizza l-problemi ta' tbassir assoċjati mas-sistemi sismiċi u s-sismiċità għolja taż-żona tal-Mediterran u x-Xlokk tal-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jħaffu l-pass fir-riċerka favur il-prevenzjoni tal-ħsara, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-minimizzazzjoni tal-iskala tal-impatt tad-diżastri, flimkien ma' azzjonijiet fil-qafas ta' Orizzont 2020; jinnota bi tħassib li, f'dawn l-aħħar 15-il sena, eluf ta' persuni mietu u mijiet ta' eluf spiċċaw bla dar minħabba t-terremoti distruttivi li laqtu lill-Ewropa;

10.  Ifakkar fl-importanza tal-konformità mar-rekwiżiti għall-kostruzzjoni ta' bini u infrastruttura reżistenti għat-terremoti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jżidu l-isforzi tagħhom biex jaraw li l-istrutturi jkunu konformi mal-istandards fis-seħħ f'dak li għandu x'jaqsam mat-terremoti u jagħtu l-attenzjoni dovuta lil dan l-aspett meta joħorġu l-permessi tal-bini;

11.  Jisħaq fuq l-importanza tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili biex titrawwem il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili fl-Ewropa kollha f'sitwazzjonijiet diffiċli u biex jitnaqqsu kemm jista' jkun l-effetti ta' avvenimenti straordinarji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jissimplifikaw il-proċeduri għall-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu sabiex dan jitqiegħed għad-dispożizzjoni malajr u b'mod effikaċi immedjatament wara li jseħħ diżastru;

12.  Jieħu nota tal-applikazzjoni ppreżentata mill-gvern Taljan fil-qafas tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE), u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri neċessarji kollha biex tanalizza malajr it-talbiet għall-assistenza mill-Fond, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-mobilizzazzjoni rapida tiegħu; jisħaq fuq l-importanza, f'dan il-kuntest, li l-ħlasijiet bil-quddiem jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali malajr kemm jista' jkun biex ikunu jistgħu jirreaġixxu għall-esiġenzi urġenti tas-sitwazzjoni;

13.  Iqis li l-"baġitizzazzjoni" parzjali tal-allokazzjoni finanzjarja annwali tal-FSUE prevista fir-regolament Omnibus propost, tista' tkun ta' għajnuna fil-futur biex titħaffef il-proċedura ta' mobilizzazzjoni bil-għan li jingħata rispons aktar malajr u aktar effikaċi liċ-ċittadini li jintlaqtu minn diżastru; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex fil-kuntest tal-possibbiltà ta' riformi fil-futur, tanalizza l-fattibbiltà ta' żieda fil-limitu ta' ħlasijiet bil-quddiem kif ukoll tat-tqassir tal-iskadenzi għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet;

14.  Jisħaq fuq l-importanza li jinħolqu sinerġiji fost l-istrumenti kollha disponibbli, inklużi l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE), u li jiġi żgurat li r-riżorsi jintużaw b'mod effikaċi għal attivitajiet ta' rikostruzzjoni u għall-azzjonijiet l-oħra kollha meħtieġa, f'kooperazzjoni sħiħa mal-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Taljani; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tkun lesta tadotta emendi għall-programmi u l-programmi operattivi malajr kemm jista' jkun wara s-sottomissjoni ta' talba għal emenda min-naħa ta' Stat Membru; jenfasizza wkoll il-possibbiltà li jintuża l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) biex jingħata sostenn liż-żoni rurali u l-attivitajiet agrikoli li ntlaqtu mit-terremoti;

15.  Jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jsir l-aħjar użu mill-finanzjament attwali tal-UE biex isir investiment fil-prevenzjoni ta' diżastri naturali u li jiġu żgurati l-konsolidazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli fit-tul ta' proġetti ta' rikostruzzjoni, u jtenni l-bżonn ta' semplifikazzjoni fil-proċeduri amministrattivi għall-koordinazzjoni tal-fondi; jenfasizza li, wara li jirċievu assistenza fil-qafas tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw strateġiji adegwati għall-ġestjoni tar-riskji u jsaħħu l-mekkaniżmi tagħhom għall-prevenzjoni tad-diżastri;

16.  Jieħu nota tal-attivazzjoni tas-Servizz ta' Ġestjoni tal-Emerġenzi "Copernicus" tal-UE, fuq talba tal-gvern Taljan, bil-għan li tingħata valutazzjoni tal-ħsara permezz tas-satellita għaż-żoni milquta; jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fost iċ-ċentri ta' riċerka internazzjonali, u jilqa' l-użu tar-radar b'apertura sintetika (SAR), li jkun jista' jevalwa u jkejjel il-movimenti tal-art fil-livell ta' ċentimetri permezz tas-sħab mal-lejl u bi nhar, anki għal skopijiet ta' prevenzjoni u ġestjoni tar-riskji;

17.  Jenfasizza l-importanza tar-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) pubbliċi fil-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri u jappella biex jiżdiedu l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet tar-R&Ż tal-Istati Membri, speċjalment dawk li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma' riskji simili; jappella biex jittejbu s-sistemi ta' twissija bikrija fl-Istati Membri u biex jinħolqu u jissaħħu r-rabtiet bejn is-sistemi differenti ta' twissija bikrija;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tal-Italja u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali taż-żoni milquta.

 

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1.

(3)

ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(4)

ĠU L 189, 27.6.2014, p. 143.

(5)

ĠU L 122, 24.4.2014, p. 1.

(6)

ĠU L 163, 2.7.1996, p. 1.

(7)

ĠU C 282E, 6.11.2008, p. 269.

(8)

ĠU C 286E, 27.11.2009, p. 15.

(9)

ĠU C 230E, 26.8.2010, p. 13.

(10)

ĠU C 440, 30.12.2015, p. 13.

(11)

ĠU C 114, 15.4.2014, p. 48.

Avviż legali