Proċedura : 2016/3026(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-1346/2016

Testi mressqa :

RC-B8-1346/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2016 - 6.1

Testi adottati :

P8_TA(2016)0505

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 446kWORD 55k
14.12.2016
PE596.616v01-00}
PE596.606v01-00}
PE596.623v01-00}
PE596.626v01-00}
PE596.629v01-00}
PE596.631v01-00} RC1
 
B8-1346/2016}
B8-1350/2061}
B8-1353/2016}
B8-1356/2016}
B8-1359/2016}
B8-1361/2016} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-1346/2016)

EFDD (B8-1350/2061)

Verts/ALE (B8-1353/2016)

PPE (B8-1356/2016)

ALDE (B8-1359/2016)

S&D (B8-1361/2016)


dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti (2016/3026(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, László Tőkés, Eva Paunova, Thomas Mann, Stanislav Polčák, Luděk Niedermayer, Tomáš Zdechovský, Lefteris Christoforou, Jarosław Wałęsa, Bogdan Brunon Wenta, Csaba Sógor, Ivan Štefanec, Pavel Svoboda, Marijana Petir, Tunne Kelam, Romana Tomc, Milan Zver, Eduard Kukan, Jaromír Štětina, Giovanni La Via, Dubravka Šuica, Jeroen Lenaers, Ildikó Gáll-Pelcz, David McAllister, Sven Schulze, Laima Liucija Andrikienė, Michaela Šojdrová, Deirdre Clune, József Nagy, Adam Szejnfeld, Brian Hayes, Ivana Maletić, Ivo Belet, Therese Comodini Cachia, Patricija Šulin, Lars Adaktusson, Krzysztof Hetman, Seán Kelly, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Andrey Kovatchev, Jiří Pospíšil, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Pier Antonio Panzeri, Jo Leinen, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Josef Weidenholzer, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Soledad Cabezón Ruiz, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Isabella De Monte, Doru-Claudian Frunzulică, Elena Gentile, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Neena Gill, Ana Gomes, Theresa Griffin, Sylvie Guillaume, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Afzal Khan, Jeppe Kofod, Cécile Kashetu Kyenge, Arne Lietz, Krystyna Łybacka, David Martin, Costas Mavrides, Alex Mayer, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Momchil Nekov, Demetris Papadakis, Liliana Rodrigues, Daciana Octavia Sârbu, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Claudia Țapardel, Marc Tarabella, Julie Ward, Damiano Zoffoli, Carlos Zorrinho f'isem il-Grupp S&D
Mark Demesmaeker, Charles Tannock, Raffaele Fitto, Jana Žitňanská, Valdemar Tomaševski, Branislav Škripek, Ruža Tomašić, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Karol Karski, Tomasz Piotr Poręba, Monica Macovei, Arne Gericke f'isem il-Grupp ECR
Nathalie Griesbeck, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp ALDE
Molly Scott Cato, Ulrike Lunacek, Barbara Lochbihler f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Beatrix von Storch f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każijiet tal-Akkademja Buddista Tibetana ta' Larung Gar u Ilham Tohti (2016/3026(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Tibet, b'mod partikolari dik tal-25 ta' Novembru 2010 dwar it-Tibet: pjanijiet biex iċ-Ċiniż isir il-lingwa uffiċjali tat-tagħlim(1), dik tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar it-Tibet, b'mod partikolari r-reliġjużi nisa u rġiel li jaħarqu lilhom infushom(2) u dik tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu tas-26 ta' Novembru 2009 dwar iċ-Ċina: drittijiet tal-minoranzi u l-applikazzjoni tal-piena tal-mewt(4) u tal-10 ta' Marzu 2011 dwar is-sitwazzjoni u l-wirt kulturali f'Kashgar (ir-Reġjun Awtonomu Xinjiang Uyghur, iċ-Ċina)(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar ir-relazzjonijiet UE-Ċina(6),

–  wara li kkunsidra d-disa' ċikli ta' taħditiet li saru bejn l-2002 u l-2010 bejn rappreżentanti ta' livell għoli tal-gvern Ċiniż u d-Dalai Lama; wara li kkunsidra l-White Paper taċ-Ċina dwar it-Tibet, bit-titolu "Tibet's Path of Development Is Driven by an Irresistible Historical Tide" (Il-Passaġġ tat-Tibet lejn l-Iżvilupp hu Xprunat minn Marea Storika Irreżistibbli), li ġiet ippubblikata mill-Uffiċċju ta' Informazzjoni tal-Kunsill tal-Istat Ċiniż nhar il-15 ta' April 2015; wara li kkunsidra l-Memorandum tal-2008 u n-Nota dwar Awtonomija Ġenwina tal-2009, it-tnejn li huma ppreżentati mir-Rappreżentanti tal-14-il Dalai Lama;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 36 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, li jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal-libertà tat-twemmin reliġjuż, u l-Artikolu 4 li jiddefendi d-drittijiet tan-"nazzjonalitajiet ta' minoranza",

–  wara li kkunsidra r-rimarki ta' Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew, nhar id-29 ta' Ġunju 2015 fil-konferenza konġunta għall-istampa mal-Prim Ministru Ċiniż Li Keqiang b'segwitu għas-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina, fejn esprima t-tħassib tal-UE dwar il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni fiċ-Ċina, inkluża s-sitwazzjoni tal-persuni li jappartjenu għal minoranzi bħat-Tibetani u l-Uighur, u ħeġġeġ liċ-Ċina terġa' tniedi djalogu sinifikanti mar-rappreżentanti tad-Dalai Lama,

–  wara li kkunsidra s-Sitt Forum ta' Ħidma dwar it-Tibet organizzat mill-Kumitat Ċentrali tal-Partit Komunista Ċiniż f'Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Settembru 2014 mill-kelliem tas-SEAE li tikkundanna s-sentenza ta' għomor ħabs mogħtija lill-professur tal-ekonomija Uighur Ilham Tohti u tappella għall-ħelsien immedjat u inkondizzjonat tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina rigward id-drittijiet tal-bniedem, imniedi fl-1995, u l-34 sessjoni li ġiet organizzata f'Beijing fit-30 ta' Novembru u l-1 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-fatt li fil-11 ta' Ottubru 2016 Ilham Tohti ngħata l-Premju Martin Ennals talli ddefenda d-drittijiet tal-bniedem, u f'Settembru 2016 ġie nnominat għall-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina mnedija fl-2003 u l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2016, intitolata "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina",

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt għandhom jibqgħu fiċ-ċentru tas-sħubija li ilha għaddejja bejn l-UE u ċ-Ċina, f'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u l-interess li wriet iċ-Ċina li tikkonforma ma' dawn l-istess valuri fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;

B.  billi, skont l-objettivi ta' żvilupp tiegħu, il-Gvern Ċiniż indika li qed ifittex rwol akbar fl-indirizzar ta' sfidi globali, bħalma huma l-paċi u s-sigurtà internazzjonali u t-tibdil fil-klima, u influwenza akbar fuq il-governanza globali kemm politika kif ukoll ekonomika, u impenja ruħu li jsaħħaħ l-istat tad-dritt;

C.  billi s-17-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tad-29 ta' Ġunju 2015 tella' r-relazzjonijiet bilaterali fuq livell ġdid, u billi l-UE, fil-qafas strateġiku tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, wiegħdet li se tqiegħed id-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tar-relazzjonijiet tagħha mal-pajjiżi terzi kollha, inklużi s-sħab strateġiċi tagħha; billi t-18-il Summit bejn l-UE u ċ-Ċina tat-12-13 ta' Lulju 2016 ikkonkluda li kien se jsir ċiklu ieħor ta' djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina qabel tmiem l-2016;

D.  billi ċ-Ċina għamlet progress matul l-aħħar deċennji fit-twettiq tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, li jirrifletti l-prijoritajiet iddikjarati tagħha dwar id-drittijiet tal-poplu għas-sussistenza u l-żvilupp, iżda l-kisbiet tagħha fil-qasam tad-drittijiet politiċi u ċivili, flimkien mal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, huma limitati;

E.  billi, matul l-34 Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem li sar f'Beijing fit-2 ta' Diċembru 2015, l-UE leħħnet it-tħassib tagħha rigward ir-rispett għad-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, speċjalment fit-Tibet u f'Xinjiang, u rigward ir-rispett għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin; billi l-każ ta' Ilham Tohti ġie diskuss matul l-34 Djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

F.  billi l-Istitut ta' Larung Gar, imwaqqaf fl-1980, hu l-akbar ċentru Buddist Tibetan fid-dinja u attwalment qed iħabbat wiċċu ma' demolizzjoni estensiva min-naħa tal-Gvern Ċiniż bl-għan li l-akkademja tiċċekken b'ħamsin fil-mija, l-iżgumbrar ta' madwar 4 600 resident bil-forza u l-qerda ta' madwar 1 500 abitazzjoni; billi skont l-awtoritajiet Ċiniżi din id-demolizzjoni hija meħtieġa sabiex jitwettqu "korrezzjoni u rettifika";

G.  billi l-persuni żgumbrati qed jiġu reġistrati b'mod furzat f'eżerċizzji magħrufa bħala "edukazzjoni patrijottika"; billi tliet reliġjużi nisa fl-akkademja għamlu suwiċidju bi protesta kontra d-demolizzjonijiet fuq skala kbira li għaddejjin f'Larung Gar;

H.  billi ġie rappurtat li mill-2009 għadd enormi ta' Tibetani, fil-parti l-kbira reliġjużi nisa u rġiel, taw in-nar lilhom infushom bħala protesta kontra l-politiki restrittivi taċ-Ċina fit-Tibet, u b'appoġġ għar-ritorn tad-Dalai Lama u d-dritt għal-libertà reliġjuża fil-prefettura tal-kontea ta' Aba/Ngaba fil-Provinċja ta' Sichuan u f'partijiet oħra tal-plateau tat-Tibet;

I.  billi l-emissarji tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama kkuntattjaw lill-Gvern tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina biex tinstab soluzzjoni paċifika u reċiprokament benefika għall-kwistjoni tat-Tibet; billi ma sar l-ebda progress għar-riżoluzzjoni tal-kriżi Tibetana f'dawn l-aħħar ftit snin, peress li l-aħħar ċiklu ta' taħdidiet sar fl-2010 u n-negozjati bħalissa huma ffriżati;

J.  billi l-professur tal-ekonomija Uighur Ilham Tohti ġie kkundannat għal għomru l-ħabs fit-23 ta' Settembru 2014 fuq akkuża ta' separatiżmu allegat wara li ġie arrestat f'Jannar tal-istess sena; billi seba' studenti preċedenti tiegħu wkoll ġew arrestati u ngħataw sentenzi ta' ħabs ta' bejn tliet snin u tmien snin għal allegata kollaborazzjoni mas-Sur Tohti;

K.  billi hemm allegazzjonijiet li l-proċess dovut tal-liġi ma ġiex rispettat, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt għal difiża xierqa;

L.  billi r-reġjun ta' Xinjiang, fejn hija bbażata l-parti l-kbira tal-minoranza etnika Musulmana Uighur, esperjenzat episodji ripetuti ta' kunflitti u vjolenza etniċi; billi Ilham Tohti dejjem ċaħad is-separatiżmu u l-vjolenza u fittex ir-rikonċiljazzjoni bbażata fuq ir-rispett tal-kultura Uighur;

1.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jwaqqfu d-demolizzjoni ta' Larung Gar u l-iżgumbrament tar-residenti tiegħu u, b'dan il-mod, jirrispettaw il-libertà tar-reliġjon f'konformità mal-impenji internazzjonali taċ-Ċina fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jibdew djalogu u jinvolvu ruħhom b'mod kostruttiv fir-rigward tal-iżviluppi f'Larung Gar mal-komunità lokali u l-mexxejja reliġjużi tagħha, u biex jindirizzaw it-tħassib dwar istituti reliġjużi ffullati billi jippermettu lit-Tibetani jistabbilixxu aktar istituti u jibnu aktar faċilitajiet; jitlob kumpens adegwat u akkomodazzjoni mill-ġdid għat-Tibetani li ġew żgumbrati matul id-demolizzjonijiet f'Larung Gar fil-post tal-għażla tagħhom biex ikomplu għaddejjin bl-attivitajiet reliġjużi tagħhom;

3.  Jiddeplora l-kundanna ta' għaxar Tibetani mill-Qorti Intermedja tal-Poplu f'Barkham għal sentenzi ta' bejn 5 u 14-il sena ħabs talli ħadu sehem f'ċelebrazzjoni ta' għeluq it-80 sena tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama fil-Kontea ta' Ngaba;

4.  Jinsab imħasseb profondament dwar id-deterjorament tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-Tibet, li wassal għal żieda fl-għadd ta' każijiet ta' persuni li jaħarqu lilhom infushom; jikkritika ż-żieda fil-wirjiet militari fil-plateau tat-Tibet, li se twassal biss għal żieda fit-tensjoni f'dan ir-reġjun; jikkundanna ż-żieda fl-użu tas-sistemi ta' sorveljanza fid-djar privati Tibetani;

5.  Jinsab imħasseb dwar ir-reġim dejjem aktar ripressiv li qed iħabbtu wiċċhom miegħu l-minoranzi differenti, b'mod partikolari t-Tibetani u l-Uighur, hekk kif jiżdiedu r-restrizzjonijiet fuq il-garanziji kostituzzjonali tad-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni kulturali u ta' twemmin reliġjuż, u tal-libertà tal-kelma u ta' espressjoni, ta' għaqda paċifika u assoċjazzjoni, filwaqt li jqumu dubji dwar l-impenn iddikjarat taċ-Ċina favur l-istat tad-dritt u r-rispett lejn obbligi internazzjonali; jitlob li l-awtoritajiet jirrispettaw dawn il-libertajiet fundamentali;

6.  Jinsab imħasseb dwar l-adozzjoni tal-pakkett ta' liġijiet dwar is-sigurtà u l-impatt tiegħu fuq il-minoranzi fiċ-Ċina, b'mod partikolari l-liġi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu li taf twassal għall-penalizzazzjoni tal-espressjoni paċifika tal-kultura u r-reliġjon Tibetani u l-liġi dwar il-ġestjoni tal-NGOs internazzjonali li se tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017 u se tpoġġi lill-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem taħt il-kontroll strett tal-gvern, peress li dan jikkostitwixxi approċċ purament minn fuq għal isfel minflok ma jinkoraġġixxi s-sħubija bejn il-gvern lokali u ċentrali u s-soċjetà ċivili;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż jemenda d-dispożizzjonijiet tal-pakkett ta' liġijiet dwar is-sigurtà li jċekknu l-ispazju għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jżidu l-kontroll tal-gvern fuq il-prattiki reliġjużi; jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jipprovdi u jiggarantixxi ambjent ġust u sikur għall-NGOs u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ħalli dawn ikunu jistgħu joperaw liberament fil-pajjiż, u dan għandu mnejn jikkomplementa bil-kbir it-twettiq mill-istat ta' servizzi soċjali b'approċċ minn isfel għal fuq u jikkontribwixxi għall-progress tad-drittijiet soċjali u ekonomiċi, politiċi u ċivili;

8.  Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jerġa' jibda d-djalogu mar-rappreżentanti Tibetani, li ntemm miċ-Ċina fl-2010, bl-għan li tinstab soluzzjoni politika inklużiva għall-kriżi fit-Tibet; jitlob ir-rispett lejn il-libertajiet ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' reliġjon tal-poplu Tibetan, kif minqux fil-Kostituzzjoni; jemmen li r-rispett għad-drittijiet tal-minoranzi huwa element kruċjali tad-demokrazija u l-istat tad-dritt li hu indispensabbli għall-istabbiltà politika;

9.  Jikkundanna bil-qawwa l-priġunerija ta' Ilham Tohti li qed jiskonta sentenza ta' għomru l-ħabs fuq allegati akkużi ta' separatiżmu; jiddeplora l-fatt li l-proċess dovut tal-liġi ma ġiex rispettat u li Ilham Tohti ma bbenefikax mid-dritt għal difiża xierqa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi jirrispettaw in-norma li jippermettu żjara fix-xahar għall-membri tal-familja;

10.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Ilham Tohti u tal-partitarji tiegħu miżmuma b'rabta mal-każ tiegħu; jitlob, barra minn hekk, li Ilham Tohti jingħata lura l-permess tat-tagħlim tiegħuu li l-moviment ħieles tiegħu jiġi garantit fi ħdan iċ-Ċina u barra minnha;

11.  Ifakkar kemm hu importanti li l-UE tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina, b'mod partikolari l-każ tal-minoranzi fit-Tibet u f'Xinjiang, f'kull djalogu politiku u tad-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, f'konformità mal-impenn tal-UE li tipproġetta leħen sod, ċar u unifikat fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż, inklużi d-Djalogi annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jirrimarka wkoll li, bħala parti mill-proċess ta' riforma kontinwa tagħha u ż-żieda fl-impenn globali tagħha, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u għalhekk jitlob li jibqa' jkun hemm djalogu maċ-Ċina biex dawn l-impenji jitwettqu;

12.  Jiddeplora l-fatt li l-35 ċiklu tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn l-UE u ċ-Ċina probabbilment mhux se jsir qabel tmiem l-2016, kif kien miftiehem; iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jaqbel li jsir djalogu ta' livell għoli fl-ewwel ġimgħat tal-2017;

13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

 

(1)

ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 118.

(2)

ĠU C 131 E, 8.5.2013, p. 121.

(3)

ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 69.

(4)

ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 80.

(5)

ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 185.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0458.

Avviż legali