Proċedura : 2017/2507(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0074/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0074/2017

Dibattiti :

PV 19/01/2017 - 4.2
CRE 19/01/2017 - 4.2

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2017 - 7.2

Testi adottati :

P8_TA(2017)0003

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 450kWORD 46k
18.1.2017
PE596.784v01-00}
PE596.786v01-00}
PE598.393v01-00}
PE598.400v01-00} RC1
 
B8-0074/2017}
B8-0076/2017}
B8-0085/2017}
B8-0092/2017} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B8-0074/2017)

ECR (B8-0076/2017)

EFDD (B8-0085/2017)

PPE (B8-0092/2017)


dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana  (2017/2507(RSP))


Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Tomáš Zdechovský, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Krzysztof Hetman, Ivan Štefanec, Pavel Svoboda, Brian Hayes, Jaromír Štětina, Bogdan Brunon Wenta, Marijana Petir, Eduard Kukan, Tunne Kelam, Lefteris Christoforou, Ivana Maletić, Željana Zovko, Dubravka Šuica, Thomas Mann, Csaba Sógor, Michaela Šojdrová, Therese Comodini Cachia, Jeroen Lenaers, Joachim Zeller, Maurice Ponga, Anna Záborská, Lorenzo Cesa, Elisabetta Gardini, József Nagy, Romana Tomc, Adam Szejnfeld, Ivica Tolić, Eva Paunova, Laima Liucija Andrikienė, Claude Rolin, Andrey Kovatchev, Jiří Pospíšil, Inese Vaidere, Roberta Metsola, Patricija Šulin, Deirdre Clune, György Hölvényi, David McAllister, László Tőkés, Mariya Gabriel, Seán Kelly, Giovanni La Via, Anna Maria Corazza Bildt on behalf of the PPE Group
Pier Antonio Panzeri, Nicola Caputo on behalf of the S&D Group
Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Tomasz Piotr Poręba, Karol Karski, Raffaele Fitto, Anna Elżbieta Fotyga, Branislav Škripek, Jana Žitňanská, Ruža Tomašić, Notis Marias, Angel Dzhambazki, Monica Macovei, Arne Gericke on behalf of the ECR Group
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini, Laura Agea, Laura Ferrara, Rolandas Paksas, Isabella Adinolfi on behalf of the EFDD Group
EMENDI

European Parliament resolution on the situation in the Central African Republic  (2017/2507(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana (CAR), b'mod partikolari dik tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar l-Operazzjonijiet ta' Appoġġ għall-Paċi – l-involviment tal-UE man-NU u l-Unjoni Afrikana(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2301 (2016) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li ġġedded il-mandat tal-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MINUSCA) sal-15 ta' Novembru 2017, adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà fis-7747 laqgħa tiegħu fis-26 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-14 ta' Diċembru 2016 u d-dikjarazzjoni mill-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tas-6 ta’ Jannar 2017 dwar l-attakki fuq il-MINUSCA,

–  wara li kkunsidra l-kopresidenza tal-Konferenza ta’ Brussell għar-Repubblika Ċentru-Afrikana fis-17 ta’ Novembru 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u l-President tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, Faustin-Archange Touadéra,

–  wara li kkunsidra t-tgħarrif tal-UE dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana tal-21 ta' Ottubru 2016 mogħti mill-Eċċellenza Tagħha s-Sinjura Joanne Adamson, Deputat Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għan-Nazzjonijiet Uniti, fid-Dipartiment tal-Operazzjonijiet għaż-Żamma tal-Paċi tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-22 ta’ Lulju 2016 mill-esperta indipendenti tan-NU maħtura mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem sabiex timmonitorja, tirrapporta u tagħti pariri dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, kif ukoll id-dikjarazzjoni tagħha tas-16 ta' Novembru 2016 qabel il-laqgħa tad-donaturi fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana tad-9 ta’ Frar 2015, tal-20 ta’ Lulju 2015 u tal-14 ta’ Marzu 2016 u tad-19 ta’ April 2016 dwar l-organizzazzjoni paċifika tal-elezzjonijiet fir-Repubblika Ċentru-Afrikana,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-8 ta’ Lulju 2016 mill-President tal-Konfigurazzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana tal-Kummissjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi (PBC) waqt is-sessjoni ta' tgħarrif tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou rivedut,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta’ Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) tal-1998, ratifikat mir-Repubblika Ċentru-Afrikana fl-2001,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv dwar l-Involviment tat-Tfal fil-Kunflitti Armati mehmuż mal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li ġie ffirmat mir-Repubblika Ċentru-Afrikana,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Amnesty International tal-11 ta' Jannar 2017 intitolat "The long wait for justice: accountability in Central African Republic" ("L-istennija twila għall-ġustizzja: l-obbligu ta' rendikont fir-Repubblika Ċentru-Afrikana",

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, kif għadha ħierġa mill-kunflitt vjolenti bejn il-koalizzjoni tar-ribelli tas-Séléka u l-milizzji anti-Balaka, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana għamlet progress impressjonanti mill-2013 'il hawn, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, biex tikseb ordni kostituzzjonali stabbilita mill-ġdid bl-organizzazzjoni paċifika u b’suċċess tal-elezzjonijiet u biex tikkompleta t-transizzjoni politika;

B.  billi, minkejja l-progress politiku, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana baqgħet maħkuma mill-instabilità u d-diżordni ċivili sporadiku, li ġew intensifikati bi ġlidiet vjolenti f'għadd ta’ postijiet li wasslu għal spostamenti multipli tal-popolazzjoni fil-punent, fit-tramuntana u fil-lvant tal-pajjiż; billi n-nuqqas tal-libertajiet ċivili, l-inugwaljanza bejn is-sessi, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin u t-tensjonijiet interkomunali għadhom ukoll għajn ta' tħassib serju dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

C.  billi l-missjoni tan-NU għandha sa 10 750 membru tal-forzi taż-żamma tal-paċi fuq il-post fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, iżda xi persuni ċivili jilmentaw li hija ma tagħmilx biżżejjed biex tipproteġihom kontra l-għexieren ta’ gruppi armati; billi r-rapport tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar il-qtil arbitrarju ikkwota l-vjolenza sesswali fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

D.  billi f’Diċembru 2016 il-missjoni tal-MINUSCA appoġġat djalogu ġdid bejn 11 mill-14-il grupp armat u l-gvern, bħala parti minn sforz kontinwu għad-diżarm tal-fazzjonijiet fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; billi fl-4 ta' Jannar 2017, skont il-MINUSCA, il-membri tal-forzi taż-żamma tal-paċi tagħha li kienu fuq għassa kienu qed jerġgħu lura mill-belt ta’ Koui meta ġew attakkati minn madwar 50 aggressur daqs 60 km (37 mil) fil-punent ta’ Obo, u żewġ membri tal-forzi taż-żamma tal-paċi nqatlu minn ribelli mhux magħrufa, filwaqt li sar attakk simili wkoll fis-7 ta’ Jannar 2017 fil-majjistral ta' Bokayi, li fih inqatel membru tal-forzi taż-żamma tal-paċi;

E.  billi r-rikostruzzjoni tas-settur tal-ġustizzja għadha fil-bidu tagħha u l-kapaċità tal-pulizija għadha estremament limitata, u dan, flimkien man-nuqqas totali ta’ sistema ġudizzjarja li tiffunzjona, ifisser li ftit ittieħdet azzjoni biex jitwaqqfu jew jiġu indirizzat l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u biex l-awturi ta' dawn ir-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

F.  billi, skont l-Amnesty International, in-nuqqas ta’ ġustizzja fir-Repubblika Ċentru-Afrikana huwa tant gravi li xi vittmi huma mġiegħla jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ kuljum spalla ma' spalla mal-aggressuri tagħhom, peress li mijiet ħarbu f'evażjonijiet mill-ħabs fuq skala kbira waqt li ħafna minn dawk li huma akkużati bl-agħar delitti qatt ma ġew arrestati; billi minn 35 ħabs 8 biss qed jiffunzjonaw, u huma ftit biss il-qrati li joperaw barra mill-belt kapitali, Bangui;

G.  billi minn Awwissu 2016 'il hawn kien hemm żieda allarmanti fl-għadd ta’ każijiet ta’ abbuż tad-drittijiet tal-bniedem u ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa minn fazzjonijiet differenti tal-ex-Séléka, l-anti-Balaka u l-affiljati tagħhom li ġiet irreġistrata fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, u r-riżultati huma mill-inqas 100 każ ta' qtil, spostament furzat tal-popolazzjoni ċivili u l-qerda ta’ proprjetà; billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet irrappurtaw ġlied serju fir-Repubblika Ċentru-Afrikana lejn tmiem Novembru 2016 bejn żewġ gruppi tas-Séléka, li ħalla mill-inqas 14-il persuna ċivili mejta u 76 midruba;

H.  billi, skont Vladimir Monteiro, il-kelliem tal-MINUSCA f’Bangui, attakki bħal dawn ma jitwettqux biss fuq il-membri tal-forzi taż-żamma tal-paċi tan-NU, iżda jimmiraw ukoll għall-atturi umanitarji u għall-popolazzjoni ċivili;

I.  billi bejn t-28 u t-30 ta’ Novembru 2016 mietu mill-inqas 115-il ruħ bħala riżultat ta’ ġlidiet li faqqgħu bejn żewġ gruppi (it-tnejn li huma fazzjonijiet tas-Séléka – il-Front Popolari għar-Rinaxximent tar-Repubblika Ċentru-Afrikana (Front Populaire pour la Renaissance de Centrafrique, FPRC), u l-Unjoni għall-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (l’Union pour la Paix en Centrafrique (UPC)) fuq il-kontroll tat-toroq li jwasslu għall-minjieri tad-djamanti madwar Kalaga, belt li tinsab 45 km bogħod minn Bria, fejn iż-żewġ fazzjonijiet jiġbru "taxxi għall-użu tat-toroq", speċjalment fiż-żoni tal-minjieri u fuq ir-rotot ta’ migrazzjoni għar-rgħajja Peuhl (Fulani);

J.  billi f’Mejju 2016 il-Ħames Kumitat tan-NU adotta riżoluzzjoni trasversali dwar iż-żamma tal-paċi li laqgħet id-determinazzjoni tas-Segretarju Ġenerali li tiġi implimentata bis-sħiħ il-politika ta’ tolleranza żero, affermat mill-ġdid il-ħtieġa ta' koordinazzjoni msaħħa għall-appoġġ lill-vittmi, u espandiet il-politika tan-NU ta’ trasparenza fir-rigward ta' allegazzjonijiet ta’ sfruttament u abbuż sesswali (SAS);

K.  billi fis-17 ta’ Novembru 2016, il-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-President tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, Faustin-Archange Touadéra, immobilizzaw lill-komunità internazzjonali bil-għan li jiġġeneraw appoġġ politiku u impenji konkreti ħalli jappoġġjaw l-aġenda ambizzjuża tal-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana biex jiksbu l-paċi, is-sigurtà u r-rikonċiljazzjoni fil-pajjiż kollu, kif ukoll biex jippromwovu l-iżvilupp u l-irkupru ekonomiku;

L.  billi, skont in-NU, kważi nofs il-popolazzjoni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana qed tiffaċċja nuqqas ta' sigurtà alimentari u teħtieġ għajnuna umanitarja; billi 40 % tat-tfal ta' taħt it-tliet snin huma nieqsa mill-ikel sustanzjuż b’mod kroniku u wieħed/waħda minn kull ħamest itfal imutu qabel jagħlqu l-ħames snin;

M.  billi huwa stmat li din is-sena 2.2 miljun ruħ se jkunu jeħtieġu għajnuna umanitarja, inklużi 1.1 miljun tifel u tifla; billi fi tmiem l-2016, huwa stmat li madwar 420 000 persuna ġew spostati internament u 453 000 oħra fittxew rifuġju fil-pajjiżi ġirien;

N.  billi f’dawn l-aħħar tliet snin l-Unjoni Ewropea kienet l-akbar donatur ta’ assistenza lir-Repubblika Ċentru-Afrikana, billi impenjat aktar minn EUR 500 miljun għal dan il-pajjiż; billi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ għajnuna umanitarja, il-Kummissjoni weħidha pprovdiet EUR 124 miljun (minbarra EUR 30 miljun għar-rifuġjati Ċentru-Afrikani fil-pajjiżi ġirien) minn Diċembru 2013 'il hawn; billi fil-konferenza tad-donaturi fi Brussell fis-17 ta’ Novembru 2016, l-UE ħabbret EUR 409 miljun addizzjonali f’finanzjament biex tindirizza l-ħtiġijiet ta’ rikostruzzjoni, ta' konsolidazzjoni tal-paċi u umanitarji fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

O.  billi l-Lord’s Resistance Army (LRA) żiedet l-attività tagħha madwar ir-Repubblika Ċentru-Afrikana tal-Lvant, fejn qed tixtered lil hinn mill-minjieri, b’attakki li involvew s-sakkeġġ, id-deprivazzjoni arbitrarja tal-libertà, il-qerda u l-konfiska ta’ proprjetà li jolqtu lill-persuni ċivili, u l-ħtif ta’ persuni; billi skont dawk li qed isegwu l-kriżi tal-LRA, minn Jannar 2016 'il hawn, jingħad li 344 ruħ, inklużi aktar minn 60 tifel u tifla, ġew maħtufa mil-LRA, filwaqt li eluf ta' ċivili wkoll ġew spostati fiż-żoni fejn qed topera;

P.  billi, fil-15 ta’ Lulju 2014, l-UE stabbilixxiet l-ewwel Fond Fiduċjarju multidonatur tal-UE, imsejjaħ Bêkou u ddedikat lir-Repubblika Ċentru-Afrikana, ħaġa li tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni u r-rikostruzzjoni tal-pajjiż;

Q.  billi s-sitwazzjoni ġenerali tas-sigurtà tjiebet mill-2013 'l hawn, b'mod partikolari f'Bangui, iżda għadha fraġli, u matul dawn l-aħħar xhur reġa' żdied l-għadd ta' episodji fejn faqqgħet il-vjolenza; billi delitti bħall-qtil, it-tortura, il-vjolenza sesswali, is-serq, il-ħtif, il-qerda tal-proprjetà kif ukoll il-kummerċ u l-pussess illegali tal-armi għadhom qed jitwettqu fil-pajjiż kollu;

R.  billi minħabba restrizzjonijiet tal-finanzjament, il-Programm Dinji tal-Ikel ħabbar li kien se jeħtieġlu jagħmel tnaqqis addizzjonali fl-ammont ta' ikel li jista' jipprovdi, u li sa Frar 2017, id-distribuzzjoni tal-ikel jaf tiġi sospiża għalkollox;

S.  billi l-kummerċ u l-estrazzjoni illeċiti tad-djamanti u tal-injam qed ikebbsu l-kunflitt billi jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-gruppi armati;

T.  billi l-OIF (l-organizzazzjoni nazzjonali tal-Frankofonija ilha taħdem kontinwament mill-2003 biex issaħħaħ id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, u qed tkompli taħdem fil-kuntest attwali ta' rikostruzzjoni ta' wara l-kriżi; billi l-ħidma tal-OIF hija kruċjali fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-istituzzjonijiet Ċentru-Afrikani, billi tipprovdi appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni tal-Qorti Kriminali Speċjali, tappoġġa l-istabbiliment ta' Kummissjoni Nazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, tappoġġa t-tisħiħ tal-qafas amministrattiv u legali għall-elezzjonijiet, tipprovdi appoġġ tekniku għall-implimentazzjoni tal-programmi tad-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni u r-riforma tas-settur tas-sigurtà (DDR-SSR), u tipprovdi appoġġ tekniku għal-Qorti Kriminali Speċjali permezz tal-mobilizzazzjoni ta' maġistrati Frankofoni;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi li saru mill-President Touadéra u l-gvern tiegħu favur il-promozzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fl-isfond ta' għexieren ta' snin ta' sottożvilupp u fraġilità u diversi snin ta' kunflitt armat; jistieden lill-Gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana biex ikompli jintensifika aktar dawn l-isforzi, b'mod partikolari rigward id-djalogu mal-gruppi armati, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà u d-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni, u l-istabbiliment mill-ġdid tas-sistemi ("ktajjen") ġudizzjarji u penali sabiex tiġi miġġielda l-impunità;

2.  Jikkundanna bil-qawwa t-telf tal-għajxien u tal-proprjetà u l-ksur u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, li jinkludu l-qtil arbitrarju, il-vjolenza sesswali, it-trattament inuman u l-forom kollha ta' attakki, kif ukoll l-aggressjonijiet u l-provokazzjonijiet kontra l-popolazzjoni ċivili u l-forzi taż-żamma tal-paċi; ifakkar li tali attakki mmirati jaf jikkostitwixxu delitt tal-gwerra skont id-dritt umanitarju internazzjonali; jesprimi l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-gvernijiet tal-Marokk u tal-Bangladesh, lill-familji tal-vittmi u lill-MINUSCA; jenfasizza li attakki mmirati kontra l-forzi taż-żamma tal-paċi huma inaċċettabbli u jmorru kontra kull norma internazzjonali;

3.  Iqis li l-organizzazzjoni paċifika tal-elezzjonijiet raggruppati fl-14 ta' Frar 2016 fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, fejn perċentwal sinifikanti ta' votanti ħarġu jivvutaw, kienet tabilħaqq suċċess għall-proċess tat-transizzjoni politika; ifaħħar lill-awtoritajiet għall-isforzi tagħhom, li saħħew il-kredibilità u t-trasparenza tal-elezzjonijiet; jilqa' l-impenn tal-MINUSCA u l-appoġġ mogħti mill-operazzjoni Sangaris, li kkontribwew b'mod sostanzjali biex ġiet żgurata l-kalma waqt il-proċess elettorali;

4.  Jappoġġja bis-sħiħ l-awtorità tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li jimplimenta l-politika ta' trasparenza (tolleranza żero) tan-NU fir-rigward tal-allegazzjonijiet ta' sfruttament u abbuż sesswali, u jilqa' l-inizjattivi li implimenta s'issa fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; jistieden lill-istati membri tan-NU jiżguraw li t-timijiet tal-Imġiba u tad-Dixxiplina u tas-Sorveljanza Interna tal-MINUSCA jirċievu r-riżorsi meħtieġa biex iwieġbu b'mod effettiv għall-każijiet ta' sfruttament u abbuż sesswali u delitti oħra;

5.  Jenfasizza l-importanza kruċjali tas-sigurtà; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' riformi biex il-forzi armati tar-Repubblika Ċentru-Afrikana jiġu ttrasformati f'armata professjonali, ikkontrollata b'mod demokratiku u etnikament rappreżentattiva; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tad-19 ta' April 2016 li jistabbilixxi Missjoni ta' Taħriġ Militari tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUTM RCA) biex tikkontribwixxi għar-riforma tas-settur tad-difiża tal-pajjiż; jistenna li din se tgħin biex il-Forzi Armati Ċentru-Afrikani (FACA) jiġu modernizzati u jittejbu l-effikaċja u l-inklussività tagħhom billi toffri konsulenza strateġika lill-Ministeru tad-Difiża tar-Repubblika Ċentru-Afrikana u lill-persunal ġenerali, kif ukoll edukazzjoni u taħriġ;

6.  Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana jibda investigazzjonijiet minnufih u imparzjali tal-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju, jipproċessa kif xieraq lill-persuni responsabbli – il-kriminali u l-qattiela jridu jitressqu quddiem il-ġustizzja irrispettivament mill-grupp li jappartjenu għalih – u jipprovdi rimedju adegwat għall-vittmi tal-ksur; jappoġġa bil-qawwa l-istabbiliment rapidu ta' Qorti Kriminali Speċjali (li hu mistenni li se titlesta sa nofs l-2017), li jeħtieġ li tkun finanzjat b'mod sostenibbli sabiex ikun żgurat l-obbligu ta' rendikont u tintemm l-impunità mifruxa ħafna li teżisti bħalissa; jilqa' l-varar min-NU f'Diċembru 2016 tal-proċess ta' reklutaġġ ta' tmien imħallfin internazzjonali;

7.  Jiddeplora l-fatt li s-sistema ġudizzjarja tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, li kienet diġà dgħajfa qabel il-gwerra ċivili, iddgħajfet ħafna aktar minħabba l-ġlied kontinwu, li wassal għall-qerda ta' ħafna reġistri tal-qorti u għall-eżilju furzat ta' persunal ġudizzjarju; jistieden lill-Gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, jinvesti b'mod sinifikanti fis-sistema ġudizzjarja tiegħu, inkluża r-rikostruzzjoni tal-qrati , il-forza tal-pulizija u l-ħabsijiet tiegħu; ifakkar fl-istess ħin li hija biss l-aderenza mal-prinċipji ta' governanza demokratika u ekonomika tajba, wara approċċ kostruttiv lejn id-djalogu fl-ispirtu tal-Forum ta' Bangui, li tiggarantixxi suċċess;

8.  Jenfasizza b'mod partikolari l-importanza ta' koordinazzjoni mill-qrib mas-sħab involuti, b'mod partikolari l-awtoritajiet Ċentru-Afrikani, l-Unjoni Ewropea, il-Bank Dinji u n-NU, sabiex jiġu żgurati l-kooperazzjoni u l-komplementarjetà tajba fl-isforzi li qed isiru sabiex jerġa' jkun hemm l-istabilità fir-Repubblika Ċentru-Afrikana; iħeġġeġ li tittieħed azzjoni immedjata biex tiġi miġġielda l-impunità fir-rigward tad-delitti tal-gwerra u delitti oħra u biex jiġi megħjun il-bini mill-ġdid tas-sistema ġudizzjarja, peress li n-nuqqas ta' ġustizzja ikkontribwixxa għal żieda fil-ġlied vjolenti f'dawn l-aħħar xhur;

9.  Jiddeplora l-fatt li, minħabba n-nuqqas ta' fondi, il-Programm Dinji tal-Ikel tan-Nazzjonijiet Uniti (WFP) qed jissogra li fil-futur qrib ikollu jwaqqaf l-għajnuna li jagħti lil 150 000 persuna spostati minħabba l-vjolenza fir-Repubblika Ċentru-Afrikana mifnija bil-kriżi; jinnota li l-ikel li jitqassam mill-Programm Dinji tal-Ikel jirrappreżenta għajnuna vitali għal dawn il-persuni spostati, li tilfu kulma kellhom, u li s-sospensjoni tal-għajnuna se jkollha impatt drammatiku fuq ħajjithom; iħeġġeġ lid-donaturi, f'dan il-kuntest, biex jirrispettaw l-impenji magħmula lill-Programm Dinji tal-Ikel, u biex ma jippermettux li tkompli teħżien is-sitwazzjoni tal-forniment tal-għajnuna umanitarja;

10.  Jilqa' ż-żieda fl-impenn umanitarju tal-UE u tal-Istati Membri lir-Repubblika Ċentru-Afrikana fid-dawl tal-ħtiġijiet li qed jevolvu; jappella lid-donaturi internazzjonali kollha biex jappoġġaw il-finanzjament umanitarju tal-UE, inkluż il-Programm Dinji tal-Ikel, u biex jgħinu lil dawk milquta mill-kriżi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, kemm lil dawk li jinsabu fil-pajjiż kif ukoll lil dawk rifuġjati fil-pajjiżi ġirien;

11.  Jistieden lir-Repubblika Ċentru-Afrikana tiżviluppa politiki nazzjonali u oqfsa leġislattivi li jipproteġu adegwatament id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni spostati, inkluża l-libertà tal-moviment; jistedinha wkoll tadotta soluzzjonijiet dejjiema għall-persuni spostati u r-rifuġjati, inklużi r-ritorn volontarji, durabbli, sikur u dinjituż lejn djarhom, u integrazzjoni lokali jew risistemazzjoni;

12.  Jemmen li d-djalogu jibqa' l-uniku mod kif tista' tkun żgurata l-paċi dejjiema fir-reġjuni tar-Repubblika Ċentru-Afrikana milquta mill-konflitt, u jħeġġeġ lill-gvern iwieġeb b'mod konkret għat-tħassib tal-komunità internazzjonali fir-rigward tar-riżoluzzjoni tal-kriżi permezz tal-adozzjoni ta' approċċ proattiv biex tiġi stabbilita s-sigurtà għall-popolazzjoni lokali;

13.  Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, biex bl-appoġġ tas-sħab internazzjonali tiegħu, jimplimenta b'mod urġenti l-Pjan Nazzjonali għall-Irkupru u l-Konsolidazzjoni tal-Paċi tiegħu, b'mod partikolari permezz tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-forzi tas-sigurtà nazzjonali, permezz tad-diżarm, id-demobilizzazzjoni u r-riintegrazzjoni tal-gruppi armati, u permezz tal-ġlieda kontra l-impunità;

14.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana jiżviluppaw strateġija b'appartenenza nazzjonali biex jindirizzaw b'mod determinat il-fenomeni tal-isfruttament illeċitu u n-netwerks ta' traffikar tar-riżorsi naturali;

15.  Jissuġġerixxi li n-NU toħloq unità fi ħdan il-MINUSCA biex tiġġieled lit-traffikar tad-djamanti, l-injam, id-deheb u l-avorju u l-kaċċa illegali militarizzata;

16.  Jistieden lill-kumpaniji internazzjonali tad-djamanti biex ma jkomplux ikebbsu l-kunflitt u l-abbużi kontra d-drittijiet tal-bniedem billi jixtru djamanti estratti u mibjugħa illeċitament mir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika Ċentrali, lill-Assemblea Parlamentari AKP-UE u lill-Istati Membri tal-UE.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0249.

Avviż legali