Proċedura : 2017/2510(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0120/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0120/2017

Dibattiti :

PV 01/02/2017 - 16
CRE 01/02/2017 - 16

Votazzjonijiet :

PV 02/02/2017 - 7.6
CRE 02/02/2017 - 7.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2017)0017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 447kWORD 55k
30.1.2017
PE598.431v01-00}
PE598.432v01-00}
PE598.433v01-00}
PE598.434v01-00}
PE598.435v01-00}
PE598.436v01-00}
PE598.437v01-00} RC1
 
B8-0120/2017}
B8-0121/2017}
B8-0122/2017}
B8-0123/2017}
B8-0124/2017}
B8-0125/2017}
B8-0126/2017} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0120/2017)

ALDE (B8-0121/2017)

GUE/NGL (B8-0122/2017)

S&D (B8-0123/2017)

EFDD (B8-0124/2017)

Verts/ALE (B8-0125/2017)

PPE (B8-0126/2017)


dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon (2017/2510(RSP))


Mariya Gabriel, Bogdan Brunon Wenta, Michael Gahler, György Hölvényi, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Ádám Kósa, Adam Szejnfeld, Krzysztof Hetman, Ivo Belet, Paul Rübig, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Fernando Ruas f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Jo Leinen, Norbert Neuser, Cécile Kashetu Kyenge f'isem il-Grupp S&D
Arne Gericke, Charles Tannock, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Javier Nart, Carolina Punset, Pavel Telička, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Kateřina Konečná f'isem il-Grupp GUE/NGL
Heidi Hautala f'isem il-Grupp Verts/ALE
Isabella Adinolfi, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar dwar il-kriżi tal-istat tad-dritt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon (2017/2510(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-ftehimiet politiċi li ntlaħqu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo fit-18 ta' Ottubru 2016 u fil-31 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Diċembru 2016 mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-falliment tat-tentattiv għall-ilħiq ta' ftehim fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Novembru 2016 mill-kelliem tal-VP/RGħ dwar l-isforzi politiċi kurrenti fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 u tas-17 ta' Ottubru 2016 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet lokali tal-UE tat-2 ta' Awwissu 2016 u tal-24 ta' Awwissu 2016 dwar il-proċess elettorali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo wara t-tnedija tad-djalogu nazzjonali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2293(2016) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet fuq ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti, u r-riżoluzzjoni 2277(2016), li ġeddet il-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tal-Organizzazzjoni tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet għall-istampa tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-15 ta' Lulju 2016 u tal-21 ta' Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, ippubblikat fis-27 ta' Lulju 2015, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tal-Organizzazzjoni tan-NU fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun,

–  wara li kkunsidra l-istqarrijiet konġunti għall-istampa tas-16 ta' Frar 2016 u tal-5 ta' Ġunju 2016 mill-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija dwar il-ħtieġa ta' djalogu politiku inklussiv fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-impenn tagħhom li jappoġġjaw atturi Kongoliżi fl-isforzi tagħhom għall-konsolidament tad-demokrazija fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun, li ġie ffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-Unjoni Ewropea (MOE),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta maħruġa fl-24 ta' Settembru 2016 mill-VP/RGħ u mill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, wara li l-Qorti Kostituzzjonali Gaboniża ħabbret ir-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni presidenzjali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni dwar il-Gabon maħruġa mill-kelliem għall-VP/RGħ fil-11 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa maħruġa mill-Unjoni Afrikana fl-1 ta' Settembru 2016 li tikkundanna l-vjolenza tal-kunflitt postelettorali fil-Gabon u tappella għar-riżoluzzjoni paċifika tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2014, li ġie adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Programm Nazzjonali Indikattiv tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020, li jagħti prijorità lit-tisħiħ tad-demokrazija, tal-governanza u tal-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tat-18 ta' Mejju 2011 dwar l-isfidi għall-futur tad-demokrazija u r-rispett tal-ordni kostituzzjonali fil-pajjiżi tal-AKP u tal-UE, u tas-27 ta' Novembru 2013 dwar ir-rispett tal-istat tad-dritt u r-rwol ta' ġudikatura imparzjali u indipendenti,

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil iffirmat bejn ir-Repubblika Gaboniża u l-Unjoni Ewropea dwar il-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE (MOE),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Kongoliża u dik Gaboniża,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Afrikana dwar il-Prinċipji li Jirregolaw l-Elezzjonijiet Demokratiċi fl-Afrika (2002),

–  wara li kkunsidra l-Karta Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-istat tad-dritt, l-obbligu li jingħata rendikont, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll elezzjonijiet ħielsa u ġusti huma elementi essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija li tiffunzjona; billi dawn l-elementi ġew ikkontestati f'xi pajjiżi tal-Afrika Sub-Saħarjana, b'mod partikolari fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u fil-Gabon, u b'hekk għarrqu lil dawn il-pajjiżi f'perjodu twil ta' instabbiltà politika u vjolenza;

B.  billi aktar reċentement, Ali Bongo, li spiċċa mill-kariga ta' President tal-Gabon wara li kien ilu fil-poter mill-mewt ta' missieru Omar Bongo fl-2009, ġie ddikjarat rebbieħ tal-elezzjoni presidenzjali tal-2016; billi l-osservaturi internazzjonali, u b'mod partikolari l-MOE tal-UE, identifikaw anomaliji ċari fil-ġbir tar-riżultati;

C.  billi Jean Ping, l-avversarju ewlieni tiegħu, immedjatament ikkontesta u kkundanna dan ir-riżultat; billi tressaq rikors, li jallega li seħħew irregolaritajiet elettorali u li jitlob li l-voti jerġgħu jingħaddu, quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, liema Qorti eventwalment ikkonfermat ir-riżultat; billi, madankollu, l-eżami tal-appell ma warrabx id-dubji kollha dwar l-eżitu tal-elezzjoni presidenzjali;

D.  billi l-President Kongoliż Joseph Kabila, li ilu fil-poter mill-2001, ippospona l-elezzjoni u baqa' fil-poter lil hinn mit-tmiem tal-mandat kostituzzjonali tiegħu; billi dan il-fatt ikkawża tensjoni politika, kunflitti u vjolenza bħal qatt qabel fil-pajjiż kollu;

E.  billi, madankollu, il-vjolenza kompliet tiħrax wara d-data ta' skadenza tal-mandat tal-President Kabila, biex b'hekk wasslet għall-imwiet ta' mill-inqas 40 ruħ fi ġlied bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà; billi, skont in-NU, 107 persuni ndarbu jew ġew maltrattati, filwaqt li tal-anqas 460 ruħ sfaw arrestati;

F.  billi fit-18 ta' Ottubru 2016 ġie ffirmat ftehim bejn il-President Kabila u parti mill-oppożizzjoni, liema ftehim jipposponi l-elezzjoni presidenzjali għal April 2018; billi wara xhur ta' negozjati, il-partijiet fil-ftehim tat-18 ta' Ottubru 2016 laħqu ftehim politiku globali u inklussiv fil-31 ta' Diċembru 2016; billi dan il-ftehim jipprevedi l-ewwel trasferiment paċifiku tal-poter fil-pajjiż mill-1960 'il hawn, l-istallazzjoni ta' gvern tranżizzjonali ta' unità nazzjonali, l-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet qabel tmiem l-2017, u r-riżenja tal-President Kabila; billi ċerti membri tal-oppożizzjoni ma ffirmawx il-ftehim;

G.  billi, fiż-żewġ pajjiżi, faqqgħu fit-toroq dimostrazzjonijiet li ġew repressi bi vjolenza, hekk li ħallew għadd ta' persuni mejta; billi l-awtoritajiet wettqu azzjonijiet repressivi fuq il-membri tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili li jopponu 'l min għandu l-poter f'idejh; billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem jirrapportaw il-ħin kollu dwar is-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertà tal-espressjoni u ta' għaqda, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi, arresti u detenzjonijiet arbitrarji u proċessi politikament motivati;

H.  billi kien hemm deterjorament serju fir-rigward tal-libertà tal-midja, li hija mxekkla minn theddidiet u attakki kontinwi kontra l-ġurnalisti; billi l-awtoritajiet għalqu kumpaniji tal-midja u stazzjonijiet tar-radju, u billi restrizzjonijiet ġew imposti fuq l-internet u n-netwerks soċjali;

I.  billi waħda mill-karatteristiċi tad-demokraziji hija r-rispett tal-Kostituzzjoni, li fuqha jissejsu l-istat, l-istituzzjonijiet u l-istat tad-dritt; billi elezzjonijiet paċifiċi, liberi u ġusti f'dawn il-pajjiżi kienu jikkontribwixxu bil-kbir biex tiġi indirizzata l-isfida tal-progress demokratiku u tal-alternanza tal-poter li qed iħabbat wiċċu magħha r-reġjun tal-Afrika Ċentrali;

J.  billi l-Programm Nazzjonali Indikattiv tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020 jagħti prijorità lit-tisħiħ tad-demokrazija, tal-governanza u tal-istat tad-dritt, billi kemm l-UE kif ukoll is-sħab Afrikani għandhom interess komuni qawwi fl-iżvilupp kontinwu tad-demokrazija u fl-istabbiliment ta' kostituzzjonaliżmu li jiffunzjona sewwa;

1.  Jiddeplora l-imwiet li seħħew fid-dimostrazzjonijiet matul dawn l-aħħar xhur fiż-żewġ pajjiżi, u jesprimi l-kondoljanzi l-aktar sinċieri tiegħu lill-familji tal-vittmi u lill-poplu tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-Gabon;

2.  Huwa profondament imħasseb dwar is-sitwazzjoni dejjem aktar instabbli fiż-żewġ pajjiżi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet, u fuq kollox lill-presidenti, biex jirrispettaw l-obbligi internazzjonali tagħhom, li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u li jeżerċitaw il-kompitu tagħhom li jiggvernaw bir-rispett l-aktar strett tal-istat tad-dritt;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolenza kollha mwettqa fil-Gabon u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, l-atti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali, l-intimidazzjoni politika ta' membri tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni, kif ukoll l-atti ta' ksur tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni mwettqa fil-kuntest tal-elezzjonijiet presidenzjali; jitlob li r-restrizzjonijiet kollha fuq il-midja jitneħħew u li d-detenuti politiċi kollha jinħelsu;

Il-Gabon

4.  Iqis li r-riżultati uffiċjali tal-elezzjoni presidenzjali mhumiex trasparenti u huma dubjużi ferm, hekk li jqajmu dubji dwar il-leġittimità tal-President Bongo; jiddeplora l-fatt li l-proċedura ta' appell li wasslet biex Ali Bongo jiġi ddikjarat rebbieħ tal-elezzjoni tmexxiet b'mod xejn trasparenti, u li l-Qorti Kostituzzjonali naqset milli tqis debitament l-irregolaritajiet osservati f'xi provinċji, b'mod partikolari fl-Haut-Ogooué, il-fewdu ta' Ali Bongo; jiddispjaċih li l-Qorti Kostituzzjonali rrifjutat li jerġa' jsir l-għadd tal-voti u li jsir tqabbil tal-poloz tal-vot, qabel ma dawn sfaw meqruda;

5.  Huwa mħasseb profondament dwar il-kriżi politika fil-Gabon u l-vjolenza li qed isseħħ bejn id-dimostranti u l-forzi tas-sigurtà wara l-proklamazzjoni tar-riżultati tal-elezzjoni presidenzjali tal-2016;

6.  Jikkundanna bil-qawwa l-intimidazzjoni u t-theddidiet kontra l-MOE tal-Unjoni Ewropea u l-attakki li jikkontestaw in-newtralità u t-trasparenza tagħha; jiddispjaċih profondament għall-fatt li, minkejja li l-Memorandum ta' Qbil iffirmat mal-Gvern Gaboniż, il-MOE tal-UE ngħatat biss aċċess limitat għas-sessjonijiet tal-għadd tal-voti ċentralizzati fil-kummissjonijiet elettorali lokali (LECs) u fil-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali (CENAP), u li dan żamm lill-MOE tal-UE milli tosserva partijiet ewlenin tal-proċess tal-elezzjoni presidenzjali;

7.  Jinnota t-tnedija ta' djalogu nazzjonali, kif propost minn Ali Bongo, fl-14 ta' Novembru 2016; isemma' r-riservi tiegħu, għaldaqstant, rigward il-kredibbiltà u r-rilevanza ta' dawn il-proċessi; jirrimarka, madankollu, li l-protagonist ewlieni tal-oppożizzjoni, Jean Ping, qed jirrifjuta li jieħu sehem u huwa ħerqan li jniedi djalogu nazzjonali tiegħu stess;

8.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Gabon biex iwettaq riforma eżawrjenti u f'waqtha tal-qafas elettorali, fil-qies tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-MOE tal-UE bil-għan li jtejbu dan il-qafas u jagħmluh għalkollox trasparenti u kredibbli; jenfasizza li l-awtoritajiet Gaboniżi jeħtiġilhom jiggarantixxu kooperazzjoni sħiħa u sinċiera mal-partijiet interessati rilevanti, nazzjonali u internazzjonali, biex jiżguraw li l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss ikunu trasparenti u ġusti u li jseħħu f'ambjent liberu, demokratiku, inklussiv u paċifiku;

9.  Jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti u oġġettiva dwar il-vjolenza relatata mal-elezzjonijiet u dwar l-allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, u jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat li kull min jinstab responsabbli jitressaq quddiem il-ġustizzja; jitlob, barra minn hekk, li l-UE, f'kollaborazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, tkompli tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni ġenerali fil-Gabon u tirrapporta l-każijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali; jieħu nota tat-talbiet għal inkjesta preliminari fil-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) dwar il-vjolenza li seħħet wara l-elezzjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex jibda proċess ta' konsultazzjoni skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou malli jkun hemm nuqqas ta' progress fid-djalogu politiku intensifikat; jitlob li l-Kunsill, jekk ma jkun jista' jintlaħaq l-ebda qbil fi ħdan il-proċess ta' konsultazzjoni, jikkunsidra li jimponi sanzjonijiet immirati fuq dawk responsabbli għall-vjolenza postelettorali u għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u għall-imminar tal-proċess demokratiku fil-pajjiż;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

11.  Jiddeplora l-fatt li l-Gvern Kongoliż naqas milli jorganizza l-elezzjoni presidenzjali fi żmien l-iskadenza kostituzzjonali; itenni s-sejħa tiegħu biex jittieħdu l-passi kollha meħtieġa ħalli jinħoloq ambjent li jwassal għal elezzjonijiet ħielsa, ġusti u kredibbli mhux aktar tard minn Diċembru 2017, f'konformità sħiħa mal-Kostituzzjoni Kongoliża u mal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza;

12.  Iħeġġeġ lill-atturi politiċi kollha biex jinvolvu ruħhom fi djalogu paċifiku u kostruttiv, jipprevjenu kwalunkwe deterjorament tal-kriżi politika kurrenti u joqogħdu lura milli jwettqu aktar vjolenza u provokazzjonijiet;

13.  Jilqa' l-isforzi tal-Konferenza Episkopali Nazzjonali tal-Kongo (CENCO) biex issawwar kunsens usa' dwar tranżizzjoni politika; jieħu nota tal-ftehim li ntlaħaq lejn tmiem Diċembru 2016 li jiċħad it-tielet mandat lill-President Kabila u li jitlob li l-elezzjoni ssir qabel tmiem l-2017; ifakkar lill-partijiet kollha dwar l-impenn tagħhom fil-konfront ta' dan il-ftehim, u għalhekk iħeġġiġhom japplikawh fil-komponenti kollha tiegħu u jistabbilixxu mill-aktar fis kalendarju konkret għall-elezzjonijiet li jmiss; ifakkarhom fil-konsegwenzi gravi li jkun hemm kemm-il darba ma jirnexxilhomx iwasslu għal eżitu ta' suċċess;

14.  Iħeġġeġ lill-Gvern Kongoliż biex jindirizza minnufih il-kwistjonijiet miftuħa relatati mal-istabbiliment tas-sekwenza tal-kalendarju elettorali, il-baġit tiegħu u l-aġġornament tar-reġistru elettorali bil-għan li elezzjonijiet liberi, ġusti u trasparenti jkunu jistgħu jsiru; ifakkar li l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti għandha tkun istituzzjoni imparzjali u inklussiva mogħnija b'riżorsi suffiċjenti li jippermettu proċess trasparenti u komprensiv;

15.  Jitlob li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-ftehim u l-organizzazzjoni tal-proċess elettorali; u jitlob li l-atturi internazzjonali kollha jagħtu lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo l-appoġġ politiku, finanzjarju, tekniku u loġistiku kollu meħtieġ biex l-elezzjonijiet isiru sa Diċembru 2017; jitlob trasparenza rigward kull appoġġ finanzjarju mill-Unjoni Ewropea u mill-Istati Membri tagħha għall-elezzjonijiet Kongoliżi;

16.  Iħeġġeġ li ssir investigazzjoni sħiħa, eżawrjenti u trasparenti dwar l-atti ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem li allegatament seħħew waqt il-protesti sabiex dawk responsabbli jiġu identifikati u jkollhom jagħtu rendikont ta' għemilhom;

17.  Jilqa' l-adozzjoni tas-sanzjonijiet immirati tal-UE, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi, kontra dawk responsabbli għar-repressjoni vjolenti u għall-imminar tal-proċess demokratiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo; jitlob li l-Kunsill jikkunsidra li jestendi dawn il-miżuri restrittivi jekk iseħħu każijiet ulterjuri ta' vjolenza, kif jipprevedi l-Ftehim ta' Cotonou;

°

°  °

18.  Jistieden lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU biex jinvestiga l-atti ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem li seħħew dan l-aħħar fiż-żewġ pajjiżi;

19.  Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi u Gaboniżi biex jirratifikaw il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza mill-aktar fis possibbli;

20.  Jitlob li d-Delegazzjoni tal-UE tuża l-għodod u l-istrumenti kollha xierqa biex tappoġġja lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-movimenti favur id-demokrazija, u tibda djalogu politiku msaħħaħ mal-awtoritajiet, kif jipprevedi l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou;

21.  Jitlob, barra minn hekk, li l-UE u l-pajjiżi tal-AKP, f'kollaborazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, jibqgħu jissorveljaw mill-qrib is-sitwazzjoni ġenerali fiż-żewġ pajjiżi;

22.  Jenfasizza li s-sitwazzjoni fil-Gabon u fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tikkostitwixxi theddida serja għall-istabbiltà tar-reġjun tal-Afrika Ċentrali kollu kemm hu; itenni l-appoġġ tiegħu għall-Unjoni Afrikana fir-rwol kruċjali tagħha fil-prevenzjoni ta' kriżi politika fir-reġjun u ta' kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Presidenti, lill-Prim Ministri u lill-Parlamenti tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-Gabon, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

 

 

Avviż legali