Proċedura : 2017/2564(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0150/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0150/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 16/02/2017 - 6.2

Testi adottati :

P8_TA(2017)0044

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 435kWORD 92k
15.2.2017
PE598.479v01-00}
PE598.483v01-00}
PE598.484v01-00}
PE598.490v01-00}
PE598.491v01-00}
PE598.494v01-00} RC1
 
B8-0150/2017}
B8-0154/2017}
B8-0155/2017}
B8-0161/2017}
B8-0162/2017}
B8-0165/2017} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B8-0150/2017)

EFDD (B8-0154/2017)

ALDE (B8-0155/2017)

S&D (B8-0161/2017)

GUE/NGL (B8-0162/2017)

Verts/ALE (B8-0165/2017)


dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Kuwajt u fil-Bahrain (2017/2564(RSP))


Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Elmar Brok, Ildikó Gáll-Pelcz, Pavel Svoboda, Thomas Mann, Therese Comodini Cachia, Brian Hayes, Sven Schulze, Patricija Šulin, Marijana Petir, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Claude Rolin, Milan Zver, Romana Tomc, Eva Maydell, Deirdre Clune, Ivana Maletić, Željana Zovko, Csaba Sógor, Adam Szejnfeld, Dubravka Šuica, Roberta Metsola, Giovanni La Via, Elisabetta Gardini, Mairead McGuinness, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Krzysztof Hetman, Laima Liucija Andrikienė, Bogdan Brunon Wenta, Ivan Štefanec, Luis de Grandes Pascual, Seán Kelly, Gabriel Mato, Anna Záborská, Andrey Kovatchev, Jiří Pospíšil f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D
Marietje Schaake, Beatriz Becerra Basterrechea, Ilhan Kyuchyuk, Izaskun Bilbao Barandica, Valentinas Mazuronis, Petras Auštrevičius, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Renate Weber, Cecilia Wikström, Gesine Meissner f'isem il-Grupp ALDE
Marie-Christine Vergiat, Ángela Vallina, Marina Albiol Guzmán, Paloma López Bermejo, Dimitrios Papadimoulis, Kostadinka Kuneva, Stelios Kouloglou, Kostas Chrysogonos, Barbara Spinelli f'isem il-Grupp GUE/NGL
Alyn Smith, Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Igor Šoltes, Davor Škrlec, Bronis Ropė, Bodil Valero f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-eżekuzzjonijiet fil-Kuwajt u fil-Bahrain (2017/2564(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bahrain, b'mod partikolari dawk tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-każ ta' Mohammed Ramadan(1) u tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Bahrain(2), u dik tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-piena tal-mewt(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Jannar 2017 tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Federica Mogherini dwar l-eżekuzzjonijiet imwettqa fil-Bahrain, u dik tal-25 ta' Jannar 2017 dwar l-eżekuzzjonijiet reċenti fl-Istat tal-Kuwajt,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Ottubru 2015 tal-VP/RGħ Federica Mogherini, f'isem l-UE, u s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Thorbjørn Jagland, dwar il-Jum Ewropew u Dinji kontra l-Piena tal-Mewt,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Jannar 2017 tar-Rapporteurs Speċjali tan-NU dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji jew Arbitrarji, Agnes Callamard, u dwar it-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, Nils Melzer, li titlob b'urġenza lill-Gvern tal-Bahrain ma jkomplix għaddej b'eżekuzzjonijiet ġodda, u d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Jannar 2017 tal-kelliem tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, Rupert Colville, dwar il-Bahrain,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni l-ġodda tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandhom l-għan li jqiegħdu l-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli 6 u 13 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni għall-Istati Għarab tal-Golf (GCC) tal-1988,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-25 Kunsill Konġunt u Laqgħa Ministerjali UE-GCC tat-18 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-moratorju fuq l-użu tal-piena tal-mewt, b'mod partikolari dik tat-18 ta' Diċembru 2014 u l-iktar waħda reċenti tad-19 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li għalihom kollha l-Kuwajt u l-Bahrain huma firmatarji,

–  wara li kkunsidra s-salvagwardji li jiggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet ta' dawk li jiffaċċjaw il-piena tal-mewt, approvati permezz tar-Riżoluzzjoni 1984/50 tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-25 ta' Mejju 1984,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar it-tielet rapport perjodiku tal-Kuwajt tal-11 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), b'mod partikolari l-Artikolu 18 tiegħu u t-tieni protokoll fakultattiv tiegħu dwar il-piena tal-mewt, kif ukoll il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet tan-NU tal-1954 dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi u tal-1961 dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR), iktar minn 160 stat membru tan-NU, li għandhom varjetà ta' ordinamenti ġuridiċi, tradizzjonijiet, kulturi u sfondi reliġjużi, jew abolixxew il-piena tal-mewt jew inkella ma japplikawhiex;

B.  billi fil-25 ta' Jannar 2017 l-awtoritajiet tal-Kuwajt wettqu l-eżekuzzjoni ta' seba' persuni, inkluż membru tal-familja rjali: Mohammad Shahed Mohammad Sanwar Hussain, Jakatia Midon Pawa, Amakeel Ooko Mikunin, Nasra Youseff Mohammad al-Anzi, Sayed Radhi Jumaa, Sameer Taha Abdulmajed Abduljaleel u Faisal Abdullah Jaber Al Sabah, li ħafna minnhom instabu ħatja ta' qtil; billi ħamsa mill-priġunieri kienu ċittadini barranin: żewġ Eġizzjani, wieħed Bangladeshi, wieħed Filippin u wieħed Etjopjan, u tlieta minnhom kienu nisa; billi dawn kienu l-ewwel eżekuzzjonijiet li saru fil-pajjiż sa mill-2013, meta l-awtoritajiet Kuwajtin wettqu l-eżekuzzjoni ta' ħames persuni wara moratorju ta' sitt snin;

C.  billi ċ-Ċentru tal-Golf għad-Drittijiet tal-Bniedem u organizzazzjonijiet oħra attivi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem iddokumentaw ksur ta' proċess ġust fis-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Kuwajt li għamilha diffiċli għall-imputati li jirċievu proċess ġust;

D.  billi fil-15 ta' Jannar 2017 il-Bahrain wettaq l-eżekuzzjoni ta' Ali Al-Singace, Abbas Al-Samea u Sami Mushaima permezz ta' fuċilazzjoni, u b'hekk temm moratorju ta' sitt snin;

E.  billi, skont l-OHCHR, l-eżekuzzjonijiet twettqu bi ksur serju tal-istandards ta' proċess ġust; billi t-tlett irġiel ġew akkużati b'ibbumbardjar f'Manama fl-2014 li qatel diversi persuni, inklużi tliet uffiċjali tal-pulizija; billi, madankollu, it-tliet akkużati ġew allegatament ittorturati biex jagħmlu konfessjonijiet li mbagħad intużaw bħala evidenza primarja għall-kundanni tagħhom; billi dawn tneħħitilhom in-nazzjonalità tagħhom, ġew miċħuda l-aċċess għal avukat u sarulhom eżekuzzjonijiet inqas minn ġimgħa wara l-verdett, mingħajr ma ngħatat ebda informazzjoni minn qabel lill-familji tagħhom u mingħajr ma ngħataw ebda ċans biex japplikaw għal maħfra;

F.  billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-Eżekuzzjonijiet Extraġudizzjarji, Sommarji jew Arbitrarji ddikjarat dawn l-eżekuzzjonijiet bħala "qtil extraġudizzjarju" fuq il-bażi li t-tlett irġiel ma ngħatawx id-drittijiet għal proċess ġust kif minquxa fl-Artikolu 14 tal-ICCPR;

G.  billi l-OHCHR qal li kien "ixxukkjat" bl-eżekuzzjonijiet u li kien hemm "dubji serji" li l-irġiel irċevew proċess ġust;

H.  billi żewġt irġiel oħra, Mohammed Ramadan u Hussein Moussa, ukoll qed jiffaċċjaw il-piena tal-mewt fil-Bahrain; billi ż-żewġt irġiel jallegaw li kienu ttorturati biex jikkonfessaw b'mod falz għal delitti kapitali u tista' titwettaq eżekuzzjoni fuqhom f'kull mument;

I.  billi ċ-ċittadin Bahraini-Daniż Abdulhadi al-Khawaja, direttur fundatur taċ-Ċentru tal-Golf għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll Khalil Al Halwachi, għalliem tal-matematika li qabel kien jgħix l-Iżvezja, għadhom il-ħabs minħabba akkużi relatati mal-espressjoni paċifika tal-opinjoni tagħhom;

1.  Jiddeplora bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Kuwajt u tal-Bahrain li jmorru lura għall-prattika tal-piena kapitali; itenni l-kundanna tiegħu kontra l-użu tal-piena tal-mewt, u jappoġġja bis-sħiħ l-introduzzjoni ta' moratorju fuq il-piena tal-mewt bħala pass favur it-tneħħija tagħha;

2.  Jistieden lill-Maestà Tiegħu Sheikh Hamad bin Isa Al Khalifa tal-Bahrain biex ma jipproċedix bl-eżekuzzjonijiet ta' Mohamed Ramadan u ta' Hussein Moosa, u jistieden lill-awtoritajiet Bahrainin jiżguraw proċess mill-ġdid f'konformità mal-istandards internazzjonali; ifakkar li l-allegazzjonijiet kollha ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa matul il-proċedimenti jridu jiġu investigati kif xieraq;

3.  Jenfasizza li l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi espressament jipprojbixxu l-piena tal-mewt għal reati mwettqa minn persuni taħt l-età ta' 18-il sena;

4.  Jistieden lill-Gvernijiet tal-Kuwajt u tal-Bahrain biex joħorġu stedina immedjata u miftuħa lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti ħalli jwettaq żjara fil-pajjiż, u biex jippermettu aċċess bla xkiel għad-detenuti u għall-postijiet kollha ta' detenzjoni;

5.  Ifakkar li l-UE topponi l-piena kapitali u tqisha bħala kastig krudili u inuman li jonqos milli jaġixxi bħala deterrent għall-imġiba kriminali u huwa irriversibbli f'każ ta' żball;

6.  Jistieden lill-Kuwajt u lill-Bahrain jiffirmaw u jirratifikaw it-Tieni Protokoll Fakultattiv tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi mmirat lejn l-abolizzjoni tal-piena tal-mewt;

7.  Iħeġġeġ lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jkomplu jiġġieldu kontra l-użu tal-piena tal-mewt; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Bahrain u lill-Kuwajt jikkonformaw mal-istandards minimi internazzjonali u jnaqqsu l-kamp ta' applikazzjoni u l-użu tal-piena tal-mewt; iħeġġeġ lis-SEAE biex jibqa' viġilanti fir-rigward tal-iżviluppi f'dawn iż-żewġ pajjiżi u fir-reġjun tal-Golf b'mod ġenerali u biex juża l-mezzi kollha ta' influwenza għad-dispożizzjoni tiegħu;

8.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Istati Membri biex jintervjenu quddiem il-Gvern Bahraini ħalli jappellaw għall-ħelsien ta' Nabeel Rajab u ta' dawk kollha miżmuma unikament fuq il-bażi li eżerċitaw paċifikament il-libertà tagħhom ta' espressjoni u ta' assemblea, u biex iħeġġu lill-Gvern tal-Bahrain iwaqqaf l-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti jew il-prattika tar-revoka arbitrarja taċ-ċittadinanza, kif applikata lill-mexxej spiritwali ta' Al-Wefaq, Sheikh Isa Qassim, u dissidenti oħra;

9.  Jistieden lill-Gvern Bahraini jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta Indipendenti tal-Bahrain (BICI), l-Eżami Perjodiku Universali u l-Istituzzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bnedmin; iħeġġeġ ukoll l-isforzi ta' riforma fil-Kuwajt;

10.  Iħeġġeġ id-djalogu u inizjattivi bilaterali u multilaterali bejn l-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tagħha u l-pajjiżi tal-Golf inklużi l-Kuwajt u l-Bahrain dwar kwistjonijiet relatati mad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll f'oqsma oħra ta' interess reċiproku; jistieden lis-SEAE u lill-VP/RGħ Federica Mogherini jinsistu dwar l-istabbiliment ta' djalogu formali dwar id-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet tal-Kuwajt u tal-Bahrain, skont il-Linji Gwida tal-UE dwar Djalogi fuq id-Drittijiet tal-Bniedem;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Istat tal-Kuwajt u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0044.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0315.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0348.

Avviż legali