Proċedura : 2017/2648(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0252/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0252/2017

Dibattiti :

PV 06/04/2017 - 4.3
CRE 06/04/2017 - 4.3

Votazzjonijiet :

PV 06/04/2017 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0127

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 433kWORD 53k
5.4.2017
PE603.680v01-00}
PE603.682v01-00}
PE603.683v01-00}
PE603.685v01-00}
PE603.690v01-00}
PE603.692v01-00} RC1
 
B8-0252/2017}
B8-0254/2017}
B8-0255/2017}
B8-0257/2017}
B8-0262/2017}
B8-0264/2017} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

EFDD (B8-0252/2017)

S&D (B8-0254/2017)

Verts/ALE (B8-0255/2017)

ECR (B8-0257/2017)

ALDE (B8-0262/2017)

PPE (B8-0264/2017)


dwar il-Bangladesh, inkluż iż-żwieġ tat-tfal (2017/2648(RSP))


Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Elmar Brok, Deirdre Clune, Pavel Svoboda, Laima Liucija Andrikienė, Brian Hayes, Jaromír Štětina, Stanislav Polčák, Ivan Štefanec, Therese Comodini Cachia, Tunne Kelam, József Nagy, Sven Schulze, Lefteris Christoforou, Dubravka Šuica, Ivana Maletić, Romana Tomc, Giovanni La Via, Patricija Šulin, Csaba Sógor, Marijana Petir, Luděk Niedermayer, David McAllister, Željana Zovko, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Adam Szejnfeld, Elisabetta Gardini, Michaela Šojdrová, Bogdan Brunon Wenta, Milan Zver, Krzysztof Hetman, Ivo Belet, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Lars Adaktusson, László Tőkés, Eva Maydell, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Jiří Pospíšil, Anna Maria Corazza Bildt, Andrey Kovatchev f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Neena Gill, Karoline Graswander-Hainz f'isem il-Grupp S&D
Urszula Krupa, Anna Elżbieta Fotyga, Geoffrey Van Orden, Raffaele Fitto, Angel Dzhambazki, Notis Marias, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Karol Karski, Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Dita Charanzová, Johannes Cornelis van Baalen, Beatriz Becerra Basterrechea, Petras Auštrevičius, Urmas Paet, Marian Harkin, Louis Michel, Ivan Jakovčić, Marielle de Sarnez, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Hilde Vautmans, Pavel Telička, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Gérard Deprez, Carolina Punset, Nathalie Griesbeck, Petr Ježek, Izaskun Bilbao Barandica, Cecilia Wikström, Martina Dlabajová, Ramon Tremosa i Balcells, Paavo Väyrynen, Nedzhmi Ali, Hannu Takkula, Valentinas Mazuronis, Ilhan Kyuchyuk, Jasenko Selimovic, Filiz Hyusmenova, Charles Goerens f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Terry Reintke, Ulrike Lunacek f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Rosa D’Amato, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD
Barbara Kappel
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Bangladesh, inkluż iż-żwieġ tat-tfal (2017/2648(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Settembru 2014 dwar ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Bangladesh(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017(2),

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet ta' għeluq tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-Bangladesh tat-22 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-2 ta' Lulju 2015 dwar it-tisħiħ tal-isforzi għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni taż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ bikri u ż-żwieġ furzat,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottati mill-Kunsill f'Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Beijing tal-1995 u l-Pjattaforma ta' Beijing għall-Azzjoni (BPFA) li ħarġu mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa u li l-Bangladesh huwa firmatarju tagħhom, u l-evalwazzjonijiet perjodiċi dwar il-progress tal-implimentazzjoni tagħhom fil-Bangladesh fis-snin 2000, 2005, 2009 u 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Bangladesh dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp tal-2001,

–  wara li kkunsidra l-Att dwar it-Trażżin taż-Żwieġ tat-Tfal tal-11 ta' Marzu 2017 u l-Att dwar il-Prevenzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal tal-15 ta' Settembru 2014 tal-Bangladesh,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Bangladesh għall-Eliminazzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal 2015–2021,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Bangladesh ilhom stabbiliti, inkluż permezz tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni dwar is-Sħubija u l-Iżvilupp; billi r-rispett u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi huma l-bażi tal-politiki domestiċi u internazzjonali tal-partijiet, u jridu jkunu parti essenzjali tal-azzjoni esterna tal-UE;

B.  billi, f'dawn l-aħħar xhur, NGOs u l-midja indipendenti rrapportaw sensiela ta' vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-għajbien furzat ta' persuni, sikkatura fuq is-soċjetà ċivili, attakki kontra attivisti politiċi u tortura;

C.  billi, skont data reċenti tan-NU, il-Bangladesh għad għandu waħda mill-ogħla rati ta' żwieġ tat-tfal, u l-ogħla rata fl-Asja; billi 52 % tal-bniet u tfajliet fil-Bangladesh jiżżewġu qabel jagħlqu 18-il sena ,u 18 % qabel jagħlqu 15-il sena;

D.  billi n-NU jirrikonoxxu ż-żwieġ tat-tfal bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem li fih it-tfal ma jkollhomx l-għażla jew il-kapaċità li jagħtu l-kunsens sħiħ tagħhom u spiss ikunu soġġetti għal riskji psikoloġiċi u fiżiċi;

E.  billi l-Bangladesh huwa wieħed mit-12-il pajjiż fil-mira tal-Programm Globali tal-UNFPA-UNICEF għall-Aċċelerazzjoni tal-Azzjoni għat-Tmiem taż-Żwieġ tat-Tfal, li hu appoġġjat mill-UE;

F.  billi l-Bangladesh huwa membru tal-Inizjattiva tan-Nofsinhar tal-Asja għat-Tmiem tal-Vjolenza Kontra t-Tfal, li adottat pjan ta' azzjoni reġjonali biex ittemm iż-żwieġ tat-tfal;

G.  billi l-gvern tal-Bangladesh wiegħed, waqt is-Summit tal-Bniet ta' Lulju 2014, li sal-2021 inaqqas b'terz l-għadd ta' bniet u tfajliet li jiżżewġu bejn l-etajiet ta' 15 u 18-il sena u jelimina ż-żwieġ li jinvolvi tfal taħt il-15-il sena, u li sal-2041 itemm iż-żwieġ tat-tfal taħt l-età ta' 18-il sena;

H.  billi, fl-2015, il-Bangladesh ġie kklassifikat fil-119-il post minn 159 pajjiż mistħarrġa għall-Indiċi tal-Inugwaljanza bejn is-Sessi fi ħdan il-Programm ta' Żvilupp tan-NU;

I.  billi, fis-27 ta' Frar 2017, il-Gvern għadda l-Att dwar it-Trażżin taż-Żwieġ tat-Tfal, li – filwaqt li l-età minima għaż-żwieġ iżommha ta' 18-il sena għan-nisa u ta' 21 sena għall-irġiel – jintroduċi eċċezzjonijiet għal "każijiet speċjali" jew "fl-aħjar interessi" tal-adoloxxenti bil-permess tal-qrati, filwaqt li jonqos milli jiddefinixxi tali kriterji jew jistabbilixxi età minima għal dawn iż-żwiġijiet; billi l-kunsens tat-tfal mhuwiex rekwiżit; billi l-liġi daħlet fis-seħħ wara l-approvazzjoni mill-President fil-11 ta' Marzu 2017;

J.  billi din il-liġi tista' twassal għal eskalazzjoni tal-abbużi mid-dota, fastidju sesswali, stupri u attakki bl-użu tal-aċidu u l-leġittimizzazzjoni tal-istupru statutorju; billi tista' wkoll tħalli lill-ġenituri jġiegħlu lil uliedhom bniet jiżżewġu lil min ikun stuprahom;

K.  billi l-linji gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-UE favur protezzjoni u promozzjoni komprensiva tad-drittijiet tat-tfal fil-politika esterna tagħha tad-drittijiet tal-bniedem;

1.  Jafferma mill-ġdid il-kundanna tiegħu għal kull każ ta' żwieġ furzat, ta' żwieġ tat-tfal u ta' vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet madwar id-dinja;

2.  Jinnota l-progress l-Bangladesh kien għamel fl-isforzi tiegħu biex inaqqas il-livelli ta' żwieġ tat-tfal;

3.  Jilqa' l-fatt li, fl-aħħar ftit snin, il-Bangladesh adotta diversi miżuri leġiżlattivi u istituzzjonali bil-għan li jipproteġi lit-tfal; huwa mħasseb, madankollu, dwar l-implimentazzjoni insuffiċjenti jew ineżistenti ta' dawn il-miżuri;

4.  Huwa ddispjaċut ħafna għall-adozzjoni tal-Att dwar it-Trażżin taż-Żwieġ tat-Tfal tal-2017 u għal-lakuni li jinsabu f'dik il-leġiżlazzjoni, li tipprovdi awtorizzazzjoni legali għaż-żwieġ tat-tfal; Jiddispjaċih, barra minn hekk, għan-nuqqas ta' kriterji legali fl-Att, li jqajjem ir-riskju ta' abbuż wiesa';

5.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh jemenda l-Att sabiex isewwi l-lakuni u jipprojbixxi kull żwieġ li jinvolvi t-tfal;

6.  Jinsisti li, sa meta titneħħa kull lakuna mill-Att, il-Gvern tal-Bangladesh jeħtieġlu jadotta kriterji ċari li fuqhom il-qrati, flimkien ma' professjonisti tas-saħħa u tal-kura soċjali, u b'intervista mat-tifla jew tfajla kkonċernata mingħajr il-preżenza ta' membri tal-familja, iridu jibbażaw kwalunkwe deċiżjoni li tawtorizza żwieġ taħt l-età;

7.  Jinnota bi tħassib li l-Att li ġie adottat reċentement huwa pass lura għall-Bangladesh fl-isforzi tiegħu biex jelimina ż-żwieġ tat-tfal; ifakkar li dan l-illaxkar tal-liġi jimminia l-miri tal-istess Gvern tal-Bangladesh għat-tnaqqis taż-żwiġijiet tat-tfal;

8.  Jagħraf l-impatt li ż-żwieġ tat-tfal jista' jkollu, inklużi r-restrizzjoni tal-aċċess għall-edukazzjoni, l-iżolament, il-faqar, id-dipendenza ekonomika u s-servitù, b'mod partikolari għall-bniet u t-tfajliet fiż-żoni rurali, u jinnota bi tħassib it-tkattir tar-riskji ta' stupru, ta' vjolenza fiżika u ta' tqala furzata fiż-żwiġijiet tat-tfal;

9.  Jinnota li ż-żwieġ tat-tfal ħafna drabi jkun konsegwenza ta' tqala taħt l-età u mhux mixtieqa; ifakkar, f'dan ir-rigward, f'kemm huwa importanti li n-nisa u l-bniet jingħataw aċċess għal informazzjoni dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, għal assistenza u għal trattament mediku sikur;

10.  Jistieden lill-Gvern tal-Bangladesh jissokta jiżviluppa l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Eliminazzjoni taż-Żwieġ tat-Tfal 2015–2021, u jistiednu jispjega kif biħsiebu jilħaq l-objettivi tagħhom u jelimina kull żwieġ tat-tfal;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jikkomettu ruħhom b'mod effikaċi biex iwettqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li ġew adottati dan l-aħħar fil-livell internazzjonali, speċjalment biex inaqqsu l-inugwaljanzi u jiżguraw l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa;

12.  Iqis li ż-żwieġ tat-tfal jista' jiġi indirizzat b'mod effikaċi permezz tal-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dinjità tal-bniedem u permezz ta' politiki soċjali pubbliċi; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh, għalhekk, biex b'mod sistematiku jinvolvu lill-komunitajiet u lis-soċjetà ċivili, inklużi NGOs u organizzazzjonijiet tat-tfal, bil-għan li jindirizzaw il-kawżi prinċipali taż-żwieġ tat-tfal fil-Bangladesh, u jqajmu l-kuxjenza fl-iskejjel;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh, f'dan ir-rigward, biex jiemendaw l-Att dwar ir-Regolamentazzjoni tad-Donazzjonijiet minn Barra (Attivitajiet Volontarji) tal-2014, sabiex jiżguraw li l-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ma tkunx soġġetta għal kontroll arbitrarju min-naħa tal-gvern, u li d-deċiżjonijiet kollha meħuda skont dak l-Att ikunu soġġetti għal proċess ta' rieżami indipendenti;

14.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jikkundannaw l-atti orribbli li għadhom jitwettqu kontra l-libertà ta' espressjoni, u jħeġġiġhom jieħdu azzjoni biex itemmu minnufih kull att ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni u ċensura kontra ġurnalisti, bloggers u s-soċjetà ċivili; ikompli jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh iwettqu investigazzjonijiet indipendenti dwar każi ta' qtil extraġudizzjarju, ta' għajbien furzat u ta' użu eċċessiv tal-forza, u jħeġġiġhom iressqu lill-persuni responsabbli quddiem il-ġustizzja skont standards internazzjonali;

15.  Jitlob li l-Kummissjoni u d-Delegazzjoni tal-UE fil-Bangladesh iqajmu dawn il-kwistjonijiet mal-awtoritajiet tal-Bangladesh, u li s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jqajjem il-kwistjoni tal-Att fil-laqgħa li jmiss tal-Kummissjoni Konġunta UE-Bangaldesh;

16.  Jitlob li l-UE tuża l-istrumenti kollha disponibbli biex tgħin lill-Gvern tal-Bangladesh jirrispetta l-obbligi internazzjonali tiegħu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni Ewropea, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh.

 

(1)

ĠU C 234, 28.6.2016, p. 10.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0089.

Avviż legali