Proċedura : 2017/2647(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0253/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0253/2017

Dibattiti :

PV 06/04/2017 - 4.2
CRE 06/04/2017 - 4.2

Votazzjonijiet :

PV 06/04/2017 - 7.2

Testi adottati :

P8_TA(2017)0126

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 447kWORD 50k
5.4.2017
PE603.681v01-00}
PE603.684v01-00}
PE603.686v01-00}
PE603.689v01-00}
PE603.691v01-00} RC1
 
B8-0253/2017}
B8-0256/2017}
B8-0258/2017}
B8-0261/2017}
B8-0263/2017} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0253/2017)

S&D (B8-0256/2017)

Verts/ALE (B8-0258/2017)

ALDE (B8-0261/2017)

PPE (B8-0263/2017)


dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2017/2647(RSP))


Cristian Dan Preda, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Elmar Brok, Deirdre Clune, Pavel Svoboda, Laima Liucija Andrikienė, Brian Hayes, Jaromír Štětina, Stanislav Polčák, Ivan Štefanec, Therese Comodini Cachia, Jarosław Wałęsa, Tunne Kelam, Tomáš Zdechovský, Sven Schulze, Lefteris Christoforou, Dubravka Šuica, József Nagy, Ivana Maletić, Eduard Kukan, Claude Rolin, Romana Tomc, Giovanni La Via, Patricija Šulin, Csaba Sógor, Marijana Petir, Luděk Niedermayer, David McAllister, Željana Zovko, Adam Szejnfeld, Sandra Kalniete, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Bogdan Brunon Wenta, Michaela Šojdrová, Milan Zver, Krzysztof Hetman, Jerzy Buzek, Michał Boni, Eva Maydell, László Tőkés, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Jiří Pospíšil, Anna Záborská, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Anna Maria Corazza Bildt, Michael Gahler, Andrey Kovatchev f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Josef Weidenholzer f'isem il-Grupp S&D
Urszula Krupa, Zdzisław Krasnodębski, Ruža Tomašić, Marek Jurek, Monica Macovei, Charles Tannock, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Karol Karski, Anna Elżbieta Fotyga f'isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Johannes Cornelis van Baalen, Beatriz Becerra Basterrechea, Urmas Paet, Marian Harkin, Louis Michel, Ivan Jakovčić, Marielle de Sarnez, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Dita Charanzová, Jozo Radoš, Hilde Vautmans, Pavel Telička, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Gérard Deprez, Carolina Punset, Nathalie Griesbeck, Petr Ježek, Izaskun Bilbao Barandica, Cecilia Wikström, Martina Dlabajová, Ramon Tremosa i Balcells, Valentinas Mazuronis, Ilhan Kyuchyuk, Jasenko Selimovic, Filiz Hyusmenova f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Rebecca Harms, Bronis Ropė, Igor Šoltes, Barbara Lochbihler, Davor Škrlec f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja (2017/2647(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja, inkluż dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-President tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Belarussja tas-27 ta' Marzu 2016, tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-17 ta' Marzu 2017, tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja tal-14 u t-28 ta' Marzu 2017, tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE tal-24 ta' Marzu 2017, tad-Direttur tal-OSKE/ODIHR tas-17 u s-26 ta' Marzu 2017, tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Assemblea Parlamentari tal-OSKE tas-27 ta' Marzu 2017, u tal-Osservatorju għall-Protezzjoni tad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem (FIDH-OMCT) tad-29 ta' Marzu 2017 dwar l-arresti reċenti ta' dimostranti paċifiċi u detenzjonijiet illegali fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Frar 2016 li neħħew il-miżuri restrittivi kontra 170 individwu u tliet kumpaniji Belarussi,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/350 tas-27 ta' Frar 2017(1) li ġġedded il-miżuri restrittivi kontra l-Belarussja sat-28 ta' Frar 2018, li jinkludu embargo fuq l-armi u ffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-ivvjaġġar kontra erba' persuni elenkati b'konnessjoni mal-għajbien mhux solvut ta' żewġ politiċi tal-oppożizzjoni, negozjant u ġurnalist fl-1999 u l-2000,

–  wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-11 ta' Settembru 2016 u l-elezzjoni presidenzjali li saret fil-11 ta' Ottubru 2015, wara li kkunsidra l-bosta dikjarazzjonijiet tal-awtoritajiet Belarussi li wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR wara l-elezzjoni presidenzjali tal-2015 kienu se jiġu implimentati qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016 u wara li kkunsidra r-rapport finali tal-OSKE/ODIHR tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-elezzjoni presidenzjali fil-Belarussja tal-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-FIDH u taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Viasna" dwar ix-Xogħol Furzat u l-Ksur Ġeneralizzat tad-Drittijiet tal-Ħaddiema fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patt Internazzjonali tan-NU dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Gvern tal-Belarussja introduċa d-Digriet Presidenzjali Nru 3 "Dwar il-Prevenzjoni tad-Dipendenza Soċjali", magħruf bħala "taxxa fuq il-parassiti soċjali", li ġie ffirmat mill-President Alexander Lukashenko fl-2015 u li beda jiġi implimentat sa minn Frar 2017 – dan id-digriet jissanzjona l-qgħad permezz tal-applikazzjoni ta' imposta speċjali maħsuba għall-finanzjament tal-infiq tal-gvern, li tvarja minn taxxa ta' madwar EUR 240, ammont li jirrappreżenta bejn wieħed u ieħor żewġ terzi tal-paga medja fix-xahar fil-Belarussja, sa xogħol furzat għaċ-ċittadini li jkunu ħadmu anqas minn 183 jum fis-sena; billi d-digriet intlaqa' bi kritika estensiva min-naħa taċ-ċittadini, l-attivisti u l-ġurnalisti;

B.  billi wara s-17 ta' Frar u matul ix-xahar ta' Marzu 2017, minkejja l-pressjoni min-naħa tal-midja tal-Istat u l-forzi tas-sigurtà, inkluża l-preżenza ta' uffiċjali armati biex jisfrattaw id-dimostrazzjonijiet, f'għexieren ta' bliet madwar il-Belarussja eluf ta' ċittadini qed jieħdu sehem fi protesti paċifiċi tal-massa bħala reazzjoni kontra l-adozzjoni tad-Digriet Presidenzjali Nru 3 u kontra l-bini ta' ċentru kummerċjali ħdejn Kurapaty, sit li jfakkar il-vittmi ta' Stalin;

C.  billi l-awtoritajiet irrispondew għal dawn il-protesti bil-vjolenza, b'mod partikolari fil-25 u s-26 ta' Marzu 2017; billi dimostranti paċifiċi ppruvaw jimmarċjaw fil-vjal ewlieni ta' Minsk f'Jum il-Ħelsien fil-25 ta' Marzu, iżda ġew imblukkati minn kurdun ta' pulizija ta' kontra l-irvellijiet; billi l-forzi tas-sigurtà attakkaw lid-dimostranti u sawtu lin-nisa, lill-minorenni u lill-anzjani; billi mijiet ta' dimostranti ġew arrestati, inklużi ġurnalisti nazzjonali u barranin li kienu qed jirrappurtaw dwar l-avvenimenti; billi mill-anqas 700 persuna ġew detenuti f'Minsk, fosthom uħud li kienu spettaturi involontarji;

D.  billi grupp kbir ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ġew detenuti filwaqt li kienu qed jattendu d-dimostrazzjonijiet paċifiċi; billi skont iċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Viasna", sa tmiem il-ġurnata tas-27 ta' Marzu, total ta' 177 persuna, talli pparteċipaw fil-protesti tal-25 ta' Marzu, kienu sfaw soġġetti għal sanzjonijiet mill-awtoritajiet ġudizzjarji għal reati amministrattivi, fosthom 74 li kienu soġġetti għal detenzjoni amministrattiva u 93 għal multi; billi aktar minn mitt membru tal-oppożizzjoni ġew arrestati b'mod preventiv qabel il-protesti;

E.  billi 27 persuna, fosthom Zmitser Dashkevich, ex priġunier politiku u mexxej tal-moviment "Front taż-Żgħażagħ", ġew arrestati fuq allegazzjonijiet li kienu qed jikkonfoffaw rewwixta minn gruppi mħarrġa fl-Ukrajna, il-Polonja u l-Litwanja; billi qed jiffaċċjaw akkuża ta' reat li għalih jistgħu jirċievu piena ta' perjodu massimu ta' tliet snin priġunerija; billi l-Kumitat għas-Sigurtà tal-Istat (KGB) qed jirrifjuta li jiżvela l-għadd ta' persuni arrestati b'konnessjoni mal-hekk imsejjaħ "każ tar-rewwixta tal-massa";

F.  billi Mikalay Statkevich, persunaġġ prominenti tal-oppożizzjoni u ex kandidat għall-kariga ta' president, li kien mistenni jmexxi d-dimostrazzjoni f'Minsk, ġie arrestat u nżamm f'ċentru ta' detenzjoni tal-KGB għal tlett ijiem, mingħajr ma ngħatat ebda informazzjoni dwar il-post fejn kien qed jinżamm; billi Sergei Kulinich u Sergei Kuntsevich ġew arrestati wkoll; billi Uladzimir Nyaklyayev, poeta Belarussu magħruf u kandidat għall-elezzjoni presidenzjali fl-2010, ġie detenut ukoll b'mod illegali qabel id-dimostrazzjoni tal-25 ta' Marzu u, b'konsegwenza ta' dan, kellu jittieħed l-isptar minħabba li saħħtu qalbet għall-agħar; billi Pavel Seviarynets, Vitali Rymashevski, Anatol Liabedzka u Yuri Hubarevich, flimkien ma' għadd ta' attivisti ċiviċi, ġew arrestati matul ix-xahar ta' Marzu 2017; billi fit-23 ta' Marzu Ales Lahvinets, deputat president tal-Moviment għall-Ħelsien, ġie arrestat f'Minsk; billi madwar 60 osservatur tad-drittijiet tal-bniedem ġew detenuti b'mod preventiv;

G.  billi fil-25 ta' Marzu 2017 il-pulizija pperkwiżizzjonaw l-uffiċċju taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Viasna" fil-belt kapitali Belarussa, u arrestaw b'mod preventiv lil mill-anqas 57 persuna li kienu involuti fil-monitoraġġ tal-protesti paċifiċi li kienu qed isiru; billi, qabel dan, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn, bħal Oleg Volchek, kap taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Assistenza Legali għall-Poplu", u Anatoli Poplavni, membru tal-fergħa Gomel taċ-Ċentru għad-Drittijiet tal-Bniedem "Viasna", ġew detenuti u kkundannati għal perjodi qosra ta' priġunerija; billi Leonid Sudalenka, membru ta' "Viasna", safa huwa wkoll detenut u kkundannat talli ressaq 'il fuq minn 200 ilment taċ-ċittadini kontra d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Presidenzjali Nru 3 msemmi hawn fuq;

H.  billi, skont l-Assoċjazzjoni tal-Ġurnalisti tal-Belarussja (BAJ), ġew irreġistrati 120 inċident ta' ksur tad-drittijiet tal-ġurnalisti; billi l-internet ingħalaq madwar il-pajjiż u l-ġurnalisti ġew sanzjonati talli koprew l-avvenimenti jew ingħataw sentenza ta' priġunerija fuq l-akkuża li kkaġunaw diżordni pubbliku jew li ma obdewx l-ordnijiet tal-pulizija; billi wħud minnhom għadhom qed jistennew proċess; billi aktar minn 20 każ ta' fastidju fil-konfront ta' ġurnalisti ta' Belsat TV ġew irreġistrati mit-12 ta' Marzu 2017 'l hawn, u billi fil-31 ta' Marzu l-uffiċċji ta' Belsat TV ġew ipperkwiżizzjonati mill-pulizija u xi tagħmir ġie ssekwestrat;

I.  billi dawn huma l-aktar l-avvenimenti serji li ġraw sa mir-repressjoni ħarxa fuq id-dimostrazzjonijiet fl-2010, u jistgħu jitqiesu bħala rigress deplorevoli; billi din il-mewġa ġdida ta' repressjoni qed isseħħ eżattament sena wara d-deċiżjoni tal-UE li tidħol fl-hekk imsejħa politika ta' involviment mill-ġdid għar-relazzjonijiet mal-Belarussja;

J.  billi l-Belarussja hija Stat parteċipanti tal-OSKE u qablet li tirrispetta d-drittijiet ta' għaqda paċifika u ta' assoċjazzjoni; billi l-arresti tal-massa msemmijin hawn fuq, l-użu eċċessiv tal-forza kontra d-dimostranti u l-perkwiżizzjonijiet irrappurtati fil-konfront tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkostitwixxu ksur ċar ta' dawn l-impenji;

K.  billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali; billi l-ewwel sentenza tal-piena tal-mewt fl-2017 ingħatat fis-17 ta' Marzu;

L.  billi l-UE neħħiet il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi fir-rigward ta' uffiċjali u entitajiet legali Belarussi fi Frar 2016 bħala ġest ta' rieda tajba biex tħeġġeġ lill-Belarussja ttejjeb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fit-territorju tagħha; billi l-Kunsill fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta' Frar 2016 dwar il-Belarussja saħaq fuq il-ħtieġa li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Belarussja tissaħħaħ f'għadd ta' oqsma relatati mal-ekonomija, il-kummerċ u l-assistenza, u dan jiftaħ il-possibbiltà li l-Belarussja tapplika għall-finanzjament mingħand il-BEI u l-BERŻ;

M.  billi s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli fil-Belarussja qed tħabbat wiċċha ma' prospetti li tkompli tiddeterjora, b'setturi kbar li għadhom jappartjenu lill-Istat u li għadhom taħt sistema ta' kmand u kontroll amministrattiv; billi d-dipendenza tal-Belarussja mill-għajnuna ekonomika mingħand ir-Russja qed tiżdied kontinwament;

N.  billi wieħed mill-objettivi tal-parteċipazzjoni tal-Belarussja fis-Sħubija tal-Lvant u l-fergħa parlamentari tagħha, l-Euronest, huwa li l-kooperazzjoni bejn il-pajjiż u l-UE ssir aktar intensiva; billi l-Parlament Belarussu m'għandu l-ebda status uffiċjali fl-Assemblea Parlamentari Euronest;

O.  billi l-Belarussja tagħmel parti mill-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar is-Sigurtà Kollettiva (CSTO) u tieħu sehem fil-manuvri militari konġunti "Zapad 2017" mar-Russja, li jkopru xenarji li jinvolvu attakki fuq il-ġirien tagħha tal-Punent li jinkludu simulazzjoni tal-użu ta' armi nukleari u li għandhom negattiv potenzjali fuq is-sigurtà u s-sovranità nazzjonali tar-Repubblika tal-Belarussja u r-reġjun;

P.  billi l-UE hija impenjata lejn futur stabbli, demokratiku u prosperu għall-Belarussja, għall-benefiċċju tal-poplu tagħha; billi titjib sinifikanti fil-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-midja, ir-rispett għad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja;

1.  Jikkundanna r-repressjoni tad-dimostranti paċifiċi u l-atti ta' repressjoni li seħħu qabel u matul id-dimostrazzjonijiet tal-25 ta' Marzu 2017; jisħaq fuq il-fatt li minkejja l-appelli għar-rażan li għamlet il-komunità internazzjonali, ir-rispons min-naħa tas-servizzi tas-sigurtà kien indiskriminat u mhux xieraq; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-aħħar żviluppi fil-Belarussja u jenfasizza l-ħtieġa ċara ta' proċess ta' demokratizzazzjoni usa' fil-pajjiż;

2.  Jikkundanna r-restrizzjonijiet eċċessivi fuq id-dritt ta' għaqda paċifika, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni, fosthom fuq persuni li jesprimu opinjonijiet dwar kwistjonijiet soċjali u kwistjonijiet pubbliċi oħra, u, partikolarment, il-fastidju u d-detenzjoni ta' ġurnalisti indipendenti, membri tal-oppożizzjoni, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u dimostranti oħra;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Belarussja biex b'mod immedjat u inkundizzjonat jeħilsu u jwaqqgħu l-akkużi ġudizzjarji kollha kontra d-dimostranti paċifiċi, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti tas-soċjetà ċivili u l-membri tal-oppożizzjoni kollha li ġew detenuti b'konnessjoni mal-mewġa ta' dimostrazzjonijiet attwali; iqis li l-prattika ta' arresti preventivi hija totalment inaċċettabbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex b'mod immedjat jiżvelaw informazzjoni dwar dawk kollha li ġew arrestati lil qrabathom u lill-pubbliku ġenerali;

4.  Itenni li l-użu tal-forza kontra xi ħadd li jeżerċita d-dritt tiegħu li jieħu sehem fi protesti paċifiċi ma jista jiġi ġġustifikat taħt l-ebda ċirkostanza, u li r-repressjonijiet li jiksru d-dritt tal-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda jmorru kontra l-obbligi internazzjonali tal-Belarussja u kontra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Belarussja; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Belarussja jinvolvu ruħu fi djalogu miftuħ maċ-ċittadini, l-organizzazzjonijiet indipendenti tas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti tiegħu;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi jwettqu minnufih investigazzjonijiet bir-reqqa u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' detenzjoni arbitrarja u ksur ieħor tad-drittijiet tad-dimostranti b'konnessjoni mad-dimostrazzjonijiet reċenti; iwissi li fil-każ li tali investigazzjonijiet ma jsirux, l-UE jaf tapplika miżuri restrittivi ġodda fil-konfront tal-ogħla uffiċjali Belarussi li huma responsabbli għar-repressjonijiet reċenti;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet itemmu l-fastidju fil-konfront tal-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi u jwaqqfu l-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22.9(2) tal-Kodiċi Amministrattiv kontra ġurnalisti indipendenti talli jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, peress li dan jirrestrinġi d-dritt għal-libertà ta' espressjoni u t-tixrid ta' informazzjoni;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Belarussi biex iwaqqfu l-fastidju fil-konfront tas-soċjetà ċivili fil-pajjiż, biex jippermettu l-funzjonament legali sħiħ u liberu tal-organizzazzjonijiet pubbliċi, biex jirrevokaw mingħajr dewmien l-Artikolu 193/1 tal-Kodiċi Kriminali, li jippenalizza l-organizzazzjoni tal-attivitajiet tal-assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi mhux reġistrati u l-parteċipazzjoni f'tali attivitajiet, u biex jippermettu l-funzjonament legali sħiħ, liberu u mingħajr xkiel tal-assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet pubbliċi, inklużi dawk tal-minoranzi nazzjonali u l-organizzazzjonijiet indipendenti tagħhom;

8.  Iħeġġeġ lill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE, li għandha l-ħsieb li torganizza s-26 Sessjoni Annwali tagħha f'Minsk f'Lulju 2017, biex tqis l-avvenimenti reċenti fil-Belarussja u bħala minimu tiżgura l-involviment tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni demokratika, il-midja indipendenti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

9.  Jistieden lill-Gvern Belarussu biex jimpenja ruħu fi djalogu kostruttiv mal-oppożizzjoni u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, kif ukoll biex jikkopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, billi jwettaq riformi li misshom ilhom li saru għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tad-demokrazija; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jagħtu u jsaħħu l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja u barra mill-pajjiż; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li jingħata appoġġ lis-sorsi ta' informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li xxandar bl-ilsien Belarussu u minn barra l-pajjiż; jistieden, barra minn hekk, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem biex jeżamina modi u mezzi kif tiġi promossa l-protezzjoni sħiħa u effikaċi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja;

10.  Jirrakkomanda t-tħassir tad-Digriet Presidenzjali Nru 3 bħala miżura arbitrarja, ħarxa u moralment dubjuża, li tikser id-drittijiet tal-bniedem internazzjonali, u li hu stmat li tolqot aktar minn 470 000 Belarussu;

11.  Jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja; jistieden lill-Gvern Belarussu jirrikonoxxi l-mandat tar-Rapporteur Speċjali u jikkoopera għalkollox miegħu; jistieden lis-SEAE jikkoordina aħjar il-politika tal-UE lejn il-Belarussja mar-Rapporteur Speċjali tan-NU; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu u jappoġġaw l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU biex ikompli jwettaq monitoraġġ tas-sitwazzjoni fil-pajjiż;

12.  Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jerġgħu jibdew mingħajr dewmien il-ħidma fuq riforma elettorali komprensiva bħala parti minn proċess ta' demokratizzazzjoni usa' u f'kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-OSKE/ODIHR jiġu introdotti minn kmieni biżżejjed qabel l-elezzjonijiet lokali li għandhom isiru f'Marzu 2018;

13.  Iħeġġeġ lill-gvern jingħaqad ma' moratorju globali fuq l-użu tal-piena ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa ulterjorment programmi edukattivi li jippermettu liż-żgħażagħ Belarussi jistudjaw fl-UE billi tħaffef il-proċess tal-applikazzjonijiet għall-viżi u għall-boroż ta' studju;

15.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Frar 2017 li ttawwal il-miżuri restrittivi fuq erba' individwi u l-embargo fuq l-armi kontra l-Belarussja sat-28 ta' Frar 2018; jistieden lis-SEAE jkompli jsegwi u jissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fil-pajjiż bl-għan li jivvaluta l-effikaċja tal-politika ta' involviment mill-ġdid kostruttiv tal-UE; jemmen li għandhom jiġu stabbiliti parametri referenzjarji ċari mill-UE, li għandhom japplikaw kundizzjonalitajiet konsistenti fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem sabiex jiġu żgurati riformi li jipproteġu l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta jekk l-ogħla standards ta' sikurezza nukleari humiex iggarantiti għall-impjant nukleari ta' Ostrovets li qed jinbena bħalissa u jekk garanzija tal-UE għall-BEI tintużax eventwalment għall-finanzjament ta' dan is-sit nukleari fil-Belarussja, u biex tivvaluta jekk tali garanzija tkunx konformi mas-sanzjonijiet tal-UE imposti fuq il-Federazzjoni Russa;

17.  Itenni l-impenn tiegħu li jaħdem għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja, li jappoġġa l-aspirazzjonijiet u l-inizjattivi prodemokratiċi tiegħu u li jikkontribwixxi għal futur stabbli, demokratiku u prosperu tal-Belarussja; itenni li r-rispett għal-libertajiet ċivili, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem se jkun kruċjali għat-tiswir ta' relazzjonijiet ulterjuri bejn l-UE u l-Belarussja;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-awtoritajiet Belarussi u lill-Assemblea Parlamentari tal-OSKE.

 

 

 

(1)

ĠU L 50, 28.2.2017, p. 81.

Avviż legali