Proċedura : 2017/2688(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0349/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0349/2017

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 18/05/2017 - 11.15
CRE 18/05/2017 - 11.15

Testi adottati :

P8_TA(2017)0231

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 166kWORD 49k
16.5.2017
PE603.774v01-00}
PE603.775v01-00}
PE603.776v01-00}
PE603.778v01-00}
PE603.780v01-00}
PE604.994v01-00} RC1
 
B8-0349/2017}
B8-0350/2017}
B8-0351/2017}
B8-0353/2017}
B8-0355/2017}
B8-0356/2017} RC1/REV

imressqa skont l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

S&D (B8-0349/2017)

ECR (B8-0350/2017)

Verts/ALE (B8-0351/2017)

GUE/NGL (B8-0353/2017)

ALDE (B8-0355/2017)

PPE (B8-0356/2017)


dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja (2017/2688(RSP))


Cristian Dan Preda, Sandra Kalniete, Jaromír Štětina, Michael Gahler, Anna Maria Corazza Bildt f'isem il-Grupp PPE
Soraya Post, Tanja Fajon, Elena Valenciano, Knut Fleckenstein, Pier Antonio Panzeri f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ian Duncan, Kay Swinburne, Anneleen Van Bossuyt, Mark Demesmaeker, Helga Stevens, Sander Loones, Raffaele Fitto f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Ilhan Kyuchyuk, Frédérique Ries, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Malin Björk, Helmut Scholz, Merja Kyllönen, Marisa Matias, Barbara Spinelli, Cornelia Ernst, Eleonora Forenza, Josu Juaristi Abaunz, Dimitrios Papadimoulis, Dennis de Jong f'isem il-Grupp GUE/NGL
Ulrike Lunacek, Rebecca Harms, Heidi Hautala, Ernest Urtasun, Terry Reintke, Barbara Lochbihler, Judith Sargentini, Molly Scott Cato f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Marco Zullo, Rosa D’Amato, Dario Tamburrano, Marco Valli, Tiziana Beghin, Isabella Adinolfi, Laura Ferrara, Laura Agea, Eleonora Evi, David Borrelli, Daniela Aiuto, Piernicola Pedicini

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kunsill dwar l-LGBTI, b'mod partikolari fir-rigward tal-persekuzzjoni tal-irġiel (meqjusa bħala) omosesswali fiċ-Ċeċenja, ir-Russja (2017/2688(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Russja,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Federazzjoni Russa, b'mod partikolari l-Kapitolu 2 dwar id-Drittijiet u l-Libertajiet tal-Bniedem u ċ-Ċittadin,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2013 għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha minn persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-UE dwar l-ugwaljanza tal-LGBTI tas-16 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, dwar it-Tortura u t-Trattament Ħażin, u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-Pjan Direzzjonali tal-UE kontra l-omofobija u d-diskriminazzjoni abbażi ta' orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-13 ta' April 2017 maħruġa mill-esperti tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar l-abbuż u d-detenzjoni ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-6 ta' April 2017 maħruġa mill-Kelliem għall-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja tad-19 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE dwar ir-rapporti kontinwi ta' arresti u qtil ta' rġiel gay mill-Gvern taċ-Ċeċenja fil-Kunsill Permanenti tal-OSKE tas-27 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kelliem tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti fis-7 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mid-Direttur tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE fit-13 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra l-konferenza stampa konġunta bejn il-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà Federica Mogħerini u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Russu Sergey Lavrov f'Moska, fl-24 ta' April 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-1 ta' April 2017 ġie ppubblikat artiklu fil-gazzetta indipendenti Russa Novaya Gazeta, fejn ġie rrappurtat li iżjed minn mitt raġel, gay jew meqjusa u perċepiti bħala gay, kienu ġew maħtufa u miżmuma fir-repubblika awtonoma taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa, bħala parti minn kampanja koordinata allegatament organizzata mill-awtoritajiet u l-forzi tas-sigurtà tar-repubblika fuq ordnijiet diretti tal-President taċ-Ċeċenja, Ramzan Kadyrov;

B.  billi Novaya Gazeta rrappurtat li l-vittmi li nħatfu ġew maltrattati, ittorturati u mġiegħla jiżvelaw l-identità ta' individwi LGBTI oħrajn; billi ġie rappurtat ukoll li mill-inqas tliet irġiel kienu nqatlu, tnejn bħala riżultat tat-trattament f'kustodja u wieħed mill-familja tiegħu fl-hekk imsejjaħ "qtil tal-unur";

C.  billi l-ewwel rapporti ġew ikkonfermati separatament mill-Human Rights Watch u l-Grupp ta' Kriżi Internazzjonali, li t-tnejn li huma jiċċitaw sorsi fil-post li jikkonfermaw li l-irġiel meqjusa bħala gay kienu fil-mira biex ikunu miżmuma mill-forzi tal-pulizija u tas-sigurtà;

D.  billi hu rrapurtat li l-awtoritajiet fiċ-Ċeċenja ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet u wrew li mhumiex lesti li jinvestigaw u jtellgħu l-qorti lil dawk responsabbli;

E.  billi fil-biċċa l-kbira tagħhom il-vittmi jibqgħu lura milli jitolbu li ssir ġustizzja, minħabba li jibżgħu li jkun hemm ritaljazzjoni mill-awtoritajiet lokali; billi l-persuni gay u leżbjani u dawk meqjusa bħala gay jew leżbjani huma partikolarment vulnerabbli minħabba omofobija soċjetali b'saħħitha u r-riskju li jisfaw vittmi ta' qtil tal-unur minn qrabathom;

F.  billi wara snin ta' theddid u repressjoni u deterjorament qawwi tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kawkasu tat-Tramuntana, kważi l-ebda ġurnalist indipendenti jew attivist tad-drittijiet tal-bniedem ma jista' jaħdem fir-reġjun; billi ġie rrappurtat li l-ġurnalisti li jaħdmu għall-gazzetta Novaya Gazeta, li kixfet ir-repressjoni, irċevew theddid ta' mewt minħabba xogħolhom; billi l-awtoritajiet Ċeċeni ċaħdu l-allegazzjonijiet kollha u talbu lill-ġurnalisti jsemmu lill-vittmi intervistati;

G.  billi l-pulizija f'San Pietruburgu u f'Moska żammew maqbuda attivisti LGBTI li ppruvaw iqajmu sensibilizzazzjoni u jitolbu investigazzjoni dwar il-persekuzzjoni ta' rġiel gay fiċ-Ċeċenja;

H.  billi l-Federazzjoni Russa hija firmatarja ta' bosta trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u, bħala membru tal-Kunsill tal-Ewropa, tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, għandha għalhekk id-dover li tiżgura s-sikurezza tal-persuni kollha li jistgħu jkunu f'riskju, inkluż abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom; billi r-Russja għandha l-obbligu u l-mezzi biex tinvestiga d-delitti mwettqa mill-awtoritajiet Ċeċeni; billi l-omosesswalità ġiet dekriminalizzata fil-Federazzjoni Russa fl-1993;

I.  billi l-President Putin inkariga lill-Ombudsperson Russa għad-Drittijiet tal-Bniedem, Tatyana Moskalkova, tifforma grupp ta' ħidma biex tinvestiga l-allegazzjonijiet;

J.  billi l-individwi LGBTI huma protetti taħt id-dritt internazzjonali eżistenti dwar id-drittijiet tal-bniedem u taħt il-leġiżlazzjoni domestika Russa; billi, madankollu, ħafna drabi hija meħtieġa azzjoni speċifika biex tiżgura t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni LGBTI, peress li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru jistgħu jġibu magħhom riskji addizzjonali ta' diskriminazzjoni, bullying u prosekuzzjoni, fl-iskejjel, fuq il-postijiet tax-xogħol u fis-soċjetà usa', kif ukoll fi ħdan il-familji; billi huwa l-kompitu u r-responsabbiltà tal-pulizija, tal-ġudikatura u tal-awtoritajiet li jiġġieldu kontra dawn il-forom ta' diskriminazzjoni u jopponu l-attitudnijiet soċjali negattivi;

K.  billi l-Linji Gwida tal-UE dwar l-LGBTI jippreskrivu attitudni proattiva min-naħa tad-Delegazzjonijiet tal-UE u l-ambaxxati nazzjonali tal-Istati Membri, fir-rigward tal-promozzjoni tad-drittijiet LGBTI; billi dawn il-Linji Gwida jistipulaw li l-ġlieda kontra l-vjolenza fobika fil-konfront tal-LGBTI u l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-LGBTI huma oqsma prijoritarji;

L.  billi fis-7 ta' Marzu 2017 ir-Russja adottat leġiżlazzjoni li tiddekriminalizza l-vjolenza domestika, b'tali mod li naqqset l-att ta' vjolenza fi ħdan il-familja minn reat kriminali għal wieħed amministrattiv, b'sanzjonijiet iktar dgħajfa għal dawk li jwettqu r-reati; billi l-Parlament Ewropew iddibatta din il-kwistjoni fis-sessjoni parzjali tiegħu fi Strasburgu tat-13-16 ta' Marzu 2017;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rapporti ta' detenzjoni arbitrarja u tortura ta' rġiel meqjusa bħala gay fir-Repubblika taċ-Ċeċenja fil-Federazzjoni Russa; jistieden lill-awtoritajiet biex itemmu din il-kampanja ta' persekuzzjoni, jeħilsu immedjatament lil dawk li għadhom miżmuma illegalment, biex jiżguraw il-protezzjoni ġuridika u fiżika għall-vittmi u għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti li ħadmu fuq dan il-każ, u biex iħallu lill-organizzazzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem iwettqu investigazzjoni kredibbli dwar l-allegati reati;

2.  Jikkundanna d-dikjarazzjonijiet kollha mill-awtoritajiet Ċeċeni li jħeġġu u jinċitaw vjolenza kontra persuni LGBTI, inkluż dikjarazzjoni mill-kelliem tal-Gvern Ċeċen li tiċħad l-eżistenza ta' omosesswali fiċ-Ċeċenja u tiddiskredita r-rapport bħala "gideb u diżinformazzjoni assoluta"; jiddeplora n-nuqqas ta' rieda tal-awtoritajiet lokali li jinvestigaw u jħarrku l-ksur serju dirett speċifikament lejn individwi abbażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħhom, u jfakkar lill-awtoritajiet li d-drittijiet tal-libertà ta' assemblea, assoċjazzjoni u espressjoni huma drittijiet universali u japplikaw għal kulħadd; jitlob il-ħelsien immedjat ta' dawk li għadhom miżmuma illegalment; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Russi jipprovdu protezzjoni ġuridika u fiżika għall-vittmi, kif ukoll għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti li ħadmu fuq dan il-każ;

3.  Jinnota li l-President Putin ta istruzzjonijiet lill-Ministeru tal-Intern Russu u lill-Prosekutur Federali biex jinvestigaw il-ġrajjiet fiċ-Ċeċenja, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-Kunsill tal-Ewropa biex joffru appoġġ materjali u konsulenza lill-awtoritajiet Russi f'din l-investigazzjoni;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Ċeċeni u dawk tal-Federazzjoni Russa jirrispettaw il-leġiżlazzjoni domestika u l-impenji internazzjonali, iħarsu l-istat tad-dritt u l-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem u jippromwovu l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, inkluż għal persuni LGBTI, bl-appoġġ ta' miżuri bħal kampanji ta' sensibilizzazzjoni li jippromwovu kultura ta' tolleranza, rispett u inklużjoni bbażati fuq l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni; jitlob li jittieħdu miżuri ta' protezzjoni immedjati favur individwi vulnerabbli li jistgħu jisfaw vittmi, u għar-riabilitazzjoni sħiħa tal-vittmi kollha ta' tortura;

5.  Jiddeplora l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun u l-klima ta' impunità li tippermetti li dawn l-atti jseħħu, u jappella għall-iżvilupp ta' miżuri ġuridiċi u ta' miżuri oħrajn li jipprevjenu tali vjolenza u jimmonitorjaw u jħarrku b'mod effikaċi l-awturi b'kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili; jenfasizza li r-Russja u l-Gvern tagħha jġorru r-responsabbiltà aħħarija biex jinvestigaw dawn l-atti, iressqu l-awturi quddiem il-ġustizzja u jipproteġu liċ-ċittadini Russi kollha minn abbuż illegali;

6.  Jitlob, bħala kwistjoni ta' urġenza, li jittieħdu azzjonijiet immedjati, indipendenti, oġġettivi u li jsiru investigazzjonijiet fil-fond dwar l-atti ta' priġunerija, tortura u qtil, sabiex l-awturi intellettwali u materjali tagħhom jitressqu quddiem il-ġustizzja u tintemm l-impunità; jilqa', f'dan ir-rigward, it-twaqqif ta' grupp ta' ħidma taħt it-tmexxija tal-Ombudsperson Russa dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li qed tinvestiga l-kwistjoni; jistieden lill-awtoritajiet Russi jagħtu istruzzjonijiet lill-uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali biex joffri l-anonimità u protezzjonijiet oħrajn għal vittmi u xhieda tal-persekuzzjoni kontra l-persuni gay u l-familji tagħhom fiċ-Ċeċenja sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw fl-investigazzjoni; jistieden lid-delegazzjoni tal-UE u lill-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri fir-Russja biex jissorveljaw b'mod attiv l-investigazzjoni, u biex jintensifikaw aktar l-isforzi lejn l-involviment mal-vittmi, il-persuni LGBTI, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li attwalment jinsabu f'periklu;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u s-soċjetà ċivili Russa, biex tingħata għajnuna lil dawk li ħarbu miċ-Ċeċenja u sabiex din il-kampanja ta' abbuż toħroġ fid-deher; barra minn hekk, jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-proċeduri ta' talba għall-asil għal dawn il-vittmi, il-ġurnalisti u d-defensuri tad-drittijiet tal-bniedem skont id-dritt Ewropew u dak nazzjonali;

8.  Jilqa' u jagħraf l-isforzi magħmula minn bosta kapijiet ta' delegazzjonijiet tal-UE u l-persunal tagħhom u l-ambaxxaturi tal-Istati Membri u l-persunal tagħhom biex jappoġġjaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem tal-LGBTI u jippromwovu n-nondiskriminazzjoni u drittijiet indaqs; jistieden lill-kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-UE u persunal ieħor tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jikkonsultaw mal-Parlament u l-MPE rilevanti kull meta jkollhom mistoqsijiet jew jixtiequ jipprovdu lill-Parlament b'informazzjoni, inkluż fil-Konferenza annwali tal-Ambaxxaturi f'Settembru; jenfasizza l-importanza tal-għarfien u tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida dwar l-LGBTI min-naħa tad-delegazzjonijiet tal-UE u tar-rappreżentanzi tal-Istati Membri; jistieden, f'dan ir-rigward, lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex iħeġġu għal implimentazzjoni aktar strateġika u sistematika tal-Linji Gwida, inkluż permezz ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ tal-persunal tal-UE f'pajjiżi terzi, sabiex b'mod effikaċi jqajmu l-kwistjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fi djalogi politiċi u dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u f'fora multilaterali, u biex jappoġġjaw l-isforzi mis-soċjetà ċivili;

9.  Jenfasizza bil-qawwa l-importanza ta' valutazzjoni kontinwa tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida permezz ta' punti ta' riferiment ċari; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq u tippubblika evalwazzjoni bir-reqqa tal-implimentazzjoni tal-Linji Gwida mid-delegazzjonijiet tal-UE u mir-rappreżentanzi diplomatiċi tal-Istati Membri fil-pajjiżi terzi kollha bil-ħsieb li tidentifika d-differenzi u n-nuqqasijiet possibbli fl-implimentazzjoni u biex dawn jiġu rimedjati;

10.  Jiddispjaċih ħafna li l-Federazzjoni Russa vvutat kontra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ta' Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru;

11.  Ifakkar lill-awtoritajiet Russi u Ċeċeni li s-sistemi tal-valuri reġjonali, kulturali u reliġjużi m'għandhomx jintużaw bħala skuża biex jiġu mħeġġa jew ikun hemm involviment fid-diskriminazzjoni, il-vjolenza, it-tortura, u/jew id-detenzjoni ta' individwi jew gruppi, inkluż abbażi tas-sesswalità jew l-identità tal-ġeneru;

12.  Jinnota bi tħassib, u bħala pass lura, l-adozzjoni mir-Russja ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar il-vjolenza domestika, inkluż dik kontra t-tfal; jenfasizza li leġiżlazzjoni li tittollera l-vjolenza fi ħdan il-familja tirriskja konsegwenzi severi kemm għall-vittmi kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jippromwovu l-qerda tal-forom kollha ta' vjolenza abbażi tal-ġeneru, inkluża l-vjolenza domestika, jipproteġu dawk li huma vulnerabbli, u jappoġġjaw lill-vittmi, kemm ġewwa kif ukoll barra l-Ewropa;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Gvern u l-Parlament tal-Federazzjoni Russa, u lill-awtoritajiet Ċeċeni.

 

(1)

ĠU C 93, 24.3.2017, p. 21.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0502.

Avviż legali