Proċedura : 2017/2754(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0459/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0459/2017

Dibattiti :

PV 06/07/2017 - 8.1
CRE 06/07/2017 - 8.1

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2017 - 11.3

Testi adottati :

P8_TA(2017)0308

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 434kWORD 52k
5.7.2017
PE605.586v01-00}
PE605.587v01-00}
PE605.588v01-00}
PE605.589v01-00}
PE605.590v01-00} RC1
 
B8-0459/2017}
B8-0460/2017}
B8-0461/2017}
B8-0462/2017}
B8-0463/2017} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8-0459/2017)

S&D (B8-0460/2017)

ALDE (B8-0461/2017)

ECR (B8-0462/2017)

PPE (B8-0463/2017)


dwar il-każijiet tar-rebbieħa tal-Premju Nobel Liu Xiaobo u Lee Ming-che (2017/2754(RSP))


Cristian Dan Preda, Michaela Šojdrová, Sandra Kalniete, David McAllister, Mairead McGuinness, Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Patricija Šulin, Jarosław Wałęsa, Ivan Štefanec, Luděk Niedermayer, Tomáš Zdechovský, Jaromír Štětina, Pavel Svoboda, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Milan Zver, Dubravka Šuica, Sven Schulze, Elisabetta Gardini, Krzysztof Hetman, Claude Rolin, Brian Hayes, Joachim Zeller, Eduard Kukan, Lefteris Christoforou, Adam Szejnfeld, Bogdan Brunon Wenta, Romana Tomc, Roberta Metsola, Jiří Pospíšil, Csaba Sógor, Marijana Petir, Tunne Kelam, Seán Kelly, Stanislav Polčák, Željana Zovko, Ivana Maletić, Andrey Kovatchev, Laima Liucija Andrikienė, László Tőkés, Anna Záborská, Lars Adaktusson, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Soraya Post f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Ryszard Antoni Legutko, Ryszard Czarnecki, Hans-Olaf Henkel, Anna Elżbieta Fotyga, Bas Belder, Branislav Škripek, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Hilde Vautmans, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Cecilia Wikström, Filiz Hyusmenova f'isem il-Grupp ALDE
Helga Trüpel, Reinhard Bütikofer, Ulrike Lunacek, Heidi Hautala, Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Jordi Solé, Igor Šoltes, Davor Škrlec, Bronis Ropė, Tamás Meszerics f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każijiet tar-rebbieħa tal-Premju Nobel Liu Xiaobo u Lee Ming-che (2017/2754(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina, b'mod partikolari dawk tal-21 ta' Jannar 2010 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina(1), b'mod partikolari l-każ ta' Liu Xiaobo, tal-14 ta' Marzu 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina(2) u tat-12 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja fl-2013 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini dwar l-istatus ta' Liu Xiaobao tat-30 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra l-35 sessjoni tad-djalogu bejn l-UE u ċ-Ċina dwar id-drittijiet tal-bniedem fi Brussell fit-22 u t-23 ta' Ġunju 2017, u d-dikjarazzjoni tal-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem (DROI) fl-okkażjoni tad-djalogu,

–  wara li kkunsidra s-Samit bejn l-UE u ċ-Ċina li sar fi Brussel fl-1 u t-2 ta' Ġunju 2017;

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-UE fl-34 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) fl-14 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tad-9 ta' Diċembru 2016, dwar il-Jum Internazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra s-Sħubija Strateġika bejn l-UE u ċ-Ċina mnedija fl-2003 u l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-22 ta' Ġunju 2016, bit-titolu "Elementi għal strateġija ġdida tal-UE dwar iċ-Ċina",

–  wara li kkunsidra l-"Karta 08", manifest imfassal minn aktar minn 350 attivist politiku, akkademiku u difensur tad-drittijiet tal-bniedem Ċiniż b'talba għal riforma soċjali, ġudizzjarja u governattiva, u li nħareġ fl-10 ta' Diċembru 2008 biex jikkoinċidi mas-60 anniversarju tal-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Liu Xiaobo, kittieb u attivist prominenti Ċiniż tad-drittijiet tal-bniedem ġie formalment detenut fil-ħabs erba' darbiet matul l-aħħar tletin sena; billi Liu Xiaobo ġie mitfugħ il-ħabs għal 11-il sena fl-2009 għal "inċitament għas-sovverżjoni tas-setgħa tal-istat" wara li għen biex jinkiteb manifest magħruf bħala l-"Karta 08"; billi l-proċeduri formali li seħħew fil-prosekuzzjoni ta' Liu Xiaobo ma ppermettewlux li jkun rappreżentat jew ikun preżenti fi proċedimenti formali, filwaqt li uffiċjali diplomatiċi minn iktar minn tnax-il Stat, inklużi diversi Stati Membri, ma ngħatawx aċċess għas-smigħ tal-qorti matul il-proċess;

B.  billi l-mara ta' Liu Xiaobo, Liu Xia, għalkemm qatt ma kienet akkużata b'xi reat, inżammet taħt arrest domiċiljari minn dakinhar li ngħata l-Premju għall-Paċi fl-2010 u, minn dak iż-żmien, kienet imċaħħda milli jkollha l-kuntatt ma' kważi l-ebda persuni oħra ħlief ma' xi qraba u xi ftit ħbieb;

C.  billi fit-8 ta' Ottubru 2010, il-Kumitat tal-Premju Nobel ta lil Liu Xiaobo il-Premju Nobel għall-Paċi b'rikonoxximent għall-"ġlieda twila u mhux vjolenti għad-drittijiet fundamentali fiċ-Ċina";

D.  billi Liu Xiaobo reċentement ġie ttrasferit minn ħabs fil-provinċja ta' Liaoning fil-Grigal taċ-Ċina għal sptar fil-kapitali tal-provinċja f'Shenyang, fejn qed jiġi kkurat għall-kondizzjoni serja ta' saħħtu wara li ġie dijanjostikat b'kanċer avvanzat fil-fwied;

E.  billi l-awtoritajiet Ċiniżi rrifjutaw talbiet minn Liu Xiaobo u martu biex ifittxu trattament mediku barra ċ-Ċina jew li jmur fid-dar tiegħu f'Beijing;

F.  billi, fid-29 ta' Ġunju 2017, 154 Rebbieħ tal-Premju Nobel ħarġu ittra konġunta lill-President tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina fejn ħeġġew lill-Gvern Ċiniż biex jippermetti lil Liu Xiaobo u martu Liu Xia jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom għal trattament mediku;

G.  billi Lee Ming-che, l-attivist Tajwaniż magħruf favur id-demokrazija kif ukoll għall-promozzjoni tiegħu favur id-drittijiet tal-bniedem permezz tal-midja soċjali, għeb fid-19 ta' Marzu 2017 wara li qasam mill-Macao għal Zhuhai fil-provinċja Ċiniża ta' Guangdong; billi l-Uffiċċju għall-Affarijiet tat-Tajwan fiċ-Ċina kkonferma, waqt konferenza tal-aħbarijiet, li Lee kien detenut mill-"awtoritajiet rilevanti" u qiegħduh taħt investigazzjoni dwar suspett ta' "involviment f'attivitajiet li jheddu s-sigurtà nazzjonali";

H.   billi l-awtoritajiet Ċiniżi ma offrew l-ebda evidenza kredibbli għall-allegazzjonijiet gravi kontra Lee Ming-Che; billi l-priġunerija ta' Lee waslet f'salib it-toroq li matulu r-relazzjonijiet bejn ix-xtut tal-istretti qegħdin dejjem imorru għall-agħar; billi Lee kien attiv fl-għoti ta' informazzjoni dwar il-kultura politika demokratika tat-Tajwan lil sħabu fiċ-Ċina permezz ta' pjattaformi onlajn li huma suxxettibbli għall-monitoraġġ mill-gvern Ċiniż;

I.   billi ċ-Ċina għamlet progress f'dawn l-aħħar snin f'termini ta' realizzazzjoni tad-drittijiet ekonomiċi u soċjali, u dan jirrifletti l-prijoritajiet tagħha favur id-dritt tal-poplu għas-sussistenza, filwaqt li, mill-2013 'l hawn, is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina kompliet tmur għall-agħar bil-gvern iżid l-ostilità tiegħu fil-konfront ta' dissens paċifiku, l-istat tad-dritt, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tar-reliġjon, bħal fil-każ reċenti tal-Isqof Peter Shao Zhumin, li tneħħa bil-forza mid-djoċesi tiegħu f'Wenzhou fit-18 ta' Mejju 2017;

J.   billi l-Gvern Ċiniż għadda liġijiet ġodda, b'mod partikolari, il-Liġi tas-Sigurtà tal-Istat, il-Liġi għall-Ġlieda kontra t-Terroriżmu, il-Liġi dwar iċ-Ċibersigurtà, u l-Liġi dwar il-Ġestjoni tal-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi Barranin, li ġew utilizzati biex jippersegwitaw lil dawk involuti f'attiviżmu pubbliku u kritika paċifika kontra l-gvern bħala theddidiet għas-sigurtà tal-istat, kif ukoll biex isaħħu ċ-ċensura, is-sorveljanza u l-kontroll ta' individwi u gruppi soċjali u biex jiskoraġġixxu lill-individwi milli jwettqu kampanja favur id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

K.   billi, ix-xahar li għadda, il-Gvern Grieg irrifjuta li japprova dikjarazzjoni tal-UE li tikkritika t-trażżin tal-attivisti u d-dissidenti fiċ-Ċina, li kienet se titressaq quddiem il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra fil-15 ta' Ġunju; billi din kienet l-ewwel okkażjoni li fiha l-UE naqset milli tagħmel tali dikjarazzjoni quddiem il-korp ewlieni tan-NU responsabbli għad-drittijiet;

L.   billi l-promozzjoni u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt jenħtieġ li jibqgħu fiċ-ċentru tar-relazzjoni li ilha għaddejja bejn l-UE u ċ-Ċina, b'konformità mal-impenn tal-UE li tiddefendi dawn il-valuri fl-azzjoni esterna tagħha u bl-interess li wriet iċ-Ċina li tikkonforma ma' dawn l-istess valuri fl-iżvilupp u l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha;

1.   Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jeħles, immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet, lil Liu Xiaobo, rebbieħ tal-Premju Nobel għall-Paċi 2010, u lil martu Liu Xia mill-arrest domiċiljari u jippermettilu jikseb kura medika fejn jixtiequ;

2.   Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jippermettu lil Lui Xiaobo aċċess mingħajr restrizzjonijiet għall-familja, il-ħbieb u l-konsulenti legali;

3.   Jistieden lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jilliberaw lil Lee Ming-che immedjatament, peress li ma tressqet l-ebda prova kredibbli relatata mal-każ tiegħu, biex jiżvelaw informazzjoni dwar il-post eżatt fejn jinsab u biex jiġi żgurat, sadanittant, li Lee Ming-che ikun imħares mit-tortura u minn trattament ħażin ieħor, u li jingħata aċċess għall-familja tiegħu, għal avukat tal-għażla tiegħu u għal kura medika adegwata;

4.  Jibqa' ferm imħasseb dwar l-isforzi kontinwi tal-Gvern Ċiniż biex isikket lil atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi d-difensuri, l-attivisti u l-avukati tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Ifakkar kemm hu importanti li l-UE tqajjem il-kwistjoni tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina matul kull djalogu politiku u tad-drittijiet tal-bniedem mal-awtoritajiet Ċiniżi, b'konformità mal-impenn tal-UE li tipproġetta leħen sod, ċar u magħqud fl-approċċ tagħha lejn il-pajjiż, inkluż fid-Djalogi dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li huma regolari u aktar orjentati lejn ir-riżultati; ifakkar, barra minn hekk li, fil-kuntest tal-proċess ta' riforma kontinwa tagħha u ta' impenn globali akbar, iċ-Ċina għażlet li tieħu sehem fil-qafas internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem billi ffirmat firxa wiesgħa ta' trattati internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob, għaldaqstant, li jibqa' jiġi segwit djalogu maċ-Ċina sabiex din tonora dawn l-impenji;

6.  Jinkoraġġixxi liċ-Ċina tirratifika l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi;

7.  Jiddispjaċih dwar il-falliment tal-UE li tagħmel dikjarazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fiċ-Ċina fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra f'Ġunju; jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE jadottaw approċċ sod u bbażat fuq il-valuri fil-konfront taċ-Ċina, u jistenna li ma jwettqux atti jew inizjattivi unilaterali li jistgħu jimminaw il-koerenza, l-effikaċja u l-konsistenza tal-azzjoni tal-UE;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi-President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

 

 

 

(1)

ĠU C 305E, 11.11.2010, p. 9.

(2)

ĠU C 36, 29.1.2016, p. 126.

(3)

ĠU C 316, 30.08.2016, p. 141.

Avviż legali