Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0634/2017Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0634/2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar il-libertà tal-espressjoni fis-Sudan, b'mod partikolari l-każ ta' Mohamed Zine El Abidine

15.11.2017 - (2017/2961(RSP))

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:
ECR (B8‑0634/2017)
EFDD (B8‑0636/2017)
S&D (B8‑0639/2017)
ALDE (B8‑0640/2017)
PPE (B8‑0642/2017)

Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Tomáš Zdechovský, Pavel Svoboda, Lefteris Christoforou, Dubravka Šuica, Eduard Kukan, Marijana Petir, Elisabetta Gardini, Laima Liucija Andrikienė, Luděk Niedermayer, Jarosław Wałęsa, Lorenzo Cesa, Mairead McGuinness, David McAllister, Michaela Šojdrová, Jaromír Štětina, Romana Tomc, Željana Zovko, Ivan Štefanec, Patricija Šulin, Giovanni La Via, Manolis Kefalogiannis, Maurice Ponga, Adam Szejnfeld, Joachim Zeller, Bogdan Brunon Wenta, Sandra Kalniete, Milan Zver, Roberta Metsola, Andrey Kovatchev, Lars Adaktusson, Seán Kelly, Deirdre Clune, Krzysztof Hetman, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Anna Záborská, László Tőkés, Michael Gahler, Inese Vaidere, Ivana Maletić f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Elena Valenciano, Soraya Post f'isem il-Grupp S&D
Karol Karski, Ruža Tomašić, Raffaele Fitto, Branislav Škripek, Angel Dzhambazki, Charles Tannock, Jan Zahradil, Monica Macovei, Notis Marias, Jana Žitňanská, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Czarnecki f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Hilde Vautmans, Izaskun Bilbao Barandica, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Fredrick Federley, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Marietje Schaake, Johannes Cornelis van Baalen, Cecilia Wikström, Valentinas Mazuronis f'isem il-Grupp ALDE
Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas, Piernicola Pedicini f'isem il-Grupp EFDD


Proċedura : 2017/2961(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0634/2017
Testi mressqa :
RC-B8-0634/2017
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-libertà tal-espressjoni fis-Sudan, b'mod partikolari l-każ ta' Mohamed Zine El Abidine

(2017/2961(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fis-Sudan, b'mod partikolari dawk tat-13 ta' Ġunju 2012[1], tal-10 ta' Ottubru 2013[2], tat-18 ta' Diċembru 2014[3] u tas-6 ta' Ottubru 2016[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2017 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017[5],

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Att Sudaniż għall-Istampa u l-Pubblikazzjonijiet tal-2009,

–  wara li kkunsidra l-Liġi Sudaniża dwar il-Libertà ta' Informazzjoni tal-2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Kampala tal-Konferenza Pan-Afrikana dwar il-Libertà ta' Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni, tas-26 ta' Marzu 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-UE, in-Norveġja, l-Istati Uniti tal-Amerika u tal-Kanada dwar detenzjonijiet politiċi u ċ-ċensura tal-gazzetti fis-Sudan, tas-7 ta' Diċembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Libertà ta' Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Aristide Nononsi, l-Espert Indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan, wara l-missjoni tiegħu fis-Sudan tal-11-21 ta' Mejju 2017,

–  wara li kkunsidra ż-żjara mill-Kummissarju Stylianides fis-Sudan tat-22-23 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-UE fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali biex tintemm l-impunità għal reati kontra l-ġurnalisti, (2 ta' Novembru 2017),

–  wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri tal-2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi artiklu ppubblikat minn Mohamed Zine el Abidine fit-23 ta' Frar 2012 fil-gazzetta Al-Tayar ikkritika l-allegata korruzzjoni fil-familja tal-President Sudaniż Omar al-Bashir;

B.  billi s-Servizz Nazzjonali tal-Intelligence u s-Sigurtà Sudaniż (NISS) ressaq akkużi kontra Mohamed Zine el Abidine u l-kap editur tiegħu, Osman Mirgani;

C.  billi fit-23 ta' Ottubru 2017 qorti Sudaniża kkundannat lil Mohamed Zine el Abidine għal sentenza sospiża ta' ħabs b'perjodu ta' probazzjoni ta' ħames snin fuq akkużi li kiser il-kodiċi tal-etika tal-ġurnaliżmu;

D.  billi l-kap editur ta' Al-Tayar, Osman Mirgani, kien ikkundannat iħallas multa ta' 10 000 lira Sudaniża jew iservi sentenza ta' sitt xhur ħabs fuq l-istess akkużi, u kien meħlus wara li tħallset il-multa mill-Unjoni tal-Ġurnalisti Sudaniżi;

E.  billi l-avukat li jirrappreżenta kemm lill-Mohamed Zine el Abidine kif ukoll lil Osman Mirgani wera l-intenzjoni tiegħu li jappella mill-verdett kontrihom;

F.  billi ġie rappurtat li l-NISS tinterroga u żomm arrestati ġurnalisti u ressqet diversi kawżi kontra ġurnalisti Sudaniżi u arbitrarjament ikkonfiskat ħarġiet sħaħ ta' gazzetti, bħal Al-Tayar, Al-Jareeda Al-Watan, Al-Youm Al-Tali, Al-Ayam u Akhir Lahza, li kien fihom artikli bi kritika kontra l-gvern;

G.  billi fl-2016 kien hemm tal-inqas 44 każ ta' pubblikazzjonijiet konfiskati li affettwaw 12-il gazzetta, inklużi ħames ħarġiet ta' Al-Jareeda f'ġimgħa waħda; billi fl-14 ta' Awwissu 2016 il-Kunsill Nazzjonali għall-Istampa u l-Pubblikazzjonijiet issospenda b'mod indefinit il-pubblikazzjoni tal-gazzetti Elaf, Al-Mustagilla, Al-Watan u Awal Al-Nahar;

H.  billi l-eżistenza ta' midja libera, indipendenti u imparzjali tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta' soċjetà demokratika;

I.  billi fit-8 ta' Jannar 2017 is-Sudan iffirma d-Dikjarazzjoni dwar il-Libertà tal-Midja fid-Dinja Għarbija, u hekk sar ir-raba' firmatarju wara l-Palestina, it-Tuneżija u l-Ġordan; billi l-ministru tal-istat għall-affarijiet tal-midja nnota l-impenn tal-gvern li jirrispetta l-libertà tal-istampa fis-Sudan;

J.  billi l-Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri jikklassifikaw lis-Sudan fost l-anqas pajjiżi liberi, il-174 minn 180 pajjiż, fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tagħhom, minħabba "l-fastidju lill-midja, iċ-ċensura, il-konfiska ta' ħarġiet ta' gazzetti, l-għeluq tal-midja, u l-qtugħ tal-Internet";

K.  billi r-rapport tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan innota, f'Lulju 2017, li ċ-ċensura mill-NISS tal-gazzetta Al-Jareeda jmur kontra l-Kostituzzjoni Nazzjonali Interim tas-Sudan;

L.  billi s-Sudan iffirma iżda ma rratifikax il-verżjoni riveduta tal-Ftehim ta' Cotonou tal-2005;

M.  billi l-VP/RGħ Federica Mogherini ħarġet dikjarazzjoni, fl-14 ta' Novembru 2017, dwar iż-żjara tal-President Sudaniż Omar al-Bashir fl-Uganda, li fiha fakkret lill-partijiet kollha għall-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali sabiex jirrispettaw u jimplimentaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali;

N.  billi d-drittijiet tal-bniedem, ċivili u politiċi qed ikompli jkunu mrażżna fis-Sudan;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-kundanna ta' Mohamed Zine el Abidine mill-Qorti dwar l-Istampa f'Khartoum tat-23 ta' Ottubru 2017 għal sentenza sospiża ta' ħabs b'perjodu ta' probazzjoni ta' ħames snin, u jitlob li l-awtoritajiet Sudaniżi immedjatament jirrieżaminaw l-akkużi kollha kontrih;

2.  Jinsab ferm imħasseb dwar il-libertà tal-espressjoni fis-Sudan, dwar iċ-ċensura li teżisti u l-ħtif ta' gazzetti, kif ukoll dwar ir-restrizzjonijiet li qed jiżdiedu fuq ġurnalisti milli liberament jesprimu l-opinjoni tagħhom fis-Sudan; jinnota li l-obbligu ta' rendikont tal-politiki tal-gvern u tal-politiċi responsabbli fid-dominju pubbliku m'għandux jirriżulta f'repressjoni tal-istampa ħielsa; jinnota wkoll bi tħassib ir-restrizzjonijiet finanzjarji fuq terminu twil imqiegħda fuq il-gazzetti bħala riżultat ta' ħtif ta' rutina u ta' sospensjoni ta' operazzjonijiet;

3.  Jiddeplora l-fatt li ħarġu diversi rapporti dwar il-ksur repetut tal-libertà tal-midja u l-fastidju kontinwu ta' ġurnalisti mill-NISS, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi jaraw li s-segħat u l-metodi tal-NISS ikunu konformi mal-istandards internazzjonali;

4.  Jemmen li midja libera, indipendenti u imparzjali tikkostitwixxi waħda mill-fondazzjonijiet essenzjali ta' soċjetà demokratika, fejn dibattiti miftuħa jiżvolġu rwol kruċjali; jitlob li l-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-libertà tal-espressjoni permezz tal-politiki u l-istrumenti esterni tagħha;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Sudaniżi jtemmu immedjatament kull forma ta' fastidju, intimidazzjoni u attakki kontra ġurnalisti u difensuri tal-libertà ta' espressjoni online u offline, u biex iwettqu riformi demokratiċi bħala mezz li bih jiżguraw il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, inkluża l-libertà tal-espressjoni, bi qbil mal-obbligi tagħhom skont il-Kostituzzjoni Nazzjonali Interim tas-Sudan u l-impenji internazzjonali, inkluż il-Ftehim ta' Cotonou;

6.  Jenfasizza li l-istat, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, għandu responsabbiltà primarja għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet kollha tal-bniedem; jistieden lill-awtoritajiet tas-Sudan jerġgħu jistabbilixxu u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali skont id-dritt internazzjonali, inkluża l-libertà tal-espressjoni;

7.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-missjoni reċenti tal-Kummissarju Stylianides u t-twassil tat-tħassib ferm magħruf tal-UE lill-awtoritajiet Sudaniżi, inkluż fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet fundamentali;

8.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jipprovdu appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili permezz ta' assistenza teknika u ta' programmi tal-bini tal-kapaċità, bil-ħsieb li jtejbu l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-kapaċitajiet tal-istat tad-dritt u jippermettulhom jikkontribwixxu b'mod aktar effettiv għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan;

9.  Jinnota bi tħassib l-Att dwar l-Istampa u l-Istampar tal-2017, li jinkludi restrizzjonijiet aktar kontroversjali fuq pubblikazzjonijiet online u dispożizzjonijiet għal sospensjonijiet itwal ta' gazzetti u ġurnalisti; iħeġġeġ lill-Gvern tas-Sudan jemenda l-Att dwar l-Istampa u l-Istampar tal-2009 sabiex jipprovdi aktar protezzjoni lill-ġurnalisti u lill-pubblikaturi ta' gazzetti;

10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana, lill-Parlament Pan-Afrikan u lill-Gvern Sudaniż.