Proċedura : 2017/3003(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0691/2017

Testi mressqa :

RC-B8-0691/2017

Dibattiti :

PV 14/12/2017 - 5.3
CRE 14/12/2017 - 5.3

Votazzjonijiet :

PV 14/12/2017 - 8.3
CRE 14/12/2017 - 8.3

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 419kWORD 50k
13.12.2017
PE614.314v01-00}
PE614.326v01-00} RC1
 
B8-0691/2017}
B8-0702/2017} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8‑0691/2017)

PPE (B8‑0702/2017)


dwar il-każijiet ta' nisa li ttellgħu l-qorti f'El Salvador minħabba li kellhom korriment (2017/3003(RSP))


Cristian Dan Preda, Gabriel Mato, David McAllister, Tomáš Zdechovský, Jaromír Štětina, Claude Rolin, Jarosław Wałęsa, Bogdan Brunon Wenta, Tunne Kelam, Patricija Šulin, Csaba Sógor, Ivan Štefanec, Laima Liucija Andrikienė, László Tőkés, Ivana Maletić, Milan Zver, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Adam Szejnfeld, Eduard Kukan, Manolis Kefalogiannis, Dubravka Šuica, Ramona Nicole Mănescu, Sandra Kalniete, Marijana Petir, Andrey Kovatchev, Seán Kelly, Deirdre Clune, Roberta Metsola, Inese Vaidere, Jeroen Lenaers, Stanislav Polčák, Anna Záborská, Elmar Brok f'isem il-Grupp PPE
Charles Tannock, Valdemar Tomaševski, Karol Karski, Jan Zahradil, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-każijiet ta' nisa li ttellgħu l-qorti f'El Salvador minħabba li kellhom korriment (2017/3003(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni u l-Konvenzjoni Inter-Amerikana kontra l-Korruzzjoni tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS),

–  wara li kkunsidra il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) tal-1979,

–  wara li kkunsidra l-Liġi ta' El Salvador dwar l-Ugwaljanza, l-Ekwità u l-Eliminazzjoni ta' Diskriminazzjoni fil-Konfront tan-Nisa adottata fl-2016, il-Liġi dwar Ħajja Mingħajr Vjolenza għan-Nisa, adottata fl-2012, u l-Liġi dwar il-Protezzjoni Ġenerali tat-Tfal u l-Adoloxxenti (LEPINA), adottata f'April 2009,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2014 tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Eżami Perjodiku Universali dwar El Salvador,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-18 ta' Awwissu 2017 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem ta' Persuni Spostati f'Pajjiżhom,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Novembru 2017 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fi tmiem il-missjoni tiegħu għal El Salvador,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi El Salvador jinsab fil-95 post minn 176 pajjiż skont l-Indiċi ta' Perċezzjonijiet tal-Korruzzjoni 2016 tat-Transparency International; billi, sa nofs Lulju 2016, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali rrappurta li qed jinvestiga 93 każ relatat mal-korruzzjoni, li wasslu għal seba' kundanni biss;

B.  billi f'Awwissu 2016, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali beda proċedimenti kriminali għal korruzzjoni fil-konfront tal-eks President Mauricio Funes, li ngħata asil politiku fin-Nikaragwa mill-President tagħha, is-Sur Ortega; billi f'Novembru 2017, hu u ibnu nstabu ħati ta' arrikkiment illeċitu; billi f'Ottubru 2016, l-eks President Elias Antonio Saca ġie arrestat fuq akkużi ta' approprjazzjoni indebita ta' miljuni ta' dollari ta' fondi pubbliċi;

C.  billi, minħabba l-vjolenza bla rażan bejn gruppi kriminali, El Salvador huwa meqjus wieħed mill-iktar pajjiżi perikolużi fid-dinja; billi minn Jannar 2015 sa Frar 2017, aktar minn elf persuna ċivili u 45 uffiċjal tal-pulizija nqatlu f'konfrontazzjonijiet armati bejn il-pulizija u l-allegati membri tal-gruppi kriminali; billi l-livelli għoljin ta' vjolenza affettwaw serjament il-ħajja tan-nies u żiedu l-livelli tal-ispostamenti u l-migrazzjoni sfurzati f'El Salvador;

D.  billi l-Istat għandu kontroll sħiħ fuq il-ħabsijiet tal-pajjiż permezz tal-Miżuri ta' Sigurtà Straordinarji, li, minn April 2016, poġġa eluf ta' persuni f'detenzjoni prolongata u iżolata b'kundizzjonijiet inumani, u bis-sospensjoni prolongata ta' żjarat mill-familji;

E.  billi, f'każijiet ta' tarbija li twieldet mejta jew ta' korriment, in-nisa spiss huma preżunti li jkunu intenzjonalment temmu t-tqala, anke jekk hemm nuqqas ta' evidenza li ssostni suppożizzjoni bħal din; billi, bejn l-2000 u l-2014, 147 nisa ġew akkużati b'delitti ta' omiċidju u 49 ġew ikkundannati — 26 għal omiċidju u 23 għal abort – wara li weldu tarbija li twieldet mejta jew ġarrbu korriment;

F.  billi fil-5 ta' Lulju 2017, Evelyn Beatriz Hernandez Cruz ġiet ikkundannata għal 30 sena ħabs għal qtil wara li weldet tarbija li twieldet mejta; billi l-proċess kien allegatament vizzjat, peress li l-imħallef aċċetta l-argument tal-prosekuzzjoni li s-Sa Hernandez kienet qatlet intenzjonalment il-fetu mingħajr prova diretta u mingħajr biżżejjed evidenza; billi qorti tal-appell ikkonfermat is-sentenza;

G.  billi fl-2007, Teodora del Carmen Vásquez weldet tarbija li twieldet mejta u nstabet ħatja ta' delitt mingħajr biżżejjed evidenza u assistenza legali effikaċi; billi hija qattgħet dawn l-aħħar 10 snin kalzrata u għadha qed tistenna rieżami tal-każ tagħha;

H.  billi "Las 17" kienu l-iktar nisa li ġew severament ikkastigati, inkwantu ġew ikkundannati għal għexieren ta' snin ħabs bejn l-2000 u l-2011; billi ftit minnhom ġew rilaxxati wara li l-qrati għelbu d-deċiżjonijiet preċedenti;

1.  Jiċħad bil-qawwa l-kundanna u l-priġunerija ta' nisa u bniet li jweldu tarbija li twieldet mejta jew iġarrbu korriment u jitlob ir-rilaxx immedjat u bla kundizzjoni tagħhom; iqis li ħadd ma għandu jiġi kkalzrat fuq il-bażi ta' dawn il-kundanni;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern biex jippermetti n-nisa akkużati għax weldu tarbija li twieldet mejta jew għax ġarrbu korriment, ma jmorrux il-ħabs waqt li jkunu qed jistennew il-proċess, u jirrispetta l-preżunzjoni tal-innoċenza u l-proċess ġust f'dawn il-każijiet u f'proċedimenti relatati; ifakkar li l-Gvern u l-ġudikatura li huma marbuta jirrispettaw l-istandards internazzjonali ta' aċċess ugwali għall-ġustizzja u l-prinċipji li jiggarantixxu proċess ġust għall-individwi kollha, u li l-ħtija tista' tiġi determinata biss fuq il-bażi ta' eżami ta' provi konkreti u suffiċjenti, bi qbil mal-Istatut ta' Ruma li El Salvador kien irratifika;

3.  Jistieden lill-Gvern jiżgura li jiġu garantiti s-segretezza professjonali għal persunal tas-saħħa u l-kunfidenzjalità għall-pazjenti, kif ukoll il-kwalità tas-servizzi tas-saħħa marbuta mat-tqala kollha;

4.  Jappella għall-istabbiliment ta' mekkaniżmu li jimmonitorja l-leġiżlazzjoni reċentement adottata li tipprojbixxi u tikkastiga d-diskriminazzjoni kontra l-bniet tqal, l-abbużi mwettqa minn membri tal-familja u d-diskriminazzjoni kontra l-bniet fl-iskejjel;

5.  Jinsab imħasseb sew dwar il-livelli dejjem akbar ta' korruzzjoni li jxekklu l-iżvilupp ekonomiku, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jappella għall-adozzjoni immedjata ta' strument internazzjonali li jippromwovi u jiffaċilita l-kooperazzjoni internazzjonali sabiex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u, b'mod partikolari, sabiex tittieħed l-azzjoni xierqa kontra persuni li jwettqu atti ta' korruzzjoni fil-qadi tad-dmirijiet pubbliċi; jistieden lil El Salvador jiffirma l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) dwar il-Ġlieda kontra t-Tixħim ta' Uffiċjali Pubbliċi Barranin fit-Tranżazzjonijiet Kummerċjali Internazzjonali;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jgħinu u jipproteġu lill-persuni milquta minn gruppi kriminali sabiex jitnaqqas il-livell ta' vjolenza; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jinvestigaw l-attakki fuq id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġurnalisti f'El Salvador li qed iħabbtu wiċċhom ma' theddid, intimidazzjoni u kampanji ta' malafama u biex jistabbilixxu mezzi effikaċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tagħhom; jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iżidu l-appoġġ li jipprovdu lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem lokali u l-NGOs li jaħdmu għad-drittijiet tan-nisa u l-bniet f'El Salvador;

7.  Jikkundanna l-prattiki inumani fil-ħabsijiet, bħat-tortura, l-iżolament u s-sospensjoni taż-żjarat familjari; jistieden lill-Gvern jirratifika l-Protokoll Fakultattiv għall-Konvenzjoni kontra t-Tortura bil-għan li jiġu evitati t-tortura u t-trattament inuman u degradanti fil-ħabsijiet kollha u fil-postijiet ta' detenzjoni; jitlob li l-organizzazzjonijiet internazzjonali indipendenti jingħataw aċċess għaċ-ċentri ta' detenzjoni;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Presidemt, lill-Gvern u lill-Parlament ta' El Salvador, lill-Parlament tal-Amerika Ċentrali, lill-Assemblea Parlamentari Eurolat u lill-Komunità ta' Stati tal-Amerika Latina u tal-Karibew.

 

Avviż legali