Proċedura : 2018/2513(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0045/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0045/2018

Dibattiti :

PV 18/01/2018 - 4.1
CRE 18/01/2018 - 4.1

Votazzjonijiet :

PV 18/01/2018 - 6.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0013

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 442kWORD 55k
17.1.2018
PE614.337v01-00}
PE614.351v01-00}
PE614.352v01-00}
PE614.353v01-00}
PE614.355v01-00} RC1
 
B8-0045/2018}
B8-0049/2018}
B8-0050/2018}
B8-0051/2018}
B8-0053/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B8-0045/2018)

ECR (B8-0049/2018)

S&D (B8-0050/2018)

Verts/ALE (B8-0051/2018)

ALDE (B8-0053/2018)


dwar in-Niġerja (2018/2513(RSP))


Cristian Dan Preda, Tunne Kelam, Andrzej Grzyb, David McAllister, Sandra Kalniete, Tomáš Zdechovský, Pavel Svoboda, Ivan Štefanec, Elisabetta Gardini, Jaromír Štětina, Krzysztof Hetman, Claude Rolin, Michaela Šojdrová, Dubravka Šuica, Brian Hayes, Thomas Mann, Laima Liucija Andrikienė, Eduard Kukan, Romana Tomc, Patricija Šulin, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Francis Zammit Dimech, Bogdan Brunon Wenta, Adam Szejnfeld, Roberta Metsola, Milan Zver, Eva Maydell, Csaba Sógor, Ivana Maletić, Giovanni La Via, Joachim Zeller, Lars Adaktusson, Andrey Kovatchev, Marijana Petir, Deirdre Clune, Ramona Nicole Mănescu, Jiří Pospíšil, László Tőkés, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Manolis Kefalogiannis, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Stanislav Polčák f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Soraya Post, Cécile Kashetu Kyenge f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Ruža Tomašić, Valdemar Tomaševski, Notis Marias, Monica Macovei, Anna Elżbieta Fotyga, Jana Žitňanská, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
Catherine Bearder, Nedzhmi Ali, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Norica Nicolai, Urmas Paet, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström, Valentinas Mazuronis, Robert Rochefort f'isem il-Grupp ALDE
Judith Sargentini, Maria Heubuch, Heidi Hautala, Jean Lambert, Michèle Rivasi, Bart Staes, Ernest Urtasun, Barbara Lochbihler, Jordi Solé, Davor Škrlec, Bodil Valero, Igor Šoltes, Bronis Ropė, Michel Reimon f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini, Isabella Adinolfi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar in-Niġerja (2018/2513(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Niġerja,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-1981, ratifikata min-Niġerja fit-22 ta' Ġunju 1983,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-libertà reliġjuża li hemm fil-Kapitolu IV dwar id-dritt għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2014 dwar każijiet ta' ħtif fin-Niġerja u tad-9 ta' Frar 2015 dwar l-elezzjonijiet fin-Niġerja,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President Muhammadu Buhari lill-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni li Boko Haram jiżdied mal-lista tal-UE ta' organizzazzjonijiet meqjusa bħala terroristiċi permezz tar-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 583/2014 tat-28 ta' Mejju 2014 li jemenda għall-214-il darba r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 881/2002 li jimponi ċerti miżuri speċifiċi restrittivi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet assoċjati man-netwerk ta' Al-Qaida, li daħal fis-seħħ fid-29 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP / RGħ), Federica Mogherini, tas-7 ta' Mejju 2017 dwar il-ħelsien ta' bniet maħtufa minn Boko Haram fin-Niġerja;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Intolleranza u ta' Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon u t-Twemmin tal-1981,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Politiċi u Ċivili tal-1966, ratifikat min-Niġerja fid-29 ta' Ottubru 1993,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989, ratifikata min-Niġerja fApril 1991,

–  wara li kkunsidra t-tieni reviżjoni tal-Ftehim ta' Cotonou, ratifikat min-Niġerja fis-27 ta' Settembru 2010,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-għoti tal-Premju Sakharov tal-Parlament Ewropew għal-Libertà tal-Ħsieb lid-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Hauwa Ibrahim fl-2005,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-elezzjonijiet presidenzjali Niġerjani ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-istimi tan-NU, in-Niġerja, in-nazzjon l-aktar popolat u kulturalment divers tal-Afrika (il-popolazzjoni tagħha kibret minn 33 miljun fl-1950 għal madwar 190 miljun illum), hija mistennija li ssir it-tielet pajjiż l-aktar popolat fid-dinja, wara ċ-Ċina u l-Indja, sal-2050;

B.  billi n-Niġerja fiha l-akbar popolazzjoni Nisranija tal-Afrika;

C.  billi l-popolazzjoni tan-Niġerja hija maqsuma kważi nofs bin-nofs bejn il-Musulmani u l-Insara;

D.  billi hu stmat li 30 miljun Nisrani jgħixu fit-Tramuntana tan-Niġerja, waqt li jiffurmaw l-akbar minoranza reliġjuża f'reġjun li l-biċċa l-kbira tiegħu hu Musulman;

E.  billi l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) rrapporta f'Novembru 2017 li fil-Grigal tan-Niġerja 8,5 miljun persuna kienu fi bżonn ta' għajnuna għas-sopravivenza u li 6,9 miljun persuna kienu fil-mira ta' għajnuna umanitarja fl-2017;

F.  billi l-Faxxa Ċentrali tal-pajjiż sofriet minn snin ta' tensjoni ekonomika u politika bejn komunitajiet etniċi u reliġjużi, bil-vjolenza reċenti kkawżata minn kompetizzjoni għall-poter u għall-aċċess għall-art bejn komunitajiet tar-rgħajja u dawk agrikoli;

G.  billi l-paċi u l-istabilità fit-Tramuntana tan-Niġerja ġew mhedda minn attakki kontinwi, omiċidji u ħtif ta' persuni mwettqa mill-grupp Iżlamist Boko Haram mill-2009 'l hawn;

H.  billi 'l fuq minn 20 000 persuna inqatlu u aktar minn 2 miljun persuna kienu spustati, inkluż fil-pajjiżi ġirien, minn meta Boko Haram beda l-attakki tiegħu;

I.  billi f'April 2014 Boko Haram ħataf aktar minn 276 tifla mill-skola tagħhom f'Chibok, fit-Tramuntana tan-Niġerja, li minn dak iż-żmien 'l hawn uħud minnhom ingħaqdu mill-ġdid mal-familji tagħhom, iżda għadd sinifikanti għadhom qed jinżammu f'post mhux magħruf;

J.  billi n-nisa u t-tfajliet spiċċaw skjavi, stuprati, radikalizzati u mġiegħla jidħlu fi żwiġijiet furzati minn Boko Haram; billi bosta superstiti ta' dawn l-esperjenzi orribbli issa huma tqal minn dawk li stuprawhom;

K.  billi l-forzi tas-sigurtà ġew akkużati wkoll b'interruzzjoni ta' protesti u laqgħat paċifiċi, f'xi każijiet bi vjolenza u b'użu eċċessiv tal-forza;

L.  billi seħħew għadd kbir ta' ħtif ta' membri tal-kleru u tas-sorijiet matul is-sena li għaddiet, inkluż il-każ ta' sitt Sorijiet tal-Kunvent tal-Qalb Ewkaristika ta' Ġesù li nħatfu f'Iguoriakhi fit-13 ta' Novembru 2017, u li reċentement inħelsu;

M.  billi aktar minn 14-il persuna nqatlu, u ħafna oħrajn sfaw midruba f'Omoku waqt li kienu ġejjin lura minn servizz reliġjuż fis-sigħat bikrin ta' Lejlet l-Ewwel tas-Sena; billi l-għadd ta' mwiet ta' persuni Kristjani u Musulmani dan l-aħħar qed jiżdied, u dan jenfasizza s-sitwazzjoni inkwetanti taż-żewġ reliġjonijiet fil-pajjiż;

N.  billi l-kunflitti bejn il-komunitajiet tar-rgħajja u tal-bdiewa fin-Niġerja żdiedu fl-ammont, fil-firxa tagħhom u intensifikaw matul l-aħħar għaxar snin u llum huma ta' theddida għas-sopravivenza nazzjonali; billi eluf ta' persuni nqatlu, komunitajiet inqerdu u għadd kbir ta' bdiewa u rgħajja tilfu ħajjithom u l-proprjetà f'eskalazzjoni ta' qtil u qerda li mhux biss qed tirrovina l-għajxien, iżda wkoll qed taffettwa l-koeżjoni nazzjonali;

O.  billi fuq perjodu twil ta' żmien, il-ħajja ta' ragħaj qed tiġi mhedda minħabba r-rata għolja ta' tkabbir tal-popolazzjoni, l-espansjoni tal-biedja, u t-telf ta' rotot ta' mergħat u tal-bhejjem; billi fl-istess ħin, il-ħajja ta' ragħaj ma tistax tintemm jew tiġi pprojbita, minħabba li hemm raġunijiet ekonomiċi, politiċi u kulturali b'saħħithom għall-eżistenza tagħha;

P.  billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) iddikjarat li hemm raġunijiet raġonevoli biex wieħed jemmen li twettqu delitti kontra l-umanità skont l-Artikolu 7 tal-Istatut ta' Ruma fin-Niġerja minn Boko Haram, inklużi qtil u persekuzzjoni;

Q.  billi n-Niġerja għandha sistema legali kumplessa, li tikkombina liġijiet komuni, konswetudinarji u reliġjużi u diversi livelli ta' gvern, li joħolqu ambjent diffiċli biex ikunu osservati kif xieraq id-drittijiet tal-bniedem;

R.  billi l-obbligu ta' rendikont, il-ġustizzja, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-impunità jikkostitwixxu elementi essenzjali li jirfdu l-isforzi favur il-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, ir-rikonċiljazzjoni u r-rikostruzzjoni;

S.  billi l-piena tal-mewt hija legali fin-Niġerja; billi fl-2016, in-Niġerja kkundannat 527 persuna għall-mewt, tliet darbiet aktar milli fl-2015; billi kien hemm moratorju de facto fuq il-piena tal-mewt mill-2006, għalkemm dan il-moratorju nkiser fl-2013 u fl-2016;

T.  billi l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti tan-Niġerja ħabbret li l-elezzjonijiet presidenzjali u tal-assemblea nazzjonali ser isiru fis-16 ta' Frar 2019;

U.  billi Transparency International ikklassifikat lin-Niġerja fil-136 post minn 175 pajjiż fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tagħha tal-2016;

V.  billi skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, l-UE tipparteċipa fi djalogu politiku regolari man-Niġerja dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, inkluża d-diskriminazzjoni etnika, reliġjuża u razzjali;

1.  Huwa mħasseb ħafna dwar iż-żieda fil-kunflitti interetniċi bejn ir-rgħajja u l-bdiewa fir-reġjun tal-Faxxa Ċentrali li żiedu l-isfidi relatati mas-sigurtà li n-Niġerja diġà kienet qed tiffaċċja, u jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress reali f'li jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet;

2.  Jikkundanna bis-sħiħ iż-żieda fil-vjolenza kontra l-Insara u l-Musulmani fin-Niġerja, inkluż dik immirata lejn istituzzjonijiet u fidili reliġjużi, bħal qtil reċenti ta' mill-inqas 48 Nisrani fil-villaġġi matul l-Istat ta' Plateau u l-attakk bil-bombi ta' moskea f'Mubi, fil-Grigal tan-Niġerja, li fih mietu mill-inqas 50 persuna; jistieden lill-President Buhari u lill-Gvern Niġerjan iżidu l-isforzi tagħhom biex tintemm il-vjolenza, jiddefendu d-dritt tan-Niġerjani li jipprattikaw liberament it-twemmin tagħhom u jipproteġu d-drittijiet taċ-ċittadini kollha tagħha b'mod aktar rigoruż, skont il-liġijiet u l-Kostituzzjoni tal-pajjiż; jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha tal-vjolenza li għaddejja; ifakkar, barra minn hekk, li sa mis-snin sebgħin, il-koeżistenza bejn ir-rgħajja u l-bdiewa kienet waħda paċifika u jiddispjaċih li l-vjolenza attwali, li tikkonċerna l-aċċess għall-art u li ġiet aggravata minħabba l-għajbien ta' skemi effikaċi ta' medjazzjoni, qed tiġi deskritta bħala kunflitt reliġjuż, li tissimplifika żżejjed il-kwistjoni;

3.  Iħeġġeġ lill-Gvern jiffoka fuq ir-rispett lejn id-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem fil-politiki kollha biex jiżgura koeżistenza paċifika fost iċ-ċittadini irrispettivament mir-reliġjon, it-twemmin u l-affiljazzjonijiet politiċi tagħhom;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan jinnegozja qafas ta' politika nazzjonali li jipproteġi l-interessi kemm tal-bdiewa kif ukoll tar-rgħajja u jistieden lis-sħab internazzjonali jżidu l-investiment fil-prevenzjoni u fir-riżoluzzjoni ta' kunflitti interkomunali bejn ir-rgħajja tal-bhejjem u l-bdiewa billi jappoġġjaw kooperazzjoni permezz ta' inizjattivi kondiviżi ekonomiċi u ta' ġestjoni tar-riżorsi naturali;

5.  Jiddeplora l-vjolenza li għaddejja u l-attakki fit-Tramuntana tan-Niġerja, li fil-mira tagħhom kien hemm il-komunitajiet Insara; jinnota li Boko Haram attakka Musulmani, Kristjani u membri ta' twemmin ieħor mingħajr distinzjoni;

6.  Jinnota li l-militar Niġerjan ħataf mill-ġdid it-territorju minn Boko Haram u arresta uħud mill-membri tiegħu, iżda l-isforzi mhux militari tal-Gvern biex iwaqqaf lil Boko Haram għadhom fil-bidu tagħhom;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern ta' Buhari jiddefendi liċ-ċittadini tiegħu mit-terroriżmu, iżda jinsisti li tali azzjonijiet iridu jitwettqu f'konformità sħiħa mad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; ifaħħar il-progress li sar min-naħa tal-Gvern ta' Buhari dwar l-isfidi għas-sigurtà li qed tiffaċċja n-Niġerja u f'li tiġi indirizzata l-korruzzjoni; joffri l-appoġġ tiegħu biex dan l-objettiv jintlaħaq u biex tinqata' r-rabta bejn il-prattiki korrotti u t-terroriżmu;

8.  Ifakkar, madankollu, li l-azzjonijiet meħuda mill-Gvern kontra Boko Haram u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra m'għandhomx ikomplu jkattru l-vjolenza; jitlob, f'dan ir-rigward, li jkun hemm riforma tal-forzi tas-sigurtà tal-Istat Niġerjan, inkluż il-pulizija, u għat-twettiq ta' investigazzjonijiet dwar dawk li huma responsabbli għal kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż qtil extraġudizzjarju, tortura, arresti arbitrarji u l-abbużi relatati mal-estorsjoni;

9.  Iħeġġeġ lill-Gvern Niġerjan biex jindirizza l-kawżi fundamentali tal-vjolenza billi jiżgura drittijiet ugwali għaċ-ċittadini kollha u leġiżlazzjoni kontra d-diskriminazzjoni;

10.  Jikkundanna l-vjolenza sesswali u sessista kontra n-nisa u l-bniet u l-fatt li Boko Haram u gruppi terroristiċi għandhom fil-mira n-nisa u t-tfal meta jwettqu ħtif, żwieġ furzat, stupru u meta jużawhom bħala qattiela suwiċida; jesprimi tħassib, barra minn hekk, li assistenza umanitarja inadegwata fil-kampijiet tar-rifuġjati wasslet ukoll għal livelli għoljin ta' sfruttament u abbuż sesswali;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Niġerjani jipprovdu l-appoġġ psikosoċjali meħtieġ lill-vittmi tal-problema tar-radikalizzazzjoni, b'mod speċjali n-nisa, it-tfal u ż-żgħażagħ, qabel l-integrazzjoni mill-ġdid lura tagħhom fis-soċjetà; jitlob li jsiru sforzi konġunti mill-atturi internazzjonali kollha favur il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni li twassal għal estremiżmu vjolenti u l-iżvilupp ta' programmi ta' riabilitazzjoni u ta' deradikalizzazzjoni;

12.  Iħeġġeġ aktar progress fl-indirizzar tal-korruzzjoni li farrket lis-soċjetà Niġerjana għal għexieren ta' snin u jemmen li mingħajr azzjoni iebsa biex jinqerdu dawn id-delitti, l-aġenda politika, ekonomika u soċjali usa' tal-Gvern ta' Buhari ma tistax titwettaq; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani jsaħħu l-miżuri biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni u jenfasizza li jekk ma jsirx dan ifisser aktar snin ta' faqar, inugwaljanza, dannu għar-reputazzjoni, investiment estern imnaqqas u inqas opportunitajiet tal-ħajja għaċ-ċittadini tagħha; ifakkar li l-korruzzjoni twassal għal nuqqas ta' sodisfazzjon fil-konfront tal-istituzzjonijiet pubbliċi u ddgħajjef il-leġittimità tal-gvernijiet f'għajnejn iċ-ċittadini;

13.  Jitlob li jkun hemm titjib fl-effiċjenza u fl-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tan-Niġerja li jippermetti l-użu effikaċi tal-ġustizzja kriminali fil-ġlieda kontra l-vjolenza, it-terroriżmu u l-korruzzjoni;

14.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Niġerjani jimplimentaw moratorju fuq il-piena tal-mewt bil-ħsieb li eventwalment titneħħa għalkollox;

15.  Ifakkar lill-Gvern tan-Niġerja fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura li l-elezzjonijiet isiru f'konformità mal-obbligi internazzjonali tiegħu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u biex jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżgura elezzjonijiet ħielsa, trasparenti u kredibbli;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex jissorveljaw l-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni rimpatrijati mil-Libja u jiżguraw li l-finanzjament tal-UE previst jintefaq b'mod effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat dwar dawn il-miżuri ta' integrazzjoni mill-ġdid;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President tar-Repubblika Federali tan-Niġerja, lill-President tal-Unjoni Afrikana, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, lill-Parlament Pan-Afrikan u lir-rappreżentanti tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS).

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 17 ta' Jannar 2018Avviż legali