Proċedura : 2018/2527(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0082/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0082/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2018 - 12.10
CRE 08/02/2018 - 12.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0040

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 449kWORD 56k
7.2.2018
PE614.391v01-00}
PE614.393v01-00}
PE614.400v01-00}
PE614.401v01-00}
PE614.404v01-00}
PE614.406v01-00}
PE614.412v01-00} RC1
 
B8-0082/2018}
B8-0084/2018}
B8-0091/2018}
B8-0092/2018}
B8-0095/2018}
B8-0097/2018}
B8-0103/2018} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0082/2018)

Verts/ALE (B8-0084/2018)

S&D (B8-0091/2018)

ALDE (B8-0092/2018)

EFDD (B8-0095/2018)

GUE/NGL (B8-0097/2018)

PPE (B8-0103/2018)


dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))


Cristian Dan Preda, Renate Sommer, David McAllister, Julia Pitera, Laima Liucija Andrikienė, Esther de Lange, Lorenzo Cesa, Bogdan Andrzej Zdrojewski f'isem il-Grupp PPE
Kati Piri, Victor Boştinaru, Elena Valenciano, Knut Fleckenstein f'isem il-Grupp S&D
Anders Primdahl Vistisen, Valdemar Tomaševski, Charles Tannock, Jan Zahradil, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Nadja Hirsch, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Takis Hadjigeorgiou, Josu Juaristi Abaunz, Merja Kyllönen, Patrick Le Hyaric, Dimitrios Papadimoulis, Kostadinka Kuneva, Stelios Kouloglou, Martina Michels, Marisa Matias, Kateřina Konečná, Miguel Urbán Crespo, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Marie-Pierre Vieu, Marie-Christine Vergiat f'isem il-Grupp GUE/NGL
Rebecca Harms, Terry Reintke, Bodil Valero f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija (2018/2527(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dik tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2016 dwar it-Turkija(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, tat-2 ta' Frar 2018 dwar l-aħħar żviluppi fit-Turkija, tal-14 ta' Lulju 2017, sena wara l-attentat ta' kolp ta' stat fit-Turkija, u tat-13 ta' Marzu 2017 dwar l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar l-emendi għall-Kostituzzjoni tat-Turkija u l-avvenimenti reċenti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-8 ta' Ġunju 2017 dwar l-aħbar tad-detenzjoni tal-kap ta' Amnesty International fit-Turkija, Taner Kiliç, tat-8 ta' Lulju 2017 dwar id-detenzjoni ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fuq il-gżira ta' Büyükada fit-Turkija, u tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar każijiet miftuħin b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija tal-25 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem imressqa lill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat-2 ta' Novembru 2017 rigward grupp ta' tnax-il applikazzjoni li għandhom x'jaqsmu mal-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà tal-membri parlamentari fit-Turkija u tal-10 ta' Ottubru 2017 rigward grupp ta' għaxar applikazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal-libertà tal-ġurnalisti fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2156 (2017) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE jinkludu l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, valuri li japplikaw ukoll għall-pajjiżi kandidati kollha tal-UE;

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li tagħhom it-Turkija hija stat parti,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Parlament ikkundanna bil-qawwa l-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016; billi, fit-18 ta' Jannar 2018, il-Parlament Tork estenda l-istat ta' emerġenza fit-Turkija għal tliet xhur oħra; billi l-istat ta' emerġenza bħalissa qed jintuża biex isikket id-dissens u jmur lil hinn sew minn kwalunkwe miżura leġittima għall-ġlieda kontra t-theddid għas-sigurtà nazzjonali; billi, skont id-dritt internazzjonali, il-miżuri ta' emerġenza jridu jkunu neċessarji u proporzjonati fl-ambitu u fit-tul ta' żmien;

B.  billi t-Turkija hija sieħba importanti tal-UE u, bħala pajjiż kandidat, mistennija tirrispetta l-ogħla standards tad-demokrazija, inkluż ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, il-libertajiet fundamentali u d-dritt universali għal proċess ġust;

C.  billi 148 firmatarju tal-petizzjoni tal-"Akkademiċi għall-Paċi" qed jiffaċċjaw akkużi għat-tixrid ta' "propaganda terroristika" u qed jistennew li jinstemgħu fil-qorti f'Mejju 2018;

D.  billi, skont il-Federazzjoni Ewropea tal-Ġurnalisti, wara l-attentat fallut ta' kolp ta' stat, 148 ġurnalist għadhom il-ħabs; billi r-repressjoni kontra d-dissens politiku permezz tal-midja soċjali għadha għaddejja; billi 449 ruħ ġew detenuti talli tellgħu kummenti fuq il-midja soċjali li kienu kritiċi fil-konfront tal-intervent militari tal-Gvern Tork fl-enklav Sirjan ta' Afrin; billi, skont Amnesty International, l-awtoritajiet Torok għalqu mijiet ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-uffiċċji ta' aktar minn 160 xandar, gazzetta, rivista, pubblikatur u kumpanija ta' distribuzzjoni;

E.  billi l-awtoritajiet Torok keċċew 107 000 ruħ mill-professjoni tagħhom minn Lulju 2016 'il hawn; billi l-"Kummissjoni ta' Inkjesta għall-Prattiki ta' Stat ta' Emerġenza", stabbilita fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa, kienet irċeviet 104 789 applikazzjoni sat-18 ta' Jannar 2018 u s'issa ħarġet deċiżjonijiet f'mhux aktar minn 3 110 każijiet, li ma nħarġux fil-pubbliku;

F.  billi dawn l-aħħar snin raw il-kontroll tal-eżekuttiv jiġi estiż fuq il-ġudikatura u l-prosekuzzjoni, l-imħallfin u l-prosekuturi jiġu arrestati, imkeċċija u arbitarjament trasferiti b'mod estensiv u l-avukati jiġu attakkati b'mod persistenti;

G.  billi, skont data pprovduta mill-Assoċjazzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-ewwel 11-il xahar tal-2017, total ta' 2 278 ruħ ġarrbu tortura u maltrattament;

H.  billi s-sitwazzjoni fix-Xlokk tal-pajjiż għadha waħda mill-aktar preokkupanti; billi madwar 2 500 ruħ ġew irrappurtati maqtula fil-kuntest ta' operazzjonijiet tas-sigurtà u huwa stmat li nofs miljun ruħ ġew spostati minn Lulju 2015 'il hawn; billi 68 sindku Kurd għadhom il-ħabs;

I.  billi fost il-ġurnalisti detenuti hemm, pereżempju, il-ġurnalist Ġermaniż-Tork Deniz Yücel, l-akkademiku u opinjonista Mehmet Altan, il-ġurnalist Şahin Alpay, kif ukoll għadd kbir ta' ġurnalisti u membri tal-persunal tal-ġurnal ta' kuljum Cumhuriyet, inkluż Ahmet Şık;

J.  billi, wara t-tneħħija tal-immunitajiet parlamentari ta' numru kbir ta' Membri Parlamentari, bosta Membri Parlamentari tal-oppożizzjoni ffaċċjaw proċedimenti ġudizzjarji u detenzjoni; billi 10 Membri Parlamentari għadhom jinsabu detenuti, fosthom il-Kopresidenti tal-HDP, Figen Yuksekdag u Selahattin Demirtas, li ma tħalliex jitla' l-qorti għal raġunijiet ta' sigurtà, u l-Membru Parlamentari tas-CHP Enis Berberoglu, u billi 6 Membri Parlamentari tneħħielhom il-mandat parlamentari tagħhom, fosthom ir-rebbieħa tal-Premju Sakharov Leyla Zana, wara vot fil-Parlament Tork;

K.  billi, f'Lulju 2017, l-awtoritajiet Torok arrestaw 10 attivisti tad-drittijiet tal-bniedem (l-"Għaxra ta' Istanbul"), li aktar tard inħelsu fuq pleġġ; billi l-qorti ta' Istanbul qalbet id-deċiżjoni tagħha stess li teħles lil Taner Kılıç, il-president ta' Amnesty International fit-Turkija, fl-1 ta' Frar 2018, u b'hekk żammitu detenut tul iż-żmien kollu tal-proċess tiegħu;

L.  billi wieħed mill-mexxejja ewlenin tas-soċjetà ċivili tat-Turkija, Osman Kavala, ġie arrestat fit-18 ta' Ottubru 2017 u ilu miżmum il-ħabs minn dakinhar 'l hawn fuq l-akkuża li "pprova jwaqqa' l-gvern" billi appoġġja l-protesti fil-Park ta' Geżi f'Diċembru 2013;

M.  billi, fid-19 ta' Novembru 2017, l-Uffiċċju tal-Gvernatur ta' Ankara ddeċieda li jimponi projbizzjoni indefinita fuq kwalunkwe avveniment organizzat minn organizzazzjonijiet LGBTI;

N.  billi, minkejja l-fatt li l-Kostituzzjoni Torka tipprevedi l-libertà ta' twemmin u ta' qima u t-tixrid privat ta' ideat reliġjużi u tipprojbixxi d-diskriminazzjoni għal raġunijiet reliġjużi, il-minoranzi reliġjużi xorta waħda jiffaċċjaw attakki verbali u fiżiċi, stigmatizzazzjoni u pressjoni soċjali fl-iskejjel u fil-ħajja pubblika, diskriminazzjoni u problemi rigward il-possibbiltà li jistabbilixxu legalment post ta' qima;

O.  billi, fid-dawl tas-sitwazzjoni fit-Turkija f'dak li jirrigwarda d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-istampa, il-fondi ta' qabel l-adeżjoni tat-Turkija tnaqqsu b'EUR 105 miljun meta mqabblin mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni għall-baġit tal-UE għall-2018, filwaqt li ammont addizzjonali ta' EUR 70 miljun qed jinżamm f'riżerva sakemm il-pajjiż jagħmel "titjib suffiċjenti u kwantifikabbli" f'dawn l-oqsma;

P.  billi, f'Novembru 2016, il-Parlament appella biex il-proċess ta' adeżjoni tat-Turkija jiġi ffriżat u, f'Lulju 2017, appella biex it-tali proċess jiġi sospiż f'każ li r-riformi kostituzzjonali jiġu implimentati tali kwali;

1.  Itenni l-kundanna qawwija tiegħu fil-konfront tat-tentattiv ta' kolp ta' stat tas-16 ta' Lulju 2016 u jesprimi s-solidarjetà tiegħu maċ-ċittadini tat-Turkija; jirrikonoxxi d-dritt u r-responsabbiltà tal-Gvern Tork li jieħu azzjoni sabiex il-persuni responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja, filwaqt li jiggarantixxi r-rispett għall-istat tad-dritt u d-dritt għal proċess ġust; jenfasizza, madankollu, li t-tentattiv fallut ta' kolp ta' stat militari bħalissa qed jintuża biex tkompli tinħonoq l-oppożizzjoni leġittima u paċifika u biex, permezz ta' azzjonijiet u miżuri sproporzjonati u illegali, il-midja u s-soċjetà ċivili jinżammu milli jeżerċitaw b'mod paċifiku l-libertà tal-espressjoni;

2.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament li għaddej bħalissa tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tal-istat tad-dritt fit-Turkija, u n-nuqqas ta' indipendenza tal-ġudikatura; jikkundanna l-użu tad-detenzjoni arbitrarja u tal-fastidju ġudizzjarju u amministrattiv biex jiġu ppersegwitati għexieren ta' eluf ta' persuni; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok biex minnufih u mingħajr kundizzjonijiet jeħilsu lil dawk kollha li ġew detenuti biss talli wettqu l-ħidma leġittima tagħhom u talli eżerċitaw il-libertà ta' espressjoni u ta' assoċjazzjoni u li qed jinżammu arrestati mingħajr evidenza ċara ta' attività kriminali; jitlob li jitneħħa l-istat ta' emerġenza fil-pajjiż u jiġu revokati d-digrieti ta' emerġenza;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Torok jirrispettaw il-Konvenzjoni Ewropea, li tinkludi ċaħda ċara tal-piena tal-mewt, u l-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;

4.  Jistieden lill-Gvern Tork joffri rimedji xierqa u effikaċi, kif ukoll stħarriġ ġudizzjarju konformi mal-istat tad-dritt, lil dawk kollha li huma soġġetti għal miżuri restrittivi; jenfasizza li l-preżunzjoni ta' innoċenza hija prinċipju fundamentali fi kwalunkwe stat kostituzzjonali; jistieden lit-Turkija tirrevedi, bħala kwistjoni ta' urġenza, l-"Kummissjoni ta' Inkjesta għal Prattiki ta' Stat ta' Emerġenza" b'tali mod li din issir kummissjoni soda u indipendenti li tkun kapaċi tagħti trattament individwali lil kull każ, tipproċessa b'mod effikaċi l-għadd enormi ta' applikazzjonijiet li tirċievi u tiżgura li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jġarrabx dewmien bla bżonn; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ta' Inkjesta tagħmel pubbliċi d-deċiżjonijiet tagħha; jistieden lill-awtoritajiet Torok jippermettu lit-trejdjunjins jeżerċitaw attivitajiet trejdjunjonistiċi leġittimi;

5.  Jisottolinja li t-terroriżmu qed jibqa' jkun ta' theddida diretta għaċ-ċittadini fit-Turkija; itenni, madankollu, li l-leġiżlazzjoni Torka kontra t-terroriżmu, li hija definita b'mod wiesa', m'għandhiex tintuża biex tikkastiga liċ-ċittadini u lill-midja talli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni; jikkundanna, f'dan ir-rigward, id-detenzjoni u l-proċess ta' mill-anqas 148 akkademiku minn universitajiet pubbliċi u privati li ffirmaw il-petizzjoni tal-"Akkademiċi għall-Paċi", u jikkundanna bl-istess mod l-aktar arresti reċenti ta' ġurnalisti, attivisti, tobba u ċittadini ordinarji talli esprimew l-oppożizzjoni tagħhom għall-intervent militari Tork f'Afrin;

6.  Jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti ta' maltrattament u tortura ta' priġunieri u jistieden lill-awtoritajiet Torok iwettqu investigazzjoni bir-reqqa ta' dawn l-allegazzjonijiet; itenni l-appell tiegħu biex ir-rapport tal-Kumitat tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Prevenzjoni tat-Tortura (ir-rapport tas-CPT) isir pubbliku;

7.  Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-Parlament Tork li jneħħi b'mod mhux kostituzzjonali l-immunità ta' għadd kbir ta' Membri Parlamentari, biex b'hekk witta t-triq għall-arresti reċenti ta' 10 Membri Parlamentari tal-oppożizzjoni, fosthom il-Kopresidenti tal-Partit Demokratiku Popolari (HDP), Figen Yüksekdağ u Selahattin Demirtaş, filwaqt li rrevoka l-mandat ta' 6 Membri Parlamentari tal-oppożizzjoni, inkluża r-revoka mill-aktar reċenti tal-mandat tar-rebbieħa tal-Premju Sakharov, Leyla Zana; jikkundanna l-arrest ta' 68 sindku Kurd; jikkundanna s-sostituzzjoni arbitrarja ta' rappreżentanti eletti lokalment, li qed tkompli ddgħajjef l-istruttura demokratika tat-Turkija;

8.  Jinsab imħasseb serjament dwar l-għeluq ta' aktar minn 160 stabbiliment tal-midja permezz ta' digriet eżekuttiv taħt l-istat ta' emerġenza; jikkundanna l-pressjoni politika li qed issir fuq il-ġurnalisti; jesprimi tħassib serju dwar il-monitoraġġ tal-pjattaformi tal-midja soċjali u l-għeluq ta' kontijiet tal-midja soċjali mill-awtoritajiet tat-Turkija; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' dawk kollha li ġew detenuti mingħajr prova, fosthom ċittadini tal-UE bħal pereżempju l-ġurnalist Ġermaniż Deniz Yücel, li ilu miżmum il-ħabs sena, inklużi disa' xhur f'iżolament, filwaqt li l-ebda akkuża formali għadha ma tressqet kontrih; jilqa' l-fatt li xi ġurnalisti u xi membri tal-persunal tal-gazzetta tal-oppożizzjoni Cumhuriyet ġew meħlusa wara xhur il-ħabs, u jappella wkoll għall-ħelsien immedjat tal-erba' ġurnalisti ta' Cumhuriyet li għadhom il-ħabs;

9.  Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-ripressjoni massiva kontra l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tat-Turkija u, b'mod partikolari, l-arrest ta' wieħed mill-mexxejja prominenti fl-ambitu tal-NGOs, Osman Kavala; iħeġġeġ lill-Gvern Tork jeħles lil Kavala minnufih peress li l-arrest tiegħu huwa politiċizzat u arbitrarju;

10.  Jinnota bi tħassib id-deterjorament tal-prinċipji u l-valuri sekularisti li t-Turkija ilha tħaddan għal żmien twil; jinsab imħasseb serjament dwar in-nuqqas ta' rispett għal-libertà ta' reliġjon, inkluża ż-żieda fid-diskriminazzjoni kontra l-Insara u minoranzi reliġjużi oħra; jikkundanna l-konfiska ta' 50 knisja, monasteru u ċimiterju Aramej f'Mardin; jistieden lill-Kummissjoni biex b'mod urġenti tindirizza dawn il-kwistjonijiet mal-awtoritajiet Torok; iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex jeħles lill-pastor Andrew Brunson u biex jippermettilu jirritorna lejn daru;

11.  Ifakkar, bl-istess mod, il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni kontra l-minoranzi, inklużi r-Rom, li għandhom l-istess dritt kemm biex jesprimu l-kultura tagħhom kif ukoll biex ikollhom aċċess għas-servizzi soċjali;

12.  Jikkundanna d-dikjarazzjoni li saret mill-Uffiċċju tal-Gvernatur ta' Ankara fid-19 ta' Novembru 2017 rigward id-deċiżjoni li jimponi projbizzjoni indefinita fuq kwalunkwe avveniment organizzat minn organizzazzjonijiet LGBTI, wara tliet projbizzjonijiet konsekuttivi tal-parata tal-Istanbul Pride; jistieden lill-awtoritajiet Torok jirrevokaw il-projbizzjoni; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħelsien ta' Ali Erol, attivist ewlieni LGBTI;

13.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni fix-Xlokk tat-Turkija, speċjalment fl-oqsma fejn huma imposti curfews, fejn tintuża forza eċċessiva u fejn jiġu applikati kastigi kollettivi; iħeġġeġ lit-Turkija tfassal pjan għar-riintegrazzjoni effikaċi tan-nofs miljun persuna spostata internament; itenni l-kundanna tiegħu fil-konfront tal-użu mill-ġdid tal-vjolenza min-naħa tal-PKK, li ilu fuq il-lista tat-terroristi tal-UE mill-2002, u jħeġġu jċedi l-armi u juża mezzi paċifiċi u demokratiċi biex jagħti vuċi lill-aspettativi tiegħu; ifakkar li l-Gvern Tork għandu responsabbiltà li jipproteġi liċ-ċittadini kollha tiegħu; jiddeplora l-prattika mifruxa ta' esproprjazzjoni, inkluż ta' proprjetajiet li jappartjenu lill-muniċipalitajiet; jinsab konvint li xejn ħlief soluzzjoni politika ġusta tal-kwistjoni Kurda ma jista' jġib stabbiltà u prosperità sostenibbli, kemm fiż-żona kif ukoll fit-Turkija kollha kemm hi, u għalhekk jistieden liż-żewġ naħat biex jerġgħu lura madwar il-mejda tan-negozjati;

14.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar kif taħdem is-sistema legali fit-Turkija wara d-deċiżjoni tal-qorti kriminali ta' Istanbul li żżomm fil-ħabs żewġ ġurnalisti, Mehmet Altan u Şahin Alpay, wara t-talba tal-qorti kostituzzjonali għall-ħelsien tagħhom għar-raġuni li d-drittijiet tagħhom sfaw miksura waqt li kienu jinsabu l-ħabs; jinnota li dan jikkostitwixxi deterjorament ulterjuri tal-istat tad-dritt; jiddispjaċih ħafna dwar l-arrest mill-ġdid reċenti tal-president ta' Amnesty International fit-Turkija, Taner Kılıç, liema arrest huwa meqjus minn ħafna bħala parodija tal-ġustizzja, u jappella biex l-akkużi kontrih u kontra l-kodifensuri tiegħu (l-"Għaxra ta' Istanbul") jitwaqqgħu peress li għadha ma tressqet ebda evidenza konkreta kontrihom;

15.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu ta' Novembru 2017 li fiha talab li l-fondi merfugħa għall-awtoritajiet Torok taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPAII) jkunu marbuta mal-kundizzjoni li jsir titjib fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, u, fejn possibbli, jingħataw minflok lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tqis l-iżviluppi fit-Turkija matul ir-rieżami tal-fondi tal-IPA, iżda wkoll biex tippreżenta proposti konkreti dwar kif l-appoġġ għas-soċjetà ċivili Torka jista' jiżdied;

16.  Iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli, lis-SEAE, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, mal-interlokuturi Torok tagħhom, ikomplu jqajmu l-kwistjoni tas-sitwazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti politiċi, l-avukati, il-ġurnalisti u l-akkademiċi arrestati, u biex jipprovdu appoġġ diplomatiku u politiku għalihom, inklużi l-osservazzjoni tal-proċessi legali u l-monitoraġġ tal-każijiet;

17.  Jappella biex din ir-riżoluzzjoni tiġi tradotta bit-Tork;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.

 

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0423.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0306.

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2018Avviż legali