Proċedura : 2018/2562(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0100/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0100/2018

Dibattiti :

PV 08/02/2018 - 8.3
CRE 08/02/2018 - 8.3

Votazzjonijiet :

PV 08/02/2018 - 12.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0036

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 437kWORD 53k
7.2.2018
PE614.409v01-00}
PE614.410v01-00}
PE614.413v01-00}
PE614.416v01-00}
PE614.417v01-00} RC1
 
B8-0100/2018}
B8-0101/2018}
B8-0104/2018}
B8-0107/2018}
B8-0108/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0100/2018)

Verts/ALE (B8-0101/2018)

PPE (B8-0104/2018)

ALDE (B8-0107/2018)

S&D (B8-0108/2018)


dwar l-iskjavitù tat-tfal fil-Haiti (2018/2562(RSP))


Cristian Dan Preda, Bogdan Brunon Wenta, Jeroen Lenaers, Jarosław Wałęsa, Tomáš Zdechovský, Tunne Kelam, Michaela Šojdrová, Romana Tomc, Elisabetta Gardini, Laima Liucija Andrikienė, Roberta Metsola, Ivan Štefanec, Eduard Kukan, Milan Zver, Patricija Šulin, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Krzysztof Hetman, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Dubravka Šuica, Francis Zammit Dimech, László Tőkés, David McAllister, Adam Szejnfeld, Mairead McGuinness, Csaba Sógor, Manolis Kefalogiannis, Sandra Kalniete, Ramona Nicole Mănescu, Pavel Svoboda, Seán Kelly, Deirdre Clune, Inese Vaidere, Željana Zovko, Stanislav Polčák, Anna Maria Corazza Bildt, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Norbert Neuser f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Valdemar Tomaševski, Jan Zahradil, Jana Žitňanská, Branislav Škripek, Ruža Tomašić, Karol Karski, Pirkko Ruohonen-Lerner, Angel Dzhambazki, Notis Marias f'isem il-Grupp ECR
Catherine Bearder, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Michèle Rivasi, Bart Staes, Igor Šoltes, Davor Škrlec, Florent Marcellesi, Judith Sargentini, Barbara Lochbihler, Klaus Buchner, Ernest Urtasun, Alyn Smith f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Rolandas Paksas, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Piernicola Pedicini f'isem il-Grupp EFDD
Lola Sánchez Caldentey

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iskjavitù tat-tfal fil-Haiti (2018/2562(RSP))  

 

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Haiti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-12 ta' Ġunju 2017 fl-okkażjoni tal-Jum Dinji Kontra t-Tħaddim tat-Tfal, maħruġa mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni u l-Kummissarju għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU li jiġbed l-attenzjoni fuq l-avvanzi u l-isfidi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Haiti fl-2017,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Azzjoni AKP-UE għall-Migrazzjoni (ACP-EU Migration Action) tal-20 ta' Lulju 2017 dwar it-traffikar tal-bnedmin fil-Haiti,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' implimentazzjoni dwar il-Haiti eżaminat mill-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal fil-15 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Eżami Perjodiku Universali tal-UNHCR dwar il-Haiti, li sar bejn il-31 ta' Ottubru u l-11 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll Fakultattiv tan-NU għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Supplimentari tan-NU dwar l-Abolizzjoni tal-Iskjavitù, il-Kummerċ tal-Iskjavi, u Istituzzjonijiet u Prattiki Simili għall-Iskjavitù tas-7 ta' Settembru 1956, b'mod partikolari l-Artikolu 1(d) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni 182 tal-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar l-agħar forom ta' tħaddim tat-tfal u l-Konvenzjoni 138 tal-ILO dwar l-età minima għax-xogħol,

–  wara li kkunsidra l-34 sessjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE ta' Diċembru 2017 f'Port-au-Prince, il-Haiti,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Haiti huwa fost l-ifqar pajjiżi fid-dinja, u l-faqar li qed jifnih ġej primarjament mill-korruzzjoni serja, l-infrastruttura fqira, in-nuqqas ta' kura tas-saħħa, il-livelli baxxi ta' edukazzjoni u l-instabbiltà politika storika;

B.  billi l-użu tat-tfal bħala sefturi, magħrufa bit-terminu Kreol "Restavek", huwa sistematiku fil-Haiti kollu u jeżisti l-aktar minħabba l-kundizzjonijiet ekonomiċi diffiċli u ċerti attitudnijiet kulturali fil-konfront tat-tfal;

C.  billi l-fenomenu tar-Restavek huwa forma ta' traffikar domestiku u skjavitù moderna li taffettwa madwar 400 000 tifel u tifla fil-Haiti, 60 % minnhom bniet; billi ħafna tfal Haitjani ma jkollhomx ċertifikati tat-twelid u jirriskjaw traffikar u abbuż; billi, skont l-UNICEF, it-tfal ikunu esposti għal vjolenza u abbuż, fosthom swat u vjolenza sessista, u din hi problema sostanzjali; billi waħda minn kull erba' nisa u wieħed minn kull ħamest irġiel jisfaw vittmi ta' abbuż sesswali qabel ma jagħlqu t-18-il sena; billi 85 % tat-tfal ta' bejn sentejn u 14-il sena huma vittmi ta' dixxiplina vjolenti fi djarhom, 79 % jaqilgħu s-swat u 16 % jsofru swat estrem; billi huwa stmat li 30 000 tifel u tifla jgħixu f'madwar 750 orfanatrofju, il-biċċa l-kbira minnhom immexxija u ffinanzjati mill-privat;

D.  billi, tipikament, it-tfal Restavek ikunu twieldu f'familji rurali foqra li ftit jew xejn ikollhom mezzi ta' introjtu u jbigħu tifel jew tifla lil familja oħra bi tpartit ma' ikel jew flus;

E.  billi l-Gvern tal-Haiti għamel xi sforzi biex jindirizza l-isfruttament tat-tfal Restavek, bħall-adozzjoni ta' liġi komprensiva għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, miżuri biex jiġu identifikati u megħjuna t-tfal li jkunu qed jagħmluha ta' sefturi, u kampanji ta' sensibilizzazzjoni; billi l-Istat għandu l-obbligu li jgħin lill-ġenituri sabiex ikunu jistgħu jonoraw ir-responsabbiltajiet tagħhom;

F.  billi ħafna tfal Haitjani ma jirċevux biżżejjed edukazzjoni u tagħlim; billi, skont l-UNICEF, 18 % tat-tfal Haitjani ta' bejn sitt snin u 11-il sena ma jmorrux skola; billi madwar nofs il-Haitjani minn 15-il sena 'l fuq huma illitterati, peress li 85 % tal-iskejjel huma mmexxija minn entitajiet privati u huma għaljin wisq għall-familji bi dħul baxx; billi l-uragan Matthew ħalla impatt sinifikanti fuq l-aċċess għall-edukazzjoni, u fl-aktar żoni milquta għamel ħsara f'1 633 minn 1 991 skola;

G.  billi aktar minn 175 000 persuna, fosthom għexieren ta' eluf ta' tfal, spostati wara l-uragan Matthew ta' Ottubru 2016, għadhom qed jgħixu f'kundizzjonijiet estremament prekarji u perikolużi; billi t-terremot tal-2010 ħasad il-ħajja ta' aktar minn 220 000 ruħ u sposta madwar 800 000 tifel u tifla, b'tali mod li ħafna ġew imġiegħla jsiru skjavi;

H.  billi l-Haiti huwa pajjiż ta' sors, tranżitu u destinazzjoni għax-xogħol furzat u t-traffikar tat-tfal; billi l-fenomenu tar-Restavek għandu wkoll dimensjoni internazzjonali, u ħafna tfal Haitjani jiġu ttraffikati mill-Haiti lejn ir-Repubblika Dominicana, pajjiż ġar tiegħu;

I.  billi l-impass elettorali u politiku reċenti wara l-elezzjoni presidenzjali tal-2016 fixkel serjament il-kapaċità tal-Haiti li japprova liġijiet essenzjali u baġit nazzjonali biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali u ekonomiċi urġenti;

J.  billi l-impunità fil-Haiti ġejja min-nuqqas ta' responsabbiltà tal-uffiċjali, u b'mod partikolari n-nuqqas sistematiku ta' investigazzjonijiet dwar l-użu tal-forza u l-għadd kbir ta' arresti illegali jew arbitrarji min-naħa tal-pulizija; billi l-Haiti jokkupa l-159 post minn 176 pajjiż fl-Indiċi tal-Korruzzjoni ta' Transparency International;

K.  billi l-Haiti jokkupa l-163 post fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-UNDP u qiegħed fi bżonn kontinwu ta' għajnuna umanitarja u għajnuna għall-iżvilupp;

L.  billi, f'Settembru 2017, il-parlament tal-Haiti approva baġit nazzjonali għas-sena 2018 li jiġbor ammont sproporzjonat ta' taxxi migħand poplu li diġà huwa fqir, u li wassal għal dimostrazzjonijiet u rewwixti vjolenti fil-belt kapitali, Port-au-Prince; billi l-Ministru tal-Ekonomija u l-Finanzi, Patrick Salomon, ippreżenta baġit li, pereżempju, jagħti aktar prijorità lit-tindif tal-istituzzjonijiet tal-gvern milli lill-programmi tas-saħħa pubblika;

M.  billi l-UE allokat EUR 420 miljun lill-Haiti fil-qafas tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, b'enfasi partikolari fuq in-nutrizzjoni tat-tfal u l-edukazzjoni b'appoġġ għall-iżvilupp tat-tfal;

N.  billi, fl-2017, l-UE nediet sejħa għal proposti taħt it-titlu Franċiż ta' "La promotion des droits des enfants et la protection des enfants victimes d'exploitation, discrimination, violence et abandon" li l-prijorità ewlenija tagħha kienet li t-tfal skjavi jitreġġgħu lura għand il-familji bijoloġiċi tagħhom jew jitqiegħdu f'familji li jieħdu ħsiebhom;

1.  Jiddeplora l-fatt li għadd kbir ta' tfal fil-Haiti jittieħdu bil-forza mingħand il-familji tagħhom bħala parti mill-fenomenu tar-Restavek u jiġu soġġetti għal xogħol furzat; jappella biex din il-prattika tintemm;

2.  Jesprimi tħassib serju dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Haiti, inklużi l-vjolenza sessista, l-arresti illegali u l-prattika li t-tfal jinżammu skjavi bħala Restaveks; jistieden lill-Gvern Haitjan jagħti prijorità lill-miżuri leġiżlattivi – partikolarment lir-riforma tal-Kodiċi Kriminali – biex jiġu miġġielda dawn il-problemi, filwaqt li jerġa' jistabbilixxi l-istituzzjonijiet ewlenin li staġnaw minħabba l-impass politiku reċenti fil-pajjiż, sabiex isiru r-riformi urġenti li hemm bżonn;

3.  Jistieden lill-Gvern tal-Haiti jimplimenta miżuri urġenti sabiex jiġu indirizzati l-vulnerabbiltajiet li jwasslu biex it-tfal jagħmluha ta' sefturi, u anke biex jitħarsu dawk vittmi ta' negliġenza, abbuż, vjolenza u tħaddim tat-tfal;

4.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jgħinu lill-Haiti jimplimenta miżuri li jipproteġu t-tfal, inklużi programmi u sħubijiet għall-ġlieda kontra l-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament tat-tfal; jistieden lill-Gvern tal-Haiti jipprijoritizza u jistabbilixxi proċeduri b'riżorsi biżżejjed biex tintemm il-prattika tar-Restavek, fosthom it-taħriġ tas-servizzi soċjali biex it-tfal Restavek jittieħdu mingħand il-familji abbużivi u tingħatalhom ir-riabilitazzjoni fiżika u psikoloġika li jkollhom bżonn;

5.  Jistieden lill-Gvern Haitjan jimplimenta sistema amministrattiva li tiggarantixxi li t-trabi kollha jiġu reġistrati mat-twelid, kif ukoll miżuri biex jiġu reġistrati dawk li ma jkunux ġew reġistrati mat-twelid u biex jiġi reġistrat fejn joqogħdu;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Haitjani u lid-donaturi jaqbdu r-riżorsi kbar li qed jintefqu bħalissa fuq orfanatrofji li jiswew ħafna flus – iżda huma ta' kwalità fqira – u jqiegħduhom f'servizzi bbażati fil-komunità li jsaħħu l-kapaċitajiet tal-familji u l-komunitajiet li jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom b'mod adegwat;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Haiti u lill-Istati Membri tal-UE li għad fadal biex – jekk applikabbli – jirratifikaw mingħajr riżervi l-konvenzjonijiet li ġejjin, li huma essenzjali fil-ġlieda kontra t-traffikar u l-iskjavitù tat-tfal:

•  il-Protokoll Fakultattiv għall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali u l-parteċipazzjoni fl-inkjesti u l-proċeduri interstatali;

•  il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Furzat;

•  il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti;

•  l-Istatut ta' Ruma.

8.  Jappella biex l-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp tagħti attenzjoni partikolari lill-assistenza fir-rigward ta' riforma urġenti tas-sistema ġudizzjarja u lit-taħriġ tal-prosekuturi u l-imħallfin fit-trattament ta' każijiet ta' stupru u vjolenza sesswali, billi jiġi żgurat li l-pulizija u l-ġudikatura jkunu mħarrġa biex iġibu ruħhom b'mod imparzjali ma' nisa u tfajliet li jirrappurtaw vjolenza sessista;

9.  Jinnota li l-parlament Haitjan approva baġit annwali f'Settembru 2017; jissottolinja l-progress reċenti li sar fir-rigward tad-dritt għall-edukazzjoni, b'mod partikolari permezz tal-Programm "Universal, Free and Compulsory Education", li jirrikjedi kemm sistema ta' monitoraġġ u infurzar effikaċi kif ukoll sforz finanzjarju sostnut mill-baġit nazzjonali tal-Haiti u mill-għajnuna tal-UE għall-iżvilupp; jappella biex, fil-qafas li jmiss tal-FEŻ u l-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Haiti, tingħata aktar attenzjoni għall-benessri u r-riabilitazzjoni tat-tfal Restavek, inklużi l-aktar tfal żvantaġġati, it-tfal b'diżabilità, dawk li għandhom diffikultajiet fit-tagħlim u dawk li jgħixu f'żoni rurali, anke permezz ta' rapport konġunt regolari dwar il-progress fuq il-miżuri meħuda u l-effikaċja tagħhom fil-ġlieda kontra l-fenomenu tar-Restavek;

10.  Jistenna li l-UE u l-Istati Membri tagħha, li wiegħdu għajnuna lill-Haiti wara l-uragan Matthew, jonoraw l-impenji tagħhom u jgħinu lill-pajjiż jegħleb l-isfidi persistenti tiegħu;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lill-istituzzjonijiet tal-Cariforum, lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Haiti u r-Repubblika Dominicana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

 

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2018Avviż legali