Proċedura : 2018/2631(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0159/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0159/2018

Dibattiti :

PV 15/03/2018 - 8.2
CRE 15/03/2018 - 8.2

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2018 - 10.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0080

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 449kWORD 58k
14.3.2018
PE616.105v01-00}
PE616.106v01-00}
PE616.107v01-00}
PE616.108v01-00}
PE616.109v01-00}
PE616.110v01-00} RC1
 
B8-0159/2018}
B8-0160/2018}
B8-0161/2018}
B8-0162/2018}
B8-0163/2018}
B8-0164/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

ECR (B8-0159/2018)

PPE (B8-0160/2018)

Verts/ALE (B8-0161/2018)

GUE/NGL (B8-0162/2018)

ALDE (B8-0163/2018)

S&D (B8-0164/2018)


dwar l-arrest ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan, partikolarment il-każ tar-rebbieħ tal-Premju Sakharov Salih Mahmoud Osman (2018/2631(RSP))


Cristian Dan Preda, Bogdan Brunon Wenta, Jaromír Štětina, Jarosław Wałęsa, Marijana Petir, Lefteris Christoforou, Ivan Štefanec, Luděk Niedermayer, Tomáš Zdechovský, Csaba Sógor, Tunne Kelam, Milan Zver, Patricija Šulin, Romana Tomc, Eduard Kukan, Željana Zovko, David McAllister, Eva Maydell, Elisabetta Gardini, Adam Szejnfeld, Michaela Šojdrová, Sandra Kalniete, Krzysztof Hetman, Pavel Svoboda, Inese Vaidere, Roberta Metsola, Ivo Belet, Deirdre Clune, Ivana Maletić, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Lorenzo Cesa, Dubravka Šuica, Seán Kelly, Anna Záborská, Manolis Kefalogiannis, Stanislav Polčák, Jiří Pospíšil, Elmar Brok, László Tőkés, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Jadwiga Wiśniewska, Branislav Škripek, Ryszard Czarnecki, Anna Elżbieta Fotyga, Monica Macovei, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Louis Michel, Nedzhmi Ali, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Thierry Cornillet, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Lola Sánchez Caldentey, Patrick Le Hyaric, Merja Kyllönen, Marina Albiol Guzmán, Ángela Vallina, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Miguel Urbán Crespo, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Barbara Spinelli f'isem il-Grupp GUE/NGL
Michèle Rivasi, Bodil Valero, Igor Šoltes, Barbara Lochbihler, Maria Heubuch f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-arrest ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan, partikolarment il-każ tar-Rebbieħ tal-Premju Sakharov Salih Mahmoud Osman (2018/2631(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sudan,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-9 ta' Frar 2018 mill-Viċi President u l-President tas-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu dwar ir-Rebbieħ tal-Premju Sakharov Salih Mahmoud Osman,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-11 ta' Jannar 2018 mill-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Ambaxxati tal-UE dwar il-protesti riċenti f'Khartoum,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2400 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2018), adottata fit-8177 laqgħa tiegħu fit-8 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Jannar 2018 mill-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU b'rabta mal-kunsiderazzjoni mill-Kunsill ta' punt bit-titolu "Rapporti tas-Segretarju Ġenerali dwar is-Sudan u s-Sudan t'Isfel",

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Koordinatur Residenti u Umanitarju tan-NU fis-Sudan dwar il-ħtif ta' ħaddiem umanitarju f'Darfur, maħruġa f'Khartoum fid-9 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 7 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li t-tnejn jipprevedu li l-ebda persuna m'għandha tkun soġġetta għal tortura jew għal trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-27 ta' Ġunju 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar it-tħabbira tal-Gvern Sudaniż ta' waqfien tal-ostilitajiet unilaterali ta' erba' xhur,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou rivedut,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni fis-Sudan għadha tirrapreżenta theddida għall-paċi internazzjonali u għas-sigurtà fir-reġjun; billi l-awtoritajiet Sudaniżi wettqu ripressjoni fuq il-protesta paċifika, is-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi b'rabta mal-protesti sporadiċi li bdew madwar is-Sudan fis-7 ta' Jannar 2018 dwar żieda fil-prezzijiet tal-ikel u tal-mediċini, mill-inqas 140 membru tal-partit tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, studenti u attivisti tad-drittijiet tan-nisa ġew arrestati u detentuti mis-Servizzi Nazzjonali Sudaniżi tal-Intelligence u tas-Sigurtà (NISS); billi l-protesti ntlaqgħu b'użu eċċessiv tal-forza mill-forzi Sudaniżi u dan wassal għall-mewt ta' dimostrant u t-tidrib ta' ħafna oħrajn flimkien mar-ripressjoni tal-ġurnalisti u l-attivisti madwar il-pajjiż kollu; billi l-ġlied f'Jannar u fi Frar 2018 huwa l-aktar eżempju riċenti tal-abbużi kostanti fil-pajjiż;

C.  billi dawk arrestati jinkludu avversarji politiċi, fosthom tliet mexxejja tal-Partit tal-Kungress Sudaniż li ġew arrestati u detenuti arbitrarjament; billi avversarji oħrajn arrestati jinkludu Mohamed Mukhtar al-Khatib, is-segretarju politiku tal-Partit Komunista Sudaniż; Mohamed Abdalla Aldoma, il-viċi president tal-Partit Nazzjonali Umma; Mohamed Farouk Salman, membru ewlieni tal-Alleanza Nazzjonali tas-Sudan; u żewġ membri tal-kumitat ċentrali tal-Partit Komunista Sudaniż, Mohieldeen Eljalad u Sidgi Kaballo;

D.  billi l-forzi NISS Sudaniżi arrestaw lil Salih Mahmoud Osman – il-Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta' Darfur, membru tal-Assoċjazzjoni tal-Avukati Demokratiċi, avukat tad-drittijiet tal-bniedem li promwova l-istabbiliment tal-istat tad-dritt u ħadem favur ir-riforma ġuridika permezz tal-Assemblea Nazzjonali tas-Sudan, u huwa rebbieħ tal-Premju Sakharov 2007 – fl-uffiċċju legali tiegħu fl-1 ta' Frar 2018; billi riċentement ġie trasferit għall-ħabs ta' Dabak, 20 km fit-Tramuntana ta' Khartoum u l-awtoritajiet irrifjutaw li jagħtu informazzjoni dwar saħħtu u ċaħdu żjarat lill-avukat tiegħu u lill-familtu;

E.  billi wara l-arrest ta' Salih Mahmoud Osman, il-Kap tad-Delegazzjoni tal-UE fis-Sudan beda inizjattiva diplomatika mal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin Sudaniż, u sar appell mir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stavros Lambridinis lis-37 sessjoni tal-Kunsill tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fis-27 ta' Frar 2018;

F.  billi għadd ta' attivisti nisa wkoll sfaw vittmi ta' din il-kampanja ta' arresti tal-massa; billi d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa qed jiġu soġġetti għal vjolenza sesswali, prosekuzzjoni u pieni vjolenti imposti mill-forzi tas-sigurtà tal-gvern; billi l-organizzazzjonijiet tan-nisa qed jinżammu taħt sorveljanza stretta u qed jikkampanjaw kontra l-liġijiet li b'mod ġenerali jiddiskriminaw kontra n-nisa;

G.  billi f'nofs Frar 2018 il-Gvern Sudaniż ħabbar il-ħelsien ta' 80 priġunier inklużi Rawa Jaafar Bakhit, Nahid Jabrallah, Amel Habani, Hanan Hassan Khalifa u Mohamed Abdallah Aldouma wara trattament ħażin waqt li kienu f'detenzjoni; billi l-kap tan-NISS issottometta l-ħelsien tal-priġunieri l-oħrajn għall-kundizzjoni li huma jwiegħdu li jieqfu jorganizzaw protesti; billi dawn id-dikjarazzjonijiet jmorru kontra l-impenji internazzjonali tas-Sudan favur id-drittijiet tal-bniedem; billi, madankollu, bosta difensuri tad-drittijiet tal-bniedem prominenti u attivisti politiċi tal-oppożizzjoni għadhom il-ħabs, inklużi Osman Salih u Amjeed Fareed, difensur tad-drittijiet tal-bniedem li ilu miżmum f'detenzjoni f'Khartoum mit-18 ta' Jannar; billi ma tressqet l-ebda akkuża ta' delitt kontra dawk miżmuma l-ħabs u huma ma tressqux quddiem qorti tal-ġustizzja;

H.  billi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-avukati u l-assoċjazzjonijiet tal-avukati, għandhom rwol ċentrali fl-iżgurar tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, l-istabilità u l-iżvilupp sostenibbli;

I.  billi l-attivitajiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni huma severament ristretti, u n-NISS jwaqqfu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-partiti politiċi tal-oppożizzjoni milli jorganizzaw bosta attivitajiet; billi l-NGOs internazzjonali jiġu regolarment imkeċċija mill-pajjiż u huma bersalli għall-pressjoni u l-intimidazzjoni mill-Gvern;

J.  billi l-Liġi tas-Sigurtà Nazzjonali tal-2010 u l-emenda għall-Artikolu 151 tal-Kostituzzjoni adottata fil-5 ta' Jannar 2015 taw setgħat ta' arrest u detenzjoni b'firxa wiesgħa lin-NISS, u b'hekk ippermettewlhom li jżommu lill-persuni suspettati sa' erba' xhur u nofs mingħajr ebda possibilità ta' stħarriġ ġudizzjarju; billi qed jiġi allegat li dawn is-setgħat qed jintużaw biex jiġu arrestati u detenuti b'mod arbitrarju persuni li, f'ħafna każijiet, jiġu ttorturati u soġġetti għal trattament ħażin ieħor; billi, skont l-istess liġi, l-uffiċjali tan-NISS igawdu immunità mill-prosekuzzjoni għal kwalunkwe att imwettaq fil-qadi ta' dmirijiethom, u dan ħoloq kultura ta' impunità ġenerali;

K.  billi f'Mejju 2016, il-Gvern tas-Sudan irrifjuta r-rakkomandazzjonijiet tan-NU li appellawlu biex jirrevoka d-dispożizzjonijiet tal-impunità mil-Liġi dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-2010 u biex jagħmel arranġamenti biex jinbdew inkjesti indipendenti bl-għan li jkun hemm il-prosekuzzjonijiet ta' delitti skont id-dritt internazzjonali u ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mill-membri tan-NISS, il-forzi armati u l-pulizija;

L.  billi bosta difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li ġew miżmuma ġew soġġetti għat-tortura u għal trattament ħażin; billi d-detenuti miżmuma taħt il-kustodja tan-NISS huma partikolarment f'riskju ta' trattament ħażin; billi n-NISS huma magħrufin għat-trattament ħażin u għat-tortura tad-detenuti;

M.  billi l-vjolenza li għaddejja mill-forzi tal-gvern, minn gruppi ta' milizzja favur il-gvern u minn gruppi armati kontra l-gvern tifforma l-isfond tal-fastidju kontinwu, l-arresti arbitrarji, id-detenzjonijiet f'iżolament u l-allegazzjonijiet ta' tortura ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem mill-forzi militari u tas-sigurtà Sudaniżi;

N.  billi s-Servizz Ewropew tal-Azzjoni Esterna (SEAE) iddikjara li l-Istati Uniti se jnaqqas is-sanzjonijiet bħala pass importanti fl-isforzi globali biex is-Sudan jerġa' jiġi integrat fil-komunità internazzjonali, u wera li l-UE tinsab lesta li takkumpanja lis-Sudan f'dan il-proċess; billi matul l-ewwel missjoni tax-xorta tagħha lejn is-Sudan tas-Sottokumitat tal-Parlament dwar id-Drittijiet tal-Bniedem f'Diċembru 2017, il-Gvern Sudaniż esprima r-rieda tiegħu li jerġa' jinvolvi ruħu fil-komunità internazzjonali; billi Salih Mahmoud Osman, f'diversi okkażjonijiet, żar l-istituzzjonijiet tal-UE, inkluż il-Parlament Ewropew, sabiex jesprimi riżervi qawwija fir-rigward tal-involviment mill-ġdid tal-UE mas-Sudan;

O.  billi l-awtoritajiet Sudaniżi ma ħallewx lil Mohammed Aldouma jivvjaġġa u kkonfiskawlu l-passaport tiegħu meta kien fi triqtu lejn il-Kajr għal trattament mediku fit-8 ta' Marzu 2018, wara trattament ħażin waqt li kien jinsab f'detenzjoni;

P.  billi s-Sudan huwa kklassifikat il-174 pajjiż fost 180 fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa; billi l-libertà tal-istampa u tal-midja għadha ristretta bil-kbir mill-awtoritajiet u permezz tal-Att dwar l-Istampa u l-Pubblikazzjonijiet, li jipprevedi restrizzjonijiet bħaċ-ċensura, is-sekwestru u l-konfiska ta' gazzetti, l-għeluq ta' stabbilimenti tal-medja u qtugħ tal-internet; billi l-gazzetti huma ċċensurati u kkonfiskati regolarment wara li jiġu stampati, u dan jirrapreżenta impożizzjoni ta' sanzjonijiet ekonomiċi, apparti sanzjonijiet politiċi;

Q.  billi d-dritt għal-libertà tar-reliġjon għadu qed jiġi ristrett u l-liġi tikkriminalizza l-apostasija, il-blasfemija, u l-konverżjoni mill-Islam għal reliġjonijiet oħra; billi fil-21 ta' Frar 2018, il-ġurnalist Shamael al-Nur, li jaħdem mal-gazzetta ta' kuljum Al-Tayyar, ġie akkużat b'apostasija talli kiteb editorjal dwar il-qtugħ fl-infiq fuq is-saħħa nazzjonali, akkuża li ġġib magħha l-piena tal-mewt fis-Sudan;

R.  billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali ħarġet mandati ta' arrest għall-President Sudaniż Omar Hassan Ahmad al-Bashir fl-4 ta' Marzu 2009 u fit-12 ta' Lulju 2010;

1.  Jesprimi tħassib kbir dwar il-persekuzzjoni li għaddejja tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tas-soċjetà ċivili fis-Sudan, li b'mod partikolari tinvolvi l-ksur tal-libertà tal-espressjoni, tal-libertà ta' dimostrazzjoni, tal-libertà ta' għaqda u tal-libertà tar-reliġjon, u l-intimidazzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti u tal-NGOs li jopponu r-reġim;

2.  Jappella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tar-Rebbieħ tal-Premju Sakharov Salih Mahmoud Osman, kif ukoll ta' kwalunkwe difensur tad-drittijiet tal-bniedem, attivist tas-soċjetà ċivili u attivist tal-oppożizzjoni ieħor li qegħdin jinżammu f'detenzjoni biss minħabba l-ħidma leġittima u paċifika tagħhom fid-difiża tad-drittijiet tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija;

3.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-prattika tat-tortura u tat-trattament ħażin fir-rigward ta' kwalunkwe persuna miżmuma f'detenzjoni; jinsisti li l-kundizzjonijiet tad-detenuti kollha jridu jkunu konformi mal-istandards internazzjonali, inkluż il-Korp tal-Prinċipji tan-NU għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha taħt Kwalunkwe Forma ta' Detenzjoni jew Priġunerija;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jinvestigaw l-użu ta' vjolenza, it-tortura u t-trattament ħażin kontra d-dimostranti paċifiċi, u biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jenfasizza li kwalunkwe informazzjoni allegatament miġbura b'riżultat ta' tortura u trattament ħażin ma għandha qatt tkun ammissibbli bħala evidenza fi proċedimenti ġuridiċi;

5.  Jiddeplora t-tqegħid fil-mira u l-abbuż tad-difensuri u tal-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem kollha fis-Sudan, u jistieden lill-awtoritajiet jiggarantixxu li f'kull ċirkostanza li huma jkunu jistgħu jwettqu l-attivitajiet leġittimi tagħhom mingħajr biża ta' rappreżalja u ħielsa minn kull restrizzjoni, inkluż mill-fastidju ġudizzjarju;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern Sudaniż iwaqqaf minnufih il-ksur tad-drittijiet tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għal-libertajiet tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u ta' għaqda; jappella għar-rispett u għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem tal-persuni kollha fis-Sudan;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-vjolazzjonjiet, li għadhom għaddejjin u li huma frekwenti, tad-drittijiet tan-nisa fis-Sudan, b'mod partikolari skont l-Artikolu 152 tal-Kodiċi Kriminali; jistieden lill-awtoritajiet Sudaniżi jiffirmaw u jirratifikaw bla dewmien il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa;

8.  Jissottolinja l-impenn kontinwu tiegħu għall-mekkaniżmu ta' protezzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju; jistieden lis-SEAE jkompli jtejjeb l-implimentazzjoni tiegħu tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, billi juża bis-sħiħ il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tiegħu fis-Sudan; jenfasizza li d-delegazzjonijiet tal-UE jridu jipprijoritizzaw l-appoġġ fis-sejħiet lokali tagħhom għall-proposti taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) għal dawk id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-aktar f'riskju, billi jiżgura appoġġ effettiv u mmirat;

9.  Jitlob lis-SEAE u lid-Delegazzjoni tal-UE fis-Sudan jirrapportaw lill-Parlament dwar l-azzjonijiet li ttieħdu biex jipprovdu l-protezzjoni u l-appoġġ lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għal azzjoni unita tal-UE u tal-Istati Membri b'appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju;

10.  Itenni li huwa imperattiv li l-liġijiet ewlenin, inkluż l-Att dwar is-Sigurtà Nazzjonali tal-2010 u l-liġijiet li jirregolaw il-midja u s-soċjetà ċivili, jiġu riveduti u riformati, sabiex jinġiebu f'konformità mal-istandards internazzjonali li jħarsu l-libertajiet tal-espressjoni, ta' għaqda u tal-assoċjazzjoni;

11.  Ifakkar lis-Sudan dwar l-obbligi tiegħu bħala Membru tan-NU, u jħeġġu jikkonforma mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1593(2005), li tesiġi l-kooperazzjoni mal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jafferma mill-ġdid it-talba tiegħu li l-President Sudaniż Omar al-Bashir jikkonforma ruħu mad-dritt internazzjonali skont il-konvenzjonijiet u t-trattati li għalihom is-Sudan huwa parti, u jappoġġa r-rwol tal-QKI fil-proċess li jitressqu akkużi kontrih għal delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u ġenoċidju;

12.  Iħeġġeġ lis-Sudan jiżgura r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali f'konformità mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u mad-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

13.  Jikkondividi t-tħassib li esprima Salih Mahmoud Osman li l-iffukar attwali fuq il-migrazzjoni jista' jiddevja l-attenzjoni tal-UE lil hinn mill-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem;

14.  Jistieden, għalhekk, lis-SEAE jerġa' jibda joħroġ dikjarazzjonijiet b'rispons għall-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem minn atturi tal-istat u minn milizzji, kif ukoll dikjarazzjonijiet dwar l-ispazju dejjem jiċkien tas-soċjetà ċivili, sabiex juri li l-UE għadha mħassba profondament dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan;

15.  Jitlob bil-qawwa li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-proġetti flimkien mal-awtoritajiet Sudaniżi tosserva l-prinċipju "La Tagħmilx Ħsara", li għandu jeskludi l-kooperazzjoni ma' atturi responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

16.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ lil dawk li ġenwinament qegħdin ifittxu bidla fis-Sudan, u biex jipprovdu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili assistenza teknika u programmi ta' bini tal-kapaċità biex itejbu l-promozzjoni tagħhom favur id-drittijiet tal-bniedem u l-kapaċitajiet tagħhom tal-istat tad-dritt, u biex huma jkunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-titjib tad-drittijiet tal-bniedem fis-Sudan;

17.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu bl-impenn tagħhom li jappoġġaw l-isforzi tal-Unjoni Afrikana biex iġġib il-paċi fis-Sudan u fost il-poplu Sudaniż; jesprimi l-appoġġ tiegħu, f'dan ir-rigward, għat-tiġdid tal-mandat tal-Missjoni tan-NU u tal-Unjoni Afrikana f'Darfur (UNAMID) sa Ġunju 2018;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern tas-Sudan, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kopresidenti tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Parlament Pan-Afrikan (PAP).

 

 

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2018Avviż legali