Proċedura : 2018/2630(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0168/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0168/2018

Dibattiti :

PV 15/03/2018 - 8.1
CRE 15/03/2018 - 8.1

Votazzjonijiet :

PV 15/03/2018 - 10.1
CRE 15/03/2018 - 10.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0079

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 444kWORD 48k
14.3.2018
PE616.114v01-00}
PE616.115v01-00}
PE616.117v01-00}
PE616.118v01-00}
PE616.120v01-00}
PE616.121v01-00}
PE616.122v01-00} RC1
 
B8-0168/2018}
B8-0169/2018}
B8-0171/2018}
B8-0172/2018}
B8-0174/2018}
B8-0175/2018}
B8-0176/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

Verts/ALE (B8-0168/2018)

EFDD (B8-0169/2018)

ECR (B8-0171/2018)

PPE (B8-0172/2018)

GUE/NGL (B8-0174/2018)

ALDE (B8-0175/2018)

S&D (B8-0176/2018)


dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi (2018/2630(RSP))


Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Jaromír Štětina, Jarosław Wałęsa, Bogdan Brunon Wenta, Marijana Petir, Lefteris Christoforou, Ivan Štefanec, Luděk Niedermayer, Csaba Sógor, Tunne Kelam, Milan Zver, Patricija Šulin, Romana Tomc, Eduard Kukan, Željana Zovko, David McAllister, Eva Maydell, Elisabetta Gardini, Adam Szejnfeld, Michaela Šojdrová, Sandra Kalniete, Krzysztof Hetman, Pavel Svoboda, Roberta Metsola, Geoffroy Didier, Dubravka Šuica, Deirdre Clune, Lorenzo Cesa, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Ivana Maletić, Seán Kelly, Anna Záborská, Manolis Kefalogiannis, Jiří Pospíšil, Stanislav Polčák, Elmar Brok, László Tőkés f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Wajid Khan f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Karol Karski, Ruža Tomašić, Raffaele Fitto, Jadwiga Wiśniewska, Angel Dzhambazki, Branislav Škripek, Ryszard Czarnecki, Monica Macovei f'isem il-Grupp ECR
Urmas Paet, Nedzhmi Ali, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Miguel Urbán Crespo, Patrick Le Hyaric, Sofia Sakorafa, Merja Kyllönen, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Marie-Christine Vergiat, Younous Omarjee, Kateřina Konečná, Jiří Maštálka f'isem il-Grupp GUE/NGL
Jean Lambert, Igor Šoltes, Barbara Lochbihler, Jordi Solé f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Piernicola Pedicini, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi (2018/2630(RSP)) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi (2018/2630(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Settembru 2004(1), tat-30 ta' April 2015(2), tas-17 ta' Diċembru 2015(3) u tal-5 ta' Ottubru 2017(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-kelliem tas-SEAE tat-2 ta' Frar 2018 dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Maldivi tal-1 ta' Frar 2018(5), u tas-6 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali konġunta tat-30 ta' Jannar 2018 tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea bi ftehim mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-UE residenti f'Kolombo u akkreditati lill-Maldivi dwar l-arrest imġedded tal-MP Faris Maumoon(7),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), li għalih huma parti l-Maldivi,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESPR), li għalih huma wkoll parti l-Maldivi,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,

–  wara li kkunsidra l-missjoni uffiċjali lejn il-Maldivi tad-Delegazzjoni Parlamentari Ewropea għar-Relazzjonijiet mal-Pajjiżi tal-Asja t'Isfel mid-29 sal-31 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, tas-7 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa fis-6 ta' Frar 2018 mill-Bureau tad-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew għall-Pajjiżi tal-Asja t'Isfel dwar is-sitwazzjoni fil-Maldivi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Maldivi, kif adottati mill-Kunsill fit-3 598 laqgħa tiegħu fis-26 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tas-Segretarju Ġenerali tan-NU ma' Mohamed Asim, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Repubblika tal-Maldivi, fit-28 ta' Settembru 2017 fejn esprima tħassib dwar is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Avukati (UIA) tas-7 ta' Marzu 2018, fejn esprimiet tħassib serju dwar l-istat tad-dritt u l-istat tal-indipendenza tal-ġudikatura fil-Maldivi,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ewwel elezzjonijiet demokratiċi fl-2008 u l-adozzjoni ta' kostituzzjoni ġdida qajmu tamiet kbar li l-Maldivi kienu ser jegħlbu deċennji ta' gvern awtoritarju u jimxu lejn sistema demokratika, iżda żviluppi reċenti huma ta' theddida serja għat-twettiq ta' dan il-prospett;

B.  billi membri tal-partiti politiċi tal-oppożizzjoni, ġurnalisti indipendenti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem qed jirrappurtaw aktar theddid u attakki min-naħa tal-awtoritajiet, tal-pulizija u tal-gruppi estremisti; billi tqajjem tħassib dwar il-ġudikatura politiċizzata ħafna tal-Maldivi, li tul is-snin abbużat mis-setgħat tagħha u aġixxiet favur il-partit fil-gvern u kontra l-politiċi tal-oppożizzjoni; billi hemm evidenza dejjem tiżdied li turi li l-akkużi kriminali miġjuba kontra avversarji politiċi tal-President Abdulla Yameen Abdul Gayoom (minn hawn 'il quddiem il-President Yameen) setgħu kienu politikament motivati; billi l-eks President Maumoon Abdul Gayoom ġie arrestat fi Frar 2018;

C.  billi l-ewwel rawnd ta' elezzjonijiet presidenzjali għandu jsir f'Settembru 2018; billi l-President stieden lill-komunità internazzjonali sabiex tosserva l-proċess elettorali;

D.  billi fl-1 ta' Frar 2018, deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Maldivi annullat il-proċedimenti kriminali kontra politiċi ewlenin u ammettiet li l-proċessi kontrihom kienu inġusti; billi s-sentenza ordnat il-ħelsien immedjat ta' disa' persuni, inklużi tmien mexxejja politiċi tal-oppożizzjoni, inkluż l-eżiljat Mohamed Nasheed, u r-ristabbiliment tat-12-il Membru Parlamentari sospiżi; billi l-Gvern iżomm il-maġġoranza fil-Parlament dment li t-12-il Membru Parlamentari jibqgħu mċaħħda mis-siġġu tagħhom;

E.  billi fil-5 ta' Frar 2018, wara d-deċiżjoni mill-Qorti Suprema, il-President Abdullah Yameen iddikjara stat ta' emerġenza għal 15-il jum; billi bid-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza għadd kbir ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali minquxa fil-Kostituzzjoni ġew sospiżi, inklużi d-drittijiet ta' għaqda paċifika u ta' libertà minn arrest u detenzjoni illegali;

F.  billi ġew arrestati żewġ imħallfin li jippresjedu tal-Qorti Suprema, inkluż il-Prim Imħallef, li wassal biex l-imħallfin li jippresjedu rimanenti annullaw l-ordni oriġinali; billi filwaqt li ġiet injorata b'mod ċar l-indipendenza tal-ġudikatura, membri tal-ġudikatura u avversarji politiċi ġew detenuti b'mod arbitrarju;

G.  billi minkejja l-protesti paċifiċi ta' mijiet ta' ċittadini, l-istat ta' emerġenza ġie estiż mill-Parlament għal 30 ġurnata oħra fl-20 ta' Frar 2018, mossa li tqieset bħala mhux kostituzzjonali mill-Prosekutur Ġenerali tal-Maldivi iżda li ġiet ikkonfermata mill-Qorti Suprema; billi l-votazzjoni biex jiġi estiż l-istat ta' emerġenza kienet sfurzata permezz tal-Parlament fin-nuqqas ta' kworum;

H.  billi l-Kunsill Affarijiet Barranin segwa bi tħassib id-deterjorament reċenti tas-sitwazzjoni fil-Maldivi, u għamel sejħiet lil kulħadd fil-pajjiż, b'mod partikolari l-forzi tal-infurzar tal-liġi, biex jaġixxu b'moderazzjoni; billi, fit-8 ta' Marzu 2018, saret dikjarazzjoni konġunta waqt is-37 Sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu f'isem aktar minn 40 pajjiż, inklużi l-Istati Membri kollha tal-UE, fejn jappella lill-Gvern tal-Maldivi biex jirrestawra d-drittijiet kostituzzjonali u l-indipendenza tal-qrati, u esprima l-appoġġ tiegħu għall-funzjonament tajjeb tal-Parlament tal-pajjiż u ħeġġeġ lill-Gvern biex jeħles lill-priġunieri politiċi u lill-familji tagħhom;

I.  billi l-attivisti tas-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldivi jkomplu jħabbtu wiċċhom ma' theddid u intimidazzjoni minn estremisti, u fastidju ġudizzjarju mill-awtoritajiet, bħal fil-każ ta' Shahindha Ismail, Direttur Eżekuttiv tan-Netwerk Demokratiku tal-Maldivi, li kienet fil-mira ta' artikli ta' aħbarijiet, theddid ta' mewt u investigazzjoni mill-pulizija minħabba s-sostenn tagħha kontra l-fundamentaliżmu reliġjuż u r-radikalizzazzjoni;

J.  billi l-President Yameen iddikjara ripetutament l-intenzjoni tiegħu li jerġa' jibda l-prattika tal-eżekuzzjonijiet awtorizzati mill-Istat, u b'hekk iġib fi tmiemu moratorju ta' 60 sena; billi d-dritt Maldivjan, bi ksur tad-dritt internazzjonali, jippermetti li minorenni jingħataw piena tal-mewt posposta, li titwettaq meta l-minorenni jagħlaq 18-il sena; billi mill-inqas fi tliet każijiet, b'mod speċifiku dawk ta' Hussein Humaam Ahmed, Ahmed Murrath u Mohamed Nabeel, il-Qorti Suprema tal-Maldivi kkonfermat is-sentenzi tal-mewt għal individwi kkundannati li l-proċessi tagħhom naqsu milli jirrispettaw standards rikonoxxuti internazzjonalment ta' proċess ġust, u li issa huma f'riskju imminenti ta' eżekuzzjoni;

K.  billi fis-snin reċenti, il-Maldivi mxew lejn verżjoni radikali tal-Iżlam; billi hemm ukoll tħassib dwar militanza Iżlamista radikali li qed tikber u dwar l-għadd ta' żgħażagħ irġiel u nisa radikalizzati li allegatament ingħaqdu mal-ISIS;

L.  billi l-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ġurnalisti (IFJ), Reporters mingħajr fruntieri (RFS) u l-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti (CPJ) ħarġu dikjarazzjoni konġunta fil-15 ta' Frar 2018 fejn esprimew it-tħassib profond tagħhom dwar restrizzjonijiet tal-midja u l-libertà ta' espressjoni u t-theddid kontrihom, fil-Maldivi; billi, fl-4 ta' Frar 2018, id-deputat mexxej tal-partit fil-gvern, il-Partit Progressiv tal-Maldivi (PPM), Abdul Raheem Abdullah, appella lill-forzi tas-sigurtà biex jingħalaq minnufih Raajje TV, akkużat li ta ħin ta' xandir lill-mexxejja tal-oppożizzjoni;

M.  billi l-UE għandha relazzjonijiet li ilhom jeżistu mal-Maldivi, b'mod partikolari f'oqsma bħalma huma l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, u mijiet ta' eluf ta' turisti Ewropej jivvjaġġaw lejn il-Maldivi kull sena;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni serja u li qed tiddeterjora politika u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldivi, u t-tmexxija dejjem aktar awtoritarja tal-President Yameen u tal-Gvern tiegħu; jieħu nota pożittiva tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Maldivi tas-26 ta' Frar 2018;

2.  Jistieden lill-Gvern tal-Maldivi jtemm l-istat ta' emerġenza immedjatament, jirrispetta l-istituzzjonijiet u l-kompetenzi tagħhom kif previst fil-Kostituzzjoni u jirrispetta d-drittijiet fundamentali tal-persuni kollha, inkluż id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, kif ukoll l-istat tad-dritt; jesprimi t-tħassib jiżdied tiegħu dwar l-azzjonijiet reċenti tal-Gvern, li jagħmlu ħsara serja u jheddu d-demokrazija, u jmorru kontra l-Kostituzzjoni tal-Maldivi u l-obbligi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem tal-pajjiż; jikkundanna l-intimidazzjoni kontinwa u t-theddid kontra l-ġurnalisti, il-bloggers u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-Maldivi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Maldivjani jiggarantixxu s-sikurezza tal-attivisti tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-ħaddiema tal-mezzi tax-xandir kollha fil-pajjiż, biex dawn ikunu jistgħu jwettqu xogħolhom b'mod sikur u mingħajr xkiel, jinvestigaw it-theddid kontrihom, u jiftħu proċedimenti kriminali kontra dawk li jwettqu r-reati; jiddeplora t-trażżin tal-opponenti politiċi fil-Maldivi, u jistieden lill-Gvern iwaqqa' l-akkużi kollha kontra dawk kollha miżmuma għal raġunijiet politiċi u jeħlishom immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet;

3.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema tal-Maldivi tal-1 ta' Frar 2018 li tannulla l-proċedimenti kriminali kontra politiċi ewlenin u biex jerġgħu jingħataw il-karigi tagħhom it-12-il Membru Parlamentari; jistieden lill-awtoritajiet Maldivjani jobdu s-sentenza;

4.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe interferenza fix-xogħol tal-Qorti Suprema tal-Maldivi u l-arresti tal-imħallfin li jippresjedu; jitlob li jinħelsu minnufih u bla kundizzjonijiet; jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-qerda tal-prinċipju ta' separazzjoni tas-setgħat eżekuttivi, ġudizzjarji u oħrajn fil-Maldivi; jistieden lill-awtoritajiet responsabbli jieħdu passi immedjati biex jirrestawraw u jirrispettaw il-prinċipji minquxa fil-Kostituzzjoni tagħhom;

5.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Gvern biex jiżgura l-indipendenza u l-imparzjalità sħaħ tal-ġudikatura u biex jiggarantixxi liċ-ċittadini kollha d-dritt għal ġustizzja ekwa u trasparenti mingħajr influwenza politika; jikkundanna l-indħil fix-xogħol tal-Qorti Suprema u l-azzjonijiet meħuda kontra l-ġudikatura u l-imħallfin; jitlob lill-Gvern jiżgura li l-avukati jkunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet professjonali kollha tagħhom mingħajr intimidazzjoni, tfixkil, fastidju jew interferenza mhux xierqa;

6.  Itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Maldivjan biex jimpenja ruħu fi djalogu inklużiv mal-mexxejja tal-partiti politiċi kollha; ifakkar li djalogu bħal dan iwitti t-triq għal elezzjonijiet kredibbli, trasparenti u inklużivi; iqis li l-UE għandha tkompli tappoġġa b'mod attiv lin-NU fl-iffaċilitar ta' dan id-djalogu;

7.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Indja u taċ-Ċina jaħdmu mal-pajjiżi tal-UE biex jgħinu fil-kisba tal-istabilità politika u demokratika fil-Maldivi;

8.  Jemmen li l-uniku mod biex jitreġġa' lura d-deterjorament tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fil-Maldivi huwa permezz ta' proċess ta' djalogu ġenwin li jinvolvi lill-partiti politiċi kollha u lil mexxejja ċiviċi oħra; barra minn hekk jemmen li, bħala l-ewwel pass lejn ir-rikonċiljazzjoni, il-Gvern għandu jeħles lill-politiċi tal-oppożizzjoni li bħalissa qed jinżammu l-ħabs;

9.  Itenni l-oppożizzjoni soda tal-UE għall-piena tal-mewt, f'kull każ u mingħajr eċċezzjoni; jikkundanna bil-qawwa t-tħabbira tal-introduzzjoni mill-ġdid tal-piena tal-mewt fil-Maldivi u jħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tal-Maldivi biex jirrispettaw il-moratorju fuq il-piena tal-mewt li ilu fis-seħħ għal aktar minn 60 sena; jitlob l-abolizzjoni universali tal-piena kapitali, u jistieden lill-Gvern jirrevoka s-sentenzi kollha ta' piena kapitali kontra minorenni u jipprojbixxi l-eżekuzzjoni ta' delinkwenti minorenni;

10.  Jikkritika b'qawwa l-fatt li l-ippratikar ta' reliġjonijiet mhux Musulmani huwa severament punibbli fil-Maldivi; jesprimi tħassib li l-Att dwar l-Għaqda Reliġjuża qed jintuża biex jillimita l-libertà tal-espressjoni fil-Maldivi;

11.  Jesprimi tħassib dwar l-impatt li s-sitwazzjoni attwali jista' jkollha wkoll fuq is-sigurtà ta' residenti barranin u viżitaturi; jitlob lir-Rappreżentant Għoli u Viċi President, lid-delegazzjoni tal-UE lejn il-Maldivi u lid-delegazzjonijiet tal-Istati Membri biex jikkoordinaw mill-qrib il-pariri tagħhom dwar l-ivvjaġġar f'dan ir-rigward;

12.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha miżmuma arbitrarjament, li ħafna minnhom huma ġurnalisti u dimostranti paċifiċi; jikkundanna kull u kwalunkwe użu tal-forza mill-awtoritajiet; jistieden lill-awtoritajiet Maldivjani kollha, b'mod partikolari l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, biex jaġixxu b'moderazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw lil dawk kollha ssuspettati li kienu responsabbli għar-reati li twettqu, u jżommuhom responsabbli;

13.  Jistieden lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tippromwovi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi fil-Maldivi, inkluż, possibbilment, is-sospensjoni tal-assistenza finanzjarja tal-UE lill-pajjiż sakemm jerġa' jiddaħħal l-istat tad-dritt u jkun hemm konformità mal-prinċipji demokratiċi; jistieden lill-Kunsill jintroduċi miżuri u sanzjonijiet immirati kontra dawk fil-pajjiż li qed idgħajfu d-drittijiet tal-bniedem, u jiffriża l-assi barra mill-pajjiż ta' ċerti membri tal-Gvern Maldivjan u tas-sostenituri ewlenin tagħhom fil-komunità tan-negozju tal-Maldivi, u jimponilhom projbizzjonijiet fuq l-ivjaġġar;

14.  Jistieden lill-Gvern Maldivjan iwettaq riforma approfondita tal-ġudikatura, jistabbilixxi l-imparzjalità tal-Kummissjoni tas-Servizz Ġudizzjarju, jerġa' jistabbilixxi l-indipendenza tal-Prosekutur Ġenerali u jirrispetta l-proċess korrett tal-liġi u d-dritt għal proċess ġust, imparzjali u indipendenti;

15.  Jirrikonoxxi li, skont il-Kostituzzjoni, l-elezzjonijiet għandhom iseħħu fl-2018; jenfasizza li għandha tittieħed azzjoni immedjata sabiex jiġi żgurat li dawn l-elezzjonijiet ikunu trasparenti u kredibbli, biex il-votanti jingħataw għażla ġenwina u l-partijiet ikunu jistgħu jagħmlu kampanja libera;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u Viċi President tal-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-Gvern tal-Maldivi.

 

 

 

 

(1)

ĠU C 140E, 9.6.2005, p. 165.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0180.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2015)0464.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0383.

(5)

https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/39275/statement-spokesperson-decision-supreme-court-maldives_en

(6)

https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/39413/statement-spokesperson-situation-maldives_en

(7)

https://eeas.europa.eu/delegations/sri-lanka/39021/joint-local-statement-renewed-arrest-mp-faris-maumoon_en

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2018Avviż legali