Proċedura : 2018/2661(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0197/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0197/2018

Dibattiti :

PV 19/04/2018 - 6.1
CRE 19/04/2018 - 6.1

Votazzjonijiet :

PV 19/04/2018 - 10.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0174

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 444kWORD 55k
18.4.2018
PE618.450v01-00}
PE618.452v01-00}
PE618.453v01-00}
PE618.454v01-00}
PE618.457v01-00} RC1
 
B8-0197/2018}
B8-0199/2018}
B8-0200/2018}
B8-0201/2018}
B8-0204/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni mressqa mill-gruppi:

PPE (B8-0197/2018)

S&D (B8-0199/2018)

ECR (B8-0200/2018)

ALDE (B8-0201/2018)

Verts/ALE (B8-0204/2018)


dwar il-Belarussja (2018/2661(RSP))


Cristian Dan Preda, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Jaromír Štětina, Patricija Šulin, Francis Zammit Dimech, Tomáš Zdechovský, Milan Zver, Jarosław Wałęsa, Csaba Sógor, Mairead McGuinness, Romana Tomc, Ivan Štefanec, Eduard Kukan, Elisabetta Gardini, Giovanni La Via, Adam Szejnfeld, Michaela Šojdrová, Tunne Kelam, David McAllister, Lars Adaktusson, Krzysztof Hetman, Željana Zovko, Bogdan Brunon Wenta, Sandra Kalniete, Dubravka Šuica, Pavel Svoboda, Ivana Maletić, Laima Liucija Andrikienė, Marijana Petir, Seán Kelly, Deirdre Clune, Andrey Kovatchev, Julia Pitera, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Daniel Caspary, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Alojz Peterle, Fernando Ruas, Inese Vaidere, László Tőkés, Stanislav Polčák, Jiří Pospíšil, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Clare Moody f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Branislav Škripek, Raffaele Fitto, Ruža Tomašić, Monica Macovei, Anna Elżbieta Fotyga f'isem il-Grupp ECR
Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, María Teresa Giménez Barbat, Nathalie Griesbeck, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Bronis Ropė, Heidi Hautala, Indrek Tarand, Davor Škrlec, Igor Šoltes f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Belarussja (2018/2661(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari tal-11 ta' Settembru 2016, l-elezzjonijiet presidenzjali tal-11 ta' Ottubru 2015 u l-elezzjonijiet lokali tat-18 ta' Frar 2018 li saru fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Frar 2018 tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP / RGħ) dwar l-elezzjonijiet lokali fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Marzu 2018 tal-kelliem tal-VP / RGħ dwar l-iżviluppi fil-perjodu qabel u matul Jum il-Ħelsien fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Frar 2016 li neħħew is-sanzjonijiet kontra 170 individwu u tliet kumpaniji Belarussi, u li stabbilew il-qafas għal djalogu politiku u l-kundizzjonijiet għar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja biex tkompli tiġi żviluppata aġenda aktar pożittiva, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna r-riformi demokratiċi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit tas-Sħubija tal-Lvant tal-24 ta' Novembru 2017, u l-approvazzjoni tal-20 objettiv tanġibbli għall-2020, li huma mfassla biex jiksbu r-riżultati għaċ-ċittadini,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissarju Hahn fil-Belarussja f'Jannar 2018 u n-negozjati li għaddejjin dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin biex il-miżuri restrittivi li fadal kontra l-Belarussja jiġu estiżi b'sena sa Frar 2019, inklużi l-embargo fuq l-armi, il-projbizzjoni tal-esportazzjoni ta' oġġetti għal repressjoni interna kif ukoll l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tal-ivvjaġġar għal erba' individwi elenkati b'konnessjoni mal-għajbien mhux solvut ta' żewġ politiċi tal-oppożizzjoni, ta' negozjant u ta' ġurnalist fl-1999 u fl-2000,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem li l-Belarussja hija firmatarja tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tar-Rapporteur Speċjali tan-NU tat-28 ta' Marzu 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 135 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, wara l-elezzjonijiet presidenzjali fl-2015 u l-elezzjonijiet parlamentari fl-2016, fit-18 ta' Frar 2018 saru l-elezzjonijiet lokali fil-Belarussja; billi r-rakkomandazzjonijiet li ilhom li saru mill-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR) tal-OSKE u mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-qasam tal-leġiżlazzjoni u l-proċessi elettorali għadhom ma ġewx indirizzati fil-Belarussja; billi, skont osservaturi diplomatiċi barranin u Belarussi, l-elezzjonijiet lokali li saru fi Frar 2018 servew biss biex tali nuqqasijiet jiġu kkonfermati mill-ġdid;

B.  billi, fi Frar 2016, l-UE neħħiet il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi tagħha kontra uffiċjali u entitajiet legali Belarussi bħala ġest ta' rieda tajba bil-għan li tħeġġeġ lill-Belarussja ttejjeb is-sitwazzjoni tagħha f'dak li jikkonċerna d-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;

C.  billi l-UE ddikjarat ripetutament li r-rispett għal-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxi prekundizzjoni ċara għat-titjib u l-avvanz ulterjuri tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Belarussja; madankollu, billi s-sitwazzjoni fil-pajjiż għadha waħda ta' tħassib, peress li t-tentattivi ta' titjib li qed jiġu osservati f'dan ir-rigward huma limitati ħafna;

D.  billi r-riformi kostituzzjonali u leġiżlattivi tant mistennija li jippermettu l-iżvilupp ta' demokrazija vera għadhom lura sew;

E.  billi ma sar ebda tentattiv ta' riforma elettorali u, kif intwera matul l-elezzjonijiet lokali ta' Frar 2018, għad fadal numru sinifikanti ta' nuqqasijiet u irregolaritajiet proċedurali serji, inklużi qafas legali restrittiv għad-drittijiet politiċi fl-istadji kollha tal-kampanji elettorali u problemi bl-osservazzjoni, il-votazzjoni u l-għadd tal-voti; billi, fil-Belarussja, ilhom ma jsiru elezzjonijiet liberi u ġusti mill-1994;

F.  billi ma ġewx mistiedna osservaturi internazzjonali biex josservaw l-elezzjonijiet lokali, filwaqt li l-osservaturi Belarussi, min-naħa tagħhom, ġabru evidenza tanġibbli ta' sforzi enormi fil-pajjiż kollu biex l-ammont totali ta' nies li vvutaw jitkabbar b'mod sproporzjonat kif ukoll ta' votazzjoni karusell, fejn din tal-aħħar intużat għall-ewwel darba wara ħafna snin;

G.  billi qed jissuktaw l-attivitajiet intimidatorji, fosthom bosta każijiet ta' detenzjoni ta' attivisti indipendenti u tal-oppożizzjoni, ta' politiċi u ta' ġurnalisti; billi, għal darb'oħra, membri prominenti tal-oppożizzjoni u difensuri favur id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem ma tħallewx jipparteċipaw f'dimostrazzjoni mhux awtorizzata f'Minsk fil-25 ta' Marzu 2018 biex jitfakkar il-100 anniversarju mill-proklamazzjoni tal-indipendenza tal-Belarussja, u jew ġew arrestati qabel jew matul l-istess dimostrazzjoni, għalkemm il-biċċa l-kbira sussegwentement inħelsu mingħajr akkuża;

H.  billi żewġ priġunieri politiċi, Mikhail Zhamchuzhny u Dzmitry Paliyenka, għadhom detenuti;

I.  billi l-Parlament Ewropew ilu s-snin jappoġġja lis-soċjetà ċivili, bl-għoti tal-Premju Sakharov lill-Assoċjazzjoni Belarussa tal-Ġurnalisti fl-2004 u lil Alaksandr Milinkievich fl-2006, fost inizjattivi oħra;

J.  billi l-ġrajjiet ta' Jum il-Ħelsien 2018 juru għal darb'oħra li l-Gvern Belarussu m'għandu ebda intenzjoni li jabbanduna l-politiki antiki tiegħu ta' repressjoni, fuq skala enormi, taċ-ċittadini li jippruvaw jeżerċitaw id-drittijiet previsti mill-kostituzzjoni u mit-trattati internazzjonali;

K.  billi, fl-24 ta' Jannar 2018, il-Ministru tal-Informazzjoni arbitrarjament imblokka l-aċċess għas-sit web tal-aħbarijiet indipendenti ewlieni, Charter97.org, fit-territorju tal-Belarussja; billi nbdew proċedimenti kriminali kontra bloggers indipendenti; billi l-abbozz ta' emendi għal-Liġi dwar il-Midja, jekk jiġu adottati, ikunu theddida ġdida u sinifikanti għal-libertà tal-espressjoni fil-pajjiż;

L.  billi, fil-25 ta' Ottubru 2016, il-Belarussja adottat l-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tagħha dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, approvat b'riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri tal-Belarussja, li jiddefinixxi l-linji ta' azzjoni prinċipali għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-pajjiż favur id-drittijiet tal-bniedem;

M.  billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali; billi r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja nnota li s-sentenzi tal-mewt fil-Belarussja jistgħu jitqiesu kontroversjali ferm minħabba n-nuqqas ta' ġudikatura indipendenti u ta' proċessi ġusti;

N.  billi l-UE u l-Belarussja bħalissa qed jinnegozjaw Prijoritajiet tas-Sħubija mfassla apposta, li l-oqsma ta' interess ewlenin tagħhom jinkludu l-iżvilupp ekonomiku u l-modernizzazzjoni, it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-governanza tajba, il-konnettività u l-kuntatti bejn in-nies; billi l-Gvern Belarussu ddikjara ripetutament li qed jipprova jinnormalizza r-relazzjonijiet mal-UE, ineħħi s-sanzjonijiet li fadal u jilliberalizza l-viżi; madankollu, billi l-progress f'dan ir-rigward bilfors jiddependi mill-fatt li l-Belarussja turi rieda politika u impenn politiku favur il-valuri demokratiċi, l-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali;

1.  Jappoġġja l-involviment kritiku tal-UE mal-Belarussja, dment li dan l-involviment ikun ibbażat fuq il-kundizzjoni li jitwettqu passi konkreti lejn id-demokratizzazzjoni u li l-awtoritajiet tal-Belarussja jirrispettaw bis-sħiħ il-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem;

2.  Jinnota b'diżappunt in-nuqqas ta' implimentazzjoni, minkejja l-appelli li kienu saru, tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-ODIHR tal-OSKE u l-Kummissjoni ta' Venezja wara l-elezzjonijiet presidenzjali fl-2015 u l-elezzjonijiet parlamentari fl-2016, li suppost li ġew implimentati qabel l-elezzjonijiet lokali tal-2018; jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jerġgħu jibdew mingħajr dewmien il-ħidma fuq ir-riformi elettorali komprensivi bħala parti mill-proċess ta' demokratizzazzjoni usa' u b'kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali;

3.  Jiddeplora l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti u l-midja indipendenti fil-Belarussja fis-segwitu tal-elezzjonijiet lokali, inklużi t-tneħħija illegali minn post tal-votazzjoni u t-trattament brutali tal-ġurnalist tal-Belsat TV Andrus Kozel, u l-imblukkar tal-portal tal-aħbarijiet Charter97, fost azzjonijiet oħra;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarussja biex immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet ineħħu l-imblokk impost fuq is-sit web tal-aħbarijiet indipendenti ewlieni Charter97.org, jabbandunaw l-emendi lil-Liġi dwar il-Midja, li, jekk jiġu adottati, ikunu ta' theddida għal-libertà tal-espressjoni, u jtemmu l-persekuzzjoni tal-bloggers indipendenti talli jipprattikaw il-libertà tal-espressjoni;

5.  Jinnota li l-għadd ta' rappreżentanti tal-oppożizzjoni demokratika fil-postijiet tal-votazzjoni fil-livell distrettwali kien sproporzjonatament baxx meta mqabbel mal-għadd ta' applikazzjonijiet li tressqu;

6.  Jesprimi diżappunt għall-fatt li partiti tal-oppożizzjoni demokratiċi ripetutament ġew rifjutati milli jirreġistraw; jitlob li jitneħħew ir-restrizzjonijiet u li l-proċeduri tar-reġistrazzjoni jsiru aktar faċli għall-partiti politiċi fil-Belarussja; jisħaq fuq il-fatt li l-partiti politiċi kollha għandhom jitħallew iwettqu attivitajiet politiċi mingħajr restrizzjonijiet, speċjalment waqt il-kampanji elettorali; jappella biex jiġi rtirat l-Artikolu 193/1 tal-Kodiċi Kriminali tal-Belarussja, li jikkriminalizza l-parteċipazzjoni fl-attivitajiet ta' organizzazzjonijiet mhux reġistrati;

7.  Jiddispjaċih minħabba r-reazzjoni sproporzjonata tal-awtoritajiet Belarussi għall-isforzi li għamlu l-attivisti tal-oppożizzjoni biex jorganizzaw rally mhux awtorizzata għaċ-ċelebrazzjonijiet ta' Jum il-Ħelsien tal-25 ta' Marzu 2018, li wasslet għal għexieren ta' arresti, inkluż ta' mexxejja tal-oppożizzjoni u tal-eks kandidati presidenzjali Mikalai Statkevich u Uladzimir Niakliaev; itenni li l-libertà tal-għaqda u tal-assoċjazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem; jenfasizza li kwalunkwe pass lura f'dawk li huma demokrazija u rispett għad-drittijiet fundamentali, inklużi aktar detenzjonijiet ta' priġunieri politiċi, għandu f'kull każ iġib reazzjoni ċara mill-UE fir-relazzjonijiet tiegħu mal-Belarussja;

8.  Jappella bil-qawwa għall-ħelsien ta' Mikhail Zhamchuzhny u Dzmitry Paliyenka, żewġ attivisti tas-soċjetà ċivili detenuti għal raġunijiet politiċi, u biex l-eks priġunieri politiċi jiġu riabilitati u jingħataw lura d-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi sabiex jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett għall-prinċipji demokratiċi, għad-drittijiet tal-bniedem u għal-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem ratifikati mill-Belarussja;

10.  Jirrimarka li r-rispett għal-libertajiet fundamentali huwa element ewlieni ta' demokrazijab'saħħitha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Belarussja jimpenjaw ruħhom fi djalogu miftuħ u kostruttiv mal-oppożizzjoni demokratika u mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, bil-ħsieb li jiggarantixxu l-libertajiet u d-drittijiet taċ-ċittadini, b'mod partikolari d-dritt tal-assoċjazzjoni, tal-għaqda paċifika u tal-espressjoni, kif ukoll bil-ħsieb li jiżguraw qafas għal midja ħielsa u indipendenti;

11.  Itenni bil-qawwa l-appell tiegħu lill-Belarussja biex tingħaqad fil-moratorju globali fuq il-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha; ifakkar li l-piena kapitali tikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, ma għandha ebda effett deterrenti ppruvat u tagħmel l-iżbalji ġudizzjarji irriversibbli; jinnota b'dispjaċir li l-qrati tal-Belarussja taw pieni tal-mewt ġodda fl-2018;

12.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jagħtu u jsaħħu l-appoġġ tagħhom lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja u barra mill-pajjiż; jisħaq, f'dan il-kuntest, fuq il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-għejun ta' informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li twettaq ix-xandir bl-ilsien Belarussu, u minn barra l-pajjiż;

13.  Jieħu nota tad-djalogi settorjali UE-Belarussja fil-livell tekniku u tat-twessigħ tal-kooperazzjoni f'oqsma bħalma huma r-riforma ekonomika, l-effiċjenza tar-riżorsi, l-ekonomija ħadra u l-protezzjoni ambjentali; jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jipprijoritizzaw is-sikurezza tal-impjant tal-enerġija nukleari Belarussu f'Ostrovets, u jiżguraw li l-progress fir-relazzjonijiet UE-Belarussja jkun ibbażat fuq il-kundizzjoni li jkun hemm aktar ftuħ u kooperazzjoni, u li jkun hemm konformità sħiħa mal-istandards tas-sikurezza nukleari u ambjentali internazzjonali, min-naħa tal-Belarussja;

14.  Jiddispjaċih li d-djalogu li għaddej bħalissa dwar id-drittijiet tal-bniedem mhux qed jagħti riżultati konkreti u jħeġġeġ lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem isib modi u mezzi kif jippromwovi l-protezzjoni sħiħa u effettiva tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja; jappella sabiex jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha;

15.  Jieħu nota tan-negozjati li għaddejjin dwar il-Prijoritajiet tas-Sħubija UE-Belarussja u jistenna bil-ħerqa l-konklużjoni rapida tagħhom, li se jwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tal-kooperazzjoni bilaterali għall-benefiċċju taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat u jippermettu lill-Belarussja jkollha aċċess għal ambitu usa' ta' għajnuna finanzjarja u kooperazzjoni, bil-kundizzjoni li tieħu passi ċari u tanġibbli lejn id-demokratizzazzjoni u l-ftuħ, inkluża, bħala prijorità, riforma elettorali komprensiva; jilqa', f'dan il-kuntest, il-pjan tal-Kummissjoni li żżid l-allokazzjoni ta' għajnuna finanzjarja għall-perjodu 2018-2020; jinsisti fuq impenji aktar ċari ta' riforma min-naħa tal-Gvern tal-Belarussja u jirrakkomanda li jitwaqqaf pjan direzzjonali għal relazzjonijiet UE-Belarussja aktar mill-qrib fis-sura ta' punti ta' riferiment u skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni ta' dawn l-impenji;

16.  Iħeġġeġ lill-UE tkompli tagħti l-appoġġ tagħha lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jistieden lill-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Belarussja jiżgura l-parteċipazzjoni ċivika fil-proċessi tat-tfassil tal-politiki fil-livell lokali u f'dak nazzjonali, ispirat mil-linji gwida adottati mill-Kunsill tal-Ewropa fis-27 ta' Novembru 2017; jinnota l-interazzjoni li kulma jmur qed tiżdied bejn il-Belarussja u din l-organizzazzjoni;

17.  Jistieden, f'dan ir-rigward, lis-SEAE u lill-Kummissjoni jsibu modi kif jinfurmaw u jikkonsultaw mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-Belarussja dwar id-djalogu u n-negozjati li għaddejjin bejn l-UE u l-Belarussja;

18.  Jinnota b'sodisfazzjon il-bidu tal-implimentazzjoni tas-Sħubija għall-Mobilità bejn l-UE u l-Belarussja, u qed jistenna bil-ħerqa li jiġu finalizzati l-Ftehim għall-Faċilitazzjoni tal-Viża u l-Ftehim ta' Riammissjoni, bħala kontribut ċar għall-kuntatti bejn il-persuni u bejn in-negozji;

19.  Jilqa' d-deċiżjoni min-naħa tal-awtoritajiet ta' Minsk li jippermettu, minn Frar 2018, soġġorni qosra mingħajr il-ħtieġa ta' viża fil-Belarussja għaċ-ċittadini barranin minn 80 pajjiż;

20.  Jilqa' l-progress li sar fil-promozzjoni tal-iskambji taż-żgħażagħ u tal-kuntatti bejn il-persuni bejn l-UE u l-Belarussja, inkluż permezz tal-iskema ta' mobilità tal-UE MOST, Erasmus +, Orizzont 2020 u l-istrument ta' Assistenza Teknika u Skambju ta' Informazzjoni (TAIEX), u permezz tal-adeżjoni tal-Belarussja mal-Proċess ta' Bolonja; jitlob l-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja skont il-pjan direzzjonali miftiehem b'mod konġunt miż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA) u l-Belarussja, miżura li se tkun ta' benefiċċju għall-Belarussi żgħażagħ u li se tkompli ttejjeb l-iskambji, u l-kuntatti bejn il-persuni, mal-UE;

21.  Jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja; jistieden lill-Gvern tal-Belarussja jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu u jappoġġjaw l-estensjoni tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU, u jistieden lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem jikkoopera mar-Rapporteur Speċjali tan-NU sabiex itejbu s-sitwazzjoni fil-pajjiż;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP / RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Uffiċċju tal-OSKE għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, kif ukoll lill-awtoritajiet tal-Belarussja.

 

 

 

 

 

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' April 2018Avviż legali