Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta - RC-B8-0244/2018Mozzjoni għal riżoluzzjoni konġunta
RC-B8-0244/2018

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

29.5.2018 - (2018/2711(RSP))

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura
li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:
B8-0244/2018 (PPE)
B8-0248/2018 (S&D)
B8-0249/2018 (ECR)
B8-0251/2018 (ALDE)
B8-0252/2018 (EFDD)

Luis de Grandes Pascual, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Gabriel Mato, Cristian Dan Preda, Lorenzo Cesa, Esteban González Pons, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Tunne Kelam, Ivan Štefanec, Eduard Kukan, José Inácio Faria f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Ramón Jáuregui Atondo, Francisco Assis f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ruža Tomašić, Valdemar Tomaševski, Jan Zahradil, Pirkko Ruohonen-Lerner, Monica Macovei, Anna Elżbieta Fotyga f'isem il-Grupp ECR
Dita Charanzová, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Gérard Deprez, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans f'isem il-Grupp ALDE
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD

Proċedura : 2018/2711(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
RC-B8-0244/2018
Testi mressqa :
RC-B8-0244/2018
Dibattiti :
Testi adottati :

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

(2018/2711(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikulari dawk tat-18 ta' Diċembru 2008[1], tas-26 ta' Novembru 2009[2] u tas-16 ta' Frar 2017[3],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tal-2012,

  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-UE dwar il-Pajjiż u l-Programm Pluriennali Indikattiv 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004,

  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tad-19 ta' Novembru 2016 dwar ir-riżultati finali tal-elezzjonijiet fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tal-VP/RGħ tat-22 ta' April 2018 u tal-15 ta' Mejju 2018 dwar in-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tas-27 ta' April 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) bejn is-17 u l-21 ta' Mejju 2018 biex tinvestiga s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u d-dikjarazzjoni preliminari tagħha tal-21 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliema tal-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Liz Throssell tal-20 ta' April 2018 dwar il-vjolenza relatata mal-protesti fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tal-14 ta' Mejju 2018 dwar iż-żjara għal investigazzjoni tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarjat Ġenerali tal-OAS tal-20 ta' Jannar 2017 dwar in-Nikaragwa, u d-dikjarazzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2018 li tikkundanna l-vjolenza fin-Nikaragwa,

  wara li kkunsidra l-communiques maħruġa mill-Konferenza Episkopali tan-Nikaragwa, u b'mod partikolari dik l-aktar reċenti, tat-23 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont xi rapporti, tal-anqas 84 ruħ inqatlu, aktar minn 860 indarbu u 400 ġew arrestati b'riżultat tal-protesti paċifiċi mmexxija mill-istudenti li bdew fit-18 ta' April 2018 b'oppożizzjoni għar-riformi fis-sigurtà soċjali mħabbra mill-President Daniel Ortega; billi l-maġġoranza tal-vittmi ġarrbu ġrieħi minn tiri fir-ras, l-għonq, is-sider jew iż-żaqq, li jindikaw bil-qawwa eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji; billi l-awtoritajiet tan-Nikaragwa stigmatizzaw lid-dimostranti apertament bħala "vandali" filwaqt li akkużawhom b'"manipulazzjoni politika";

B.  billi, fit-23 ta' April 2018, is-Sur Ortega ħabbar il-kanċellazzjoni tar-riforma tas-sigurtà soċjali, iżda d-dimostrazzjonijiet inbidlu f'disturbi usa' u f'sejħiet għal gvern interim u għar-restawr tal-ordni demokratiku; billi sors ieħor ta' skuntentizza u ta' kunflitt apert huwa l-qabża kbira f'attivitajiet "estrattivisti" orjentati lejn l-esportazzjoni;

C.  billi, fl-20 ta' April 2018, 600 student sfaw attakkati fil-Katidral il-Qadim ta' Managua minn forzi ta' kontra l-irvelli u minn grupp ta' membri tal-Front Sandinista ta' Liberazzjoni Nazzjonali li aġixxew b'impunità totali u bil-kompliċità u l-kunsens tal-pulizija; billi l-IACHR iddokumentat attakki fuq erba' siti universitarji (UCA, UPOLL, UNA u UNAN);

D.  billi l-għadd kbir ta' mwiet juri r-repressjoni brutali mħaddma mill-awtoritajiet tal-istat, bi ksur tal-prinċipji ta' neċessità u ta' proporzjonalità li jirrikjedu d-dritt u l-istandards internazzjonali li jistabbilixxu limitazzjonijiet fuq l-użu tal-forza; billi l-kap tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa, Aminta Granera, irriżenjat minħabba l-użu eċċessiv ta' vjolenza;

E.  billi l-istabbilimenti tal-media li rrapportaw il-protesti ngħalqu mill-gvern b'mod arbitrarju u l-ġurnalisti li esprimew kwalunkwe forma ta' oppożizzjoni ġew intimidati u detenuti; billi r-repressjoni mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa fuq il-libertà tal-espressjoni u l-fastidju lill-mexxejja tal-oppożizzjoni ġew ikkundannati bħala attakk fuq il-libertajiet ċivili; billi l-ġurnalist Angel Gahona nqatel b'arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel xandira diretta;

F.  billi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irreġistraw bosta allegazzjonijiet dwar nuqqas ta' assistenza u ta' trattament lil dimostranti midruba fl-isptarijiet pubbliċi;

G.  billi, fis-27 ta' April 2018, il-President tal-Assemblea Nazzjonali, Gustavo Porras, ħabbar li kienet se tinħoloq Kummissjoni għall-Verità biex tinvestiga dak li ġara waqt il-protesti; billi, fis-6 ta' Mejju 2018, bord ta' seba' leġiżlaturi – li ħamsa minnhom jappartjenu għall-partit tal-President Ortega – għażlu l-ħames membri tal-Kummissjoni, u billi l-Assemblea Nazzjonali rratifikat il-ħatra tagħhom;

H.  billi l-IACHR żaret in-Nikaragwa mis-17 sal-21 ta' Mejju; billi ddokumentat arresti illegali u arbitrarji, prattiki ta' tortura, trattament krudil, inuman u degradanti, ċensura tal-istampa u attakki kontriha u forom oħra ta' intimidazzjoni bħal theddidiet, fastidju u persekuzzjoni maħsuba biex ixejnu l-protesti u jinibixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

I.  billi d-djalogu nazzjonali bejn is-Sur Ortega u l-oppożizzjoni u gruppi ċiviċi fin-Nikaragwa, li ġie varat fis-16 ta' Mejju 2018 u sar bil-medjazzjoni tal-Knisja Kattolika, ma rnexxilux isib soluzzjoni għall-kriżi u ġie sospiż, minħabba li n-negozjaturi tal-gvern irrifjutaw li jiddiskutu aġenda ta' 40 punt imressqa mill-medjaturi, li kienet tinkludi rotta direzzjonali lejn elezzjonijiet demokratiċi, inklużi riformi għal-liġi elettorali, antiċipazzjoni tal-elezzjonijiet u projbizzjoni li l-President jerġa' jiġi elett; billi ġie propost li jinħoloq kumitat konġunt magħmul minn sitta min-nies – tlieta mill-gvern u tlieta mill-pjattaforma "Alianza Cívica por la Justicia y la Democracia";

J.  billi, mill-2007 'l hawn, is-Sur Ortega ġie elett fil-kariga ta' President tliet darbiet konsekuttivi, minkejja l-fatt li l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa kienet tipprojbixxi rielezzjonijiet konsekuttivi, b'mod li juri biċ-ċar il-korruzzjoni u l-awtoritarjaniżmu li ħakmu l-istat; billi l-elezzjonijiet fl-2011 u fl-2016 ġew ikkritikati ferm għall-irregolaritajiet tagħhom mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-OAS, minħabba li saru mingħajr il-preżenza ta' osservaturi minn waħda jew oħra minn dawn l-organizzazzjonijiet jew ta' kwalunkwe osservatur internazzjonali ieħor kredibbli;

K.  billi l-korruzzjoni fis-settur pubbliku, inkluża l-korruzzjoni li tinvolvi lill-qraba tas-Sur Ortega, għadha waħda mill-akbar sfidi; billi t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi, is-sekwestri illegali u l-valutazzjonijiet arbitrarji mill-awtoritajiet tad-dwana u tat-taxxa huma komuni ħafna; billi ġew espressi preokkupazzjonijiet leġittimi dwar nepotiżmu fi ħdan il-Gvern tan-Nikaragwa; billi gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ikkundannaw il-konċentrazzjoni gradwali tal-poter ikkawżata mill-ħakma ta' partit wieħed u t-tidgħif tal-istituzzjonijiet;

L.  billi l-istat tan-Nikaragwa ġarrab tnaqqis tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f'dan l-aħħar deċennju; billi l-iżvilupp u l-konsolidament tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012;

1.  Jikkundanna l-fatt li dimostranti paċifiċi fin-Nikaragwa li qed jopponu r-riforma tas-sigurtà soċjali ġarrbu repressjoni brutali u intimidazzjoni, li wasslu għal ħafna każijiet ta' mewt, għajbien u arrest arbitrarju mwettqa mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa, il-forzi armati, il-pulizija u gruppi vjolenti li jappoġġjaw lill-gvern; ifakkar lill-forzi tas-sigurtà tan-Nikaragwa li dmirhom, qabel kollox, huwa li jiddefendu liċ-ċittadini minn kull ħsara;

2.  Jesprimi l-kondoljanzi u s-simpatija tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha maqtula u midruba matul id-dimostrazzjonijiet;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex iwaqqfu kull att ta' vjolenza kontra persuni li jeżerċitaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt tal-għaqda; jappella wkoll biex id-dimostranti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jmexxu l-protesti joqogħdu lura milli jużaw il-vjolenza huma u jeżerċitaw drittijiethom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jeħilsu lill-persuni kollha detenuti b'mod arbitrarju, jikkumpensaw lill-familjari kollha affettwati u jipprovdu garanziji li mhu se jsir l-ebda proċediment kriminali kontrihom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-istat joqogħdu lura milli jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistigmatizzaw lid-dimostranti, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti, u milli jużaw il-media statali biex jagħmlu kampanji pubbliċi li jistgħu jinkoraġġixxu l-vjolenza;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jippermettu minnufih investigazzjoni internazzjonali, indipendenti u trasparenti biex issir prosekuzzjoni kriminali ta' dawk responsabbli għar-repressjoni u għall-imwiet matul il-protesti; jilqa', f'dan ir-rigward, iż-żjara tal-IACHR fin-Nikaragwa u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konklużjonijiet tar-rapport preliminari; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali taqdi rwol attiv biex dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom;

5.  Jitlob li l-Gvern tan-Nikaragwa jirrikonoxxi u jsaħħaħ l-awtorità tal-kumitat għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-IACHR, u jistabbilixxi kalendarju għal żjarat oħra tagħha; jitlob li jinħoloq reġistru pubbliku tal-attendenza fl-isptarijiet, kif talbet l-IACHR;

6.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jipprovdu lill-atturi kollha fis-soċjetà, inklużi l-forzi tal-oppożizzjoni, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-attivisti ambjentali u s-soċjetà ċivili, spazju adegwat li fih ikunu jistgħu joperaw liberament, taħt id-dritt internazzjonali, biex b'hekk titwitta t-triq ħalli n-naħat kollha opposti jiddiskutu s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; ifakkar li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-oppożizzjoni, id-depolarizzazzjoni tal-ġudikatura, it-tmiem tal-impunità u l-pluralità tal-media huma fatturi essenzjali għar-restawr tal-ordni demokratiku fil-pajjiż;

7.  Jiddeplora l-vjolazzjoni tal-libertà tal-media fin-Nikaragwa, sew qabel u sew wara l-protesti; iqis li s-sekwestru ta' stabbilimenti tal-media mill-awtoritajiet matul il-protesti mhuwiex aċċettabbli; jistieden lill-Gvern ireġġa' lura fil-pajjiż il-libertà sħiħa tal-media u l-libertà tal-kelma, u jtemm il-fastidju lill-ġurnalisti;

8.  Jieħu nota tal-varar reċenti ta' djalogu nazzjonali u l-istabbiliment ta' Kummissjoni għall-Verità, li jeħtiġilha tinkludi l-parteċipazzjoni ta' atturi nazzjonali indipendenti mis-setturi kollha, kif ukoll atturi internazzjonali; jiddispjaċih għall-falliment tal-ewwel fażi tad-djalogu nazzjonali kkawżat mir-restrizzjonijiet imposti mill-Gvern tan-Nikaragwa, u jesprimi t-tama li l-issuktar reċenti tad-djalogu jagħti l-opportunità biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi u l-vjolenza tintemm; jenfasizza li kwalunkwe djalogu għandu jsir mingħajr vjolenza u repressjoni, bir-rispett tad-dritt u tal-kostituzzjoni, u tal-prinċipju li kwalunkwe bidla fil-liġijiet għandha ssir bi qbil mal-proċeduri stabbiliti f'dawn tal-aħħar;

9.  Jiddenunzja l-passi illegali meħuda bi ksur tas-sistema ġudizzjarja li wasslu għal bidliet kostituzzjonali li warrbu l-limiti tal-mandat presidenzjali u b'hekk ippermettew il-presidenza kontinwa tas-Sur Ortega, bi ksur ċar tad-dritt għal elezzjonijiet demokratiċi; jisħaq fuq il-bżonn ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom, tal-libertà tal-għaqda u tal-pluralità politika; jappella, f'dan ir-rigward, għal riforma elettorali li twassal għal elezzjonijiet ġusti, trasparenti u kredibbli li jirrispettaw l-istandards internazzjonali, bħala l-mod biex tissolva l-kriżi politika;

10.  Jistieden lill-awtoritajiet jiġġieldu kontra l-korruzzjoni bla rażan fi ħdan iċ-ċrieki politiċi tan-Nikaragwa, li xxekkel il-ħidma tal-istituzzjonijiet kollha tal-istat u tillimita l-investiment barrani; jappella għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tan-Nikaragwa kontra l-korruzzjoni, inkluża dik dwar it-tixħim, l-abbuż tal-kariga u l-pagamenti ta' faċilitazzjoni; huwa mħasseb dwar ir-rabtiet bejn il-President Ortega u kunflitti oħra fir-reġjun; jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jiffirmaw u jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

11.  Jirrimarka li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa trid tiġi mfakkra fil-ħtieġa li tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, kif stabbiliti fil-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim; iħeġġeġ lill-UE tissorvelja s-sitwazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tivvaluta l-miżuri potenzjali li jkun għandhom jittieħdu; iwissi dwar il-konsegwenzi gravi mil-lat politiku, ekonomiku u ta' investiment li jistgħu jsegwu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 30 ta' Mejju 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza