Proċedura : 2018/2741(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0275/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0275/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2018 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0266

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 439kWORD 50k
12.6.2018
PE621.673v01-00}
PE621.674v01-00}
PE621.675v01-00}
PE621.677v01-00}
PE621.683v01-00} RC1
 
B8-0275/2018}
B8-0276/2018}
B8-0277/2018}
B8-0279/2018}
B8-0285/2018} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8‑0275/2018 (PPE)

B8‑0276/2018 (ECR)

B8‑0277/2018 (ALDE)

B8‑0279/2018 (Verts/ALE)

B8‑0285/2018 (S&D)


dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2018/2741(RSP))


Jaromír Štětina, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, David McAllister, Dubravka Šuica, Sandra Kalniete, Laima Liucija Andrikienė, Michał Boni, Elmar Brok, Michael Gahler, Andrzej Grzyb, Gunnar Hökmark, Tunne Kelam, Julia Pitera, Fernando Ruas, Michaela Šojdrová, Željana Zovko f'isem il-Grupp PPE
Victor Boştinaru, Clare Moody f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Sajjad Karim, Jana Žitňanská, Jadwiga Wiśniewska, Kosma Złotowski, Anna Elżbieta Fotyga, Ruža Tomašić f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Viktor Uspaskich, Ivo Vajgl, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Heidi Hautala, Rebecca Harms f'isem il-Grupp Verts/ALE

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-territorji okkupati Georgjani għaxar snin wara l-invażjoni Russa (2018/2741(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, iffirmat mill-Georgia u l-Federazzjoni Russa bil-medjazzjoni tal-UE, u l-ftehim ta' implimentazzjoni tat-8 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, partikolarment dik maqbula fl-2017 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV), partikolarment ir-rapport tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-rieżami tal-PEV (JOIN(2017)0018) u d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tad-9 ta' Ġunju 2017 intitolat "Is-Sħubija tal-Lvant – 20 Riżultat għall-2020: Enfasi fuq il-prijoritajiet ewlenin u r-riżultati tanġibbli" (SWD(2017)0300), kif ukoll il-komunikazzjoni tal-2016 intitolata "Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Viċinat tal-Lvant u, partikolarment, ir-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(3),

–  wara li kkunsidra l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE (EUMM) li ntbagħtet il-Georgia fil-15 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni ta' Inkjesta Internazzjonali Indipendenti dwar il-Kunflitt fil-Georgia tal-2009, taħt it-tmexxija ta' Heidi Tagliavini,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Georgia qed tiċċelebra l-mitt anniversarju tal-ewwel repubblika demokratika Georgjana, imwaqqfa fl-1918, u bix-xieraq hija kburija bil-kisbiet kontemporanji tagħha;

B.  billi l-UE tappoġġja bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment;

C.  billi għaxar snin wara l-aggressjoni militari Russa fil-Georgia ta' Awwissu 2008, il-Federazzjoni Russa għadha qed tokkupa illegalment it-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u b'hekk tkasbar id-dritt internazzjonali u s-sistema internazzjonali bbażata fuq ir-regoli; billi l-hekk imsejħa trattati ta' integrazzjoni u ta' alleanza ffirmati bejn ir-Russja u l-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar fl-2014 u fl-2015 jikkostitwixxu ksur ċar tad-dritt internazzjonali, tal-prinċipji tal-OSKE u tal-impenji internazzjonali tar-Russja; billi l-Unjoni Ewropea ma tirrikonoxxix il-qafas tal-hekk imsejħa elezzjonijiet u tar-referendum li ġew organizzati minn separatisti appoġġjati mir-Russja fir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u l-Ossezja tan-Nofsinhar fl-2016 u l-2017;

D.  billi l-UE għadha impenjata bis-sħiħ favur riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, b'rispett sħiħ tan-normi u l-prinċipji fundamentali tad-dritt internazzjonali;

E.  billi r-Russja qed issaħħaħ kontinwament il-preżenza militari illegali tagħha fit-territorji okkupati tal-Georgia bil-bini ta' bażijiet ġodda, bl-introduzzjoni ta' truppi ġodda u tagħmir ġdid u bit-twettiq ta' eżerċizzji militari;

F.  billi r-Russja qed tkompli tikser l-obbligi internazzjonali tagħha u tirrifjuta li timplimenta bis-sħiħ il-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat fit-12 ta' Awwissu 2008 bil-medjazzjoni tal-UE;

G.  billi r-Russja qed tkompli tiżola lill-Abkażja u lir-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar mill-bqija tal-pajjiż billi tagħlaq aktar punti ta' qsim, tistabbilixxi ostakoli fiżiċi matul il-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva u twettaq kampanja maħsuba biex teradika l-kultura tal-Georgia;

H.  billi din il-linja qed tidħol, b'mod gradwali iżda kostanti, 'il ġewwa fit-territorju kkontrollat minn Tbilisi fi proċess magħruf bħala "frunterizzazzjoni" u, f'xi postijiet, qed tgħaddi viċin ħafna ta' infrastruttura kritika bħalma huma l-awtostradi u l-pipelines tal-gass;

I.  billi mijiet ta' eluf ta' persuni spostati internament u rifuġjati mkeċċija bil-forza mit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar – ir-riżultat ta' mewġa wara l-oħra ta' tindif etniku – għadhom qed jiġu mċaħħda mid-dritt fundamentali tagħhom li jerġgħu lura lejn djarhom b'mod sikur u dinjituż;

J.  billi fir-reġjuni okkupati tal-Georgia qed jinkisru d-drittijiet bażiċi tal-bniedem, inklużi l-libertà ta' moviment u ta' residenza, id-dritt għall-proprjetà u d-dritt ta' aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa materna; billi diversi persuni għadhom qed jinħatfu u jinżammu illegalment;

K.  billi l-Federazzjoni Russa, bħala potenza li teżerċita kontroll effettiv fuq it-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, hija kompletament responsabbli għall-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u għas-sitwazzjoni umanitarja fuq il-post;

L.  billi l-invażjoni tal-2008 kienet l-ewwel attakk importanti li r-Russja għamlet bil-miftuħ fuq l-ordni Ewropew; billi aktar tard saru attakki oħra, fosthom l-annessjoni tal-Krimea u l-gwerra fil-Lvant tal-Ukrajna;

M.  billi Archil Tatunashvili, Giga Otkhozoria u Davit Basharuli, Georgjani spostati internament, inqatlu illegalment bħala riżultat tal-azzjonijiet brutali mwettqa mill-forzi tal-okkupazzjoni Russi f'Sokhumi u Tskhinvali;

N.  billi l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) fetħet investigazzjoni dwar id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità li allegatament twettqu fil-kunflitt;

O.  billi żjara konġunta ad hoc fil-Georgia fit-12 ta' Awwissu 2008 minn mexxejja tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant – Lech Kaczyński, il-President tal-Polonja, Toomas Hendrik Ilves, il-President tal-Estonja, Valdas Adamkus, il-President tal-Litwanja, Ivars Godmanis, il-Prim Ministru tal-Latvja, u Viktor Yushchenko, il-President tal-Ukrajna – hija meqjusa fil-wisa' bħala fattur ewlieni li żamm lir-Russi milli jkompli javvanzaw lejn Tbilisi meta t-truppi kienu biss 50 km mill-belt kapitali tal-Georgia u li aġevola l-medjazzjoni tal-waqfien mill-ġlied mill-Presidenza Franċiża tal-Kunsill tal-UE;

P.  billi l-Federazzjoni Russa qed tkompli tiċħad l-aċċess tal-EUMM għat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, bi ksur tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied iffirmat fit-12 ta' Awwissu 2008 bil-medjazzjoni tal-UE, u b'hekk mhix tħalli lill-missjoni timplimenta bis-sħiħ il-mandat tagħha;

1.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu, bla riżervi, għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia; jirrikonoxxi li l-prinċipji minquxa fil-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975 u l-Karta ta' Pariġi tal-OSKE tal-1990 jirrappreżentaw il-pedamenti għal kontinent Ewropew paċifiku;

2.  Itenni li s-sovranità, l-indipendenza u r-riżoluzzjoni paċifika tat-tilwim huma prinċipji ewlenin tal-ordni ta' sigurtà Ewropew; jenfasizza li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-Georgia hija essenzjali għat-tisħiħ tas-sigurtà u l-istabbiltà tal-kontinent Ewropew kollu kemm hu; jikkunsidra li dawn il-kunflitti u l-okkupazzjoni li għadha għaddejja tat-territorji Georgjani għadhom theddida potenzjali għas-sovranità tal-pajjiżi Ewropej kollha;

3.  Jesiġi li l-Federazzjoni Russa terġa' lura mid-deċiżjoni tagħha li tirrikonoxxi l-hekk imsejħa indipendenza tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar; jikkundanna d-deċiżjoni li ħadu r-Russja, il-Venezwela, in-Nikaragwa, is-Sirja u Nauru li jirrikonoxxu lill-Abkażja u lill-Ossezja tan-Nofsinhar, u jistedinhom jirtiraw dan ir-rikonoxximent;

4.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Federazzjoni Russa tissodisfa bla kundizzjonijiet id-dispożizzjonijiet kollha tal-ftehim ta' waqfien mill-ġlied tat-12 ta' Awwissu 2008, b'mod partikolari l-impenn li tirtira l-forzi militari kollha tagħha mit-territorju tal-Georgia;

5.  Jesiġi li l-Federazzjoni Russa twaqqaf l-okkupazzjoni tagħha tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, tirrispetta bis-sħiħ is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgja u l-invjolabbiltà tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u ttemm l-integrazzjoni de facto taż-żewġ reġjuni fl-amministrazzjoni Russa;

6.  Jikkonferma l-impenn qawwi tal-UE li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt bejn ir-Russja u l-Georgia, bl-użu tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha bħala parti minn approċċ komprensiv, inklużi r-Rappreżentant Speċjali tagħha għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia, il-kopresidenza tagħha tad-Diskussjonijiet Internazzjonali ta' Ġinevra, l-EUMM fil-Georgia u l-politika ta' nonrikonoxximent u ta' impenn;

7.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Georgia jkompli jikkoopera mal-QKI billi jiffaċilita l-investigazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-QKI, kif ukoll billi jiżgura li r-Reġistru tal-QKI jkun jista' jwettaq il-mandat tiegħu f'termini ta' sensibilizzazzjoni u parteċipazzjoni tal-vittmi;

8.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa tippermetti lill-EUMM tikseb aċċess inkondizzjonat għat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif previst mill-mandat tagħha; ifakkar li l-EUMM hija l-unika preżenza internazzjonali permanenti fuq il-post u li din tipprovdi informazzjoni imparzjali dwar is-sitwazzjoni tul il-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, u jitlob li l-mandat tagħha jiġi estiż lil hinn mill-14 ta' Diċembru 2018;

9.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa twaqqaf il-frunterizzazzjoni ulterjuri tal-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, li hija qed tipprova tikseb bl-installazzjoni ta' ħitan tal-barbed wire u ta' ostakoli artifiċjali oħrajn; jitlob ukoll li jintemmu l-indħil fit-territorju kkontrollat mill-Gvern tal-Georgia u l-estensjoni ulterjuri tal-linja ta' demarkazzjoni amministrattiva, li intenzjonalment qed jostakolaw il-kuntatt bejn il-persuni u qed jiżolaw il-popolazzjoni taż-żewġ territorji okkupati;

10.  Jikkundanna l-qerda intenzjonata ta' għexieren ta' rħula u knejjes Georgjani fit-territorji okkupati tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif ukoll it-tentattiv intenzjonat li jitħassru t-traċċi tal-kultura u l-istorja tal-Georgja fit-territorji okkupati, u jikkundanna inizjattivi li jiffavorixxu l-antagoniżmu u l-firda bħall-hekk imsejjaħ referendum tal-2017 li japprova bidla fl-isem tar-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar;

11.  Jistieden lill-Federazzjoni Russa taderixxi mal-prinċipju tar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, billi tirreċiproka l-impenn unilaterali tal-Georgia li ma tużax il-forza, kif sostna l-President tal-Georgia fid-diskors tiegħu lill-Parlament Ewropew fit-23 ta' Novembru 2010;

12.  Jilqa' l-inizjattiva ta' paċi l-ġdida tal-Gvern tal-Georgia intitolata "Pass lejn Ġejjieni Aħjar", immirata lejn it-titjib tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u umanitarji tal-persuni li jgħixu fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, kif ukoll lejn it-trawwim tal-kuntatt bejn il-persuni u lejn it-tkattir tal-fiduċja bejn il-komunitajiet maqsumin;

13.  Ifakkar lill-Federazzjoni Russa li, bħala potenza okkupanti, għandha obbligi lejn il-popolazzjoni u li jeħtiġilha ttemm il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' moviment u ta' residenza, id-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta' etniċità u l-ksur tad-dritt għall-proprjetà u l-aċċess għall-edukazzjoni bil-lingwa materna fit-territorji okkupati tal-Georgia;

14.  Jistieden, barra minn hekk, lill-Federazzjoni Russa ttemm l-impunità u d-delitti b'motivazzjoni etnika fit-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar u tneħħi kwalunkwe ostakolu sabiex jiġi żgurat li l-awturi tal-qtil illegali tal-Georgjani spostati internament Archil Tatunashvili, Giga Otkhozoria u Davit Basharuli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

15.  Jilqa' l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni bipartitika min-naħa tal-Parlament tal-Georgia li tistabbilixxi "lista sewda" ta' persuni responsabbli minn dan il-ksur jew mill-ħabi tiegħu (lista Otkhozoria-Tatunashvili) u jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill jinkludu f'lista sewda lill-persuni li jidhru jew li għandhom mnejn jidhru fuq il-lista Otkhozoria-Tatunashvili u jimponu sanzjonijiet fuqhom kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak tal-UE;

16.  Iħeġġeġ lill-Federazzjoni Russa tippermetti r-ritorn sikur u dinjituż tal-persuni spostati internament u r-rifuġjati lejn djarhom u tiżgura aċċess mingħajr xkiel fuq il-post għall-mekkaniżmi internazzjonali inkarigati mill-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem;

17.  Itenni l-kundanna tiegħu fil-konfront tal-politiki sovversivi ta' propaganda, diżinformazzjoni u infiltrazzjoni tal-midja soċjali maħsuba biex idgħajfu d-demokrazija u s-soċjetà fil-Georgia billi jiskreditaw l-istituzzjonijiet, jimmanipulaw l-opinjoni pubblika, ixerrdu narrattivi foloz, ikebbsu t-tensjonijiet soċjali u jrawmu sfiduċja ġenerali fil-midja; jikkundanna, f'dan il-kuntest, il-gwerra tal-informazzjoni li qed twettaq ir-Russja, li qed tuża l-istabbilimenti tal-midja kkontrollati mill-istat tagħha biex deliberatament ixxandar aħbarijiet foloz bil-għan li tinfluwenza l-politika lokali u timmina l-proċessi tal-integrazzjoni Ewropea;

18.  Jenfasizza li l-komunità internazzjonali jeħtiġilha tieħu pożizzjoni konsistenti, koordinata, magħquda u soda kontra l-politika ta' okkupazzjoni u annessjoni tar-Russja bħala l-uniku mezz biex ikunu żgurati r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt fil-Georgia u l-prevenzjoni ta' kunflitti simili fl-inħawi;

19.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jadottaw approċċ konsistenti ma' dak tal-Parlament Ewropew u l-politiki tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri billi jużaw termini aktar ċari u preċiżi huma u jiddefinixxu l-aggressjoni tar-Russja fil-Georgja bħala okkupazzjoni mill-Federazzjoni Russa tat-territorji Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Federazzjoni Russa.

 

 

(1)

ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0493.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0440.

Aġġornata l-aħħar: 21 ta' Ġunju 2018Avviż legali