Proċedura : 2018/2756(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0292/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0292/2018

Dibattiti :

PV 14/06/2018 - 4.3
CRE 14/06/2018 - 4.3

Votazzjonijiet :

PV 14/06/2018 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0261

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 450kWORD 58k
13.6.2018
PE621.690v01-00}
PE621.691v01-00}
PE621.692v01-00}
PE621.693v01-00}
PE621.695v01-00}
PE621.696v01-00} RC1
 
B8-0292/2018}
B8-0293/2018}
B8-0294/2018}
B8-0295/2018}
B8-0297/2018}
B8-0298/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8‑0292/2018 (Verts/ALE)

B8‑0293/2018 (ECR)

B8‑0294/2018 (S&D)

B8‑0295/2018 (PPE)

B8‑0297/2018 (GUE/NGL)

B8‑0298/2018 (ALDE)


dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya, b'mod partikolari l-qagħda mwiegħra tat-tfal (2018/2756(RSP))


Cristian Dan Preda, Joachim Zeller, Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jaromír Štětina, Tomáš Zdechovský, Patricija Šulin, Marijana Petir, Eduard Kukan, Tunne Kelam, Csaba Sógor, Ramona Nicole Mănescu, Romana Tomc, David McAllister, Lefteris Christoforou, Luděk Niedermayer, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Milan Zver, József Nagy, Adam Szejnfeld, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Brian Hayes, Giovanni La Via, Inese Vaidere, Roberta Metsola, Ivo Belet, Deirdre Clune, Dubravka Šuica, Lars Adaktusson, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Laima Liucija Andrikienė, Ivana Maletić, Sandra Kalniete, Stanislav Polčák, Jiří Pospíšil, Krzysztof Hetman, Tokia Saïfi f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Victor Boştinaru, Soraya Post, Wajid Khan f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Ruža Tomašić, Amjad Bashir, Notis Marias, Pirkko Ruohonen-Lerner, Jan Zahradil, Valdemar Tomaševski, Nosheena Mobarik, Monica Macovei, Sajjad Karim f'isem il-Grupp ECR
Urmas Paet, Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Yana Toom, Ramon Tremosa i Balcells, Viktor Uspaskich, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Heidi Hautala, Judith Sargentini, Bodil Valero, Jordi Solé, Ana Miranda, Jean Lambert f'isem il-Grupp Verts/ALE
Miguel Urbán Crespo, Patrick Le Hyaric, Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat, Xabier Benito Ziluaga, Tania González Peñas, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Merja Kyllönen, Dimitrios Papadimoulis f'isem il-Grupp GUE/NGL
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tar-rifuġjati Rohingya, b'mod partikolari l-qagħda mwiegħra tat-tfal (2018/2756(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bangladesh,

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2016 dwar l-istrateġija tal-UE għall-Myanmar/Burma,

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2018 dwar il-Myanmar/Burma,

  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottati mill-Kunsill fis-6 ta' Marzu 2017,

  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Marzu 2016 tal-VP/RGħ, Federica Mogherini, dwar l-assunzjoni tal-kariga tal-Gvern il-ġdid tal-Unjoni tal-Myanmar,

  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa konġunta dwar ir-raba' Djalogu bejn l-UE u l-Myanmar dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-5 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Istatus ta' Persuni Apolidi tal-1954 u l-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija tal-1961,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Globali 2014-24 biex Tintemm l-Apolidija, ta' Novembru 2014, tal-Aġenzija tan-NU għar-Rifuġjati (UNHCR),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine ta' Awwissu 2017,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-vjolenza sessista relatata mal-kunflitti, li ġie ppubblikat fit-23 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi 720 000 tifel u tifla Rohingya fil-Bangladesh u fil-Myanmar għandhom bżonn urġenti ta' assistenza u protezzjoni umanitarja;

B.  billi l-Istat ta' Rakhine fil-Myanmar ospita lil madwar 1,3 miljun Rohingya, minoranza fil-biċċa l-kbira Musulmana li qed tħabbat wiċċha ma' ripressjoni u ma' ksur serju u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom theddid għall-ħajja u s-sigurtà, iċ-ċaħda tad-drittijiet għas-saħħa u l-edukazzjoni, ix-xogħol furzat, il-vjolenza sesswali u l-limitazzjoni tad-drittijiet politiċi tagħhom; billi l-Musulmani Rohingya huma meqjusa bħala l-aktar minoranza ppersegwitata fid-dinja u l-akbar grupp apolidu;

C.  billi minn Awwissu 2017, aktar minn 900 000 Rohingya, 534 000 minnhom tfal, ħarbu mill-vjolenza kontrihom u fittxew rifuġju fil-Bangladesh, peress li beżgħu li se jinqatlu; billi huwa stmat li madwar 1 000 tifel u tifla Rohingya taħt l-età ta' ħames snin inqatlu fil-vjolenza fil-Myanmar; billi, skont Deputati tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem (APHR), 28 300 tifel u tifla Rohingya tilfu tal-anqas ġenitur wieħed, filwaqt li 7 700 oħra rrappurtaw li tilfu ż-żewġ ġenituri, biex b'hekk l-għadd ta' ġenituri li mietu tela' għal 43 700;

D.  billi aktar minn 14 000 tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin qed ibatu minn malnutrizzjoni akuta severa; billi tfal Rohingya esperjenzaw jew kienu xhieda ta' sitwazzjonijiet trawmatiċi, inklużi, f'ħafna każijiet, il-mewt ta' wieħed mill-ġenituri jew tat-tnejn li huma, is-separazzjoni mill-familji tagħhom, l-abbuż fiżiku, it-tbatija psikoloġika, il-malnutrizzjoni, il-mard u l-isfruttament sesswali, u kienu xhieda ta' delitti kontra l-umanità fl-Istat ta' Rakhine, fosthom il-ħruq ta' djar, l-attakki fiżiċi u l-istupru ta' Rohingya;

E.  billi l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad al-Hussein, iddeskriva l-operazzjonijiet tal-gvern tal-Myanmar bħala "eżempju klassiku ta' tindif etniku" u "manuvra ċinika biex numri kbar ta' nies jiġu ttrasferiti bil-forza mingħajr possibbiltà ta' ritorn";

F.  billi l-kriżijiet spiss ikollhom impatt ferm akbar fuq in-nisa u l-bniet u b'modi differenti milli fuq l-irġiel u s-subien, peress li jirrinfurzaw, jipperpetwaw u jħarrxu l-inugwaljanzi bejn is-sessi, il-vjolenza sessista u d-diskriminazzjoni preeżistenti u persistenti;

G.  billi s-suldati tal-Myanmar qed jużaw l-istupru bħala arma fil-kampanja tagħhom ta' tindif etniku fl-Istat ta' Rakhine; billi l-vjolenza sesswali tintuża biex tifred lil komunitajiet sħaħ u biex twaqqaf lin-nisa u lill-bniet milli jirritornaw lejn djarhom; billi l-vittmi ta' stupru fil-kampijiet jista' jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-esklużjoni soċjali mill-komunitajiet tagħhom; billi l-UNCHR talab informazzjoni dwar ir-responsabbiltà tas-suldati tal-Myanmar fir-rigward ta' stupru mifrux ta' nisa u bniet Rohingya;

H.  billi ħafna rifuġjati huma nisa tqal jew li għandhom tfal żgħar u li vvjaġġaw għal bosta mili bil-mixi u jaslu morda fil-kampijiet tal-persuni spostati minħabba stress mentali u fiżiku, malnutrizzjoni u feriti;

I.  billi disa' xhur wara l-bidu tal-attakki fuq ir-Rohingya min-naħa tas-suldati u l-milizji tal-Myanmar, l-aġenziji tal-għajnuna jipprevedu li huwa mistenni li jitwieldu madwar 48 000 tarbija fil-kampijiet tar-rifuġjati;

J.  billi hemm aċċess limitat ħafna għall-kura tas-saħħa għan-nisa u għat-tfal fil-kampijiet tar-rifuġjati fil-Bangladesh; billi n-nisa tqal u l-ommijiet għandhom jingħataw is-servizzi tal-kura tas-saħħa materna li għandhom bżonn, inklużi l-kura qabel it-twelid, ħlas sikur, il-kura tat-tarbija, l-appoġġ għat-treddigħ u kura tas-saħħa riproduttiva kontinwa;

K.  billi t-tfal u n-nisa Rohingya huma esposti ferm għar-riskju li jiġu ttraffikati għall-prostituzzjoni, kif ukoll għar-riskju ta' fastidju u vjolenza sesswali fil-kampijiet tar-rifuġjati fil-Bangladesh; billi t-tfal Rohingya mitlufa fil-kampijiet tar-rifuġjati huma l-aktar vulnerabbli u x'aktarx li jsiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

L.  billi t-tfal Rohingya m'għandhomx biżżejjed aċċess għal edukazzjoni formali; billi tfal Rohingya żgħar ħafna biss qed jingħataw edukazzjoni bażika permezz ta' klassijiet informali fil-kampijiet tar-rifuġjati, filwaqt li tfal akbar għandhom ftit aċċess jew m'għandhom ebda aċċess għal edukazzjoni formali;

M.  billi l-istaġun tal-monsuni beda fil-Bangladesh u s-sitwazzjoni mistennija tiddeterjora b'mod sinifikanti; billi tal-anqas 200 000 ruħ fil-kampijiet tar-rifuġjati jinsabu f'riskju immedjat ta' għargħar u uqigħ tal-art; billi jeżisti theddid serju għall-ħajja, għar-rifuġju u għall-provvisti tal-ikel u l-ilma; billi jeżisti riskju kbir li matul l-għargħar minħabba l-monsuni jinfirex mard bħall-kolera u l-epatite; billi huma ftit wisq ir-rifuġjati Rohingya li kellhom aċċess għal assistenza medika jew għal tilqim qabel ma waslu l-Bangladesh;

N.  billi sal-lum il-Myanmar irrifjuta d-dħul fil-pajjiż ta' missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u pprojbixxa lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, Yanghee Lee, filwaqt li ċaħad kważi l-allegazzjonijiet kollha ta' atroċitajiet imwettqa mill-forzi tas-sigurtà tiegħu f'Rakhine;

O.  billi l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) jafferma li l-aktar delitti serji ta' tħassib għall-komunità internazzjonali inġenerali, b'mod partikolari l-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, m'għandhomx jibqgħu impuniti; billi f'April 2018 il-prosekutur tal-QKI talab lill-qorti tiddeċiedi dwar jekk il-QKI tistax teżerċita ġurisdizzjoni fuq l-allegati deportazzjonijiet ta' Rohingya mill-Myanmar għall-Bangladesh; billi deċiżjoni li tafferma l-ġurisdizzjoni tal-QKI tista' twitti t-triq biex tinvestiga lill-Myanmar għal delitti kontra l-umanità jew għal dawn id-deportazzjonijiet;

P.  billi f'Marzu 2017 iċ-Ċina u r-Russja imblukkaw l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni tal-minoranza Rohingya fil-Myanmar;

Q.  billi n-nuqqas ta' kwalunkwe prospettiva realistika ta' ritorn sikur u volontarju u n-nuqqas ta' progress politiku fis-soluzzjoni tal-kriżi fil-Myanmar ifissru li din is-sitwazzjoni mhijiex se tiġi solvuta malajr u għalhekk tirrikjedi approċċ sostenibbli, speċjalment l-indirizzar tad-drittijiet u l-bżonnijiet tat-tfal;

R.  billi fis-6 ta' Ġunju 2018 ġie ffirmat memorandum ta' qbil tripartitiku bejn il-Myanmar, il-UNHCR u l-Programm ta' Żvilupp tan-NU (UNDP); billi l-UNHCR iddikjara li l-kundizzjonijiet għadhom mhumiex favorevoli għal ritorn volontarju;

S.  billi f'Mejju 2018 il-Kummissjoni rrilaxxat EUR 40 miljun f'għajnuna umanitarja biex tipprovdi appoġġ li jsalva l-ħajja għal ċivili Rohingya vulnerabbli u għal komunitajiet ospitanti fil-Bangladesh u madwar l-Istat ta' Rakhine; billi dan l-ammont jiżdied mal-EUR 51 miljun li ġew mobilizzati fl-2017;

T.  billi f'Marzu 2018 in-NU appellaw għal USD 951 miljun bħala għajnuna għar-rifuġjati Rohingya għall-bqija tal-2018, iżda sal-lum inġabru biss madwar 20 % ta' dak l-ammont mitlub;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki kontra r-Rohingya fil-Myanmar, li, skont il-UNHCR, jikkostitwixxu tindif etniku; huwa mħasseb ferm dwar iż-żieda fil-gravità u l-iskala tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-qtil, il-ġlied vjolenti, il-qerda ta' proprjetà ċivili u l-ispostament ta' mijiet ta' eluf ta' ċivili; iħeġġeġ lis-suldati u lill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar iwaqqfu immedjatament il-qtil, il-fastidju u l-istupru tal-persuni Rohingya, u l-ħruq ta' djarhom;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar jippermetti aċċess sħiħ u bla xkiel fl-Istat ta' Rakhine għall-osservaturi internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-għajnuna umanitarja, inklużi l-NGOs internazzjonali u tan-NU, b'mod partikolari l-Missjoni ta' Ġbir ta' Informazzjoni tan-NU stabbilita mill-UNHCR f'Marzu 2017, sabiex jiġu żgurati investigazzjonijiet indipendenti u imparzjali dwar allegazzjonijiet ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-partijiet kollha;

3.  Ifakkar fil-ħtieġa li tingħata assistenza medika u psikoloġika fil-kampijiet tar-rifuġjati, imfassla b'mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa u t-tfal; jappella għal aktar servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ta' stupru u attakki sesswali; jinsisti li n-nisa u l-bniet kollha għandu jkollhom aċċess għal informazzjoni u servizzi dwar is-saħħa sesswali u riproduttiva, inklużi l-kontraċezzjoni u l-abort sikur;

4.  Jilqa' l-appoġġ ta' qabel u wara t-twelid li qed jingħata minn aġenziji u organizzazzjonijiet; ifakkar fl-importanza li jiġu stabbiliti faċilitajiet ta' reġistrazzjoni u ċertifikati għat-trabi, sabiex jiġi żgurat li jkollhom dokumentazzjoni, drittijiet legali u aċċess għal servizzi bażiċi, u appoġġ għat-tiftix tal-membri tal-familja, bi qbil mal-impenji meħuda mill-Gvern tal-Bangladesh biex jiżgura li t-trabi kollha li jitwieldu fit-territorju tiegħu jiġu rreġistrati; ifakkar li ż-żamma tal-unità tal-familji hija kruċjali biex dawn it-tfal ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom;

5.  Jinnota bi tħassib kbir in-nuqqas ta' biżżejjed edukazzjoni għat-tfal Rohingya fil-kampijiet tar-rifuġjati; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bangladesh jiggarantixxu lit-tfal Rohingya aċċess sħiħ u suffiċjenti għal edukazzjoni ta' kwalità bil-lingwa tagħhom stess; jirrimarka dwar ir-riskju ta' ġenerazzjoni mitlufa għall-komunità sħiħa jekk ma jittiħdux il-miżuri meħtieġa biex tkun żgurata edukazzjoni xierqa tat-tfal; jissottolinja l-importanza li jiġi permess aċċess sħiħ għall-edukazzjoni peress li din tista' tiġi pprovduta minn aġenziji tan-NU u minn NGOs, sabiex it-tfal kollha jkunu jistgħu jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom;

6.  Huwa estremament imħasseb dwar l-inċidenza għolja fil-kampijiet tal-prostituzzjoni furzata, tat-traffikar tal-bnedmin u tal-vjolenza sesswali, inklużi ż-żwiġijiet prekoċi, il-vjolenza konjugali u l-isfruttament u l-abbuż sesswali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Bangladesh u tal-Myanmar biex, f'kooperazzjoni mal-UNHCR, jiżguraw is-sigurtà tar-rifuġjati Rohingya fit-territorju tagħhom, b'mod partikolari billi jħarrxu l-ġlieda kontra t-traffikar u l-prostituzzjoni tat-tfal u billi jkissru n-netwerks eżistenti;

7.  Ifaħħar l-isforzi tal-gvern u l-poplu tal-Bangladesh biex jipprovdu rifuġju u sigurtà lir-rifguġjati Rohingya, u jħeġġiġhom ikomplu jipprovdu assistenza umanitarja lir-rifuġjati li jiġu mill-Myanmar; jappella għal aktar appoġġ internazzjonali għal dawk il-komunitajiet li jospitaw ir-rifuġjati, anke billi jiġu indirizzati l-isfidi domestiċi soċjali, edukattivi, ekonomiċi u tal-kura tas-saħħa; jinsisti fuq l-importanza li n-nisa jinstemgħu u jiġu involuti fit-tfassil ta' miżuri umanitarji u ta' bini tar-reżiljenza min-naħa tal-partijiet ikkonċernati kollha;

8.  Jinsisti li l-Gvern tal-Myanmar għandu jiggarantixxi r-ritorn sikur, volontarju u dinjituż, fuq bażi ta' sorveljanza sħiħa min-NU, għal dawk li jridu jirritornaw f'arthom; iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Myanmar u tal-Bangladesh jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' non-refoulement;

9.  Jilqa' l-memorandum ta' qbil miftiehem bejn il-Myanmar, il-UNHCR u l-UNDP, tas-6 ta' Ġunju 2018, bħala l-ewwel pass konkret lejn l-involviment sħiħ tal-aġenziji tan-NU fil-proċess ta' rimpatriju; jenfasizza, madankollu, l-importanza li l-ftehim ikun disponibbli pubblikament mill-aktar fis possibbli;

10.  Jenfasizza l-importanza li jkun żgurat li l-atturi umanitarji jistgħu jipprovdu servizzi ta' emerġenza, anke għall-mard trażmess sesswalment u għall-vjolenza sesswali; iħeġġeġ lid-donaturi kollha jżidu l-għajnuna finanzjarja tagħhom sabiex tkun disponibbli l-firxa sħiħa ta' servizzi tal-kura tas-saħħa materna;

11.  Jilqa' l-kampanja tan-NU biex l-apolidija tintemm sa l-2024; ifakkar li r-Rohingya huma parti integrali mill-popolazzjoni tal-Myanmar u għalhekk għandhom jiġu rikonoxxuti bħala tali fil-liġi, kif rakkomandat mill-Kummissjoni Konsultattiva;

12.  Ifakkar li r-responsabbiltà finanzjarja għall-assistenza tal-popolazzjoni tar-rifuġjati hija sproporzjonata għall-Bangladesh; jistieden lill-komunità internazzjonali u lid-donaturi internazzjonali jżidu b'mod urġenti l-impenn tagħhom u jqiegħdu għad-dispożizzjoni l-fondi meħtieġa sabiex tibqa' tingħata l-għajnuna u l-assistenza umanitarja meħtieġa, għall-benefiċċju tan-nisa u tat-tfal Rohingya, b'mod partikolari n-nisa tqal, it-tfal u l-vittmi ta' stupru, kif ukoll tal-komunitajiet lokali li jospitawhom fil-Bangladesh;

13.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill, fis-26 ta' April 2018, ta' qafas għal miżuri mmirati kontra uffiċjali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, u għat-tisħiħ tal-embargo tal-UE fuq l-armi; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinfurzaw il-miżuri kollha mingħajr aktar dewmien; jistieden ukoll lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jimponi embargo globali u komprensiv fuq l-armi fil-konfront tal-Myanmar, jissospendi l-forniment, il-bejgħ jew it-trasferiment kollu, kemm jekk dirett kif ukoll jekk indirett, inklużi t-tranżitu u t-trasbord ta' armi, munizzjon u tagħmir militari u ta' sigurtà ieħor kollu, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ jew assistenza militari jew ta' sigurtà oħra;

14.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-konsegwenzi fil-kuntest tal-preferenzi kummerċjali li jgawdi l-Myanmar, fosthom li tikkunsidra li tvara investigazzjoni fl-ambitu tal-mekkaniżmi previsti fid-dispożizzjoni "Kollox ħlief Armi";

15.  Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri biex f'fora multilaterali jappellaw biex dawk responsabbli għat-twettiq ta' delitti fil-Myanmar jagħtu rendikont ta' għemilhom; jieħu nota tat-talba tal-Kap Prosekutur tal-QKI lill-imħallfin tal-qorti biex jikkonfermaw il-ġurisdizzjoni tal-QKI fuq id-delitt tad-deportazzjoni ta' Rohingya mill-Myanmar għall-Bangladesh; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tal-UE jieħdu l-inizjattiva fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jressqu riżoluzzjoni speċifika li tirreferi s-sitwazzjoni kollha fil-Myanmar/fl-Istat ta' Rakhine quddiem il-QKI; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jieħdu l-inizjattiva fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fil-UNHRC u jiggarantixxu l-istabbiliment urġenti ta' mekkaniżmu internazzjonali, imparzjali u indipendenti biex jappoġġa investigazzjonijiet dwar allegati atroċitajiet;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Ġunju 2018Avviż legali