Proċedura : 2018/2752(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0308/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0308/2018

Dibattiti :

PV 11/09/2018 - 15
CRE 11/09/2018 - 15

Votazzjonijiet :

PV 12/09/2018 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0341

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 430kWORD 55k
10.9.2018
PE621.719v01-00}
PE621.720v01-00}
PE624.059v01-00}
PE624.069v01-00}
PE624.070v01-00}
PE624.071v01-00} RC1
 
B8-0308/2018}
B8-0309/2018}
B8-0355/2018}
B8-0360/2018}
B8-0361/2018}
B8-0362/2018} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8‑0308/2018 (Verts/ALE)

B8‑0309/2018 (PPE)

B8‑0355/2018 (ALDE)

B8‑0360/2018 (EFDD)

B8‑0361/2018 (GUE/NGL)

B8‑0362/2018 (S&D)


dwar sistemi ta' armi awtonomi (2018/2752(RSP))


Michael Gahler, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez‑Neyra, David McAllister, Sandra Kalniete, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Julia Pitera, Fernando Ruas f'isem il-Grupp PPE
Ana Gomes, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Arne Lietz, Clare Moody f'isem il-Grupp S&D
Norica Nicolai, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Gérard Deprez, Ivan Jakovčić, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE
Sabine Lösing, Javier Couso Permuy, Kateřina Konečná, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva f'isem il-Grupp GUE/NGL
Philippe Lamberts, Ernest Urtasun, Bodil Valero, Max Andersson, Klaus Buchner f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Dario Tamburrano f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar sistemi ta' armi awtonomi (2018/2752(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Titolu V, l-Artikoli 21 u 21.2(c) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra "l-klawsola Martens" inkluża fil-Protokoll 1 tal-1977 addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra,

–  wara li kkunsidra l-Parti IV tal-Aġenda 2018 tan-NU għad-Diżarm, intitolata "Securing Our Common Future" (Niżguraw il-Futur Komuni Tagħna),

–  wara li kkunsidra l-istudju tiegħu tat-3 ta' Mejju 2013 dwar l-implikazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem mill-użu ta' drones u ta' robots awtonomi fil-gwerer,

–  wara li kkunsidra d-diversi pożizzjonijiet, rakkomandazzjonijiet u riżoluzzjonijiet tiegħu li jagħmlu sejħa għall-projbizzjoni ta' sistemi ta' armi awtonomi letali (LAWS), bħar-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2018 dwar it-73 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(1), il-mandat biex jinbdew negozjati adottat fil-plenarja fit-13 ta' Marzu 2018 bil-ħsieb tal-adozzjoni ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm Ewropew għall-Iżvilupp Industrijali fil-Qasam tad-Difiża, ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja 2016 u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni(2), ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti(3), u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar drones armati(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Christof Heyns, tad-9 ta' April 2013 (A/HRC/23/47),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-UE dwar is-Sistemi ta' Armi Awtonomi Letali (LAWS) li saru lill-Grupp ta' Esperti Governattivi tal-partijiet fil-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali f'Ġinevra, fil-laqgħat tiegħu tat-13 sas-17 ta' Novembru 2017, tad-9 sat-13 ta' April 2018 u tas-27 sal-31 ta' Awwissu 2018,

–  wara li kkunsidra l-kontributi li saru minn Stati differenti, inkluż mill-Istati Membri tal-UE, qabel il-laqgħat tal-2017 u tal-2018 tal-Grupp ta' Esperti Governattivi,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017 li ssejjaħ għal approċċ "bniedem fil-kmand" għall-intelliġenza artifiċjali u għal projbizzjoni ta' sistemi ta' armi awtonomi letali,

–  wara li kkunsidra s-sejħa mis-Santa Sede għal projbizzjoni ta' armi awtonomi letali,

–  wara li kkunsidra l-ittra miftuħa ta' Lulju 2015 iffirmata minn aktar minn 3 000 riċerkatur tal-intelliġenza artifiċjali u tar-robotika u dik tal-21 ta' Awwissu 2017 iffirmata minn 116-il fundatur ta' kumpaniji ewlenin tar-robotika u tal-intelliġenza artifiċjali li jwissu dwar sistemi ta' armi awtonomi letali, u l-ittra minn 240 organizzazzjoni tat-teknoloġija u 3 089 individwu li jimpenjaw ruħhom li qatt ma jiżviluppaw, jipproduċu jew jużaw sistemi ta' armi awtonomi letali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili, bħall-Kampanja għal Tmiem tar-Robots Letali, li tirrappreżenta 70 organizzazzjoni, fosthom Human Rights Watch, Article 36, PAX u Amnesty International, minn 30 pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE huma ggwidati mill-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem u mir-rispett tad-dinjità tal-bniedem, mill-prinċipji tal-Karta tan-NU u mid-dritt internazzjonali; billi dawn il-prinċipji għandhom jiġu applikati sabiex titħares il-paċi, jiġu evitati l-kunflitti u tissaħħaħ is-sigurtà internazzjonali;

B.  billi t-terminu "sistemi ta' armi awtonomi letali" jirreferi għal sistemi ta' armi bla kontroll sinifikanti mill-bniedem fuq il-funzjonijiet kritiċi tal-għażla tal-objettivi individwali u tal-attakk fuqhom;

C.  billi huwa rrappurtat li għadd mhux magħruf ta' pajjiżi, industriji b'finanzjament pubbliku u industriji privati qed jirriċerkaw u jiżviluppaw sistemi ta' armi awtonomi letali, minn missili li kapaċi jagħżlu objettivi selettivament sa magni li jitgħallmu mogħnija b'ħiliet konjittivi biex jiddeċiedu kontra min, meta u fejn jiġġieldu;

D.  billi sistemi mhux awtonomi bħal sistemi awtomatizzati, dawk imħaddma mill-bogħod u dawk teleoperati ma għandhomx jitqiesu bħala sistemi ta' armi awtonomi letali;

E.  billi s-sistemi ta' armi awtonomi letali għandhom il-potenzjal li jibdlu l-gwerer b'mod fundamentali billi jagħtu lok għal tellieqa tal-armi mingħajr preċedent u mingħajr kontroll;

F.  billi l-użu ta' sistemi ta' armi awtonomi letali jqajjem mistoqsijiet etiċi u legali fundamentali dwar il-kontroll mill-bniedem, b'mod partikolari rigward funzjonijiet ta' importanza kritika, bħall-għażla tal-objettivi individwali u l-attakk fuqhom; billi l-magni u r-robots ma jistgħux jieħdu deċiżjonijiet bħal dawk li jieħdu l-bnedmin, li jinvolvu l-prinċipji legali ta' distinzjoni, proporzjonalità u prekawzjoni;

G.  billi l-involviment tal-bniedem u s-superviżjoni umana huma fundamentali għat-teħid ta' deċiżjonijiet letali, peress li huma l-bnedmin li jibqgħu responsabbli għad-deċiżjonijiet fuq il-ħajja u l-mewt;

H.  billi d-dritt internazzjonali, inklużi d-dritt umanitarju internazzjonali u dak dwar id-drittijiet tal-bniedem, japplika bis-sħiħ għas-sistemi ta' armi kollha u għall-operaturi tagħhom, u billi l-konformità mad-dritt internazzjonali hija rekwiżit fundamentali li l-istati jeħtiġilhom jissodisfaw, b'mod partikolari rigward ir-rispett ta' prinċipji bħall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili jew it-teħid ta' prekawzjonijiet fl-attakki;

I.  billi l-użu ta' sistemi ta' armi awtonomi letali jqajjem mistoqsijiet ċentrali dwar l-applikabbiltà tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, tad-dritt umanitarju internazzjonali u tan-normi u tal-valuri Ewropej fir-rigward ta' azzjonijiet militari futuri;

J.  billi, f'Awwissu 2017, 116-il fundatur ta' kumpaniji internazzjonali ewlenin tar-robotika u tal-intelliġenza artifiċjali bagħtu ittra miftuħa lin-NU, li fiha talbu li l-gvernijiet "jipprevjenu t-tellieqa tal-armi f'dawn l-armamenti" u "jevitaw l-effetti destabilizzanti ta' dawn it-teknoloġiji";

K.  billi kwalunkwe sistema ta' armi awtonomi letali tista' taħdem ħażin minħabba żball fil-programm jew minħabba attakk ċibernetiku mwettaq minn stat għadu jew minn attur mhux statali;

L.  billi l-Parlament Ewropew ripetutament talab li tiġi żviluppata u adottata b'urġenza pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi awtonomi letali, għal projbizzjoni internazzjonali tal-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta' sistemi ta' armi awtonomi letali li jippermettu li jitwettqu attakki mingħajr kontroll sinifikanti mill-bniedem, kif ukoll li jinbdew negozjati effettivi għall-projbizzjoni tagħhom;

1.  Ifakkar fl-ambizzjoni tal-UE li tkun attur globali għall-paċi, u jitlob li r-rwol tagħha fl-isforzi globali ta' diżarm u nonproliferazzjoni jitwessa', u li l-azzjonijiet u l-politiki tagħha jaħdmu favur iż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali, filwaqt li jiżguraw ir-rispett tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-protezzjoni taċ-ċivili u tal-infrastruttura ċivili;

2.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lill-Istati Membri u lill-Kunsill Ewropew biex jiżviluppaw u jadottaw, b'urġenza u qabel il-laqgħa ta' Novembru 2018 tal-Partijiet Kontraenti Għolja għall-Konvenzjoni dwar Ċerti Armi Konvenzjonali, pożizzjoni komuni dwar is-sistemi ta' armi awtonomi letali li tiżgura kontroll sinifikanti mill-bniedem fuq il-funzjonijiet kritiċi tas-sistemi tal-armi, inkluż waqt l-iskjerament, u jitlobhom jitkellmu b'leħen wieħed fil-fora rilevanti u jaġixxu skont dan; jistieden f'dan il-kuntest, lill-VP/RGħ, lill-Istati Membri u lill-Kunsill biex jaqsmu l-aħjar prattiki u jiksbu kontributi mingħand esperti, akkademiċi u s-soċjetà ċivili;

3.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ, lill-Istati membri u lill-Kunsill biex jaħdmu favur il-ftuħ ta' negozjati internazzjonali dwar strument vinkolanti li jipprojbixxi sistemi ta' armi awtonomi letali;

4.  Jenfasizza, fid-dawl ta' dan, l-importanza fundamentali li ma jitħallewx isiru żvilupp u produzzjoni ta' kwalunkwe sistema ta' armi awtonomi letali li ma jkollhiex kontroll mill-bniedem fuq funzjonijiet kritiċi bħall-għażla tal-objettivi individwali u l-attakk fuqhom;

5.  Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu tat-13 ta Marzu 2018 rigward ir-Regolament dwar l-Iżvilupp Industrijali Ewropew tad-Difiża, b'mod partikolari l-paragrafu 4 tal-Artikolu 6 (azzjonijiet eliġibbli), u jenfasizza r-rieda tiegħu li jadotta pożizzjoni simili fil-kuntest tal-programm ta' riċerka tad-difiża li ġej, il-programm ta' żvilupp fl-industrija tad-difiża u karatteristiċi rilevanti oħra tal-Fond Ewropew għad-Difiża ta' wara l-2020;

6.  Jissottolinja l-fatt li l-ebda arma jew sistema ta' armi mħaddma bħalissa mill-forzi tal-UE mhija sistema ta' armi awtonomi letali; ifakkar li l-armi u s-sistemi ta' armi ddisinjati speċifikament biex jiddefendu pjattaformi, forzi u popolazzjonijiet proprji kontra theddidiet dinamiċi ħafna bħal missili, munizzjonijiet u inġenji tal-ajru ostili ma jitqisux bħala sistemi ta' armi awtonomi letali; jenfasizza li deċiżjonijiet ta' attakk fuq inġenji tal-ajru bi bnedmin abbord għandhom jittieħdu minn operaturi umani;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2018)0312.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0494.

(3)

ĠU C 101, 16.3.2018, p. 166.

(4)

ĠU C 285, 29.8.2017, p. 110.

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Settembru 2018Avviż legali