Proċedura : 2018/2840(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0364/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0364/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.1

Testi adottati :

P8_TA(2018)0344

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 433kWORD 55k
12.9.2018
PE624.073v01-00}
PE624.074v01-00}
PE624.076v01-00}
PE624.077v01-00}
PE624.081v01-00}
PE624.087v01-00} RC1
 
B8-0364/2018}
B8-0365/2018}
B8-0367/2018}
B8-0368/2018}
B8-0372/2018}
B8-0378/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8‑0364/2018 (ECR)

B8‑0365/2018 (Verts/ALE)

B8‑0367/2018 (S&D)

B8‑0368/2018 (GUE/NGL)

B8‑0372/2018 (PPE)

B8‑0378/2018 (ALDE)


dwar l-Uganda, l-arrest ta' deputati tal-oppożizzjoni (2018/2840(RSP))


Cristian Dan Preda, Joachim Zeller, Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez‑Neyra, Jaromír Štětina, Laima Liucija Andrikienė, Krzysztof Hetman, Eduard Kukan, Patricija Šulin, Tomáš Zdechovský, Marijana Petir, Tunne Kelam, Elisabetta Gardini, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Željana Zovko, Romana Tomc, Ramona Nicole Mănescu, Cristian‑Silviu Buşoi, Giovanni La Via, Pavel Svoboda, Ivan Štefanec, Bogdan Brunon Wenta, József Nagy, Adam Szejnfeld, Stanislav Polčák, Tadeusz Zwiefka, Michaela Šojdrová, Sandra Kalniete, Francis Zammit Dimech, David McAllister, Seán Kelly, Ivana Maletić, Deirdre Clune, Dubravka Šuica, Andrey Kovatchev, Anna Záborská, Milan Zver, László Tőkés, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Soraya Post, Norbert Neuser f'isem il-Grupp S&D
Karol Karski, Charles Tannock, Monica Macovei, Branislav Škripek, Ruža Tomašić, Pirkko Ruohonen‑Lerner f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Nadja Hirsch, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Valentinas Mazuronis, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Lola Sánchez Caldentey, Merja Kyllönen, Marie‑Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Kateřina Konečná, Jiří Maštálka, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Barbara Spinelli, Miguel Urbán Crespo f'isem il-Grupp GUE/NGL
Pascal Durand, Maria Heubuch, Bodil Valero f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Piernicola Pedicini, Fabio Massimo Castaldo f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Uganda, l-arrest ta' deputati tal-oppożizzjoni (2018/2840(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Uganda,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali konġunta tas-17 ta' Awwissu 2018 tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea, tal-Kapijiet ta' Missjoni tal-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, l-Italja, in-Netherlands, l-Iżvezja u r-Renju Unit u tal-Kapijiet ta' Missjoni tan-Norveġja u l-Iżlanda dwar l-elezzjoni parzjali li saret fil-muniċipalità ta' Arua,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948, li l-Uganda hi pajjiż firmatarju tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tal-1966 dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, irratifikat mill-Uganda fil-21 ta' Ġunju 1995,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1984 kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti Oħra,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Ugandiża għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar kwistjonijiet emerġenti relatati mad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż wara l-elezzjoni parzjali li saret fil-muniċipalità ta' Arua fil-15 ta' Awwissu 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar l-Uganda maħruġ mill-Grupp ta' Ħidma dwar l-Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE (il-Ftehim ta' Cotonou), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu dwar in-nondiskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Uganda tal-1995, emendata fl-2005,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjoni parzjali li saret fil-15 ta' Awwissu 2018 fil-muniċipalità ta' Arua fil-Majjistral tal-Uganda, li rriżultat fl-elezzjoni tal-kandidat indipendenti tal-oppożizzjoni Kassiano Wadri, kienet ikkaratterizzata mill-vjolenza;

B.  billi l-President tal-Uganda, Yoweri Museveni, u l-Membru Parlamentari indipendenti Robert Kyagulanyi Ssentamu, magħruf ukoll bħala Bobi Wine, flimkien ma' diversi politiċi oħrajn, għamlu kampanja f'Arua fit-13 ta' Awwissu 2018 fil-qafas ta' elezzjoni parzjali mimlija tensjoni, li saret minħabba l-assassinju ta' deputat f'Ġunju;

C.  billi Bobi Wine, mużiċista popolari, sar magħruf bħala kritiku influwenti tal-President Museveni wara li rebaħ siġġu fil-Parlament Ugandiż fl-2017;

D.  billi fi tmiem nhar it-13 ta' Awwissu 2018 ix-xufier ta' Bobi Wine, Yasin Kawuna, safa maqtul wara li sparawlu f'ċirkostanzi li mhumiex ċari, u billi, hekk kif il-President Museveni kien tielaq minn Arua, sostenituri ta' Kassiano Wadri allegatament attakkaw il-karozza tal-president bil-ġebel;

E.  billi l-pulizija arrestat żewġ ġurnalisti li jaħdmu għall-istazzjon televiżiv NTV Uganda, Herbert Zziwa u Ronald Muwanga, waqt li kienu qegħdin jagħmlu xandira diretta miż-żona fejn inqatel is-Sur Kawuma;

F.  billi kemm is-Sur Wine kif ukoll is-Sur Wadri, kif ukoll diversi persuni oħrajn, sfaw arrestati ftit wara; billi s-sur Wine ġie akkużat li kellu armi tan-nar fil-pussess tiegħu;

G.  billi 33 ruħ, inklużi s-Sur Wadri u erba' Membri Parlamentari (Robert Kyagulanyi, Francis Zaake, Gerald Karuhanga and Paul Mwiru), ġew akkużati bi tradiment l-għada tal-elezzjoni u s-Sur Wine ġie akkużat bil-pussess ta' armi min-nar illegali minn qorti militari;

H.  billi l-protesti li qamu f'Arua, Kampala u Mityana minħabba dawn l-arresti ġew repressi vjolentement mill-forzi tal-ordni Ugandiżi; billi ġie rrappurtat l-użu tal-gass tad-dmugħ u ta' munizzjoni attiv;

.  billi fl-20 ta' Awwissu 2018 James Akena, fotografu li jaħdem ma' Reuters u li kien qed jirrapporta dwar il-protesti politiċi #freeBobiWine f'Kampala, safa msawwat mis-suldati, arrestat u detenut għal diversi sigħat;

J.  billi jeżistu rapporti li s-Sur Wine u persuni oħra detenuti ġew ittorturati waqt li kienu miżmumin taħt kustodja; billi, wara li inizjalment ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet, l-awtoritajiet wiegħdu li jinvestigawhom;

K.  billi s-Sur Wine aktar tard ġie akkużat bi tradiment f'qorti ċivili, wara d-deċiżjoni tal-qorti militari biex jaqgħu l-akkużi ta' pussess illegali ta' armi tan-nar;

L.  billi sussegwentement is-Sur Wine nħeles fuq pleġġ u telaq mill-Uganda biex jingħata kura fl-Istati Uniti;

M.  billi Zeid Ra'ad al-Hussein, li qabel kien il-Kummissarju Għoli tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, ħeġġeġ lill-Gvern tal-Uganda jagħmel investigazzjoni bir-reqqa, indipendenti u imparzjali dwar l-allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi każijiet ta' qtil extraġudizzjarju, użu eċċessiv tal-forza u t-tortura u forom oħra ta' maltrattament, u ħeġġu jtella' quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli;

N.  billi Kizza Besigye, il-mexxej tal-Forum għall-Bidla Demokratika (FDC) u erba' darbiet kandidat presidenzjali, safa detenut f'diversi okkażjonijiet mill-pulizija jew mill-forzi militari bejn l-2001 u l-2017, l-aktar darba reċenti fil-25 ta' Settembru 2017;

O.  billi l-personalitajiet politiċi tal-oppożizzjoni jisfaw arrestati u jsofru intimidazzjoni b'mod regolari fl-Uganda;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-arrest ta' deputati tal-oppożizzjoni b'konnessjoni mal-elezzjoni parzjali ta' Arua;

2.  Jenfasizza li huwa vitali għad-demokrazija Ugandiża li l-President u l-Gvern tal-Uganda jirrispettaw l-indipendenza tal-Parlament tal-pajjiż bħala istituzzjoni u l-indipendenza tal-mandat tal-membri tiegħu u li jiżguraw li l-membri parlamentari kollha jkunu jistgħu jaqdu liberament il-mandati li għalihom ġew eletti;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet Ugandiżi jwaqqgħu akkużi viżibbilment maqlugħin minn żniedhom kontra Bobi Wine u jwaqqfu r-repressjoni fil-konfront tal-politiċi u s-sostenituri tal-oppożizzjoni;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ugandiżi jniedu minnufih investigazzjoni effikaċi, imparzjali u indipendenti dwar il-qtil ta' Yasin Kawuma u r-rapporti ta' mwiet u l-użu eċċessiv tal-forza waqt il-protesti; jistenna li ssir investigazzjoni rapida u indipendenti dwar l-allegazzjonijiet ta' tortura u maltrattament fil-konfront tal-persuni arrestati f'Arua; jisħaq fuq il-ħtieġa li dawk responsabbli jittellgħu quddiem il-ġustizzja;

5.  Itenni l-impenn tiegħu favur il-libertà tal-espressjoni u jafferma mill-ġdid ir-rwol ewlieni li tiżvolġi l-midja f'soċjetà demokratika; jinnota bi tħassib li l-ġurnalisti li jirrappurtaw dwar id-dimostrazzjonijiet u l-irvellijiet li faqqgħu sfaw imsawta flimkien mal-parteċipanti u li żewġ ġurnalisti ġew arrestati; jistieden lill-awtoritajiet Ugandiżi joħolqu ambjent li fih il-ġurnalisti jkunu jistgħu jwettqu mingħajr xkiel il-ħidma tagħhom biex jinfurmaw lin-nies dwar l-iżviluppi politiċi fil-pajjiż;

6.  Ifakkar lill-awtoritajiet Ugandiżi fl-obbligu tagħhom li jiggarantixxu, jipproteġu u jippromwovu d-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini tal-pajjiż, fosthom il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-għaqda;

7.  Ifakkar lill-Gvern tal-Uganda fl-obbligi internazzjonali tiegħu, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-rispett għal-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt u t-trattament tal-kawżi fil-qrati, speċjalment b'relazzjoni mad-dritt għal proċess ġust u imparzjali;

8.  Iħeġġeġ lill-entitajiet tal-infurzar tal-liġi jipproteġu l-libertajiet bażiċi mingħajr ebda forma ta' intimidazzjoni, u b'hekk jikkonformaw mal-Artikolu 24 tal-Kostituzzjoni Ugandiża, li tistabbilixxi li "ħadd ma għandu jkun soġġett għall-ebda forma ta' tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti";

9.  Jistieden lill-forzi tas-sigurtà Ugandiżi juru moderazzjoni huma u jgħassu l-protesti, joqogħdu lura milli jużaw balal attivi, jaġixxu skont il-liġi u b'rispett sħiħ għad-dritt fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u jħallu lill-ġurnalisti jwettqu l-ħidma tagħhom ta' informazzjoni b'mod ħieles;

10.  Jappella fl-istess ħin biex il-persuni li jipprotestaw jaġixxu fir-rispett tal-liġi u biex jeżerċitaw id-drittijiet u l-libertajiet tagħhom fil-limiti preskritti mil-liġi;

11.  Jistieden lill-UE tieħu vantaġġ mill-influwenza politika li jeżerċitaw il-programmi ta' għajnuna għall-iżvilupp, speċjalment il-programmi ta' appoġġ baġitarju, bil-ħsieb li ttejjeb id-difiża u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Uganda;

12.  Ifaħħar il-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni Ugandiża għad-Drittijiet tal-Bniedem wara l-arresti, il-qtil u t-tortura li ġraw minħabba l-elezzjoni parzjali f'Arua, inklużi rappurtar, żjarat f'ċentri ta' detenzjoni, investigazzjoni dwar l-inħawi fejn jinsabu persuni neqsin, kif ukoll interventi għall-garanzija tad-drittijiet tal-priġunieri, kura medika u żjarat minn familjari;

13.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fl-Uganda; jenfasizza li l-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar kwalunkwe sinjal ulterjuri li juri li l-membri tal-oppożizzjoni tal-Parlament Ugandiż qed jiġu mxekkla jew ostakolati fil-ħidma tagħhom bħala leġiżlaturi;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President tar-Repubblika tal-Uganda, lill-President tal-Parlament Ugandiż, kif ukoll lill-Unjoni Afrikana u lill-istituzzjonijiet tagħha.

 

 

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Settembru 2018Avviż legali