Proċedura : 2018/2842(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0366/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0366/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.3

Testi adottati :

P8_TA(2018)0346

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 442kWORD 55k
12.9.2018
PE624.075v01-00}
PE624.078v01-00}
PE624.079v01-00}
PE624.084v01-00}
PE624.086v01-00} RC1
 
B8-0366/2018}
B8-0369/2018}
B8-0370/2018}
B8-0375/2018}
B8-0377/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8-0366/2018 (ECR)

B8-0369/2018 (Verts/ALE)

B8-0370/2018 (S&D)

B8-0375/2018 (PPE)

B8-0377/2018 (ALDE)


dwar il-Kambodja, b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha (2018/2842(RSP))


Cristian Dan Preda, Tomáš Zdechovský, Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jaromír Štětina, Laima Liucija Andrikienė, Krzysztof Hetman, Eduard Kukan, Patricija Šulin, Marijana Petir, Tunne Kelam, Elisabetta Gardini, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Romana Tomc, Željana Zovko, Ramona Nicole Mănescu, Cristian-Silviu Buşoi, Giovanni La Via, Pavel Svoboda, Ivan Štefanec, Bogdan Brunon Wenta, József Nagy, Adam Szejnfeld, Stanislav Polčák, Tadeusz Zwiefka, Michaela Šojdrová, Joachim Zeller, Sandra Kalniete, Francis Zammit Dimech, David McAllister, Seán Kelly, Ivana Maletić, Deirdre Clune, Dubravka Šuica, Andrey Kovatchev, Anna Záborská, László Tőkés, Milan Zver, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Soraya Post, David Martin f'isem il-Grupp S&D
Karol Karski, Ruža Tomašić, Jana Žitňanská, Jan Zahradil, Monica Macovei, Branislav Škripek, Raffaele Fitto, Pirkko Ruohonen-Lerner, Charles Tannock f'isem il-Grupp ECR
Ramon Tremosa i Balcells, Petras Auštrevičius, Javier Nart, Ilhan Kyuchyuk, Izaskun Bilbao Barandica, Valentinas Mazuronis, Marietje Schaake, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Patricia Lalonde, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Ivo Vajgl, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Lochbihler, Ernest Urtasun, Pascal Durand f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo f'isem il-Grupp EFDD
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kambodja, b'mod partikolari l-każ ta' Kem Sokha (2018/2842(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kambodja, b'mod partikolari dawk tal-14 ta' Settembru 2017(1) u tal-14 ta' Diċembru 2017(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Kambodja tas-26 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-30 ta' Lulju 2018 dwar l-elezzjonijiet ġenerali fil-Kambodja,

–  wara li kkunsidra l-missjoni ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) fil-Kambodja mill-5 sal-11 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida tal-UE tal-2008 dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, 

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-SEAE tas-16 ta' Novembru 2017 dwar ix-xoljiment tal-Cambodian National Rescue Party,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kooperazzjoni tal-1997 bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tal-Kambodja, 

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tat-22 ta' Frar 2017 dwar is-sitwazzjoni politika fil-Kambodja, u d-dikjarazzjonijiet tal-kelliem tad-Delegazzjoni tal-UE tal-25 ta' Awwissu 2017 u tat-3 ta' Settembru 2017 dwar restrizzjonijiet tax-xena politika fil-Kambodja, 

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 36/32 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tad-29 ta' Settembru 2017 u r-Rapport tas-Segretarju Ġenerali tat-2 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tad-Deputati u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Governattiv tal-Unjoni Interparlamentari ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni A/RES/53/144 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-8 ta' Marzu 1999 dwar id-dritt u r-responsabbiltà ta' individwi, gruppi u organi tas-soċjetà li jippromwovu u jħarsu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali rikonoxxuti universalment,

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Paċi ta' Pariġi tal-1991, li fl-Artikolu 15 tagħhom jistabbilixxu impenn dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fil-Kambodja, anke min-naħa tal-firmatarji internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Kambodja, b'mod partikolari l-Artikolu 41 tagħha, li fiha huma minquxa d-drittijiet u l-libertajiet ta' espressjoni u ta' għaqda, l-Artikolu 35 dwar id-dritt ta' parteċipazzjoni politika u l-Artikolu 80 dwar l-immunità parlamentari,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-3 ta' Settembru 2017, Kem Sokha, il-President tal-Cambodia National Rescue Party (CNRP), ġie arrestat, u billi fis-16 ta' Novembru 2017, il-Qorti Suprema ħabbret ix-xoljiment tas-CNRP, fi tmiem seduta ta' smigħ ta' ġurnata; billi l-Qorti Suprema ppprojbiet ukoll lil 118-il politiku tas-CNRP milli jkunu attivi politikament għal ħames snin;

B.  billi l-Cambodian People's Party (CPP) li qiegħed fil-gvern kiseb 100 % tas-siġġijiet ikkontestati fl-elezzjoni tal-Assemblea Nazzjonali li saret fid-29 ta' Lulju 2018 u fl-elezzjoni tas-Senat li saret fil-25 ta' Frar 2018;

C.  billi d-dritt ta' parteċipazzjoni politika huwa minqux fl-Artikolu 35 tal-Kostituzzjoni tal-Kambodja; billi l-Liġi emendata tal-2017 dwar il-Partiti Politiċi tinkludi bosta restrizzjonijiet fuq il-parteċipazzjoni tal-partiti tal-oppożizzjoni, inkluż ix-xoljiment tal-partiti jekk il-mexxejja tagħhom ikollhom fedina penali;

D.  billi l-elezzjonijiet tal-2018 fil-Kambodja kienu de facto nonkompetittivi u naqsu milli jissodisfaw l-istandards internazzjonali minimi għal elezzjonijiet demokratiċi; billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka ssospendew l-assistenza finanzjarja tagħhom lill-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali tal-Kambodja u rrifjutaw li josservaw l-elezzjonijiet;

E.  billi d-deċiżjoni biex is-CNRP jiġi xolt kienet pass sinifikanti lejn il-ħolqien ta' stat awtoritarju; billi l-istruttura politika tal-Kambodja ma tistax tibqa' titqies bħala demokrazija;

F.  billi l-Gvern tal-Kambodja ħa firxa wiesgħa ta' miżuri biex jiżgura li s-CPP fil-gvern jikkontesta prattikament mingħajr oppożizzjoni kemm fl-elezzjonijiet tas-Senat kif ukoll f'dawk tal-Assemblea Nazzjonali;

G.  billi, wara li ġie arrestat fit-3 ta' Settembru 2017, Kem Sokha kien akkużat bi tradiment skont l-Artikolu 443 tal-Kodiċi Penali tal-Kambodja, minkejja l-immunità parlamentari tiegħu; billi dikjarazzjonijiet tal-Gvern tal-Kambodja kkompromettew id-dritt tiegħu għal proċess ġust kif ukoll il-preżunzjoni ta' innoċenza; billi jista' jeħel sa 30 sena ħabs jekk jinstab ħati; billi l-President tal-Qorti, Dith Munty, huwa membru tal-kumitat permanenti tal-partit fil-gvern;

H.  billi fit-28 ta' Awwissu 2018, l-awtoritajiet Kambodjani ħelsu lil 14-il membru tas-CNRP wara li ngħataw maħfra rjali; billi din il-maħfra hija marbuta mal-ħelsien ta' sitt attivisti u ġurnalisti;

I.  billi Kem Sokha ġie detenut għal aktar minn sena mingħajr proċess; billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddikjara li d-detenzjoni qabel il-proċess tas-Sur Sokha kienet "arbitrarja" u "motivata politikament"; billi nħeles b'kawzjoni fl-10 ta' Settembru 2018; billi ma jistax jitbiegħed mill-viċinanzi ta' daru u m'għandux permess jikkomunika ma' membri oħra tal-oppożizzjoni jew tal-media;

J.  billi l-arrest u d-detenzjoni ta' Kem Sokha seħħew fost repressjoni mifruxa u sistematika tad-drittijiet politiċi u elettorali fil-Kambodja; billi kien hemm żieda kostanti fin-numru ta' każijiet ta' arrest u detenzjoni ta' membri tal-oppożizzjoni politika u ta' opinjonisti politiċi; billi l-President preċedenti tas-CNRP, Sam Rainsy, instab ħati ta' diffamazzjoni kriminali u issa jgħix eżiljat;

K.  billi l-awtoritajiet Kambodjani rażżnu wkoll lill-ġurnalisti u lir-reporters li kienu qed ikopru l-attakki fuq il-partiti tal-oppożizzjoni; billi James Ricketson, produttur tal-films ta' 69 sena u li rebaħ diversi premji, huwa waħda mill-vittmi ta' dawn l-attakki fuq il-media; billi s-Sur Ricketson ġie arrestat talli tajjar drone fuq rally ta' partit tal-oppożizzjoni f'Ġunju 2017; billi s-Sur Ricketson ġie kkundannat għal sitt snin ħabs fil-kapitali, Phnom Penh, fuq akkużi ta' spjunaġġ;

L.  billi kien hemm trażżin gravi tal-media indipendenti; billi n-netwerks tal-media soċjali ġew attakkati wkoll; billi f'Mejju, il-Gvern ħareġ regolament li jirrestrinġi d-drittijiet tal-libertà tal-espressjoni, tal-istampa u tal-pubblikazzjoni u li jagħti s-setgħa lill-Gvern jissorvelja n-netwerks tal-media soċjali biex jiskopri u jsikket id-dissens online fil-Kambodja;

M.  billi s-sindakalisti, l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili qed joperaw fi spazju dejjem aktar ristrett fil-Kambodja u jħabbtu wiċċhom ma' fastidju, atti ta' intimidazzjoni u arrest arbitrarju; billi l-Liġi emendata tal-2015 dwar l-Assoċjazzjoni u l-Organizzazzjonijiet Mhux Governattivi (LANGO) tirrestrinġi severament il-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni, anke billi tistabbilixxi kontroll u ċensura tal-gvern fuq il-ħidma tal-NGOs; billi l-Liġi dwar it-Trade Unions tirrestrinġi l-libertà ta' assoċjazzjoni u toħloq ostakli u piżijiet mhux meħtieġa fir-rigward tal-proċeduri ta' reġistrazzjoni u tal-operat tat-trade unions;

N.  billi ħames difensuri tad-drittijiet tal-bniedem affiljati mal-Assoċjazzjoni Kambodjana għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Iżvilupp (ADHOC), Nay Vanda, Ny Sokha, Yi Soksan, Lim Mony u Ny Chakrya, qed jiffaċċjaw akkużi li xaħħmu lil xhud u li huma kompliċi ta' tixħim ta' xhud; billi l-ħames difensuri tad-drittijiet tal-bniedem għamlu 14-il xahar f'detenzjoni qabel il-proċess, qabel ma nħelsu b'kawzjoni;

O.  billi l-Kambodja tibbenefika mill-iktar skema favorevoli disponibbli taħt l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP), jiġifieri l-iskema Kollox Barra l-Armi (EBA); billi l-UE allokat sa EUR 140 miljun lill-Kambodja għall-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu finanzjarju 2014-2020, li minnhom EUR 10 miljun huma għas-sostenn tal-proċess ta' riforma elettorali fil-Kambodja u bħalissa huma sospiżi;

P.  billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU fakkar fid-dikjarazzjoni tiegħu ta' Lulju li proċess politiku inklużiv u pluralistiku jibqa' essenzjali għas-salvagwardja tal-progress li sar mill-Kambodja fil-konsolidament tal-paċi;

Q.  billi l-kunflitti rigward il-pjantaġġuni taz-zokkor għadhom ma ġewx solvuti; billi hemm tħassib kontinwu dwar evizzjonijiet mill-artijiet, dwar impunità kontinwa għal atti bħal dawn u dwar is-sitwazzjoni terribbli tal-komunitajiet milquta; billi l-Gvern tal-Kambodja għadu ma ffirmax it-Termini ta' Referenza tal-UE għall-Proċess ta' Awditjar tal-Kannamiela;

1.  Jiinota li Kem Sokha nħeles mill-ħabs b'kawzjoni taħt kundizzjonijiet stretti; jiddenunzja l-fatt li Kem Sokha tqiegħed taħt arrest domiċiljari; jitlob li l-akkużi kollha kontra Kem Sokha jitwaqqgħu u li jinħeles minnufih u kompletament; barra minn hekk, jitlob li akkużi u sentenzi oħra motivati politikament kontra politiċi tal-oppożizzjoni, inkluż Sam Rainsy, jitwaqqgħu minnufih;

2.  Huwa preokkupat dwar il-kundizzjoni tas-saħħa ta' Kem Sokha, u jistieden lill-awtoritajiet Kambodjani jħalluh jingħata trattament mediku xieraq; jitlob lill-Gvern jippermetti lil Kem Sokha jiltaqa' ma' membri barranin tal-korp diplomatiku, ma' uffiċjali tan-NU u ma' osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-elezzjonijiet fil-Kambodja ma jistgħux jitqiesu bħala liberi u ġusti; jesprimi tħassib serju dwar it-tmexxija u r-riżultati tal-elezzjonijiet tal-2018 fil-Kambodja, li naqsu milli jipproduċu proċess kredibbli u li ġew ikkundannati b'mod wiesa' mill-komunità internazzjonali;

4.  Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jaħdem biex isaħħaħ id-demokrazija u l-istat tad-dritt u jirrispetta d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, li jfisser ukoll konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali dwar il-pluraliżmu u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' espressjoni; barra minn hekk, jitlob lill-Gvern tal-Kambodja jħassar l-emendi reċenti kollha għall-Kostituzzjoni, il-Kodiċi Penali, il-Liġi dwar il-Partiti Politiċi, il-Liġi dwar it-Trade Unions, il-Liġi dwar l-NGOs u l-biċċiet l-oħra kollha ta' leġiżlazzjoni li jillimitaw il-libertà tal-kelma u l-libertajiet politiċi li mhumiex għalkollox konformi mal-obbligi tal-Kambodja u mal-istandards internazzjonali;

5.  Jenfasizza li proċess demokratiku kredibbli jirrikjedi ambjent li fih il-partiti politiċi, is-soċjetà ċivili u l-media jistgħu jwettqu r-rwoli leġittimi tagħhom mingħar biża', theddid jew restrizzjonijiet arbitrarji; jistieden lill-Gvern jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li x-xoljiment tas-CNRP jitreġġa' lura malajr;

6.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Gvern tal-Kambodja biex itemm kull forma ta' fastidju, abbuż u akkużi kriminali motivati politikament kontra membri tal-oppożizzjoni politika, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, sindakalisti u sostenituri tad-drittijiet tal-ħaddiema, attivisti favur id-drittijiet tal-art u attivisti oħra tas-soċjetà ċivili, u ġurnalisti, fost oħrajn; jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jeħles, mingħajr dewmien, liċ-ċittadini kollha li ġew detenuti talli eżerċitaw id-drittijiet tal-bniedem tagħhom, inkluż James Ricketson, u jwaqqa' l-akkużi kollha kontrihom;

7.  Jappoġġa d-deċiżjoni li jiġi sospiż is-sostenn elettorali tal-UE lill-Kambodja; ifakkar fl-obbligi nazzjonali u internazzjonali fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem li l-Kambodja impenjat ruħha li tirrispetta; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Kambodja jwettaq riformi sabiex isaħħaħ id-demokrazija u japplika standards minimi rikonoxxuti internazzjonalment għal proċessi elettorali futuri, inklużi l-organizzazzjoni ta' elezzjonijiet multipartitiċi, liberi u ġusti, l-istabbiliment ta' Kummissjoni Elettorali Nazzjonali tassew indipendenti u l-involviment tal-NGOs u tal-media indipendenti fil-monitoraġġ u fir-rappurtar tal-elezzjonijiet;

8.  Ifakkar lill-Gvern tal-Kambodja li jrid jissodisfa l-obbligi u l-impenji tiegħu fir-rigward tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, li huma komponent essenzjali tal-Ftehim ta' Kooperazzjoni UE-Kambodja u l-kundizzjonijiet fl-ambitu tal-EBA;

9.  Jilqa' l-missjoni riċenti tal-UE ta' ġbir ta' informazzjoni fil-Kambodja fir-rigward tal-EBA u jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta l-konklużjonijiet lill-Parlament mill-aktar fis possibbli; jistieden lill-Kummissjoni tqis il-konsegwenzi possibbli fil-kuntest tal-preferenzi kummerċjali li tgawdi l-Kambodja, inkluż il-varar ta' investigazzjoni fl-ambitu tal-mekkaniżmi previsti fil-qafas tal-EBA;

10.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jħejju lista ta' individwi responsabbli mix-xoljiment tal-oppożizzjoni u minn ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja, bil-ħsieb li jiġu imposti fuqhom restrizzjonijiet possibbli tal-viża u ffriżar tal-assi;

11.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tissorvelja s-sitwazzjoni fil-Kambodja mill-qrib; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni u jmexxu l-isforzi fid-39 sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU lejn l-adozzjoni ta' riżoluzzjoni b'saħħitha li tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kambodja;

12.  Jistieden lill-Gvern tal-Kambodja jġedded il-Memorandum ta' Qbil (MtQ) mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tan-NU fil-Kambodja hekk kif jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2018;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tal-Kambodja.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0348.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0497.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Settembru 2018Avviż legali