Proċedura : 2018/2841(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0371/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0371/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.2
CRE 13/09/2018 - 10.2

Testi adottati :

P8_TA(2018)0345

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 450kWORD 58k
12.9.2018
PE624.080v01-00}
PE624.083v01-00}
PE624.085v01-00}
PE624.088v01-00}
PE624.089v01-00}
PE624.090v01-00}
PE624.091v01-00} RC1
 
B8-0371/2018}
B8-0374/2018}
B8-0376/2018}
B8-0379/2018}
B8-0380/2018}
B8-0381/2018}
B8-0382/2018} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8-0371/2018 (Verts/ALE)

B8-0374/2018 (ECR)

B8-0376/2018 (S&D)

B8-0379/2018 (EFDD)

B8-0380/2018 (GUE/NGL)

B8-0381/2018 (PPE)

B8-0382/2018 (ALDE)


dwar il-Myanmar, b'mod partikolari l-każ tal-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo (2018/2841(RSP))


Cristian Dan Preda, Ramona Nicole Mănescu, Elmar Brok, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Jaromír Štětina, Laima Liucija Andrikienė, Krzysztof Hetman, Eduard Kukan, Patricija Šulin, Tomáš Zdechovský, Marijana Petir, Tunne Kelam, Elisabetta Gardini, Roberta Metsola, Csaba Sógor, Romana Tomc, Željana Zovko, Cristian-Silviu Buşoi, Giovanni La Via, Pavel Svoboda, Ivan Štefanec, Bogdan Brunon Wenta, József Nagy, Adam Szejnfeld, Stanislav Polčák, Tadeusz Zwiefka, Michaela Šojdrová, Joachim Zeller, Sandra Kalniete, Francis Zammit Dimech, David McAllister, Seán Kelly, Ivana Maletić, Deirdre Clune, Dubravka Šuica, Ivo Belet, Andrey Kovatchev, Anna Záborská, László Tőkés, Milan Zver, Tokia Saïfi, Inese Vaidere f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Soraya Post, Neena Gill f'isem il-Grupp S&D
Ryszard Czarnecki, Charles Tannock, Amjad Bashir, Karol Karski, Ruža Tomašić, Monica Macovei, Branislav Škripek, Sajjad Karim, Raffaele Fitto, Pirkko Ruohonen-Lerner, Jan Zahradil, Jana Žitňanská f'isem il-Grupp ECR
Urmas Paet, Izaskun Bilbao Barandica, Ilhan Kyuchyuk, Valentinas Mazuronis, Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Filiz Hyusmenova, Gérard Deprez, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Patricia Lalonde, Louis Michel, Javier Nart, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Robert Rochefort, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Younous Omarjee, Marie-Christine Vergiat, Patrick Le Hyaric, Kateřina Konečná, Merja Kyllönen, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Dimitrios Papadimoulis, Stelios Kouloglou, Barbara Spinelli, Miguel Urbán Crespo f'isem il-Grupp GUE/NGL
Barbara Lochbihler, Jean Lambert, Judith Sargentini, Ernest Urtasun, Pascal Durand f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Myanmar, b'mod partikolari l-każ tal-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo (2018/2841(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Myanmar u dwar is-sitwazzjoni tar-Rohingya, b'mod partikolari dawk adottati fl-14 Ġunju 2018(1), l-14 ta' Diċembru 2017(2), l-14 ta' Settembru 2017(3), is-7 ta' Lulju 2016(4) u l-15 ta' Diċembru 2016(5),

  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-3 ta' Settembru 2018 dwar l-issentenzjar lill-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo u dik tad-9 ta' Lulju 2018 dwar il-prosekuzzjoni ta' żewġ ġurnalisti tar-Reuters fil-Myanmar,

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Ottubru 2017 u tas-26 ta' Frar 2018 dwar il-Myanmar,

  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill (PESK) 2018/655 tas-26 ta' April 2018(6) u (PESK) 2018/900 tal-25 Ġunju 2018(7) fejn impona miżuri restrittivi ulterjuri fuq il-Myanmar, saħħaħ l-embargo tal-armi tal-UE u mmira l-armata u l-uffiċjali tal-pulizija tal-gwardja tal-fruntiera tal-Myanmar,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Missjoni Indipendenti Internazzjonali ta' Gbir ta' Informazzjoni dwar il-Myanmar tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti tal-24 ta' Awwissu 2018, li se jiġi ppreżentat fid-39 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU mill-10 sat-28 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-3 ta' Settembru 2018 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Michelle Bachelet,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Konsultattiva dwar l-Istat ta' Rakhine mmexxija minn Kofi Annan,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

  wara li kkunsidra d-dritt umanitarju internazzjonali, il-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-Protokolli tagħhom u l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UDHR) tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Karta tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitt tat-23 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Awla Preliminari I tal-QKI tas-6 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-12 ta' Diċembru 2017 żewġ ġurnalisti, Wa Lone u Kyaw Soe Oo, ġew arrestati arbitrarjament u miżmuma abbażi ta' allegazzjonijiet ta' rappurtar ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa mit-Tatmadaw (Forzi Armati tal-Myanmar) fl-Istat ta' Rakhine;

B.  billi l-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo ġew sussegwement ikkundannati taħt l-Atti dwar is-Sigrieti Uffiċjali tal-1923; billi fit-3 ta' Settembru ġew issentenzjati minn qorti fil-Myanmar għal seba' snin ħabs; filwaqt li din il-kawża storika timmina ulterjorment il-libertà tal-espressjoni, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fil-Myanmar;

C.  billi d-diplomatiċi tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Membri tal-UE kienu fost il-ħafna osservaturi internazzjonali preżenti f'kull seduta tal-qorti sa minn meta l-ġurnalisti kienu arrestati fit-12 ta' Diċembru 2017 u kontinwament qajmu l-kwistjoni mal-Gvern tal-Myanmar;

D.  billi l-atturi tas-soċjetà ċivili, inklużi l-ġurnalisti, l-avukati u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, li jesprimu opinjonijiet kritiċi dwar l-awtoritajiet tal-Myanmar, notevolment it-Tatmandaw u forzi tas-sigurtà oħrajn tal-Myanmar u dwar l-atti mwettqa minnhom fl-Istat ta' Rakhine, huma allegatament arrestati, miżmuma jew iffastidjati arbitrarjament; billi l-kopertura tal-midja tal-vjolenza fl-Istat ta' Rakhine hija kkontrollata b'mod strett mill-militar u mill-gvern;

E.  billi l-attivista tad-drittijiet tal-bniedem Rohingya Wai Nu, li ġiet impriġunata mill-età ta' 18-il sena sakemm kellha 25 sena, tibqa' waħda mill-ħafna eżempji ta' attivisti fil-mira tal-awtoritajiet tal-Myanmar;

F.  billi dak li qabel kien suldat tifel, Aung Ko Htwe, qed iservi sentenza ta' sentejn u sitt xhur ħabs f'konnessjoni ma' intervista fil-midja li hu ta dwar l-esperjenzi tiegħu fil-militar tal-Myanmar; billi kien issentenzjat taħt it-Taqsima 505(b) tal-Kodiċi Penali tal-Myanmar, li hija dispożizzjoni bi kliem vag li ta' spiss kienet użata biex tikser il-libertà tal-espressjoni;

G.  billi għexieren ta' ġurnalisti ġew allegatament arrestati u miżmuma sa mill-2016; billi l-awtoritajiet tal-Myanmar jużaw għadd ta' liġijiet repressivi, inkluż l-Att dwar is-Sigrieti Uffiċjali, biex jarrestaw, iżommu, jissilenzjaw jew jinfastidixxu lil atturi tas-soċjetà ċivili, ġurnalisti, avukati u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jesprimu opinjonijiet kritiċi dwar il-Gvern tal-Myanmar jew dwar il-forzi tas-sigurtà tiegħu; billi l-Myanmar ikklassifika fil-159 post minn 198 pajjiż fil-klassifika tal-Libertà tal-Istampa tal-Freedom House tal-2017;

H.  billi r-rapport tal-24 ta' Awwissu 2018 tal-Missjoni Indipendenti Internazzjonali ta' Ġbir ta' Informazzjoni dwar il-Myanmar (IIFFMM), b'mandat min-NU, jikkonkludi li l-aktar ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u l-iktar delitti serji taħt id-dritt internazzjonali, inkluż il-ġenoċidju, id-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra, twettqu fl-Istati ta' Kachin, Rakhine u Shan mit-Tatmadaw, il-forza tal-pulizija tal-Myanmar, in-NaSaKa (li qabel kienu l-Kwartieri Ġenerali tal-Kontroll tal-Immigrazzjoni taż-Żona tal-Fruntiera), il-pulizija ta' gwardji tal-fruntieri tal-Myanmar u gruppi armati mhux statali; billi r-rapport jiddikjara wkoll li l-Armata tas-Salvazzjoni ta' Arakan Rohingya wettqet attakki kkoordinati fuq bażi militari u diversi postijiet tal-forza tas-sigurtà madwar it-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine biex iżżid il-pressjoni fuq il-komunitajiet Rohingya; billi r-rapport ikompli jitlob li kmandanti militari għolja fil-Myanmar u lil dawk responsabbli tad-delitti ta' atroċità kontra persuni Rohingya jiġu investigati u pproċessati internazzjonalment; billi l-Myanmar irrifjuta dawn is-sejbiet;

I.  billi r-rapport tal-IFFFMM jiddikjara li l-Kunsillier Statali tal-Myanmar, il-Premju Nobel għall-Paċi u r-rebbieħa tal-Premju Sakharov, Aung San Suu Kyi, naqset milli tuża l-pożizzjoni de facto tagħha bħala Kap tal-Gvern jew l-awtorità morali tagħha biex twaqqaf jew tipprevjeni l-avvenimenti li qed iseħħu fl-Istat ta' Rakhine; billi l-awtoritajiet ċivili taw ukoll kontribut għat-twettiq ta' delitti ta' atroċità permezz tal-atti u l-omissjonijiet tagħhom, b'mod speċifiku permezz tat-tixrid ta' narrattivi foloz, iċ-ċaħda tal-imġiba ħażina tat-Tatmadaw, l-imblukkar ta' investigazzjonijiet indipendenti u s-sorveljanza tal-qerda tal-evidenza;

J.  billi fit-8 ta' Settembru 2018 il-QKI kkonfermat li l-Qorti tista' teżerċita ġurisdizzjoni fuq l-allegata deportazzjoni tar-Rohingya mill-Myanmar lejn il-Bangladesh;

K.  billi ntużaw pjattaformi ta' midja soċjali fil-Myanmar biex jinxterdu kampanji ta' malafama u teoriji ta' komplott li jimmiraw lir-Rohingya u lill-Musulmani fil-pajjiż;

L.  billi r-Rohingya jirrappreżentaw l-akbar perċentwal ta' Musulmani fil-Myanmar, u l-maġġoranza tagħhom tgħix fl-Istat ta' Rakhine; billi stimi konservattivi jagħtu rata ta' mwiet ta' 10 000 persuna; billi minn Awwissu 2017, aktar minn 700 000 persuna Rohingya ħarbu għas-sigurtà lejn il-Bangladesh, li minnhom madwar 500 000 huma tfal, li l-biċċa l-kbir tagħhom ivvjaġġaw waħedhom wara li l-ġenituri tagħhom inqatlu jew wara li kienu separati mill-familji tagħhom;

 

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-arrest arbitrarju u l-issentenzjar tal-ġurnalisti Wa Lone u Kyaw Soe Oo talli rrapportaw dwar is-sitwazzjoni fl-Istat ta' Rakhine; jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jeħilsuhom immedjatament u inkondizzjonalment u jwaqqgħu l-akkużi kollha kontrihom u kontra l-persuni kollha detenuti arbitrarjament, inklużi priġunieri politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u ħaddiema tal-midja, sempliċement talli eżerċitaw id-drittijiet u l-libertajiet tagħhom;

2.  Jikkundanna l-atti kollha ta' intimidazzjoni, fastidju jew restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni, b'mod partikolari mill-militar u mill-forzi tas-sigurtà tal-Myanmar: jissottolinja li l-libertà tal-midja u l-ġurnaliżmu kritiku huma pilastri essenzjali tad-demokrazija, billi jippromwovu l-governanza tajba, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jiżguraw kundizzjonijiet adegwati għall-ġurnalisti u l-ħaddiema tal-midja biex iwettqu xogħolhom mingħajr biża' ta' intimidazzjoni jew fastidju, arrest jew prosekuzzjoni indebiti;

3.  Itenni l-appell tiegħu lill-Gvern tal-Myanmar li jreġġa' lura d-deċiżjoni tiegħu li jtemm il-kooperazzjoni tiegħu mar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar u jagħti aċċess sħiħ u bla xkiel għall-Istat ta' Rakhine lill-organizzazzjonijiet tal-midja domestiċi u internazzjonali, lill-osservaturi indipendenti u lill-organizzazzjonijiet umanitarji, b'mod partikolari lir-Rapporteur Speċjali tan-NU, u jiżgura s-sikurezza tal-persunal tal-midja;

4.  Jesprimi tħassib serju rigward l-abbuż ta' dispożizzjonijiet legali repressivi li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni; jistieden lill-awtoritajiet tal-Myanmar jirrevokaw, jirrieżaminaw jew jemendaw il-liġijiet kollha, inkluż l-Att dwar is-Sigrieti Uffiċjali tal-1923, li mhumiex konformi mal-istandards internazzjonali u li jikkriminalizzaw u jiksru d-dritt għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni; jistieden lill-Gvern tal-Myanmar jiżgura li l-leġiżlazzjoni kollha hija f'konformità mal-istandards u l-obbligi internazzjonali;

5.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki mifruxa u sistematiċi kontra l-poplu Rohingya li jinsab fl-Istati ta' Kachin, Rakhine u Shan mit-Tatmadaw u forzi tas-sigurtà oħra tal-Myanmar, li skont l-IIFFMM, jammontaw għal ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra – li huma l-aktar abbużi u ksur serji fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jinsab imħasseb profondament dwar il-gravità u l-iskala dejjem jikbru tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem permessi mill-Gvern tal-Myanmar;

6.  Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu lill-poplu Rohingya; jappella għal darb'oħra lill-Gvern tal-Myanmar u lill-forzi tas-sigurtà jwaqqfu b'mod immedjat il-ksur, il-qtil, il-qerda tal-proprjetà u l-vjolenza sesswali li qed iseħħu bħalissa kontra l-poplu Rohingya u l-minoranzi etniċi fit-Tramuntana tal-Myanmar u jiżguraw li s-sigurtà u l-istat tad-dritt jipprevalu fil-Myanmar, b'mod partikolari fl-Istati ta' Rakhine, Kachin u Shan; ifakkar lill-awtoritajiet tal-Myanmar dwar l-obbligi internazzjonali tagħhom għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Myanmar u lill-Kunsilliera tal-Istat, Aung San Suu Kyi, jikkundannaw b'mod inekwivoku kull inċitament għall-mibegħda u jiġġieldu d-diskriminazzjoni soċjali u l-ostilitajiet fil-konfront tal-poplu Rohingya u tal-gruppi oħra ta' minoranza;

7.  Jieħu nota tas-sejbiet tal-IIFFMM u jappoġġa r-rakkomandazzjonijiet tagħha; jilqa' d-deċiżjoni reċenti li l-QKI tista' teżerċita ġurisdizzjoni fil-konfront tal-allegata deportazzjoni tal-poplu Rohingya mill-Myanmar lejn il-Bangladesh; jirrikonoxxi, madankollu, li għadu meħtieġ rinviju mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (KSNU) għall-QKI għal investigazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni sħiħ tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kap Prosekutur tal-QKI jiftaħ investigazzjoni preliminari f'dan ir-rigward; jistieden lill-KSNU jirreferi s-sitwazzjoni fil-Myanmar lill-QKI mingħajr dewmien; jappoġġja l-appelli tal-IIFFMM u tad-Deputati tal-ASEAN għad-Drittijiet tal-Bniedem (APHR) għall-ġenerali militari responsabbli biex jiġu investigati u pproċessati;

8.  Jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jfittxu l-obbligu ta' rendikont fil-fora multilaterali għal dawk responsabbli mid-delitti fil-Myanmar; jappella lill-UE u lill-Istati Membri jieħdu rwol ta' tmexxija fil-KSNU dwar ir-reazzjoni rikjesta biex jirreferu s-sitwazzjoni lill-QKI, kif ukoll jieħdu rwol ta' tmexxija fl-Assemblea Ġenerali tan-NU u fid-39 sessjoni li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jżidu l-isforzi tagħhom għall-istabbiliment urġenti ta' mekkaniżmu internazzjonali, imparzjali u indipendenti tal-obbligu ta' rendikont biex jappoġġja l-investigazzjonijiet fid-delitti allegati ta' atroċità u l-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli;

9.  Itenni l-appell tiegħu lill-KSNU biex jimponi embargo tal-armi globali u komprensiv fuq il-Myanmar, li jissospendi l-provvisti diretti u indiretti kollha, il-bejgħ jew it-trasferimenti, inklużi t-tranżitu u t-trażbord tal-armi, il-munizzjon kollu u tagħmir militari u ta' sigurtà ieħor, kif ukoll il-forniment ta' taħriġ jew assistenza militari jew ta' sigurtà oħrajn; iħeġġeġ lill-KSNU jadotta sanzjonijiet individwali mmirati, inklużi projbizzjonijiet fuq vjaġġar u iffriżar tal-assi, kontra dawk li jidher li huma responsabbli għal delitti serji skont id-dritt internazzjonali;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tiftaħ investigazzjoni taħt il-mekkaniżmi pprovduti fil-ftehim "Kollox Ħlief Armi", bil-għan li tirrieżamina l-preferenzi kummerċjali li minnhom jibbenefika l-Myanmar;

11.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill fis-26 ta' April 2018 ta' qafas legali għal miżuri restrittivi mmirati kontra uffiċjali responsabbli għal ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem u t-tisħiħ tal-embargo tal-armi tal-UE u l-ewwel lista ta' nomini stabbilita fil-25 ta' Ġunju 2018; iħeġġeġ lill-Kunsill jimponi projbizzjonijiet fuq vjaġġar, sanzjonijiet finanzjarji mmirati u ffriżar tal-assi kontra uffiċjali tal-Myanmar identifikati mill-IIFFMM bħala responsabbli għal delitti ta' atroċità;

12.  Ifakkar li eluf ta' persuni Rohingya, li ħafna minnhom huma tfal, huma spostjati internament u fi bżonn urġenti ta' protezzjoni u assistenza umanitarja; jappella għal aċċess immedjat, bla xkiel u ħieles fil-pajjiż kollu għat-twassil tal-għajnuna umanitarja; jinsisti li l-Gvern tal-Myanmar jiggarantixxi r-ritorn sikur, volontarju u dinjituż, bis-sorveljanza sħiħa min-NU, lil dawk li jridu jirritornaw f'arthom;

13.  Jappella lill-UE, lill-Istati Membri tagħha u lill-komunità internazzjonali biex jindirizzaw il-ħtieġa ta' assistenza umanitarja miżjuda u fit-tul lill-poplu Rohingya fil-Bangladexx u l-komunitajiet ospitanti tagħhom;

14.  Ifakkar li l-istupru u l-vjolenza sesswali kienu karatteristiċi rikorrenti tal-immirar tal-popolazzjoni ċivili fl-Istati ta'' Kachin, Rakhine u Shan; jappella lill-UE, b'mod partikolari lid-dipartiment tal-Kummissjoni għall-Protezzjoni Ċivili u l-Operazzjonijiet tal-Għajnuna Umanitarja Ewropej (ECHO), u lill-Istati Membri biex jiggarantixxu titjib tal-protezzjoni minn vjolenza sessista fuq il-bniet u n-nisa Rohingya;

15.  Ifakkar fil-ħtieġa għall-provvista ta' assistenza medika u psikoloġika fil-kampijiet tar-rifuġjati, b'mod partikolari assistenza magħmula apposta għal gruppi vulnerabbli, inklużi n-nisa u t-tfal; jappella għal aktar servizzi ta' appoġġ għall-vittmi ta' stupru u attakki sesswali;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Myanmar, lill-Kunsillier tal-Istat Aung San Suu Kyi, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bangladesh, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tal-ASEAN, lill-Kummissjoni Intergovernattiva dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-ASEAN, lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati u lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU.

 

 

 

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2018)0261.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0500.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0351.

(4)

ĠU C 101, 16.3.2018, p. 134.

(5)

ĠU C 238, 6.7.2018, p. 112.

(6)

ĠU L 108, 27.4.2018, p. 29.

(7)

ĠU L 160I , 25.6.2018, p. 9.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Settembru 2018Avviż legali