Proċedura : 2018/2849(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0384/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0384/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2018 - 10.9

Testi adottati :

P8_TA(2018)0351

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 420kWORD 53k
12.9.2018
PE624.093v01-00}
PE624.094v01-00}
PE624.096v01-00}
PE624.098v01-00} RC1
 
B8-0384/2018}
B8-0385/2018}
B8-0387/2018}
B8-0389/2018} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8‑0384/2018 (Verts/ALE)

B8‑0385/2018 (ALDE)

B8‑0387/2018 (S&D)

B8‑0389/2018 (GUE/NGL)


dwar it-theddida ta' demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u ta' villaġġi Bedwini oħra (2018/2849(RSP))


Elena Valenciano, Soraya Post, Arne Lietz, Knut Fleckenstein, Pier Antonio Panzeri, Eugen Freund, Linda McAvan f'isem il-Grupp S&D
Ivo Vajgl f'isem il-Grupp ALDE
Martina Anderson, Martina Michels, Merja Kyllönen, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Lola Sánchez Caldentey, Estefanía Torres Martínez, Sofia Sakorafa, Neoklis Sylikiotis, Takis Hadjigeorgiou f'isem il-Grupp GUE/NGL
Tamás Meszerics, Margrete Auken f'isem il-Grupp Verts/ALE
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Rosa D’Amato, Laura Agea

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-theddida ta' demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u ta' villaġġi Bedwini oħra (2018/2849(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) Federica Mogherini tas-7 ta' Settembru 2018 dwar l-aħħar żviluppi rigward id-demolizzjoni ppjanata ta' Khan al-Ahmar,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar id-Dritt Umanitarju Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta ta' Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja, u r-Renju Unit tal-10 ta' Settembru 2018 dwar Khan al-Ahmar,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1949, b'mod partikolari l-Artikoli 49, 50, 51 u 53 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Sitt Xhur dwar id-Demolizzjonijiet u l-Konfiski ta' strutturi ffinanzjati mill-UE fix-Xatt tal-Punent inkluż Ġerusalemm tal-Lvant, Jannar-Ġunju 2018, ippubblikat mis-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna (SEAE) fl-24 ta' Awwissu 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-5 ta' Settembru 2018 il-Qorti Superjuri Iżraeljana ċaħdet il-petizzjonijiet mir-residenti ta' Khan al-Ahmar; billi l-Qorti Superjuri ddeċidiet li l-awtoritajiet rilevanti huma awtorizzati jeżerċitaw il-pjan ta' rilokazzjoni tar-residenti ta' Jahalin tal-Punent; billi l-Qorti Superjuri ppermettiet lill-awtoritajiet Iżraeljani jipproċedu bil-pjanijiet għad-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar;

B.  billi Khan al-Ahmar huwa wieħed mis-46 komunità Bedwina li n-NU tqis li tinsab f'riskju ta' trasferiment bil-forza fix-Xatt tal-Punent ċentrali; billi din il-komunità hija magħmula minn 32 familja u 173 persuna b'kollox, u 92 minnhom huma minuri; billi l-armata Iżraeljana ħarġet ordnijiet ta' demolizzjoni għall-istrutturi kollha fil-villaġġ;

C.  billi fl-2010 il-Qorti Superjuri Iżraeljana ddeċidiet li r-raggruppament sħiħ ta' strutturi ta' Khan al-Ahmar kien inbena illegalment, bi ksur tal-liġijiet tal-ippjanar u t-tqassim taż-żoni, u b'hekk kellu jiġi ddemolit; billi l-Qorti Superjuri enfasizzat ukoll li l-awtoritajiet Iżraeljani kellhom bżonn isibu alternattiva xierqa għall-iskola u għar-residenti tal-komunità; billi l-istat ta' Iżrael iddikjara bil-miktub dak li se jipprovdi lil dawk il-familji li jmorru joqogħdu f'Jahalin tal-Punent (Abu Dis), bil-prospett li jiżviluppa sit ieħor ta' rilokazzjoni lejn il-lvant ta' Ġeriko; billi l-komunità kkonċernata ta' Khan al-Ahmar rrifjutat li tkun spostata;

D.  billi t-trasferiment bil-forza ta' residenti ta' territorju okkupat, sakemm is-sigurtà tal-popolazzjoni jew ir-raġunijiet militari imperattivi jitolbu hekk, huwa pprojbit skont ir-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra, u jikkostitwixxi ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali;

E.  billi l-awtoritajiet ta' Iżrael jimponu reġim dwar il-bini restrittiv immens fuq ir-residenti Palestinjani fiż-Żona C fix-Xatt tal-Punent; billi dan ir-reġim jagħmilha kważi impossibbli li l-attivitajiet Palestinjani ta' bini jkunu legali fiż-żona, u jintuża bħala mezz għall-evizzjoni tal-Palestinjani u għall-espansjoni ta' attivitajiet ta' insedjament; billi l-insedjamenti Iżraeljani huma illegali skont id-dritt internazzjonali u jikkostitwixxu ostaklu ewlieni għall-isforzi favur il-paċi; billi, skont id-dritt internazzjonali, kwalunkwe parti terza, inklużi l-Istati Membri tal-UE, għandha dmir li ma tirrikonoxxix, ma tgħinx jew ma tassistix lill-insedjamenti f'territorju okkupat, kif ukoll dmir li topponihom b'mod effikaċi;

F.  billi Khan al-Ahmar jinsab fiż-żona tal-kurutur E1 fix-Xatt tal-Punent okkupat; billi ż-żamma tal-istatus quo f'din iż-żona hija ta' importanza fundamentali għall-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u għall-istabbiliment ta' stat Palestinjan kontigwu u vijabbli fil-futur; billi l-Parlament oppona ripetutament kull azzjoni li ddgħajjef il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u ħeġġeġ liż-żewġ naħat juru, permezz ta' politiki u azzjonijiet, impenn ġenwin lejn soluzzjoni ta' żewġ stati sabiex tinbena mill-ġdid il-fiduċja;

G.  billi 10 Stat Membru tal-UE qed jappoġġjaw programmi umanitarji f'Khan al-Ahmar, inkluża l-kostruzzjoni ta' skola primarja, u valur stmat ta' EUR 315 000 f'assistenza umanitarja ffinanzjata mill-UE issa jinsab f'riskju;

H.  billi, skont l-Uffiċċju tar-Rappreżentant tal-UE fil-Palestina, il-qerda u l-konfiska ta' proprjetà Palestinjana fix-Xatt tal-Punent okkupat, inkluża Ġerusalemm tal-Lvant, komplew fl-ewwel nofs tal-2018; billi d-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar toħloq ir-riskju li jinħolqu preċedenti għal għexieren ta' komunitajiet Bedwini oħra madwar ix-Xatt tal-Punent;

1.  Jingħaqad mal-VP/RGħ, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u r-Renju Unit fis-sejħa tagħhom lill-Gvern Iżraeljan biex jirrinunzja l-pjan ta' rilokazzjoni li jwassal għad-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u t-trasferiment bil-forza tal-popolazzjoni tiegħu f'post ieħor; jisħaq fuq l-importanza kbira li l-UE tkompli titkellem b'vuċi waħda dwar din il-kwistjoni;

2.  Iwissi lill-awtoritajiet Iżraeljani li d-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar u t-trasferiment bil-forza tar-residenti tiegħu jikkostitwixxu ksur gravi tad-dritt umanitarju internazzjonali;

3.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tad-demolizzjoni ta' Khan al-Ahmar, li tkompli thedded il-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati u timmina l-prospetti għall-paċi; Itenni li l-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-vijabbiltà tas-soluzzjoni ta' żewġ stati hija l-prijorità immedjata tal-politiki u tal-azzjoni tal-UE fir-rigward tal-kunflitt bejn Iżrael u l-Palestina u tal-proċess ta' paċi fil-Lvant Nofsani;

4.  Jinsisti li - jekk iseħħu d-demolizzjoni u l-evizzjoni ta' Khan al-Ahmar - ir-risposta tal-UE trid tkun proporzjonata mas-serjetà ta' dan l-iżvilupp u konsistenti mal-appoġġ li dejjem tat lill-komunità ta' Khan al-Ahmar. jistieden lill-VP/RGħ tagħti spinta lill-involviment tal-UE mal-awtoritajiet Iżraeljani fir-rigward tar-rispett sħiħ għad-drittijiet tal-popolazzjoni Palestinjana fiż-Żona C u titlob kumpens mill-Iżrael għall-qerda tal-infrastruttura ffinanzjata mill-UE;

5.  Jitlob li l-Gvern Iżraeljan iwaqqaf minnufih il-politika tiegħu ta' theddid ta' demolizzjoni u evizzjoni reali kontra l-komunitajiet Bedwini li jgħixu fin-Negev u fiż-Żona C fix-Xatt tal-Punent okkupat; jenfasizza li d-demolizzjoni ta' djar, skejjel u infrastruttura vitali oħra fit-territorju Palestinjan okkupat hija illegali skont id-dritt umanitarju internazzjonali;

6.  Ifakkar li Iżrael huwa kompletament responsabbli għall-għoti tas-servizzi neċessarji, inklużi l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-assistenza soċjali, għall-persuni li jgħixu taħt l-okkupazzjoni tiegħu, f'konformità mar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra;

7.  Jibqa' konvint bis-sħiħ li l-unika soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt fil-Lvant Nofsani hija dik ta' żewġ stati demokratiċi, Iżrael u l-Palestina, f'koeżistenza paċifika fi ħdan fruntieri sikuri u rikonoxxuti, abbażi tal-fruntieri tal-1967 u b'Ġerusalemm bħala l-kapitali taż-żewġ stati; jikkundanna kwalunkwe deċiżjoni jew azzjoni unilaterali li tista' tipperikola l-prospettivi ta' din is-soluzzjoni;

8.  Jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex b'mod immedjat itemmu u jreġġgħu lura l-politika ta' insedjament tagħhom; jitlob li l-UE tibqa' soda dwar din il-kwistjoni;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Koordinatur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, lill-Knesset u lill-Gvern ta' Iżrael, lill-President tal-Awtorità Palestinjana u lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan.

 

Aġġornata l-aħħar: 13 ta' Settembru 2018Avviż legali