Proċedura : 2018/2900(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0551/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0551/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0475

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 425kWORD 54k
28.11.2018
PE631.544v01-00}
PE631.545v01-00} RC1
 
B8-0551/2018}
B8-0552/2018} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8‑0551/2018 (PPE, ALDE)

B8‑0552/2018 (S&D, GUE/NGL, Verts/ALE)


dwar l-iskandlu cum-ex: il-kriminalità finanzjarja u l-lakuni fil-qafas legali kurrenti (2018/2900(RSP))


Markus Ferber, Dariusz Rosati f'isem il-Grupp PPE
Pervenche Berès, Peter Simon, Jeppe Kofod

f'isem il-Grupp S&D

 
Nils Torvalds f'isem il-Grupp ALDE
Miguel Urbán Crespo, Dimitrios Papadimoulis, Martin Schirdewan, Patrick Le Hyaric, Marie‑Pierre Vieu, Stelios Kouloglou, Kateřina Konečná, Jiří Maštálka, Paloma López Bermejo, Merja Kyllönen, Matt Carthy, Emmanuel Maurel, Kostadinka Kuneva, Marie‑Christine Vergiat, Marisa Matias f'isem il-Grupp GUE/NGL
Sven Giegold f'isem il-Grupp Verts/ALE
Monica Macovei

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-iskandlu cum-ex: il-kriminalità finanzjarja u l-lakuni fil-qafas legali kurrenti (2018/2900(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rivelazzjonijiet dwar in-negozju cum-ex magħmula minn konsorzju ta' ġurnalisti investigattivi mmexxija mill-organizzazzjoni tal-midja Ġermaniża mingħajr skop ta' qligħ CORRECTIV fit-18 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2014/107/UE tad-9 ta' Diċembru 2014 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (DAC2)(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal-25 ta' Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni fir-rigward ta' arranġamenti transkonfinali rapportabbli (DAC6)(2),

–  wara li kkunsidra r-Raba' Kumitat ta' Inkjesta tal-Bundestag Ġermaniż li investiga l-iskandlu, u li ppubblika rapport(3) f'Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015(4) u tas-6 ta' Lulju 2016(5) dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-Taxxa fuq il-Kumpaniji fi ħdan l-Unjoni(6),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(7),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tal-1 ta' Marzu 2018 dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar il-kriminalità finanzjarja, l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa (TAX3), u d-definizzjoni tar-responsabbiltajiet, il-kompożizzjoni u l-mandat tiegħu (8)

–  wara li kkunsidra d-dibattitu fil-plenarja tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2018 dwar l-iskandlu cum-ex,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa tal-Kumitati konġunti ECON/TAX3 tiegħu tas-26 ta' Novembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-terminu "cum ex" – jew skemi ta' negozju ta' arbitraġġ tad-dividendi – jirreferi għall-prattika tan-negozju ta' ishma b'tali mod li l-identità tas-sid reali tibqa' moħbija u li ż-żewġ partijiet jew aktar involuti jkunu jistgħu jitolbu ribassi tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali li tkun tħallset darba biss;

B.  billi l-iskandlu cum-ex inkixef lill-pubbliku permezz ta' investigazzjoni kollaborattiva bejn għadd ta' kumpaniji tal-midja tal-aħbarijiet Ewropej li kienu jinvolvu 12-il pajjiż u 38 ġurnalist;

C.  billi huwa rrappurtat li 11-il Stat Membru tilfu sa EUR 55,2 biljun fi dħul mit-taxxa bħala riżultat tal-iskema;

D.  billi, għalkemm huwa diffiċli li dak li jkun jikkalkola l-ammont massimu tad-danni mġarrba, ladarba ħafna azzjonijiet bdew lejn l-aħħar tad-disgħinijiet u ilhom żmien twil preskritti;

E.  billi l-investigazzjoni mill-konsorzju ta' ġurnalisti Ewropej tidentifika l-Ġermanja, id-Danimarka, Spanja, l-Italja u Franza bħala huma s-swieq ewlenin li allegatament huma fil-mira għal prattiki ta' negozju cum-ex, segwiti min-Norveġja, il-Finlandja, il-Polonja, id-Danimarka, in-Netherlands, l-Awstrija u r-Repubblika Ċeka, u billi dawn il-prattiki potenzjalment jinvolvu għadd mhux magħruf ta' Stati Membri tal-UE kif ukoll pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (l-Iżvizzera, pereżempju);

F.  billi għadhom għaddejjin investigazzjonijiet fl-Istati Membri tal-UE l-aktar milquta;

G.  billi l-iskemi cum ex għandhom uħud mill-karatteristiċi tal-frodi tat-taxxa, u billi jeħtieġ li jiġi vvalutat jekk kienx hemm ksur tal-liġijiet nazzjonali jew ta' dawk tal-UE;

H.  billi ġie rrappurtat li dawn il-prattiki kriminali jinvolvu istituzzjonijiet finanzjarji ta' Stati Membri tal-UE, fosthom diversi banek kummerċjali kbar u magħrufin;

I.  billi r-rapport finali tar-Raba' Kumitat ta' Inkjesta tal-Bundestag ikkonkluda, flimkien mal-qrati Ġermaniżi, li prattiki tat-taxxa bħal tranżazzjonijiet cum-ex li jinvolvu bejgħ bin-nieqes huma illegali, u li l-Assoċjazzjoni tal-Banek Ġermaniżi kienet kompliet għarrqet il-problema minflok ma għenet biex issolviha;

J.  billi f'xi każijiet l-awtoritajiet rilevanti ma wettqux investigazzjonijiet fil-fond rigward l-informazzjoni kondiviża minn Stati Membri oħra dwar l-iskandlu cum-ex;

K.  billi l-fatt li investituri barranin huma intitolati jitolbu rifużjoni tat-taxxi minn ras il-għajn fuq id-dividendi għandu rwol ċentrali fir-rivelazzjonijiet;

L.  billi, minn Settembru 2017 'il hawn, it-tieni Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC2) tirrikjedi li l-Istati Membri tal-UE jiksbu informazzjoni mingħand l-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom u jaqsmuha mal-Istat Membru ta' residenza tal-kontribwenti fuq bażi annwali;

M.  billi s-sitt Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva (DAC6) tirrikjedi li kwalunkwe persuna li tfassal, tikkummerċjalizza, torganizza, tagħmel disponibbli għall-implimentazzjoni jew timmaniġġja l-implimentazzjoni ta' arranġament transfruntier rapportabbli u li jissodisfa karatteristiċi definiti minn qabel, tirrapporta dawk l-arranġamenti lill-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa;

N.  billi l-mandat tal-Kumitat Speċjali dwar il-Kriminalità Finanzjarja, l-Evażjoni tat-Taxxa u l-Evitar tat-Taxxa (TAX3) espliċitament ikopri kwalunkwe żvilupp rilevanti fi ħdan il-kompiti tal-Kumitat li jitfaċċa matul il-mandat tiegħu;

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-forsi tat-taxxa li nkixef li wassal għal telf irrappurtat pubblikament ta' dħul tal-Istati Membri mit-taxxa, li jilħaq sa ammont ta' EUR 55,2 biljun skont ċerti stimi tal-midja, liema telf huwa daqqa ta' ħarta kbira għall-ekonomija tas-suq soċjali Ewropea;

2.  Jinnota bi tħassib li l-iskandlu cum-ex heżżeż il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistemi tat-taxxa, u jenfasizza kemm huwa kruċjali li nerġgħu nirbħu l-fiduċja tal-pubbliku u niżguraw li kwalunkwe dannu kkawżat ma jiġix ripetut;

3.  Jitlob li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq u l-Awtorità Bankarja Ewropea jagħmlu inkjesta dwar skemi ta' negozju ta' arbitraġġ tad-dividendi bħal cum-ex jew cum-cum ħalli jivvalutaw it-theddidiet potenzjali għall-integrità tas-swieq finanzjarji; jistabbilixxu n-natura u l-kobor tal-atturi f'dawn l-iskemi; jivvalutaw jekk kienx hemm ksur tal-liġijiet nazzjonali jew ta' dawk tal-Unjoni; jivvalutaw l-azzjonijiet meħuda mis-superviżuri finanzjarji fl-Istati Membri; u jagħmlu rakkomandazzjonijiet adatti għal riforma u għal azzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati;

4.  Jissottolinja li jidher li dawn ir-rivelazzjonijiet ġodda jindikaw nuqqasijiet possibbli fis-sistemi kurrenti tal-iskambju ta' informazzjoni u tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri; jitlob li l-Istati Membri jimplimentaw b'mod effikaċi l-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri biex jinnominaw Punti Uniċi ta' Kuntatt (SPoCs) bi qbil mat-Taskforce Internazzjonali Konġunta tal-OECD dwar l-Intelligence u l-Kollaborazzjoni Komuni, u jitlob li l-Kummissjoni tiżgura u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejniethom, bil-ħsieb li tiżgura li l-Istati Membri jaqsmu bejniethom malajr u b'mod effiċjenti l-informazzjoni dwar każijiet b'rilevanza transfruntiera;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet tat-taxxa nazzjonali jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tad-DAC6 fir-rigward tal-iskambju awtomatiku obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni bi rbit ma' arranġamenti transfruntiera rapportabbli jitlob, barra minn hekk, li d-DAC6 tiġi msaħħa sabiex tirrikjedi l-iżvelar obbligatorju ta' skemi ta' arbitraġġ ta' dividendi, inkluż l-għoti ta' rifużjonijiet tat-taxxa fuq id-dividendi u fuq il-qligħ kapitali;

7.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha li ġew identifikati bħala, allegatament, is-swieq ewlenin fil-mira għal prattiki ta' negozju ta' arbitraġġ tad-dividendi biex jinvestigaw u janalizzaw bir-reqqa l-prattiki ta' ħlas tad-dividendi fil-ġurisdizzjonijiet tagħhom, jidentifikaw il-lakuni fil-liġijiet tat-taxxa tagħhom li jiġġeneraw opportunitajiet għall-isfruttament minn dawk li jagħmlu frodi tat-taxxa u jevitaw it-taxxa, janalizzaw id-dimensjoni transfruntiera potenzjali ta' dawn il-prattiki u jtemmu kull prattika dannuża tat-taxxa;

8.  Jisħaq fuq il-ħtieġa għal azzjoni kkoordinata bejn l-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi ggarantit li l-assi kollha misruqa mit-teżor pubbliku jiġu rkuprati;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jirrevedu u jaġġornaw il-ftehimiet bilaterali dwar it-tassazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi biex jagħlqu l-lakuni li jinċentivaw prattiki tan-negozju bbażati fuq it-taxxa bil-għan li jevitawha;

10.  Jitlob li l-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni applikabbli fil-każ tal-kumpaniji prinċipali u sussidjarji ta' Stati Membri differenti, bil-għan li tindirizza l-prattiki tal-arbitraġġ tad-dividendi;

11.  Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta r-rwol ta' Vetturi bi Skopijiet Speċjali (SPVs) u ta' Entitajiet bi Skopijiet Speċjali (SPEs) li kixfu d-dokumenti tal-iskandlu cum-ex u li, fejn dan ikun f'loku, tipproponi li tillimita l-użu ta' dawn l-istrumenti;

12.  Jinnota li nstab li proporzjon kbira tal-użu ta' SPVs u SPEs fi flussi tal-investiment barrani dirett hija indikatur ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa;

13.  Jinnota l-fatt li l-kriżi finanzjarja tal-2008 rriżultat fi tnaqqis ġeneralizzat ta' riżorsi u ta' persunal fl-amministrazzjonijiet tat-taxxa; jitlob li l-Istati Membri jinvestu fl-għodod disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa u jimmodernizzawhom, u jallokaw riżorsi umani adegwati biex itejbu s-sorveljanza u jnaqqsu il-lakuni ta' ħin u ta' informazzjoni;

14.  Huwa tal-fehma li l-ħidma tal-Kumitati TAXE, TAX2, PANA u TAX3 għandha titkompla, fil-mandat Parlamentari li jmiss, fi struttura permanenti fi ħdan il-Parlament, bħal sottokumitat tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (ECON);

15.  Jitlob li l-Kumitat Speċjali TAX3 jwettaq il-valutazzjoni tiegħu dwar ir-rivelazzjonijiet cum-ex u jinkludi r-riżultati u kwalunkwe rakkomandazzjoni rilevanti fir-rapport finali tiegħu;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

 

(1)

ĠU L 359, 16.12.2014, p. 1.

(2)

ĠU L 139, 5.6.2018, p. 1.

(3)

Deutscher Bundestag, Drucksache 18/12700, 20.6.2017.

(4)

ĠU C 366, 27.10.2017, p. 51.

(5)

ĠU C 101, 16.3.2018, p. 79.

(6)

ĠU C 399, 24.11.2017, p. 74.

(7)

ĠU C 369, 11.10.2018, p. 132.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2018)0048.

Aġġornata l-aħħar: 29 ta' Novembru 2018Avviż legali