Proċedura : 2018/2975(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0582/2018

Testi mressqa :

RC-B8-0582/2018

Dibattiti :

PV 12/12/2018 - 22
PV 12/12/2018 - 23
CRE 12/12/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0530

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 429kWORD 49k
12.12.2018
PE631.605v01-00}
PE631.606v01-00} RC1
 
B8-0582/2018}
B8-0583/2018} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8-0582/2018 (PPE)

B8-0583/2018 (Verts/ALE)


dwar il-kunflitti ta' interess u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka (2018/2975(RSP))


Ingeborg GräßleIngeborg Gräßle, Petri Sarvamaa f'isem il-Grupp PPE
Evžen Tošenovský, Valdemar Tomaševski, Jan Zahradil, Ruža Tomašić, Monica Macovei f'isem il-Grupp ECR
Bart Staes, Julia Reda, Philippe Lamberts f'isem il-Grupp Verts/ALE
Dennis de Jong, Neoklis Sylikiotis, Laura Agea, Isabella Adinolfi, Tiziana Beghin, Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rosa D’Amato, Eleonora Evi, Piernicola Pedicini, Dario Tamburrano, Marco Zullo

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kunflitti ta' interess u l-protezzjoni tal-baġit tal-UE fir-Repubblika Ċeka (2018/2975(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet u r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni(1) għas-snin 2014, 2015 u 2016,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni(2) (ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid), u b'mod partikolari l-Artikolu 61 tiegħu dwar il-kunflitti ta' interess,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet mibgħuta lill-Kummissjoni mill-Partit Pirata Ċek fit-2 ta' Awwissu 2018,

–  wara li kkunsidra l-ilment uffiċjali mressaq quddiem il-Kummissjoni minn Transparency International fir-Repubblika Ċeka fid-19 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni tad-19 ta' Novembru 2018 dwar l-impatt tal-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid (kunflitti ta' interess) fuq il-pagamenti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE),

–  wara li kkunsidra l-preżentazzjoni dwar ir-regolamentazzjoni tal-kunflitti ta' interess fir-Regolament Finanzjarju 2018, mogħtija fl-20 ta' Novembru 2018 mid-Direttorat Ġenerali għall-Baġit tal-Kummissjoni lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi d-dispożizzjoni fir-Regolament Finanzjarju tal-2012 dwar il-kunflitti ta' interess ma kinitx tapplika espliċitament għall-ġestjoni kondiviża iżda l-Istati Membri kienu obbligati jiżguraw kontroll intern effettiv, inkluż li jevitaw kunflitti ta' interess;

B.  billi r-regoli dwar l-akkwist pubbliku jobbligaw lill-Istati Membri jevitaw kunflitti ta' interess (l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2014/24/UE(3)), inklużi interessi personali diretti jew indiretti u, għal sitwazzjonijiet meqjusa bħala kunflitti ta' interess jew obbligi speċifiċi fil-ġestjoni kondiviża, diġà hemm regoli fis-seħħ (pereżempju r-Regolament (UE) Nru 1303/2013(4));

C.  billi l-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu dwar ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid fis-16 ta' Lulju 2018 u l-att finali ġie ffirmat fit-18 ta' Lulju 2018; billi l-Artikolu 61 tar-Regolament Finanzjarju, li jipprojbixxi l-kunflitti ta' interess, daħal fis-seħħ fit-2 ta' Awwissu 2018;

D.  billi l-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju (flimkien mal-Artikolu 61(3)) jistipula:

(i)  obbligu negattiv fuq l-atturi finanzjarji biex jimpedixxu sitwazzjonijiet ta' kunflitti ta' interess b'rabta mal-baġit tal-UE;

(ii)  obbligu pożittiv fuq l-atturi finanzjarji biex jieħdu miżuri xierqa sabiex jimpedixxu l-kunflitti ta' interess li jirriżultaw mill-funzjonijiet taħt ir-responsabbiltà tagħhom u jindirizzaw sitwazzjonijiet li jistgħu jiġu perċepiti oġġettivament bħala kunflitt ta' interess;

E.  billi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea(5), "kunflitt ta' interess jikkostitwixxi, oġġettivament u fih innifsu, irregolarità serja mingħajr ma jkun hemm ħtieġa li dan jiġi kkwalifikat, billi jitqiesu l-intenzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati u jekk dawn kinux qed jaġixxu in bona fide"; billi l-Kummissjoni hija obbligata tissospendi l-pagamenti tal-fondi tal-UE f'każijiet meta jkun hemm nuqqas serju fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll u meta jkunu nkixfu irregolaritajiet serji li ma jkunux ġew skoperti, rappurtati u kkoreġuti b'rabta ma' kunflitt ta' interess;

F.  billi, fid-19 ta' Settembru 2018, Transparency International fir-Repubblika Ċeka ressqet ilment formali mal-Kummissjoni li fih sostniet li l-Prim Ministru Ċek, Andrej Babiš, kien kiser b'mod persistenti l-leġiżlazzjoni Ċeka u tal-UE dwar il-kunflitti ta' interess;

G.  billi ġie żvelat li s-Sur Babiš hu s-sid benefiċjarju ta' Agrofert, il-kumpanija li tikkontrolla l-grupp Agrofert – li jinkludi, fost l-oħrajn, għadd ta' mezzi tax-xandir Ċeki importanti – permezz tal-fondi fiduċjarji AB I u AB II li tagħhom hu l-fundatur u, fl-istess ħin, l-uniku benefiċjarju;

H.  billi s-Sur Babiš huwa wkoll il-President tal-Kunsill Ċek għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

I.  billi l-kumpaniji li jappartjenu għall-grupp Agrofert jieħdu sehem fi proġetti ssussidjati mill-Programm għall-Iżvilupp Rurali tar-Repubblika Ċeka, li huwa ffinanzjat mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

J.  billi l-kumpaniji li jappartjenu għall-grupp Agrofert irċevew somom sinifikanti mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej matul il-perjodu 2014-2020, li jvarjaw minn EUR 42 miljun fl-2013 għal EUR 82 miljun fl-2017;

K.  billi l-opinjoni tas-Servizz Legali tal-Kummissjoni ssostni li, fl-ewwel sitt xhur tal-2018, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul tal-uffiċjali pubbliċi Ċeki, is-Sur Babiš irċieva EUR 3.5 miljun mill-grupp Agrofert permezz tal-fondi fiduċjarji tiegħu;

L.  billi, fir-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza, l-Parlament talab ripetutament lill-Kummissjoni tħaffef il-proċedura ta' approvazzjoni tal-konformità bil-għan li tinkiseb informazzjoni dwar ir-riskju ta' kunflitt ta' interess b'rabta mal-Fond Statali għall-Intervent Agrikolu fir-Repubblika Ċeka; u billi l-Parlament enfasizza li, jekk ma jittiħdux il-miżuri meħtieġa biex jiġi evitat kunflitt ta' interess, l-awtorità Ċeka tista' tkun obbligata tirtira l-akkreditament tal-aġenzija tal-ħlas, u li dan jista' jwassal ukoll għall-applikazzjoni ta' korrezzjoni finanzjarja min-naħa tal-Kummissjoni;

M.  billi, f'Settembru 2018, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament iddeċieda li jindirizza din il-kwistjoni fil-qafas tal-proċedura annwali ta' kwittanza, b'mod partikolari fis-seduti ta' smigħ mal-Kummissarji li huma kkonċernati l-aktar;

N.  billi, f'dawn is-seduti ta' smigħ, il-Membri tal-PE ma ngħatawx tweġibiet ċari u suffiċjenti dwar il-possibbiltà ta' kunflitt ta' interess min-naħa tal-Prim Ministru Ċek;

O.  billi, fl-1 ta' Diċembru 2018, mezzi tax-xandir Ewropej bħal The Guardian, Le Monde, De Standaard u Süddeutsche Zeitung ippubblikaw informazzjoni dwar l-opinjoni legali maħruġa mis-Servizz Legali tal-Kummissjoni li tikkonferma l-kunflitt ta' interess tas-Sur Babiš;

1.  Huwa mħasseb serjament dwar in-nonkonformità tar-Repubblika Ċeka mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju fir-rigward tal-kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Ċek u r-rabtiet tiegħu mal-grupp Agrofert;

2.  Jiddeplora kwalunkwe tip ta' kunflitt ta' interess li jista' jikkomprometti l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u jimmina l-fiduċja taċ-ċittadini tal-Unjoni fil-ġestjoni xierqa ta' flus il-kontribwenti tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tapplika politika ta' tolleranza żero mingħajr standards doppji fir-rigward tal-kunflitti ta' interess ta' kwalunkwe politiku tal-UE, u li ma ssib l-ebda skuża għal dewmien fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

3.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2015(6), li fiha jinnota li l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) fetaħ investigazzjonijiet amministrattivi fir-Repubblika Ċeka b'rabta mal-proġett magħruf bħala "Stork Nest" wara allegazzjoni li kien hemm xi irregolaritajiet u "jappella lill-Kummissjoni biex tinforma lill-kumitat responsabbli tiegħu immedjatament malli titlesta l-investigazzjoni"; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 dwar il-kwittanza għas-sena finanzjarja 2016(7), li fiha "jilqa' l-fatt li l-OLAF lesta l-investigazzjoni amministrattiva tiegħu dwar il-proġett Ċek "Stork Nest"" u "jiddispjaċih li l-OLAF sab irregolaritajiet serji";

4.  Jenfasizza li minħabba l-applikabbiltà diretta tal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju dwar il-kunflitti ta' interess, dawk kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, inklużi l-kapijiet tal-gvernijiet, għandhom ir-responsabbiltà li josservaw l-obbligu tal-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u jindirizzaw sitwazzjonijiet li jistgħu oġġettivament jiġu perċepiti bħala kunflitti ta' interess;

5.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni baqgħet passiva għal żmien twil, minkejja li kien hemm indikazzjonijiet b'saħħithom sa mill-2014 li s-Sur Babiš kellu kunflitt ta' interess fir-rwol tiegħu bħala Ministru tal-Finanzi u, aktar tard, bħala Prim Ministru;

6.  Ifakkar fl-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali li jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-kunflitti ta' interess tiġi applikata fil-każijiet kollha u għal kulħadd;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta' kontroll biex tindirizza l-kwistjoni tal-kunflitti ta' interess fl-Istati Membri u tistabbilixxi l-prevenzjoni attiva tal-kunflitti ta' interess bħala waħda mill-prijoritajiet tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tintervjeni b'mod deċiż, speċjalment meta l-awtoritajiet nazzjonali jonqsu milli jieħdu azzjoni biex jimpedixxu l-kunflitti ta' interess tal-ogħla rappreżentanti tagħhom;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni dwar din il-kwistjoni mingħajr dewmien, abbażi tal-opinjoni tas-Servizz Legali tagħha wara l-ilment imressaq minn Transparency International fir-Repubblika Ċeka, u timplimenta l-miżuri korrettivi u l-proċeduri meħtieġa biex titranġa kwalunkwe sitwazzjoni illegali li jista' jkun hemm, fosthom miżura biex il-finanzjament kollu tal-UE lill-grupp Agrofert jiġi sospiż sa meta l-kunflitt ta' interess ikun ġie investigat u solvut għalkollox;

9.  Jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u l-uffiċjali governattivi kollha japplikaw b'mod proattiv ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid, b'mod partikolari l-Artikolu 61 dwar il-kunflitti ta' interess, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni tal-UE, dik tal-Istati Membri tagħha, lid-demokrazija u l-interessi finanzjarji tal-UE, u biex dan iservi ta' eżempju ta' ħidma għall-ġid pubbliku u mhux għall-gwadann personali;

10.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri jiżguraw li l-ebda leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess ma tmur kontra l-ittra u l-ispirtu tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid;

11.  Jieħu nota tal-opinjoni mħejjija mis-Servizz Legali tal-Kummissjoni dwar il-kunflitt ta' interess li seta' kellu l-Prim Ministru Ċek attwali, is-Sur Babiš, fir-rwol tiegħu ta' Ministru tal-Finanzi fl-2014; jesiġi li l-Kummissjoni tinvestiga bis-sħiħ il-legalità tas-sussidji kollha tal-UE mħallsa lill-grupp Agrofert mindu s-Sur Babiš ingħaqad mal-Gvern Ċek, filwaqt li tqis ir-Regolament Finanzjarju preċedenti applikabbli qabel it-2 ta' Awwissu 2018 u t-taqsima tiegħu dwar il-kunflitti ta' interess;

12.  Jitlob li l-Kummissjoni tippubblika d-dokumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha b'rabta mal-possibbiltà ta' kunflitt ta' interess tal-Prim Ministru Ċek u l-Ministru tal-Agrikoltura, u tispjega x'passi beħsiebha tieħu biex tirranġa s-sitwazzjoni;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirkupra l-fondi kollha li tħallsu illegalment jew b'mod irregolari;

14.  Jinsisti fuq trasparenza sħiħa dwar kwalunkwe konnessjoni li s-Sur Babiš jista' jkollu mal-grupp Agrofert, u li dawn ir-rabtiet ma jridux ifixklu r-rwol tiegħu bħala Prim Ministru tar-Repubblika Ċeka;

15.  Jistieden lill-Kunsill jieħu l-miżuri kollha meħtieġa u xierqa biex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess fil-kuntest tan-negozjati dwar il-baġit futur tal-UE u l-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, bi qbil mal-Artikolu 61(1) tar-Regolament Finanzjarju;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Ċeka.

 

 

(1)

ĠU L 246, 14.9.2016, p. 1, ĠU L 252, 29.9.2017, p. 1, u ĠU L 248, 3.10.2018, p. 1.

(2)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(3)

ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(5)

Ismeri Europa Srl vs Il-Qorti tal-Awdituri, Sentenza tal-15.6.1999, Kawża T-277/97, ECLI:EU:T:1999:124.

(6)

ĠU L 252, 29.9.2017, p. 28.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2018)0121.

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Diċembru 2018Avviż legali