Proċedura : 2019/2511(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0056/2019

Testi mressqa :

RC-B8-0056/2019

Dibattiti :

PV 17/01/2019 - 8.1
CRE 17/01/2019 - 8.1

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2019 - 21.9
PV 17/01/2019 - 10.1
CRE 17/01/2019 - 10.1

Testi adottati :

P8_TA(2019)0033

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 162kWORD 55k
16.1.2019
PE631.652v01-00}
PE631.654v01-00}
PE631.655v01-00}
PE631.659v01-00}
PE631.660v01-00}
PE631.662v01-00} RC1
 
B8-0056/2019}
B8-0058/2019}
B8-0059/2019}
B8-0063/2019}
B8-0064/2019}
B8-0066/2019} RC1

imressqa skont l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8-0056/2019 (Verts/ALE)

B8-0058/2019 (EFDD)

B8-0059/2019 (ECR)

B8-0063/2019 (ALDE)

B8-0064/2019 (S&D)

B8-0066/2019 (PPE)


dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari l-każ ta' Mehman Huseynov (2019/2511(RSP))


Cristian Dan Preda, Željana Zovko, Elmar Brok, Pavel Svoboda, Eduard Kukan, Milan Zver, Jarosław Wałęsa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Krzysztof Hetman, Jaromír Štětina, Elisabetta Gardini, Csaba Sógor, Patricija Šulin, Romana Tomc, Luděk Niedermayer, Michaela Šojdrová, Tunne Kelam, Bogusław Sonik, Lorenzo Cesa, Marijana Petir, Dubravka Šuica, Sandra Kalniete, Seán Kelly, Ivana Maletić, Andrey Kovatchev, Stanislav Polčák, Laima Liucija Andrikienė, Deirdre Clune, Francis Zammit Dimech, Jiří Pospíšil, Anna Záborská f'isem il-Grupp PPE
Elena Valenciano, Pier Antonio Panzeri, Ana Gomes f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Jana Žitňanská, Valdemar Tomaševski, Ruža Tomašić, Branislav Škripek f'isem il-Grupp ECR
Marietje Schaake, Izaskun Bilbao Barandica, Mirja Vehkaperä, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Gérard Deprez, Nadja Hirsch, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Johannes Cornelis van Baalen, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström f'isem il-Grupp ALDE
Rebecca Harms, Heidi Hautala, Jordi Solé, Indrek Tarand f'isem il-Grupp Verts/ALE
Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi, Ignazio Corrao f'isem il-Grupp EFDD

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Ażerbajġan, b'mod partikolari l-każ ta' Mehman Huseynov (2019/2511(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fl-Ażerbajġan, b'mod partikolari dawk tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar il-każ tal-ġurnalist Ażerbajġani Afgan Mukhtarli(1), tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-Ażerbajġan(2) u tat-18 ta' Settembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-Azerbajġan(3),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2018 lill-Kunsill, il-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar il-Ftehim Komprensiv UE-Ażerbajġan(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Politika Ewropea tal-Viċinat, b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2017 dwar il-korruzzjoni u d-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(6),

–  wara li kkunsidra l-15-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni (KPK) UE-Ażerbajġan, li saret f'Baku mis-7 sat-8 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni UE-Ażerbajġan tal-1996 u l-adozzjoni mill-Kunsill, fl-14 ta' Novembru 2016, ta' mandat għall-Kummissjoni u l-VP/RGħ biex jinnegozjaw ftehim komprensiv mal-Ażerbajġan, u l-bidu tan-negozjati dwar il-ftehim imsemmi hawn fuq fis-7 ta' Frar 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ tas-7 ta' Marzu 2017 dwar is-sentenza mogħtija lil Mehman Huseynov fl-Ażerbajġan,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-rigward tal-Libertà tal-Espressjoni Online u Offline,

–  wara li kkunsidra l-aħħar rapport tal-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni Arbitrarja rigward il-missjoni tiegħu fl-Ażerbajġan lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Mehman Huseynov, blogger kontra l-korruzzjoni u direttur tal-Istitut għal-Libertà u s-Sikurezza tar-Reporters (IRFS), qed jiskonta sentenza ta' sentejn ħabs wara l-kundanna tiegħu fit-3 ta' Marzu 2017 talli lmenta pubblikament dwar l-esperjenzi tiegħu ta' trattament ħażin u tortura mill-pulizija, kif ukoll talli kkritika lil uffiċjali tal-gvern billi espona l-ġid tagħhom li m'għandhomx spjegazzjoni għalih;

B.  billi s-Sur Huseynov, li għandu jinħeles f'Marzu 2019, qed jiffaċċja l-possibbiltà ta' sentenza addizzjonali ta' bejn ħames snin u seba' snin ħabs, l-ewwel għal akkużi ta' "użu ta' vjolenza perikoluża għall-ħajja jew għas-saħħa ta' persuna ta' awtorità" skont l-Artikolu 315.2, iżda li mbagħad inbidel għall-Artikolu 317.2 li jikkonċerna "użu ta' vjolenza mhux perikoluża għall-ħajja jew għas-saħħa ta' impjegati tal-awtorità eżekuttiva jew penali jew ta' inkwirenti";

C.  billi s-Sur Huseynov huwa akkużat li attakka lil gwardjan tal-ħabs biex jevita kontroll ta' rutina fis-26 ta' Diċembru 2018; billi, wara l-allegat attakk, intbagħat f'reklużjoni mingħajr id-dritt li jkellem lill-avukat tiegħu; billi fit-28 ta' Diċembru s-Sur Huseynov beda strajk tal-ġuħ biex jipprotesta kontra dawn it-tentattivi biex is-sentenza tiegħu tiġi estiża u kontra l-akkużi potenzjali ġodda; billi fit-30 ta' Diċembru l-kundizzjoni tas-saħħa tal-blogger iddeterjorat u ħassu ħażin; billi wara insistenza minn qrabatu, waqqaf l-istrajk tal-ġuħ u beda jixrob il-likwidi; billi fl-10 ta' Jannar 2019 id-Delegazzjoni tal-UE għall-Ażerbajġan setgħet iżżuru u ġie kkonfermat li kien qed jingħata assistenza medika;

D.  billi dan mhuwiex każ iżolat, u kien hemm każijiet oħra li fihom l-awtoritajiet ressqu akkużi ġodda kontra priġunieri politiċi li s-sentenzi ta' ħabs kurrenti tagħhom ikunu waslu biex jispiċċaw; billi, skont il-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant, dan huwa l-ħames każ ta' dan it-tip li seħħ fix-xhur riċenti;

E.  billi fl-4 ta' Jannar 2019, il-Qorti Distrettwali ta' Nizami, f'Baku, tat deċiżjoni dwar il-kastig amministrattiv ta' dawk li kienu ħadu sehem fil-protesta kontra l-każ kriminali l-ġdid kontra s-Sur Huseynov, jiġifieri Mete Turksoy, Afghan Sadigov, Nurlan Gahramanli, Elimkhan Aghayev, Sakhavat Nabiyev, Ismayil Islamoghlu, Goshgar Ahmadov,Yashar Khaspoladov, Farid Abdinov, Elchin Rahimzade, Orkhan Mammadov, Bakhtiyar Mammadli, Fatima Movlamli, Matanat Mahmurzayeva u Parvin Abishova; billi l-akkużati kollha nstabu ħatja skont l-Artikolu 513.2 (ksur tar-regoli biex isiru rallies, pickets u dimostrazzjonijiet) tal-Kodiċi ta' Reati Amministrattivi;

F.  billi ma sar ebda progress sostanzjali fir-rigward tal-ambjent medjatiku u l-libertà tal-espressjoni fl-Ażerbajġan; billi l-Ażerbajġan huwa kklassifikat fil-163 post fost 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa 2018 ippubblikat minn Reporters Mingħajr Fruntieri; billi bħalissa 10 ġurnalisti qed jiskontaw sentenzi ta' ħabs fl-Ażerbajġan;

G.  billi diversi siti web u portals tal-media indipendenti għadhom imblukkati u inaċċessibbli fil-pajjiż, inklużi Azadliq Radio (Radio Free Europe/Radio Liberty Azerbaijan Service) u s-servizz internazzjonali tiegħu, Radio Free Europe Radio Liberty, il-gazzetta Azadliq (ebda rabta ma' Azadliq Radio), Meydan TV, u Azerbaijan Saadi (Azerbaijan Hour), fost oħrajn; billi lejn tmiem l-2017 u l-bidu tal-2018, għexieren ta' ċittadini Ażerbajġani ġew interrogati minħabba kummenti ta' kritika fuq Facebook, jew sempliċement talli għamlu "Like" għal status fuq il-media soċjali, jew talli kklikkjaw "attend" għal rallies politiċi,

H.  billi f'Diċembru 2018 il-Qorti Ekonomika u Amministrattiva ta' Baku ordnat lill-ġurnalista investigattiva Khadija Ismayilova tħallas multa ta' aktar minn EUR 23 000 għal allegat każ ta' evażjoni tat-taxxa fuq l-introjtu li jinvolvi lil Radio Free Europe, fejn ħadmet bħala editur u qatt ma kellha kariga ta' rappreżentant legali; billi l-avukat tagħha, Yalchin Imanov, huwa fost dawk li tneħħew mill-elenku tal-assoċjazzjoni tal-avukatura Ażerbajġana; billi fl-10 ta' Jannar 2019 il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tat deċiżjoni dwar l-ilment imressaq mis-Sa Ismayilova kontra l-Gvern tal-Ażerbajġan b'rabta mat-tixrid ta' videos li jikkonċernaw il-ħajja privata ta' Khadija, u ddeċidiet li d-drittijiet tagħha nkisru skont l-Artikoli 8 (rispett tal-ħajja privata u tal-familja) u 10 (libertà ta' espressjoni) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

I.  billi l-emendi introdotti fil-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili u Amministrattiva u l-Att dwar l-Avukatura fl-2017 jipprojbixxu lill-avukati prattikanti li mhumiex membri tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura milli jidhru l-qorti u jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom; billi din ir-regola l-ġdida tolqot lil bosta avukati li jirrappreżentaw membri tal-oppożizzjoni u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem li tneħħew mill-elenku tal-avukati jew li qed jiffaċċjaw miżuri dixxiplinari;

J.  billi l-Ażerbajġan huwa membru tal-Kunsill tal-Ewropa u għalhekk impenja ruħu li jirrispetta l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; billi ż-żewġ korapporteurs għall-Ażerbajġan tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) u l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa esprimew tħassib kbir dwar l-akkużi l-ġodda mressqa kontra s-Sur Huseynov; billi l-istess tħassib ġie espress mir-Rappreżentant tal-OSKE dwar il-Libertà tal-Media;

K.  billi fil-11 ta' Lulju 2018 l-UE u l-Ażerbajġan iffinalizzaw il-Prijoritajiet ta' Sħubija tagħhom, li stabbilew il-prijoritajiet politiċi konġunti biex jiggwidaw u jsaħħu s-sħubija bejn l-UE u l-Ażerbajġan tul is-snin li ġejjin;

1.  Jappella għall-ħelsien immedjat u bla kundizzjonijiet ta' Mehman Huseynov, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Ażerbajġani jwaqqgħu l-akkużi ġodda kollha kontrih; jesprimi tħassib dwar saħħtu li għaliha l-awtoritajiet iridu jipprovdu l-assistenza medika professjonali kollha meħtieġa u jippermettu aċċess regolari lill-familja tiegħu u lill-konsulent legali soġġett għas-sigriet professjonali;

2.  Jappella biex jintemm it-trażżin tal-protesti min-naħa tal-Ażerbajġan, u jappella għall-ħelsien mill-ħabs immedjat u bla kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha, inklużi l-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti oħra tas-soċjetà ċivili, inkluż, iżda mhux biss, Afgan Mukhtarli, Ilkin Rustamzadeh, Rashad Ramazanov, Seymur Hazi, Giyas Ibrahimov, Mehman Huseynov, Bayram Mammadov, Araz Guliyev, Tofig Hasanli, Ilgiz Qahramanov u Afgan Sadygov, u jappella biex l-akkużi kollha kontrihom jitwaqqgħu, u biex jerġgħu jingħataw bis-sħiħ id-drittijiet politiċi u ċivili tagħhom;

3.  Jilqa' l-ħelsien fl-Ażerbajġan ta' diversi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, membri tal-oppożizzjoni u attivisti ta' profil għoli tul dawn l-aħħar snin; jistieden lill-awtoritajiet Ażerbajġani jiżguraw il-moviment liberu ta' dawk li jiffaċċjaw restrizzjonijiet, inklużi Ilgar Mammadov, Intigam Alyiev, Khadija Ismayilova, u ġurnalisti oħra, u jħallihom jaħdmu liberament; jesprimi tħassib dwar l-akkużi kriminali ġodda mressqa kontra s-Sa Ismayilova u jitlob li jitwaqqgħu;

4.  Ifakkar lill-Ażerbajġan fl-obbligi tiegħu li joriġinaw mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u jistieden lill-awtoritajiet Ażerbajġani jirrispettaw u jinforzaw bis-sħiħ id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

5.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Ażerbajġan jikkoopera u jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll il-proċeduri speċjali fir-rigward tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżgura li l-grupp u l-attivisti indipendenti tas-soċjetà ċivili jistgħu joperaw liberament u mingħajr restrizzjoni, anke permezz tal-emenda tal-liġijiet li jirrestrinġu severament il-finanzjament tas-soċjetà ċivili;

6.  Jistieden lill-Ażerbajġan jiggarantixxi bis-sħiħ il-libertà tal-istampa u tal-media, kemm fil-leġiżlazzjoni kif ukoll fil-prattika, kemm online kif ukoll offline, biex jiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni skont l-istandards internazzjonali;

7.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ażerbajġani jiżguraw l-indipendenza de facto tal-Assoċjazzjoni tal-Avukatura mill-eżekuttiv; jinsisti li l-avukati li jipprattikaw b'mod indipendenti jitħallew ikomplu jipprattikaw u jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom skont il-prokura notarili, u jappella biex tintemm it-tneħħija arbitrarja mill-elenku tal-avukati li jirrappreżentaw lil membri tal-oppożizzjoni u attivisti tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Jesprimi tħassib dwar allegazzjonijiet li jinvolvu lil diversi membri tal-PACE u l-allegati tentattivi li jiġu influwenzati dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet f'livell Ewropew permezz ta' mezzi illeċiti bil-għan li jfixklu l-kritika ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fl-Ażerbajġan;

9.  Jesprimi tħassib dwar is-sitwazzjoni tal-persuni LGBTI fl-Ażerbajġan u jistieden lill-Gvern Ażerbajġani ma jibqax jostakola u jintimida d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu u jipproteġu d-drittijiet tal-persuni LGBTI;

10.  Jissottolinja l-importanza tal-ftehim il-ġdid bejn l-UE u l-Ażerbajġan; jenfasizza li r-riformi demokratiċi, l-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu fiċ-ċentru tal-ftehim il-ġdid; jenfasizza li se jimmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni matul in-negozjati dwar ftehim ġdid qabel jieħu d-deċiżjoni li jagħti l-kunsens tiegħu lill-ftehim;

11.  Jistieden lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jiżguraw li l-ħelsien tas-Sur Huseynov u tal-priġunieri politiċi l-oħra kollha fl-Ażerbajġan jibqa' prijorità fir-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u l-Ażerbajġan;

12.  Iħeġġeġ lid-delegazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri fl-Ażerbajġan jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex jappoġġaw u jassistu lill-priġunieri politiċi, lir-reporters u lill-bloggers, lill-attivisti kontra l-korruzzjoni, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-membri tas-soċjetà ċivili;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kummissjoni, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Ażerbajġan, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-OSKE.

(1)

ĠU C 331, 18.9.2018, p. 105.

(2)

ĠU C 316, 22.9.2017, p. 207.

(3)

ĠU C 234, 28.6.2016, p. 2.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2018)0294.

(5)

ĠU C 356, 4.10.2018, p. 130.

(6)

ĠU C 337, 20.9.2018, p. 82.

(7)

Rapport A/HRC/36/37/Add.1 tat-2 ta' Awwissu 2017.

Aġġornata l-aħħar: 16 ta' Jannar 2019Avviż legali