Proċedura : 2019/2543(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : RC-B8-0082/2019

Testi mressqa :

RC-B8-0082/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2019 - 9.16
CRE 31/01/2019 - 9.16

Testi adottati :

P8_TA(2019)0061

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI KONĠUNTA
PDF 152kWORD 53k
30.1.2019
PE631.683v01-00}
PE631.684v01-00}
PE631.685v01-00}
PE631.686v01-00} RC1
 
B8-0082/2019}
B8-0083/2019}
B8-0084/2019}
B8-0085/2019} RC1

imressqa skont l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura

li tissostitwixxi l-mozzjonijiet għal riżoluzzjoni li ġejjin:

B8‑0082/2019 (PPE)

B8‑0083/2019 (ECR)

B8‑0084/2019 (ALDE)

B8‑0085/2019 (S&D)


dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))


Manfred Weber, Esteban González Pons, José Ignacio Salafranca Sánchez‑Neyra, Luis de Grandes Pascual, Cristian Dan Preda, David McAllister, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Paulo Rangel, Nuno Melo, Gabriel Mato, José Inácio Faria, Francisco José Millán Mon, Cláudia Monteiro de Aguiar, Fernando Ruas, Ivan Štefanec, Eduard Kukan, Tunne Kelam, Antonio López‑Istúriz White, Maria Spyraki f'isem il-Grupp PPE
Ramón Jáuregui Atondo, Francisco Assis f'isem il-Grupp S&D
Charles Tannock, Monica Macovei, Ruža Tomašić, Pirkko Ruohonen‑Lerner f'isem il-Grupp ECR
Javier Nart, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Enrique Calvet Chambon, Dita Charanzová, Gérard Deprez, María Teresa Giménez Barbat, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Valentinas Mazuronis, Gesine Meissner, Ulrike Müller, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Pavel Telička, Ivo Vajgl, Renate Weber f'isem il-Grupp ALDE
EMENDI

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2019/2543(RSP))  

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Venezwela, b'mod partikolari dawk tat-3 ta' Mejju 2018 dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela(1), tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi tal-migrazzjoni u s-sitwazzjoni umanitarja fil-Venezwela u fuq il-fruntieri tal-art tagħha mal-Kolombja u l-Brażil(2) u tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Jannar 2019 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) f'isem l-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Jannar 2019 tal-VP/RGħ f'isem l-UE,

–  wara li kkunsidra l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI),

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikolu 233 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet tal-20 ta' Mejju 2018 saru mingħajr ma kienu konformi mal-istandards minimi internazzjonali għal proċess kredibbli u naqsu milli jirrispettaw il-pluraliżmu politiku, id-demokrazija, it-trasparenza u l-istat tad-dritt; billi l-UE, flimkien ma' organizzazzjonijiet reġjonali u ma' pajjiżi demokratiċi oħra, ma rrikonoxxiet la l-elezzjonijiet u lanqas l-awtoritajiet li ħadu l-kariga permezz ta' dan il-proċess illeġittimu;

B.  billi, fl-10 ta' Jannar 2019, Nicolás Maduro ħa f'idejh b'mod illeġittimu l-poter presidenzjali quddiem il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja, bi ksur tal-ordni kostituzzjonali;

C.  billi fit-23 ta' Jannar 2019, il-President tal-Assemblea Nazzjonali elett b'mod leġittimu u demokratiku, Juan Guaidó, ħa l-ġurament tal-ħatra bħala l-president interim tal-Venezwela, f'konformità mal-Artikolu 233 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela;

D.  billi fil-Venezwela saru protesti u dimostrazzjonijiet massivi f'dawn l-aħħar jiem; billi qed jiġu rrappurtati għaxriet ta' mwiet u diversi mijiet ta' nies midruba fil-kuntest ta' dimostrazzjonijiet u taqlib; billi nies għadhom jinqatlu u jindarbu u għadhom iseħħu vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem, li jirriżultaw minn atti ta' vjolenza u repressjoni fil-konfront ta' protesti soċjali, tfittxijiet illegali, arresti arbitrarji, inklużi dawk ta' aktar minn 70 minorenni, flimkien ma' stigmatizzazzjoni u persekuzzjoni ta' attivisti tal-oppożizzjoni; billi ssejħu protesti ġodda għal din il-ġimgħa li għaddiet;

E.  billi l-UE ripetutament appellat biex il-Venezwela terġa' lura lejn id-demokrazija u l-istat tad-dritt permezz ta' proċess politiku kredibbli;

F.  billi, fl-2017, il-Parlament Ewropew ta l-Premju Sakharov tal-Libertà tal-Ħsieb tiegħu lill-oppożizzjoni demokratika u lill-priġunieri politiċi fil-Venezwela;

G.  billi l-popolazzjoni Venezwelana qed tiffaċċja kriżi soċjali, ekonomika u demokratika bla preċedent, hekk li aktar minn 3 miljun persuna emigraw u r-rata tal-inflazzjoni qabżet il-1 650 000 %;

H.  billi s-sħab internazzjonali u reġjonali, fosthom l-UE, impenjaw ruħhom li jgħinu fil-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal proċess politiku paċifiku, kredibbli u inklużiv fost l-atturi Venezwelani kollha rilevanti; billi l-UE tenniet ir-rieda tagħha li żżomm il-kanali tal-komunikazzjoni miftuħa;

I.  billi Nicolás Maduro ċaħad pubblikament il-possibbiltà li jsejjaħ elezzjonijiet presidenzjali ġodda b'risposta għat-talba tal-VP/RGħ f'isem l-UE għaż-żamma urġenti ta' elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli;

1.  Jirrikonoxxi lis-Sur Guaidó bħala l-president interim leġittimu tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela skont il-Kostituzzjoni Venezwelana, kif iddikjarat fl-Artikolu 233 tagħha, u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-pjan direzzjonali tiegħu;

2.  Jitlob li l-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Istati Membri jadottaw pożizzjoni soda u magħquda, u jirrikonoxxu lil Juan Guaidó bħala l-uniku president interim leġittimu tal-pajjiż sa ma jkunu jistgħu jissejħu elezzjonijiet ħielsa, trasparenti u kredibbli ġodda biex ireġġgħu lura d-demokrazija; jilqa' l-fatt li ħafna stati demokratiċi diġà rrikonoxxew il-presidenza interim il-ġdida;

3.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha, jekk din id-deċiżjoni tiġi approvata, jaġixxu f'dan ir-rigward u jirrikonoxxu l-ħatra ta' dawk ir-rappreżentanti mill-awtoritajiet leġittimi;

4.  Jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni u l-vjolenza ħorox, li jwasslu biex persuni jinqatlu u jindarbu; jesprimi s-solidarjetà tiegħu man-nies tal-Venezwela kif ukoll il-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji u lill-ħbieb tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet de facto Venezwelani biex itemmu l-vjolazzjonijiet kollu tad-drittijiet tal-bniedem, u jiżguraw li dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom u li l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet tal-bniedem kollha jiġu rispettati bis-sħiħ;

5.  Jirrifjuta l-proposti jew tentattivi għal soluzzjoni tal-kriżi li jistgħu jimplikaw l-użu tal-vjolenza;

6.  Itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-Assemblea Nazzjonali, li hija l-uniku korp demokratiku leġittimu tal-Venezwela, u li l-poteri tagħha jeħtieġ li jitreġġgħulha u jiġu rispettati, inklużi l-prerogattivi u s-sikurezza tal-membri tagħha;

7.  Jappoġġja bil-qawwa t-talba tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li ssir investigazzjoni indipendenti u sħiħa dwar il-każijiet ta' qtil li twettqu, f'konformità mar-riżoluzzjonijiet tiegħu adottati preċedentement;

8.  Jitlob li l-VP/RGħ taħdem mal-pajjiżi fir-reġjun u ma' kwalunkwe attur ewlieni ieħor bil-għan li jinħoloq grupp ta' kuntatt, kif iddikjarat fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Ottubru 2018, li jista' jagħmilha ta' medjatur bil-ħsieb li jinbena ftehim dwar is-sejħa ta' elezzjonijiet presidenzjali ħielsa, trasparenti u kredibbli abbażi ta' kalendarju maqbul, kundizzjonijiet ugwali għall-atturi kollha, trasparenza u osservazzjoni internazzjonali;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President Interim leġittimu tar-Repubblika u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Grupp ta' Lima, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

(1)

Testi adottati, P8_TA(2018)0199.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2018)0313.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2018)0436.

Aġġornata l-aħħar: 31 ta' Jannar 2019Avviż legali